Kalendarju

X'ser jiġri matul .....


LULJU 2008

1 ta’ Lulju

• Kappella ta’ Santa Luċija, in-Naxxar: Laqgħa u Quddiesa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani nisa.

2 ta’ Lulju

• Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, il-Gżira: Laqgħa u Quddiesa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Knisja tal-Madonna s-Samra, il-Ħamrun: Fit-3.45pm Rużarju, Talb mir-Regula, Quddiesa u Konferenza għat-Terzjarji Karmelitani.
• Knisja tal-Madonna tal-Karmnu, l-Imdina: Fl-4.30pm Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż-Żurrieq: Fil-5.00pm Laqgħa u Quddiesa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp, l-Imsida: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera, Santa Venera: Fil-5.15pm Għasar, Konferenza, Rużarju u Quddiesa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Bejn illum u l-5 ta’ Lulju se tiltaqa’ f’Malta s-seba’ laqgħa annwali tal-Carmelite Library Association, li se titmexxa mid-Delegat ta’ l-Ordni Karmelitan għall-istudji Patri Mark Attard, O.Carm. Se jieħdu sehem f’din il-laqgħa internazzjonali madwar tletin membru Karmelitan minn diversi pajjiżi.

3 ta’ Lulju

• Kappella ta’ Casa San Pietro, Ħal Lija: Fit-8.00am Laqgħa u Quddiesa għat-Terzjarji Karmelitani.

4 ta’ Lulju

Beata Maria Crocifissa Curcio• Tifkira tal-Beata Maria Crocifissa Curcio, Verġni.
Twieldet fit-30 ta’ Jannar 1877 f’Ispica (Ragusa), Sqallija, u ngħatat l-isem ta’ Rosa. Wara li temmet il-Grade 6, missierha bagħatha taħdem u tgħin lil ommha. Għatxana għat-tagħlim, kienet issib l-hena tagħha tqalleb il-kotba tal-librerija tal-familja, u qrat il-Ktieb tal-Ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù. Minn dan il-qari tgħallmet dwar il-Karmelu, hekk li din l-imħabba kienet isserrħilha qalbha u timliha b’ferħ li ma jitfissirx. Fl-1890, ta’ 13-il sena, saret membru tat-Terz Ordni Karmelitan, u mill-għarfien ta’ l-ispiritwalità karmelitana, bdiet tifhem x’kien qiegħed iħejji Alla għaliha. Minn Marija, l-Omm tal-Karmelu, ħasset li kienet irċeviet il-missjoni biex ixxerred il-Karmelu mhux biss f’pajjiżha, imma f’artijiet oħrajn ukoll. Kienet lesta toffri lilha nfisha biex l-umanità terġa’ lura lejn Alla. Fit-18 ta’ Mejju 1925, l-għada tal-Kanonizzazzjoni ta’ S. Tereża tal-Bambin Ġesù, flimkien ma’ P. Lorenzo van den Eerembeemt, Karmelitan bl-istess spirtu missjunarju, żaret ir-raħal ta’ Santa Marinella (Ruma), fejn aktar tard, fit-3 ta’ Lulju, bdiet tgħix flimkien ma’ xi xebbiet oħrajn. Ftit jiem wara, fis-16 ta’ Lulju, irċeviet il-konferma ta’ l-affiljazzjoni fl-Ordni Karmelitan u fl-1930 l-approvazzjoni ta’ l-Isqof ta’ Porto S. Rufina. Qabel temmet il-pellegrinaġġ tagħha fuq din l-art, fl-1947 Madre Crocifissa bagħtet l-ewwel erba’ sorijiet missjunarji fil-Brażil u fl-1957 l-ewwel sorijiet Maltin biex jiftħu dar f’Għawdex. Mietet f’Lulju 1957 f’Santa Marinella. (Ara: 1, 2)

• Knisja Parrokkjali Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani fl-Oratorju tal-Karmnu.

5 ta’ Lulju

• Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Balluta: Laqgħa u Quddiesa għall-irġiel u koppji Terzjarji Karmelitani fiċ-Ċentru Parrokkjali.

6 ta’ Lulju

• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys.
• Tibda n-novena tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Bażilka tal-Belt Valletta.

7 ta’ Lulju

• Knisja tal-Madonna tal-Ħerba, B’Kara: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani: Fl-4.45pm Rużarju, Talb mir-Regula, Quddiesa u Konferenza.
• Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar: Fis-6.00pm Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Balluta: Laqgħa u Quddiesa għan-nisa Terzjarji Karmelitani fiċ-Ċentru Parrokkjali.

8 ta’ Lulju

• Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, Fleur-de-lys: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani.

Beata Ġovanna Scopelli9 ta’ Lulju

• Tifkira tal-Beata Ġovanna Scopelli, Verġni.
Twieldet f’Reggio Emilia fis-sena 1428. Saret soru karmelitana u għall-ewwel għexet f’darha, u mbagħad fil-monasteru mwaqqaf minnha stess fil-belt fejn twieldet. Fil-monasteru kellha l-uffiċċju ta’ superjura u kienet magħrufa għad-devozzjoni li kellha lejn il-Verġni Marija. Mietet fl-1491.

13 ta’ Lulju

Santa Tereża ta’ Ġesù ta’ Los Andes• Tifkira ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù ta’ Los Andes, Verġni.
Twieldet fit-13 ta’ Lulju 1900 f’Santiago fiċ-Ċilì mill-familja Fernandez Solar. Minn ċkunitha kienet imsaħħra minn Kristu. Fis-7 ta’ Mejju 1991 daħlet mas-Sorijiet Karmelitani Tereżjani ta’ Los Andes fejn tawha l-isem ta’ Tereża ta’ Ġesù. Għexet bl-akbar ferħ fil-Mulej u sempliċità kbira tal-qalb. Minħabba marda bikrija, għamlet il-Professjoni Reliġjuża qabel iż-żmien fuq is-sodda tal-mewt, li ġrat fit-12 ta’ April 1920. Xempju għaż-żgħażagħ, hija l-ewwel Beata Ċilena u l-ewwel Beata tal-Karmelu fl-Amerika Latina.

• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Parroċċa tal-Fgura.

16 ta’ Lulju

• Tifkira Solenni ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija tal-Karmnu.
L-Imqaddsa Verġni Marija tal-KarmnuIl-Kotba Mqaddsa jfaħħru s-sbuħija ta’ l-Għolja tal-Karmel, fejn il-Profeta Elija mar iħares is-safa tat-twemmin ta’ Israel f’Alla l-Ħaj. Hawn, ħdejn l-għajn li ħadet isimha minn dan il-Profeta, xi rħieb, fl-aħħar tas-seklu tnax, waqqfu l-għamara tagħhom u bnew oratorju għall-qima ta’ Omm Alla, hekk li bdew jissejħu l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Marija ta’ l-Għolja tal-Karmel, u lilha għażlu bħala Titular u Patruna tagħhom. Għalhekk lilha żammew bħala Omm u Xempju biex jgħixu l-ħajja kontemplattiva u biex iwasslu l-għana ta’ l-għaqda ma’ Alla lil ħuthom il-bnedmin. It-Tifkira Solenni, li ’l hawn u ’l hinn kienet diġà tiġi ċċelebrata fis-seklu erbatax, bil-mod il-mod xterdet ma’ l-Ordni kollu bħala sinjal ta’ ħajr ta’ dawn l-Aħwa għall-benefiċċji bla għadd mogħtija mill-Imqaddsa Omm Alla lill-Familja Karmelitana. (Ara: 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7)

• Ċelebrazzjoni Solenni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Bażilka tal-Belt Valletta. Fid-9.15 a.m. tibda l-Quddiesa tal-Festa mmexxija mill-W.Rev. Patri Alexander Vella, O.Carm., Prijol Provinċjali, bis-sehem tar-reliġjużi Karmelitani. Fis-6.45 p.m. toħroġ il-Purċissjoni-pellegrinaġġ mat-toroq tal-Belt bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu.

17 ta’ Lulju

Beata Tereża ta’ S. Wistin u Sħabha• Tifkira tal-Beata Tereża ta’ S. Wistin u Sħabha, Verġni u Martri.
Hekk kif ir-Rivoluzzjoni Franċiża bdiet tidher ixxaqleb għall-agħar, is-sittax-il Karmelitana Tereżjana tal-monasteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ Compiegne offrew lilhom infushom bħala vittma ta’ sagrifiċċju lil Alla, biex iberrdu l-ġustizzja divina u jaqilgħu l-paċi għall-Knisja. Fl-24 ta’ Ġunju 1794 ġew maqbuda u mkaxkrin il-ħabs, fejn għaġġbu lill-oħrajn bil-ferħ ta’ l-ispirtu u t-telqa sħiħa tagħhom f’Alla, waqt li bdew iħeġġu lill-ħabsin kollha jimtlew bil-qawwa billi jemmnu fl-imħabba ta’ Alla. Ġew ikkundannati għall-mewt minħabba l-fedeltà sħiħa tagħhom lejn il-Knisja u lejn il-ħajja reliġjuza, kif ukoll minħabba d-devozzjoni kbira li kellhom lejn il-Qalb ta’ Ġesù u ta’ Marija. Fis-17 ta’ Lulju 1794, wara li ġeddu l-wegħdiet tal-Professjoni Reliġjuża f’idejn Tereża ta’ Santu Wistin, flimkien magħha ġew maqtula f’Pariġi waqt li bdew ikantaw innijiet lil Alla u lill-Madonna.

20 ta’ Lulju

Sant’Elija Profeta• Solennità ta’ Sant’ Elija Profeta, Missier l-Ordni u Protettur tal-Provinċja Karmelitana Maltija.
Fil-Kotba Mqaddsa Elija l-Profeta jidher bħala l-bniedem ta’ Alla li dejjem qagħad quddiem il-Mulej u ssielet bl-akbar ħeġġa għall-qima ta’ Alla veru u waħdieni. Huwa ħares id-drittijiet ta’ Alla quddiem il-poplu kollu f’taqbida kbira fuq l-Għolja tal-Karmel; u fuq il-muntanja Ħoreb ngħata l-esperjenza intima ta’ Alla l-Ħaj. L-ewwel irħieb, li fis-seklu tnax ġeddu l-għamla ta’ ħajja reliġjuża f’ġieħ il-Verġni Marija fuq l-Għolja tal-Karmel, imxew fuq it-tradizzjoni monastika billi ħarsu lejn dan il-Profeta kbir biex ifasslu ħajjithom fuq tiegħu, waqt li jagħtu qima speċjali lil Omm Alla. (Ara: 1, 2, 3, 4, 5)

• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina.

24 ta’ Lulju

Beatu Ġwann Soreth• Tifkira tal-Beatu Ġwann Soreth, Saċerdot.
Twieled f’Caen fin-Normandija fl-1394 u f’żgħożitu daħal fl-Ordni Karmelitan. F’Pariġi ħa l-lawrja ta’ Duttur fit-Teoloġija; laħaq Prefett ta’ l-istudji u mbagħad Provinċjal ta’ Franza. Fl-1451 intgħażel Pirjol Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan, u hekk baqa’ sa mewtu li ġrat f’Angers fl-1471. Ħadem ħafna biex ixerred u jġedded l-osservanza reliġjuża, kiteb kummentarju mill-isbaħ fuq ir-Regula, ġedded u xandar il-Kostituzzjonijiet fl-1462; għen ħafna fit-twaqqif tas-Sorijiet Karmelitani u fit-tixrid tat-Terz Ordni. (Ara personaggi 12f)

26 ta’ Lulju

Sant’Anna u S. Ġwakkin• Tifkira ta’ Sant’Anna u S. Ġwakkin, ġenituri tal-Verġni Marija, Protetturi ta’ l-Ordni Karmelitan.
Skond tradizzjoni antika sa mis-seklu 2, dawn kienu l-ismijiet tal-ġenituri tal-Verġni Marija. Fis-seklu 6, Sant’Anna kienet ġa meqjuma fil-Lvant, u fis-seklu 10 l-kult tagħha xtered fil-Punent ukoll, waqt li dak ta’ S. Ġwakkin hu aktar riċenti. L-Ordni Karmelitan hu Ordni kollu kemm hu Marjan u mqiegħed taħt il-patroċinju tal-Verġni Marija. Għalhekk iqim ukoll lil Sant’Anna u San Ġwakkin bħala protetturi sekondarji tiegħu flimkien ma’ S. Ġużepp, li hu l-protettur prinċipali, minħabba li huma lkoll qraba tal-Verġni Marija.

27 ta’ Lulju

• Tifkira tal-Beatu Titu Brandsma, Saċerdot u Martri.
Beatu Titu BrandsmaTwieled fir-raħal ta’ Bolsward fl-Olanda fl-1881. Daħal fl-Ordni Karmelitan, u fl-1905 ġie ordnat saċerdot. Wara li għallem liż-żgħażagħ ta’ art twelidu f’għadd ta’ skejjel, inħatar professur tal-filosofija u ta’ l-istorja tat-teoloġija mistika fl-Università Kattolika ta’ Nijmegen, li tagħha mbagħad laħaq ukoll Rettur Manifiku. Kien ħabrieki fil-ġurnaliżmu, hekk li fl-1935 l-Isqfijiet għażluh bħala Kunsillier għall-ġurnalisti kattoliċi ta’ l-Olanda. Dejjem imħejji biex igħin f’kollox u lil kulħadd, żamm ruħu fidil għat-tagħlim ta’ l-Evanġelju, l-aktar waqt l-okkupazzjoni nażista ta’ art twelidu. Tqabad kontra l-ideoloġija tan-nażi bit-tixrid ta’ l-istampa t-tajba, l-aktar biex iħares il-libertà ta’ l-iskejjel kattoliċi. Minħabba f’hekk ġie arrestat. Mibgħut f’ħabs wara ieħor, kull ħin kien ta’ faraġ u għajnuna lill-ħabsin sħabu, sakemm ħaduh lejn il-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau, fejn qatluh fis-26 ta’ Lulju 1942. (Ara)

• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Parroċċa tal-Balluta.
• Ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Santa Venera fil-Parroċċa ta’ Santa Venera.
• Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani rġiel.

31 ta’ Lulju

• Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, Fleur-de-lys: Irtir tax-xahar għat-Terzjarji Karmelitani f’waħda mill-knejjes tal-Parroċċa.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage