Kalendarju
Arkivju - X'sar fl-2005 (Lulju-Diċembru) .....
LULJU 2005
3 ta’ Lulju
• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys.
9 ta’ Lulju
• Tifkira tal-Beata Ġovanna Scopelli, Verġni
Twieldet f’Reggio Emilia fis-sena 1428. Saret soru Karmelitana u għall-ewwel għexet f’darha, u mbagħad fil-monasteru mwaqqaf minnha stess fil-belt fejn twieldet. Fil-monasteru kellha l-uffiċċju ta’ superjura u kienet magħrufa għad-devozzjoni li kellha lejn il-Verġni Marija. Mietet fl-1491.
10 ta’ Lulju
• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa tal-Fgura.
13 ta’ Lulju
• Tifkira ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù ta’ Los Andes, Verġni
Twieldet fit-13 ta’ Lulju 1900 f’Santiago fiċ-Ċili’ mill-familja Fernandez Solar. Minn ċkunitha kienet imsaħħra minn Kristu. Fis-7 ta’ Mejju 1991 daħlet mas-Sorijiet Karmelitani Tereżjani ta’ Los Andes, fejn tawha l-isem ta’ Tereża ta’ Ġesù. Għexet bl-akbar ferħ fil-Mulej u sempliċità kbira tal-qalb. Minħabba marda bikrija, għamlet il-Professjoni Reliġjuża qabel iż-żmien fuq is-sodda tal-mewt, li ġrat fit-12 ta’ April 1920. Xempju għaż-żgħażagħ, hija l-ewwel Beata Ċilena u l-ewwel Beata tal-Karmelu fl-Amerika Latina.
16 ta’ Lulju
• Tifkira Solenni ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija tal-Karmnu
Il-Kotba Mqaddsa jfaħħru s-sbuħija ta’ l-Għolja tal-Karmel, fejn il-Profeta Elija mar iħares is-safa tat-twemmin ta’ Israel f’Alla l-Ħaj. Hawn, ħdejn il-għajn li ħadet isimha minn dan il-Profeta, xi rħieb fi ħruġ is-seklu tnax waqqfu l-għamara tagħhom u bnew oratorju għall-qima ta’ Omm Alla, hekk li bdew jissejħu l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Marija ta’ l-Għolja tal-Karmel, u lilha għażlu bħala Titular u Patruna tagħhom. Għalhekk lilha żammew bħala Omm u Xempju biex igħixu l-ħajja kontemplattiva u biex iwasslu l-għana ta’ l-għaqda ma’ Alla lil ħuthom il-bnedmin. It-Tifkira Solenni, li ‘l hawn u ‘l hinn kienet diġà tiġi ċelebrata fis-seklu erbatax, bil-mod il-mod xterdet ma’ l-Ordni kollu bħala sinjal ta’ ħajr ta’ dawn l-Aħwa għall-benefiċċji bla għadd mogħtija mill-Imqaddsa Omm Alla lill-Familja Karmelitana.
• Ċelebrazzjoni Solenni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Bażilka tal-belt Valletta.
• F’dan il-jum għaziz għall-Ordni Karmelitan, il-Provinċjal, P. Alexander Vella, O.Carm., iħeġġeġ lill-membri kollha tal-Familja Karmelitana biex ta’ l-anqas jieħdu sehem f’waħda mill-funzjonijiet li ser isiru fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt: 15 ta’ Lulju, fis-7.00 p.m. - Translazzjoni; 16 ta’ Lulju, fid-9.15 a.m. - Quddiesa tal-Festa
bil-priedka mill-Kan. George Bezzina, Kappillan tal-Fontana,
u fis-7.00 p.m. - Purċissjoni-pellegrinaġġ mat-toroq tal-Belt
bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu.
Id-devoti kollha tal-Madonna tal-Karmnu huma mħeġġa mhux biss biex jieħdu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ ferħ għall-Familja tagħna imma wkoll li fuq l-eżempju ta’ Marija jqaddsu dan il-jum b’xi opri ta’ karità lejn min jinsab għaddej minn mumenti diffiċli.
17 ta’ Lulju
• Tifkira tal-Beata Tereża ta’ S. Wistin u Sħaba, Verġni u Martri
Hekk kif ir-Rivoluzzjoni Franċiża bdiet tidher ixxaqleb għall-agħar, is-sittax-il Karmelitana Tereżjana tal-monasteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ Compiegne offrew lilhom infushom bħala vittma ta’ sagrifiċċju lil Alla, biex iberrdu l-ġustizzja divina u jaqilgħu l-paċi għall-Knisja. Fl-24 ta’ Ġunju 1794 ġew maqbuda u mkaxkrin il-ħabs, fejn għaġġbu lill-oħrajn bil-ferħ ta’ l-ispirtu u t-telqa sħiħa tagħhom f’Alla, waqt li bdew iħeġġu lill-ħabsin kollha jimtlew bil-qawwa billi jemmnu fl-imħabba ta’ Alla. Ġew ikkundannati għall-mewt minħabba l-fedeltà sħiħa tagħhom lejn il-Knisja u lejn il-ħajja reliġjuza, kif ukoll minħabba d-devozzjoni kbira li kellhom lejn il-Qalb ta’ Ġesù u ta’ Marija. Fis-17 ta’ Lulju 1794, wara li ġeddu l-wegħdiet tal-Professjoni Reliġjuża f’idejn Tereża ta’ Santu Wistin, flimkien magħha ġew maqtula f’Pariġi waqt li bdew ikantaw innijiet lil Alla u lill-Madonna.
• Illum, fis-6.00 p.m., Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, ser ibierek il-Knisja Parrokkjali l-ġdida ta’ Santa Venera. Hija okkazjoni importanti għall-Provinċja Karmelitana kollha u b’mod speċjali għall-Vendriżi. Kull min jista’ huwa mħeġġeġ li jieħu sehem.
20 ta’ Lulju
• Solennità ta’ Sant’Elija Profeta, Missier l-Ordni u Protettur tal-Provinċja Karmelitana Maltija
Fil-Kotba Mqaddsa Elija l-Profeta jidher bħala l-bniedem ta’ Alla li dejjem qagħad quddiem il-Mulej u ssielet bl-akbar ħeġġa għall-qima ta’ Alla veru u waħdieni. Huwa ħares id-drittijiet ta’ Alla quddiem il-poplu kollu f’taqbida kbira fuq il-Għolja tal-Karmel; u fuq il-muntanja Horeb ingħata l-esperjenza intima ta’ Alla l-Ħaj. L-ewwel irhieb, li fis-seklu tnax ġeddu l-għamla ta’ ħajja reliġjuża f’ġieh il-Verġni Marija fuq il-Għolja tal-Karmel, imxew fuq it-tradizzjoni monastika billi ħarsu lejn dan il-Profeta kbir biex ifasslu ħajjithom fuq tiegħu, waqt li jagħtu qima speċjali lil Omm Alla.
• Illum, f’Saint Elias College, ir-reliġjużi Karmelitani ser jiltaqgħu għall-Assemblea Provinċjali Annwali biex jiċċelebraw flimkien il-25 sena mill-Professjoni ta’ P. Michael Farrugia, il-50 sena mill-Professjoni ta’ P. Mario Enriquez, P. Valerjan Mercieca u P. Karm Ferrante, u l-25 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali ta’ P. Raymond Calleja, P. Joseph Saliba u P. Charles Mallia.
Fl-istess okkażjoni l-Provinċjal u membri oħra tal-Provinċja għandhom jagħtu xi rapporti dwar il-ħidma li saret matul is-sena li għaddiet. Dawn ikunu segwiti minn diskussjoni fi gruppi u laqgħa plenarja fejn jiġu kkomunikati l-ideat u x-xewqat tar-reliġjużi preżenti għas-sena li ġejja.
Inħeġġu lill-membri tal-Familja Karmelitana biex jitolbu għas-suċċess ta’ din il-laqgħa.
24 ta’ Lulju
• Tifkira tal-Beatu Ġwann Soreth, Saċerdot
Twieled f’Caen fin-Normandija fl-1394 u f’żgħożitu daħal fl-Ordni Karmelitan. F’Pariġi ħa l-lawrja ta’ Duttur fit-Teoloġija; laħaq Prefett ta’ l-istudji u mbagħad Provinċjal ta’ Franza. Fl-1451 intgħażel Pirjol Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan, u hekk baqa’ sa mewtu li ġrat f’Angers fl-1471. Ħadem ħafna biex ixerred u jġedded l-osservanza reliġjuża, kiteb kummentarju mill-isbaħ fuq ir-Regula, ġedded u xandar il-Kostituzzjonijiet fl-1462; għen ħafna fit-twaqqif tas-Sorijiet Karmelitani u fit-tixrid tat-Terz Ordni.
• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina.
26 ta’ Lulju
• Tifkira ta’ Sant’Anna u S. Ġwakkin, ġenituri tal-Verġni Marija, Protetturi ta’ l-Ordni
Skond tradizzjoni antika sa mis-seklu 2, dawn kienu l-ismijiet tal-ġenituri tal-Verġni Marija. Sant’Anna fis-seklu 6 kienet ġa meqjuma fil-Lvant, u fis-seklu 10 l-kult tagħha xtered fil-Punuent ukoll, waqt li dak ta’ S. Ġakbu hu aktar riċenti. L-Ordni Karmelitan hu Ordni kollu kemm hu Marjan u mqiegħed taħt il-patroċinju tal-Verġni Marija. Għalhekk iqim ukoll lil Sant’Anna u San Ġwakkin bħala protetturi sekondarji tiegħu flimkien ma’ S. Ġużepp, li hu l-protettur principali, minħabba li huma lkoll qraba tal-Verġni Marija.
27 ta’ Lulju
• Tifkira tal-Beatu Titu Brandsma, Saċerdot u Martri
Twieled fir-raħal ta’ Bolsward fl-Olanda fl-1881. Daħal fl-Ordni Karmelitan, u fl-1905 ġie ordnat saċerdot. Wara li għallem liż-żgħażagħ ta’ art twelidu f’għadd ta’ skejjel, inħatar professur tal-filosofija u ta’ l-istorja tat-teoloġija mistika fl-Università Kattolika ta’ Nijmegen, li tagħa mbagħad laħaq ukoll Rettur Manifiku. Kien ħabrieki fil-ġurnaliżmu, hekk li fl-1935 l-Isqfijiet għażluh bħala Kunsillier għall-ġurnalisti kattoliċi ta’ l-Olanda. Dejjem imħejji biex igħin f’kollox u lil kulħadd, żamm ruħu fidil għat-tagħlim ta’ l-Evanġelju, l-aktar waqt l-okkupazzjoni nażista ta’ art twelidu. Tqabad kontra l-ideoloġija tan-nażi bit-tixrid ta’ l-istampa t-tajba, l-aktar biex iħares il-libertà ta’ l-iskejjel kattoliċi. Minħabba f’hekk ġie arrestat. Mibgħut f’ħabs wara ieħor, kull ħin kien ta’ faraġ u għajnuna lill-ħabsin sħabu, sakemm ħaduh lejn il-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau, fejn qatluh fis-26 ta’ Lulju 1942.
31 ta’ Lulju
• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa tal-Balluta.
• Ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Santa Venera fil-parroċċa ta’ Santa Venera.
AWISSU 2005
7 ta’ Awissu
• Festa ta Sant’Albert ta’ Trapani, Saċerdot
Albertu twieled fit-13-il seklu fi Trapani, Sqallija. Ta’ età zgħira daħal fl-Ordni Karmelitan fejn kien magħruf għall-predikazzjoni u għall-mirakli tiegħu. Fl-1296 sar Provinċjal ta’ Sqallija u miet f’Messina, madwar is-sena 1307. Għadda ħajja magħquda m’Alla bit-talb u b’ħajja ta’ safa.
9 ta’ Awissu
• Festa ta’ Santa Tereża Benedetta tas-Salib, Martri u Patruna ta’ l-Ewropa
Twieldet Breslau fit-12 ta’ Ottubru 1891 mill-familja Lhudija Stein u tawha l-isem ta’ Edith. Fittxet bl-akbar ħerqa l-verità fl-istudji għolja tal-Filosofija, imma sabitha fil-qari tal-Ktieb tal-Hajja ta’ S. Tereża ta’ Ġesù. Fl-1922 tgħammdet fil-Knisja Kattolika u fl-1933 daħlet mal-Karmelitani Skalzi ta’ Cologne. Mietet martri għall-fidi nisranija fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz, fejn ġiet mitfugħa f’kamra tal-gass u maħruqa fid-9 ta’ Awissu 1942. Kienet offriet lilha nfisha bħala debħa għall-poplu ta’ Israel. Mara ta’ moħħ miftuħ, kif ukoll ta’ għerf kbir, ħalliet bosta kitbiet ta’ tagħlim mill-aqwa u ta’ spiritwalità għolja.
12 ta’ Awissu
• Tifkira tal-Beatu Isidor Bakanja, Martri
Twieled bejn l-1880 u l-1890 f’Bokendela (Kongo), mit-tribù ta’ Boangi. Sa minn meta kien għadu tifel, biex jgħix kellu jaħdem fil-bini jew fl-għelieqi. Sar nisrani fl-1906. Waqt li kien qed jaħdem fl-għelieqi tal-kolonjalizzaturi f’Ikili, dak li kien qed iħaddmu pprojbielu li jikkonverti lil sħabu l-ħaddiema għar-reliġjon nisranija. Fit-22 ta’ April 1909 il-kap tal-ħaddiema,wara li neħħielu bl-herra l-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu li Isidoru kien iġib fuqu bħala sinjal tal-fidi nisranija tiegħu, taħ xebgħa frosta għall-mewt. Konsegwenza tal-feriti li qala’ minħabba t-twemmin tiegħu, wara li ġarrhom bl-akbar rassenjazzjoni u maħfra lil min għamilhomlu, miet fil-15 ta’ Awissu ta’ l-istess sena. Kien beatifikat minn Ġwanni Pawlu II fl-24 ta’ April 1994.
17 ta’ Awissu
• Tifkira tal-Beatu Anġlu Mazzinghi, Saċerdot
Twieled f’Firenze (Italja), jew fl-inħawi tagħha, madwar is-sena 1386. Kien ta’ l-ewwel li mexa wara r-riforma msejħa “S. Maria delle Selve” fl-Ordni Karmelitan. Iktar minn darba, ġie mlaħħaq Pirjol f’ħafna kunventi ta’ l-Ordni. Iddedika ħajtu għall-predikazzjoni tal-Kelma t’Alla. Miet f’Firenze fl-1438.
22 ta’ Awissu
• P. Alexander Vella, Provinċjal, u P. Charles Mallia, Kunsillier Provinċjali, iħallu Malta fi triqthom lejn l-Amerika Latina biex iżuru l-patrijiet Karmelitani tal-Provinċja Maltija li jinsabu fil-Bolivja. Matul iż-żjara tagħhom huma ser imexxu l-Assemblea tar-reliġjużi biex jiddiskutu l-qagħda tal-missjunarji u l-ħidma tagħhom u jtellgħu Kummissarju Provinċjali għall-Bolivja.
25 ta’ Awissu
• Tifkira tal-Beata Marija Baouardy ta’ Gesù Msallab, Verġni
Twieledet fl-1846 minn familja Kattolika tar-rit Grieg-Melkita, li kienet toqgħod f’Abellin fil-Galilija ta’ Fuq (Israel). Fis-sena 1867 daħlet mal-Karmelitani Skalzi ta’ Pau, Franza. Kienet waħda mis-sorijiet li marru jwaqqfu l-monasteru ta’ Mangalore fl-Indja, fejn għamlet il-Professjoni reliġjuża fis-sena 1870. Sentejn wara rritornat fi Franza u fl-1875 marret l-Art Imqaddsa, fejn bniet il-monsateru ta’ Betlehem u ħejjiet kollox għal dak ta’ Nazaret. Magħrufa għall-grazzji sopranaturali li rċeviet, kif ukoll għall-umiltà tagħha, għad-devozzjoni lejn l-Ispirtu s-Santu u għall-imħabba kbira tagħha lejn il-Knisja u lejn il-Papa, hija mietet f’Betlem fl-1878.
26 ta’ Awissu
• Tifkira tal-Beatu Ġakbu Retouret, Saċerdot u Martri
Fl-1 ta’ Ottubru 1995, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjara beati gurpp ta’ 64 saċerdot, magħzulin minn fost mijiet ta’ saċerdoti u reliġjużi li fl-eqqel tar-Rivoluzzjoni Franċiza ġew magħluqin flimkien qishom annimali fuq bastiment fil-bajja ta’ Rochefort fi Franza. Fosthom kien hemm il-Beatu Ġakbu Retouret (1746-1794), saċerdot Karmelitan. Dan meta sar jaf li l-ġurament ċivili tal-kleru li kien ha kien invalidu, irtira uffiċċjalment il-ġurament tiegħu u għalhekk ġie meqjus bħala għadu tal-poplu li kien qeda bħala reliġjuż osservanti u predikatur fil-kunvent tal-Karmnu ta’ Limoges. Flimkien ma’ sħabu maqfulin fuq il-bastimenti huwa ġarrab kull xorta ta’ kefrija u tmaqdir u kien imċaħħad minn kull għajnuna spiritwali. Bata ħafna bard u, kif xehed xi ħadd li kien miegħu, “kellu xatka li ġegħlitu jsofri ħafna u ġarrbet il-paċenzja tiegħu għal żmien twil, iżda hu qatt ma qata’ qalbu”. Miet bil-pesta fis-26 ta’ Awissu 1794 u difnuh fuq il-gżira Madame.
SETTEMBRU 2005
1 ta’ Settembru
• Tifkira ta’ Santa Tereża Margerita Redi tal-Qalb ta’ Ġesù, Verġni.
Twieldet fl-1747 f’Arezzo, it-Toskana (l-Italja), mill-familja nobbli Redi. Fl-1 ta’ Settembru 1764 daħlet fil-monasteru tas-sorijiet Karmelitani Skalzi f’Firenze. Għaddiet ħajjitha f’kontemplazzjoni kontinwa imnebbħa mill-kliem ta’ l-Appostlu Ġwanni: “Alla hu mħabba”. Kienet tħobb il-ħajja moħbija fl-imħabba lejn Alla u fil-penitenza. Imxiet fit-triq tal-perfezzjoni billi qdiet b’mod erojku u mingħajr waqfien lil ħutha s-sorijiet. Mietet f’Firenze fl-1770.
5 ta’ Settembru
• P. Alexander Vella, Provinċjal, u P. Charles Mallia, Kunsillier Provinċjali, minn Santa Cruz (Bolivja) jitilqu għal Sao Paulo (Brażil) biex jieħdu sehem fil-Kongregazzjoni Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan li ser issir mill-5 sal-15 ta’ Settembru 2005. F’din il-laqgħa jieħdu sehem il-Provinċjali Karmelitani kollha flimkien ma’ espert mill-provinċja tagħhom. It-tema ċentrali ser tkun “Il-qadi tal-Knisja u tad-dinja fi żmien ta’ bidla. X’passi għandu jieħu l-Ordni sabiex ikun jista’ jwassal il-kariżma Karmelitana.”
16 ta’ Settembru
• Mill-Ġimgħa 16 sal-Ħadd 18 ta’ Settembru 2005 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Irtir Żgħażagħ Karmelitani”
17 ta’ Settembru
• Festa ta’ Sant’Albert ta’ Ġerusalemm, Isqof u Leġislatur.
Twieled f’Castel Gualtieri, l-Italja ta’ Fuq, madwar is-seklu tnax. Talab li jkun magħdud fost il-kanoniċi regulari ta’ Santa Croce di Mortara fejn laħaq Pirjol fl-1180. Erba’ snin wara ġie mibgħut bħala Patrijarka f’Ġerusalemm, fejn bil-kelma u bl-eżempju, wera ruħu bħala ragħaj għat-tixrid tal-paċi. Matul iż-żmien tal-Patriarkat tiegħu, jiġifieri mill-1206 sa l-1214, hu kiteb għall-eremiti li kienu jinsabu fuq l-għolja tal-Karmelu, ir-regula. Ġie maqtul fl-14 ta’ Settembru 1214.
23 ta’ Settembru
• Fis-6.30 ta’ filgħaxija, fil-knisja parrokkjali tal-Balluta, in-novizzi Victor Paul Farrugia u Daniel Galea, jagħmlu l-professjoni sempliċi fl-Ordni Karmelitan, jiġifieri li jgħixu l-voti ta’ l-Ubbidjenza, tal-Faqar u tal-Kastità għal tlett snin fil-Familja Karmelitana.
26 ta’ Settembru
• Mit-Tnejn 26 sa’ l-Erbgħa 28 ta’ Settembru 2005 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Esperjenza Sena 1”
• Mit-Tnejn 26 sal-Ġimgħa 30 ta’ Settembru 2005 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Esperjenza Sena 2”
OTTUBRU 2005
1 ta’ Ottubru
• Festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Verġni u Duttur tal-Knisja.
Twieldet f’Alençon, Franza, fl-1873. Ta’ età żgħira daħlet fil-monasteru ta’ Lisieux fejn għexet b’mod singulari l-umiltà u t-tagħlim evenġeliku u wriet fiduċja kbira f’Alla. Kienet tisħaq mingħajr waqfien dwar il-virtù fuq in-novizzi, permezz tal-kelma u ta’ l-eżempju. Mietet fit-30 ta’ Settembru tas-sena 1897, toffri ħajjietha għall-qdusija ta’ l-insara u tal-membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. (ara artiklu)
• L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Laqgħa Tfal Karmelitani” Forms 1, 2, 3 (09.00 – 10.30 am)
4 ta’ Ottubru
• Tibda Ġimgħa Vokazzjonali Karmelitana fil-parroċċa ta’ Santa Venera (ara programm)
7 ta’ Ottubru
• Fis-6.30 ta’ filgħaxija, fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera, Fra Josef Cutajar, O.Carm., jagħmel il-professjoni solenni fl-Ordni Karmelitan, jiġifieri se jwigħed lil Alla li jgħix il-voti ta’ l-Ubbidjenza, tal-Faqar u tal-Kastità għal dejjem fil-Familja Karmelitana.
9 ta' Ottubru
• Fil-Knisja Parrokkjali ta' Santa Venera jsir it-48 Kungress tat-Terz Ordni Karmelitan (TOK). Peress li din is-sena hija ddedikata lil Ewkaristija l-motto għal dan il-Kungress ser ikun "Marija tressaqna lejn Ġesù fl-Ewkaristija".
Fil-5.00 pm jitlaq pellegrinaġġ mill-Pjazza tal-Knisja l-Antika ta’ S. Venera għall-Knisja Parrokkjali fejn isir diskors dwar "Ir-Regola l-Ġdida tat-Terz Ordni Karmelitan u t-Terzjarji Karmelitani". Wara jkun hemm talb mir-Regola tat-Terz Ordni. Fis-6.00 pm toħroġ il-Quddiesa konċelebrata mmexxija minn P. Alexander Vella, O.Carm., Provincjal, li fiha jsir it-Tiġdid tal-Wegħdiet fit-Terz Ordni.
14 ta’ Ottubru
• Mill-Ġimgħa 14 sal-Ħadd 16 t’Ottubru 2005 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Irtir Form 1A”
15 ta’ Ottubru
• Festa ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, Verġni u Duttur tal-Knisja.
Twieldet f’Avila, Spanja, fl-1515. Daħlet fl-Ordni Karmelitan fejn għamlet passi kbar fit-triq tal-perfezzjoni u kellha rivelazzjonijiet mistiċi. Ħadmet ħafna għar-riforma ta’ l-Ordni u wara li sofriet bosta tbatijiet, irnexxielha b’kuraġġ kbir tegħleb kull diffikultà. Kitbet ħafna opri ta’ tagħlim għoli mgħejuna mill-istess esperjenza personali li kellha. Mietet f’Alba de Tormes fl-1582.
16 ta’ Ottubru
• Festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera. In-novena bi tħejjija għall-festa tibda fis-6 ta’ Ottubru. Matul dawn il-jiem se jkun hemm diversi ċelebrazzjoniijet: Ġimgħa Vokazzjonali Karmelitana (4-9), Professjoni Solenni ta’ Fra Josef Cutajar (7), Kungress tat-Terz Ordni Karmelitan (9).
Il-festa tilħaq il-qofol tagħha l-Ħadd, 16 ta’ Ottubru. Fis-6.00 pm il-Provinċjal, P. Alexander Vella, imexxi Quddiesa Solenni u wara jsir pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu.
24 ta’ Ottubru
• Mit-Tnejn 24 sa’ l-Erbgħa 26 ta’ Ottubru 2005 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Esperjenza Sena 1”
• Mit-Tnejn 24 sal-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru 2005 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Esperjenza Sena 2”
NOVEMBRU 2005
1 ta’ Novembru
• L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza ħarġa għall-istudenti tal-Forms 1,2,3. Il-ħarġa tibda b’Quddiesa fil-Kappella tad-Dar tal-Formazzjoni, Tas-Sliema.
3 ta’ Novembru
• Mill-Ħamis 3 sal-Ħadd 6 ta’ Novembru 2005 - L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza Ġimgħa Vokazzjonali fis-Santwarju Bażilka tal-Madonna tal-Karmnu, l-Belt Valletta. Matul dawn il-jiem isir talb speċjali għall-vokazzjonijiet.
5 ta’ Novembru
• Tifkira tal-Beata Franġiska D’Amboise, Reliġjuża.
Twieldet fis-sena 1427, x’aktarx f’Thouars, Franza. Wara l-mewt ta’ żewġha, Pietru II, Duka tal-Bretanja, hija kellha taħditiet spiritwali mal-Beatu Ġwanni Soreth, Ġeneral tal-Karmelitani. Fuq parir tiegħu libset l-abitu ta’ l-Ordni u daħlet soru fil-monasteru ta’ Nantes fejn għaddiet parti kbira minn ħajjitha. Bħala superjura ħadmet bis-sħiħ għall-formazzjoni ta’ ħutha s-sorijiet. Hija meqjusa bħala l-fundattriċi tas-sorijiet Karmelitani fi Franza. Mietet fis-sena 1485.
8 ta’ Novembru
• Tifkira tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità, Verġni.
Eliżabetta Catez tat-Trinità twieldet fl-1880 fid-djoċesi ta’ Bourges, Farnza. Fl-1901 daħlet fil-monasteru tas-sorijiet Karmelitani Skalzi ta’ Dijon. Hemmhekk għamlet il-professjoni reliġjuża fl-1903 u fl-1906 ittajret “lejn id-dawl, l-imħabba u l-ħajja” ta’ l-Għarus Divin tagħha. Għarfet tadura lil Alla fl-ispirtu u l-verità tant li ħajjitha kienet “tifħir u glorja” lit-Trinità Qaddisa preżenti f’ruħha u li hija għarfet tħobb ukoll fil-waqtiet ta’ dlam ġewwieni u mard qalil. Fil-misteru ta’ l-inabitazzjoni divina hija sabet “is-sema fl-art”: din kienet il-karizma speċjali u l-missjoni tagħha għall-Knisja.
9 ta’ Novembru
• Mill-Erbgħa 9 sal-Ħadd 13 ta’ Novembru 2005 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza Ġimgħa Vokazzjonali fil-Parroċċa tal-Balluta. Matul dawn il-jiem isiru laqgħat b’tema vokazzjonali u jsir talb għall-vokazzjonijiet.
11 ta’ Novembru
• Mill-Ġimgħa 11 sal-Ħadd 13 ta’ Novembru 2005 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza irtir għaż-żgħażagħ minn 14-il sena ‘il fuq fid-Dar tal-Formazzjoni, Tas-Sliema.
12 ta’ Novembru
• Pellegrinaġġ u Quddiesa għar-Reliġjużi u Terezjari Karmelitani mejtin. Il-quddiesa tibda fid-9.45 am fil-kappella taċ-ċimiterju l-Addolorata, Raħal Gdid. It-Terzjarji Karmelitani huma mħeġġin li jattendu għal din l-okkazjoni.
13 ta’ Novembru
• Beatifikazzjoni fil-Bażilika San Pietru, il-Vatikan, ta’ Madre M. Crocifissa Curcio, fundatriċi tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta' S. Tereża tal-Bambin Ġesù.
Twieledet fit-30 ta’ Jannar 1877 f’Ispica (Ragusa), Sqallija, u ngħatat l-isem ta’ Rosa. Wara li temmet il-Grade 6, missierha bagħatha taħdem u tgħin lil ommha. Għatxana għat-tagħlim, kienet issib l-hena tagħha tqalleb il-kotba tal-librerija tal-familja, u qrat il-Ktieb tal-Ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Gesù. Minn dan il-qari tgħallmet dwar il-Karmelu, hekk li din l-imħabba kienet isserħilha qalbha u timliha b’ferħ li ma jitfissirx. Fl-1980, ta’ 13-il sena, saret membru tat-Terz Ordni Karmelitan, u mill-għarfien ta’ l-ispiritwalità Karmelitana, bdiet tifhem x’kien qiegħed iħejji Alla għaliha. Minn Marija, l-Omm tal-Karmelu, ħasset li kienet irċeviet il-missjoni biex ixxerred il-Karmelu mhux biss f’pajjizha, imma f’artijiet oħrajn ukoll. Kienet lesta toffri lilha nfisha biex l-umanità terġa’ lura lejn Alla. Fit-18 ta’ Mejju 1925, l-għada tal-Kanonizzazjoni ta’ S. Tereża tal-Bambin Ġesù, flimkien ma’ P. Lorenzo van den Eerembeemt, Karmelitan bl-istess spirtu missjunarju, żaret ir-raħal ta’ Santa Marinella (Ruma), fejn aktar tard, fit-3 ta’ Lulju, bdiet tgħix flimkien ma’ xi xebbiet oħra. Ftit jiem wara, fis-16 ta’ Lulju, irċeviet il-konferma ta’ l-affiljazzjoni fl-Ordni Karmelitan u fl-1930 l-approvazzjoni ta’ l-Isqof ta’ Porto S. Rufina. Qabel temmet il-pellegrinaġġ tagħha fuq din l-art, fl-1947 Madre Crocifissa bagħtet l-ewwel erba’ sorijiet missjunarji fil-Brażil u fl-1957 l-ewwel sorijiet Maltin biex jiftħu dar f’Għawdex. Mietet f’Lulju 1957 f’Santa Marinella. Il-proċess tal-Beatifikazzjoni tagħha beda fit-12 ta’ Frar 1989. (Għal aktar tagħrif ċempel għand is-sorijiet: 21556347 / 21556469)
14 ta’ Novembru
• Festa tal-Qaddisin kollha ta’ l-Ordni Karmelitan.
Nifirħu llum fil-Mulej, aħna u nagħmlu l-festa tal-Qaddisin kollha ta’ l-Ordni Karmelitan, li taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija, Fjur tal-Karmelu u Sultana ħanina, imxew bil-ħeffa fit-triq tal-perfezzjoni u llum qed isaltnu għal dejjem fis-sema. Bil-festa tagħhom jifirħu l-Anġli u jfaħħru l-Iben ta’ Alla.
15 ta’ Novembru
• Tifkira ta’ l-Aħwa kollha mejtin ta’ l-Ordni Karmelitan.
Imqanqlin mill-imħabba għal Kristu u l-qima lejn l-Omm maħbuba ta’ Alla, l-Aħwa tal-Familja Karmelitana jkomplu jgħixu f’dik l-imħabba fraterna, kemm fit-taqbida tagħhom għal Kristu fuq din l-art, kif ukoll waqt li qed jistennew id-dehra glorjuża tal-Mulej wara l-mixja tagħhom fuq din l-art. Għalhekk, l-Ordni Karmelitan, magħqud fit-talb, jirrikmanda l-aħwa rġiel u nisa reliġjużi mejtin kollha lill-ħniena ta’ Alla biex bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, rahan ta’ tama u hena ċerta, jilqagħhom fost il-Kori glorjużi ta’ l-Anġli.
16 ta’ Novembru
• Ċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr mill-Provinċja Karmelitana Maltija għall-Beatifikazzjoni ta’ Madre Marija Crocifissa Curcio, Fundatrici tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ S. Tereża tal-Bambin Ġesù. Niltaqgħu fis‑Santwarju Bażilika tal-Belt, fis-6.30 pm, fejn P. Alexander Vella, Provinċjal, imexxi quddiesa konċelebrata.
19 ta’ Novembru
• Tifkira ta’ San Rafel Kalinowski ta’ S. Ġużepp, Saċerdot.
Rafel Kalinowski twieled minn ġenituri Pollakki fil-belt ta’ Vilnius fis-sena 1835. Wara żmien fil-ħajja militari ħa sehem fir-rewwixta ta’ pajjiżu. Fis-sena 1864 kien ikkundannat għal 10 snin xogħol iebes fis-Siberja. Fis-sena 1877 daħal fl-Ordni tal-Karmelitani Skalzi u fl-1882 kien ordnat saċerdot. Mexxa ‘il quddiem il-Karmelu Tereżjan fil-Polonja, ħadem bla heda u bl-akbar heġġa għall-għaqda tal-knejjes u fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u d-Direzzjoni Spiritwali. Miet f’Wadowice fl-1907.
21 ta’ Novembru
• Mit-Tnejn 21 sal-Ġimgħa 25 ta’ Novembru 2005 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani tistieden liż-Żgħażagħ minn 16-il sena ‘il fuq biex jgħaddu ġimgħa fid-Dar tal-Formazzjoni, jaraw mill-qrib il-Ħajja Reliġjuża Karmelitana u jagħmlu dixxerniment tal-vokazzjoni tagħhom.
29 ta’ Novembru
• Beati Dijonisju tan-Natività u Redent tas-Salib, Reliġjużi u Martri.
Dijonisju tan-Nattività, saċerdot, fis-seklu Pietru Berthelot, twieled f’Honfleur, Franza, fl-1600. Kien Kaptan u studjuż tal-ġografija astronomika fuq il-bastimenti tar-Rejiet ta’ Franza u tal-Portugal. Fl-1635 daħal mal-Karmelitani Skalzi f’Goa. Hawnhekk fis-sena 1615, il-Portugiż Tomas Rodriguez da Cunha, ipprofessa bħala Fra bl-isem ta’ Redent tas-Salib. Dan il-Beatu twieled fl-1598. Mibgħutin fil-gżira ta’ Sumatra, l-Indoneżja, fid-29 ta’ Novembru 1638, huma taw xhieda tal-fidi tagħhom fi Kristu meta sofrew il-martirju ħdejn il-belt ta’ Achèn.
DIĊEMBRU 2005
3 ta’ Dicembru
• L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza laqgħa għall-istudenti ta’ Forms 1,2,3. Din il-laqgħa ser issir f’Saint Elias College, Santa Venera u tibda fid-9.00 a.m.
4 ta’ Dicembru
• Ser ikun iċċelebrat Jum il-Vokazzjonijiet Karmelitani fil-Knejjes tal-Lunzjata ta’ l-Imdina u tar-Rabat. Fil-Quddies ta’ dan il-jum f’dawn il-knejjes isir talb għall-vokazzjonijiet.
5 ta’ Diċembru
• Tifkira tal-Beatu Bartolomew Fanti, Saċerdot.
Twieled f’Mantova, Italja, u fl-1452 kien diġà saċerdot Karmelitan fil-Kongregazzjoni Mantovana. Għal tlieta u ħamisin sena, għamilha ta’ Direttur Spiritwali u Rettur tal-Konfraternità tal-Beata Verġni Marija fl-istess belt. Kiteb għall-istess Konfraternità r-Regula u l-Kostituzzjonijiet; kien magħruf ħafna għall-imħabba lejn l-Ewkaristija. Miet fl-1495.
14 ta’ Diċembru
• Festa ta’ San Ġwann tas-Salib, Saċerdot u Duttur tal-Knisja.
San Ġwann twieled f’Fontiveros, Spanja, għall-ħabta tas-sena 1542. Wara li daħal mal-Karmelitani, kien l-ewwel wieħed fost ir-reliġjużi rġiel li tħeġġeġ minn S. Tereża ta’ Avila u ndaħal għall-ħidma tar-riforma ta’ l-Ordni, fost taħbit u tħabrik liema bħalu. Miet fl-1591 f’Ubeda (Spanja), imfaħħar ħafna għal qdusitu u għal għerfu, kif jixhdu l-opri spiritwali miktuba minnu.
16 ta’ Dicembru
• Mill-Ġimgħa 16 sal-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2005, l-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza rtir għall-Grupp Vokazzjonali “Beatu Titu Brandsma” li hu ffurmat minn studenti tal-Form 3. Dan l-irtir ser isir fid-Dar tal-Formazzjoni, il-Balluta.
26 ta’ Dicembru
• Mit-Tnejn 26 sal-Ħamis 29 ta’ Diċembru 2005, l-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani tistieden liż-żgħażagħ minn sittax-il sena ‘l fuq biex jgħaddu ġranet t’esperjenza ta’ ħajja Karmelitana mal-Karmelitani fil-Formazzjoni.
|