Jannar

Awwissu

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Kalendarju Karmelitan - Awwissu

 

 

Albert ta' Trapani

7 ta’ Awwissu

• Festa ta’ Sant’Albert ta’ Trapani, Presbiteru.

Albertu twieled fit-13-il seklu fi Trapani, Sqallija. Ta’ età zgħira daħal fl-Ordni Karmelitan fejn kien magħruf għall-predikazzjoni u għall-mirakli tiegħu. Fl-1296 sar Provinċjal ta’ Sqallija u miet f’Messina madwar is-sena 1307. Għadda ħajja magħquda ma’ Alla bit-talb u b’ħajja ta’ safa. Flimkien ma’ Sant’Anġlu ta’ Sqallija, huwa meqjus bħala l-ewwel qaddis Karmelitan.

 

Edith Stein9 ta’ Awwissu

• Festa ta’ Santa Tereża Benedetta tas-Salib, Martri u Patruna tal-Ewropa.

Twieldet Breslau fit-12 ta’ Ottubru 1891 mill-familja Lhudija Stein u tawha l-isem ta’ Edith. Fittxet bl-akbar ħerqa l-verità fl-istudji għolja tal-Filosofija, imma sabitha fil-qari tal-Ktieb tal-Ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù. Fl-1922 tgħammdet fil-Knisja Kattolika u fl-1933 daħlet mal-Karmelitani Skalzi ta’ Cologne. Mietet martri għall-fidi nisranija fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz, fejn ġiet mitfugħa f’kamra tal-gass u maħruqa fid-9 ta’ Awissu 1942. Kienet offriet lilha nfisha bħala debħa għall-poplu ta’ Iżrael. Mara ta’ moħħ miftuħ, kif ukoll ta’ għerf kbir, ħalliet bosta kitbiet ta’ tagħlim mill-aqwa u ta’ spiritwalità għolja.

 

Isidor Bakanja

12 ta’ Awwissu

• Tifkira tal-Beatu Isidor Bakanja, Martri.

Twieldet fit-13 ta’ Lulju 1900 f’Santiago fiċ-Ċilì mill-familja Fernandez Solar. Minn ċkunitha kienet imsaħħra minn Kristu. Fis-7 ta’ Mejju 1919 daħlet mas-Sorijiet Karmelitani Tereżjani ta’ Los Andes fejn tawha l-isem ta’ Tereża ta’ Ġesù. Għexet bl-akbar ferħ fil-Mulej u sempliċità kbira tal-qalb. Minħabba marda bikrija, għamlet il-Professjoni Reliġjuża qabel iż-żmien fuq is-sodda tal-mewt, li ġrat fit-12 ta’ April 1920.

 

Anġlu Mazzinghi17 ta’ Awwissu

• Tifkira tal-Beatu Anġlu Mazzinghi, Presbiteru.

Twieled f’Firenze (Italja), jew fl-inħawi tagħha, madwar is-sena 1386. Kien tal-ewwel li mexa wara r-riforma msejħa “Santa Maria delle Selve” fl-Ordni Karmelitan. Iktar minn darba ġie mlaħħaq Pirjol f’ħafna kunventi tal-Ordni. Iddedika ħajtu għall-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla. Miet f’Firenze fl-1438.

 

Marija ta' Ġesù Msallab

25 ta’ Awwissu

• Tifkira tal-Beata Marija ta’ Ġesù Msallab, Verġni.

Mariam Baouardy twieldet f’Abellin tal-Galilea, l-Art Imqaddsa, fil-5 ta’ Jannar 1846 minn familja Kattolika tar-rit Grieg-Melkita. Fl-1867 daħlet mas-sorijiet Karmelitani Skalzi tal-klawsura fil-belt ta’ Pau, Franza. Tlett snin wara kienet mibgħuta l-Indja flimkien ma’ xi sorijiet oħra biex iwaqqfu kunvent ġdid f’Mangalore. Fl-1872 Swor Marija ta’ Ġesù Msallab marret lura Franza minn fejn wara tliet snin marret ma’ grupp ieħor ta’ sorijiet biex iwaqqfu kunvent f’Betlem. Mietet fl-istess monasteru fis-26 ta’ Awissu 1878.Tibqa’ magħrufa għad-doni sopranaturali li kellha, b’mod speċjali għall-umiltà, id-devozzjoni lejn l-Ispirtu s-Santu u l-imħabba tagħha lejn il-Knisja u l-Papa.

 

Jacques Retouret26 ta’ Awwissu

• Tifkira tal-Beatu Jacques Retouret, Presbiteru u Martri.

Il-Beatu Jacques Retouret (1746-1794) jagħmel parti minn grupp ta’ 64 saċerdot, li jirrappreżentaw mijjiet ta’ saċerdoti u reliġjużi oħra, meħudin u mitfugħin bħall-annimali fuq vapuri mibdula f’ħabsijiet fil-bajja ta’ Rochefort, Franza, matul l-agħar żmien tar-Rivoluzzjoni Franċiza. Il-Beatu Jacques, meta sar jaf bil-falsità tal-ġurament lejn il-Kostituzzjoni Ċivili min-naħa tal-kleru, wera bil-miftuħ in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-Kostituzzjoni l-ġdida bil-konsegwenza li ġie meqjus għadu tal-poplu li kien qdieh bħala reliġjuż osservanti u predikatur mill-aqwa fil-kunvent tiegħu ta’ Limoges. Wara tbatijiet l-aktar ħarxa u nuqqas ta’ għajnuna spiritwali, magħkus l-aktar minħabba l-bard, il-Beatu Jacques miet bl-pesta fis-26 ta’ Awissu 1794 u midfun fuq il-gżira ta’ Madame.