Merħba

fil-websajt tal-Karmelitani



PREŻENTAZZJONI

Illum kulħadd jaf bl-opportunitajiet kbar li joffri l-internet. Biżżejjed insemmu l-fatt li permezz ta’ din it-teknoloġija, l-istess paġna li bħalissa tinsab quddiemek, tista’ tinqara minn eluf ta’ nies mid-dinja kollha! Għaldaqstant l-internet hu mezz tajjeb ħafna biex bih naqdu aħjar il-missjoni evanġelizzatriċi tagħna, jiġifieri li nwasslu l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu lill-bnedmin kollha.

Il-Karmelitani Maltin minn dejjem urew imħabba speċjali lejn l-evanġelizzazzjoni tal-popli. Huma ddedikaw ħajjiethom għal dan l-għan u matul is-sekli ħafna minnhom offrew lilhom infushom bħala missjunarji f’pajjiżi ’l bogħod minn art twelidna. Filwaqt li din l-għotja għadha ħajja sal-lum, b’mod partikulari fil-missjoni tagħna tal-Bolivja, aħna l-Karmelitani qed naraw fl-internet okkażjoni oħra biex inkomplu niżviluppaw l-imħabba u l-ħeġġa tagħna lejn il-messaġġ ta’ Kristu u l-popli ta’ madwarna.

Permezz ta’ dan il-websajt aħna l-Karmelitani nixtiequ nidħlu f’kuntatt eqreb ma’ kull bniedem u noffrulu l-esperjenzi tal-ħajja tagħna, dak li qed iseħħ fil-familja tagħna, l-ispiritwalità ta’ dawk li ġew qabilna, l-ideal li qed nippruvaw ngħixu kull ġurnata fil-mixja tagħna wara Kristu. Nixtiequ noffru websajt ħaj, aġġornat, spazju ta’ djalogu, bil-parteċipazjoni ta’ kulħadd, b’kummenti, esperjenzi, suġġerimenti, eċċ.

Is-suċċess ta’ dan il-websajt ma jiddependix biss minni bħala webmaster jew mir-reliġjużi Karmelitani jew minnek li qed taqra, imma minna lkoll. Jalla l-Profeta Elija u l-Verġni Marija tal-Karmelu, il-mudelli ta’ ħajjitna fil-mixja tagħna wara Kristu, jgħinuna naqdu din il-missjoni b’fidi, tama u mħabba.

Anthony Cilia, O.Carm.,
Webmaster, 13 ta’ Ġunju 2005


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster