Kalendarju

X'ser jiġri matul .....


ĠUNJU 2008

12 ta’ Ġunju

Beatu Ilarjun Januszewski• Tifkira tal-Beatu Ilarjun Januszewski, Martri.
Patri Ilarjun Januszewski twieled f’Krajenki, Polonja, fil-11 ta’ Ġunju 1907. Ħaddan l-Ordni Karmelitan meta kien żagħżugħ. Intbagħad Ruma biex jagħmel l-istudji teoloġiċi. Meta rritorna pajjiżu kien maħtur pirjol. Fl-4 ta’ Diċembru 1940, fl-età ta’ 33 sena, kien arrestat minħabba l-fidi nisranija u meħud fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau (Ġermanja), fejn marad bit-tifu waqt li kien jassisti l-morda. Miet fil-25 ta’ Marzu 1945. Jibqa’ mfakkar għall-fidi u l-karità kbar tiegħu. (Ara)

14 ta’ Ġunju

Sant’Eliżew, Profeta• Tifkira ta’ Sant’Eliżew, Profeta.
“Elija resaq lejn Eliżew, u xeħet fuqu l-mantell tiegħu. Dan ħalla l-gniedes ….. u mar wara Elija, u beda jservih.” (1Slaten 19,19-21). Eliżew irċieva l-ispirtu ta’ Elija, u fost il-ħafna mirakli, fejjeaq lil Nagħman mill-ġdiem u qajjem tfajjel mill-mewt. Għex fost ulied il-profeti u ħafna drabi kien preżenti, f’isem Alla, fil-ġrajjiet tal-poplu Iżraelita.
L-Ordni Karmelitan, li għandu l-bidu tiegħu fuq l-Għolja tal-Karmelu, biċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-profeti l-kbar Elija u Eliżew, jixtieq iżomm ħaj it-tifkira tal-preżenza u l-ħajja tagħhom. Minħabba f’hekk il-Kapitlu Ġenerali ta’ l-1399 ħareġ digriet biex tkun iċċelebrata l-festa ta’ Sant’Eliżew. Għal żminijietna l-profeta huwa xhieda ħajja tal-kariżma profetika permezz tal-fedeltà lejn Alla l-veru u l-qadi tal-poplu tiegħu.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage