Kalendarju
Arkivju - X'sar fl-2006
JANNAR 2006
3 ta’ Jannar
• Tifkira tal-Beatu Ċirijaku Elija Chavara, Sacerdot.
Twieled fl-10 ta’ Frar 1805, f’Kainakary fil-Kerala, l-Indja. Wara l-istudji tiegħu fis-seminarju, ġie ordnat saċerdot fl-1829. Fl-1831 waqqaf f’Mannanam l-ewwel kunvent għas-saċerdoti tal-kongregazzjoni ġdida bl-isem ta’ Karmelitani ta’ Marija Immakulata, u fl-1855 sar l-ewwel Superjur Ġenerali ta’ din il-kongregazzjoni. Flimkien mal-missjunarju Karmelitan Skalz, Patri Leopoldu Beccaro, fl-1866 waqqaf il-kongregazzjoni għas-sorijiet bl-isem ta’ Omm il-Karmelu. Magħżul Vigarju Ġenerali tal-Knisja Siro-Malabarika fl-1861, ħadem ħafna u bla heda biex jeqred kull firda minħabba x-Xiżma Rokożjana, kif ukoll biex iġib ‘il quddiem ir-rit Siro-Malabariku b’tiġdid spiritwali. Fuq kollox kien bniedem ta’ talb; kellu devozzjoni l-aktar imħeġġa lejn l-Ewkaristija u wera qima speċjali lejn Marija Immakulata. Miet fl-1871 f’Koonammavu, l-Indja, iżda fl-1889 il-fdalijiet tiegħu ttieħdu f’Mannanam.
8 ta’ Jannar
• Festa ta’ San Pier Tumas, Isqof.
Twieled madwar is-sena 1305 fin-nofsinar ta’ Périgord fi Franza. Ta’ għoxrin sena daħal fl-Ordni Karmelitan. Ġie mlaħħaq Prokuratur Ġenerali fil-kurja t’Avignone fis-sena 1345. Sar Isqof ta’ Patti u Lipari fis-sena 1354 u kien bosta drabi Legat tal-Papa f’missjonijiet ta’ paċi għall-Għaqda mal-Knejjes Orjentali. Fis-sena 1359 ġie mibgħut fis-sede ta’ Corone fil-Poloponneso bħala Legat tal-Papa għal-Lvant. Imlaħħaq Arċisqof ta’ Kreta fis-sena 1363 u sena wara Patrijarka ta’ Kostantinopoli, hu kiseb il-fama ta’ wieħed li jaħdem għall-għaqda fil-Knisja. Miet ġo Famagusta fil-gżira ta’ Ċipru fis-sena 1366.
9 ta’ Jannar
• Festa ta’ San Andrija Corsini, Isqof.
Twieled fil-belt ta’ Firenze, Italja, fil-bidu tas-seklu 14 u daħal reliġjuż Karmelitan fil-kunvent ta’ l-istess belt. Fis-sena 1348 ġie mlaħħaq Provinċjal tal-Provinċja Toskana mill-Kapitlu Ġenerali li sar f’Metz. Ġie magħżul Isqof ta’ Fjesole fit-13 ta’ Ottubru 1349. Mexxa d-djoċesi b’karità kbira u kien magħruf għaz-zelu appostoliku, il-prudenza u l-imħabba lejn il-foqra. Miet fis-6 ta’ Jannar 1374.
13 ta’ Jannar
• Mill-Ġimgħa 13 sal-Ħadd 15 ta’ Jannar 2006 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Irtir Żgħażagħ Karmelitani”
29 ta’ Jannar
• Tifkira tal-Beata Arkanġela Ġirlani, Verġni.
Twieldet f’Torino, fit-Tramuntana ta’ l-Italja, madwar nofs is-seklu 15. Daħlet soru Karmelitana f’Parma fejn saret superjura ta’ l-istess kunvent. Ġiet mogħtija l-istess uffiċċju fil-monasteru mwaqqaf ġdid f’Mantova, fejn mietet fis-sena 1495. Kienet magħrufa għad-devozzjoni partikulari li kellha lejn it-Trinità Mqaddsa.
FRAR 2006
4 ta’ Frar
• L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Laqgħa Tfal Karmelitani” Forms 1,2,3 (09.00 – 10.30 a.m.)
20 ta’ Frar
• Mit-Tnejn 20 sa’ l-Erbgħa 22 ta’ Frar 2006 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Esperjenza Sena 1”
• Mit-Tnejn 20 sal-Ħamis 23 ta’ Frar 2006 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Esperjenza Sena 2”
24 ta’ Frar
• Mill-Ġimgħa 24 sal-Ħadd 26 ta’ Frar 2006 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Irtir Form 2”
• L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza laqgħa għat-tfal tal-Forms 1,2,3 fid-Dar tal-Formazzjoni, il-Balluta.
20 ta’ Marzu
• Solennità ta’ San Ġużepp, Protettur prinċipali ta’ l-Ordni.
(NB: Din is-sena d-19 ta' Marzu jaħbat fit-3 Ħadd tar-Randan. Għaldaqstant il-festa ta’ San Ġużepp se tkun iċċelebrata l-għada, 20 ta’ Marzu.)
Il-vanġelu jgħid li San Ġużepp kien mill-familja ta’ David li minna kellu jitwieled l-Messijja (Mt 1,1-16; Lq 3,23-38). Bħal Ġużeppi tat-Testment il-Qadim, huwa l-bniedem ġust u fidil (Mt 1,19) li Alla qiegħdu biex jieħu ħsieb id-dar tiegħu. Ġużeppi, l-għarus ta’ Marija u missier putattiv ta’ Ġesù, mexxa l-familja mqaddsa fil-ħarba u fir-ritorn mill-Eġittu, u b’hekk għamel mill-ġdid il-vjaġġ li l-poplu Lhudi għamel fil-passat (Gn 37; 50,22-26; Mt 2,13-21). Minħabba l-fidi kbira tiegħu stħaqqlu jkun afdat bil-wegħda li seħħet fil-misteru tas-salvazzjoni, fil-pjan ta’ mħabba li Alla l-Missier wettaq għall-bnedmin kollha.
Fil-Provinċja Karmelitana Maltija l-festa ta’ San Ġużepp hija ċċelebrata b'solennità mill-komunità tal-Belt fejn hemm Arċikonfraternità antika li ġġib ismu. Il-Beatu Nazju Falzon, devot kbir ta' San Ġużepp, kien spiss imur jitlob quddiem l-istatwa li hemm fil-knisja tagħna.
20 ta’ Marzu
• Tifkira tal-Beatu Franġisk ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi
(NB: Minħabba li llum issir is-Solennità ta’ San Ġużepp, it-tifkira tal-Beatu Franġisk ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi ma ssirx.)
Francisco Palau y Quer twieled fid-29 ta’ Diċembru 1811 f’Aytona (Spanja). Fl-1828 daħal fis-seminarju ta’ Lèrida. Meta temm it-tlett snin ta’ studji filosofiċi u l-ewwel kors tat-teoloġija, fl-1832 daħal fl-Ordni tal-Karmelitani Skalzi fejn fis-sena ta’ wara għamel il-professjoni reliġjuża. Minħabba raġunijiet politiċi kellu jgħix għal xi żmien barra l-kunvent imma fl-1836 kien ordnat saċerdot f’Barbastro. Wara ħdax-il sena fi Franza (1840-1851) irritorna fi Spanja fejn iddedika l-ħidma tiegħu għall-predikazzjoni u għall-missjoni popolari b’mod partikluari f’Barċellona u fil-gzejjer Baleari. Kien hawn li fis-snin 1860-1861 ħa ħsieb jorganizza xi gruppi ta’ tfajliet fejn ta’ l-bidu ta’ żewġ kongregazzjonijiet tas-sorijiet. Miet f’Tarragona fl-20 ta’ Marzu 1872.
25 ta’ Marzu
• Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej
Din il-festa tfakkar il-ġrajja ta’ meta l-anġlu Gabriel kien mibgħut għand Marija biex jgħidilha li kellha ssir Omm Alla, u wkoll it-tnssil tal-Verb fil-ġuf tagħha.
Għalkemm hemm min jaħseb li fis-seklu IV il-festa tat-Tħabbira tal-Mulej kienet ġa tiġi ċelebrata fil-Palestina, ma għandna ebda tagħrif dwar din il-festa qabel is-seklu VII, meta l-Konċilju “in Trullo”, tas-sena 692, ried li l-festa ssir ukoll jekk tiġi f’xi ġurnata tar-Randan, minkejja dak li kien jgħid il-Konċilju ta’ Laodikija. Fis-seklu VII il-festa daħlet Ruma u minn hemm xterdet fil-knejjes tal-punent, fejn bidet issir fil-25 ta’ Marzu, bħalma kienet issir fil-knejjes tal-lvant; iżda fi Spajna l-X Konċilju ta’ Toledo, fis-sena 656, ried li l-festa tiġi ċelebrata mhux fir-Randan iżda fil-ġimgħa ta’ qabel il-Milied, fit-18 ta’ Diċembru.
Meta l-festa bidet tiġi ċelebrata, kienet meqjusa festa tal-Mulej kif jixhdu l-ismijiet li għandha fid-dokumenti liturġiċi aktar antiki, iżda biż-żmien bidet titqies bħala festa tal-Madonna. Il-Kalendarju mġedded tal-Knisja Latina jerġa’ jqisha bħala festa tal-Mulej.
Għall-Provinċja tagħna minn dejjem kienet festa għaziza ħafna, infatti żewġ knejjes, dik tal-Lunzjata u dik ta’ l-Imdina huma ddedikati għaliha.
27 ta’ Marzu
• Mis-27 sat-30 ta’ Marzu 2006 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani tistieden liż-żgħażagħ minn 16-il sena ‘l fuq biex jgħaddu jiem ta’ Esperjenza Karmelitana mal-Komunita’ tal-Formazzjoni, il-Balluta.
APRIL 2006
1 ta’ April
• Tifkira tal-Beatu Nonju Alvarez Pereira, Reliġjuż.
Twieled fis-sena 1360 u għal ħafna snin ħadem għall-indipendenza tal-Portugal sakemm laħaq il-quċċata tal-karriera militari tiegħu fl-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta. Wara li mietet martu, fl-1423 daħal reliġjuż Karmelitan fil-kunvent imwaqqaf minnu stess f’Lisbona. Ried igħaddi ħajtu jaqdi u jservi lill-oħrajn. Ħa l-isem ta’ Fra Nonju ta’ Santa Marija u miet fl-istess kunvent fl-1431. Ta eżempju lil kulħadd ta’ ħajja ta’ talb, penitenza u devozzjoni filjali lejn il-Verġni Marija.
• L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Irtir Tfal Karmelitani” Forms 1,2,3 (9.00 – 11.30 a.m.)
• Parroċċa tal-Fgura: Il-Fgura Youth Centre se jtella' pageant "Tibzax, izda emmen" fl-iskola primarja tal-Fgura, s-Sibt 1 ta' April fis-6.30 pm u l-Ħadd 2 ta' April fit-3.00 pm.
2 ta’ April
• Parroċċa tal-Balluta: Fis-7.15 pm, fil-maħżen tal-festa (ħdejn il-kappella ta' l-adorazzjoni), il-President ta’ Malta jiftaħ Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa bit-tema "Agħmlu dan b'tifkira tiegħi".
6 ta’ April
• Fil-Knisja parrokkjali tal-Balluta, fis-6.30pm, Patri Dijonisju Attard, O.Carm., se jmexxi Quddiesa ta’ Ringrazzjament f’għeluq is-60 Sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu.
10 ta’ April
• Mit-Tnejn 10 sa’ l-Erbgħa 12 ta’ April 2006 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Esperjenza Sena 1”
• Mit-Tnejn 10 sal-Ħadd 16 t’April 2006 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Esperjenza Sena 2”
17 ta’ April
• Tifkira tal-Beatu Battista Spagnoli, Saċerdot.
Twieled f’Mantova, Italja, fis-17 ta’ April 1447 u f’età żagħżugħa daħal mal-Karmelitani tal-Kongregazzjoni Mantovana fil-belt ta’ Ferrara, fejn għamel il-professjoni reliġjuża fis-sena 1464, u fejn qeda diversi uffiċċji bl-akbar ħeġġa. Wara li għal sitt darbiet kien vigarju ġenerali tal-Kongregazzjoni tiegħu, fis-sena 1513 ġie magħżul Pirjol Ġenerali ta’ l-Ordni kollu.
21 ta’ April
• Mill-Ġimgħa 21 sal-Ħadd 23 ta’ April 2006 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Irtir Żgħażagħ Karmelitani”
30 ta’ April
• Id-49 Kungress Nazzjonali tat-Terz Ordni Karmelitan fil-Knisja parrokkjali tal-Balluta: il-Ħadd 30 ta’ April 2006.
MEJJU 2006
1-5 ta’ Mejju
• Matul dawn il-jiem ir-reliġjużi Karmelitani jkunu miġbura fid-Dar tat-Talb Lunzjata (Rabat) għall-Kapitlu Provinċjali. Huma jiem ta’ riflessjoni dwar it-tlett snin li għaddew (x’għamilna u fejn wasalna) u ta’ programmazzjoni (x’nixtiequ u fejn irridu naslu) fit-tlett snin li ġejjin. Il-Kapitlu jibda fid-9.00 a.m., bil-Quddiesa ta’ l-Ispirtu s-Santu immexxija mill-Pirjol Ġenerali, Patri Joseph Chalmers, li ser ikun akkumpanjat mill-Kunsillieri Ġenerali Patri Rafael Leiva u Patri Anthony Scerri. Għall-Quddiesa tal-ftuħ tal-Kapiltu ser ikun mistieden ukoll il-Provinċjal tal-Karmelitani Tereżjani, Patri Victor Mallia. Nitolbu lill-membri tal-Familja Karmelitana biex jiftakru fina fit-talb tagħhom ħalli dawn il-jiem iħallu l-frott mixtieq.
• Filgħaxija l-Pirjol Ġenerali, Patri Joseph Chalmers, jiltaqgħa fid-Dar tal-Formazzjoni (Balluta) ma’ grupp ta’ żgħażagħ li jiltaqgħu kull xahar għal laqgħat ta’ spiritwalità Karmelitana.
3 ta’ Mejju
• Il-Pirjol Ġenerali, Patri Joseph Chalmers, jiċċelebra l-Quddiesa tat-Tielet Erbgħa tal-Madonna tal-Karmnu, fis-Santwarju Bażilka tal-Belt Valletta.
5 ta’ Mejju
• Tifkira ta’ Sant’Anġlu ta’ Sqallija, Saċerdot u Martri.
Anġlu kien wieħed mill-ewwel Karmelitani li waslu Sqallija mill-Għolja tal-Karmelu. Skond għejun tradizzjonali ta’ min joqgħod fuqhom, xi infidili qatluh f’Licata fl-ewwel nofs tas-seklu tlettax. Kien mill-ewwel meqjum bħala martri u f’post mewtu ma damitx ma nbniet knisja tal-Karmelitani. Il-qima lejn Sant’Anġlu xterdet ħafna, kemm fl-Ordni Karmelitan u kemm fost il-poplu. Hu meqjum bħala patrun ta’ għadd ta’ mkejjen fi Sqallija fejn sa llum id-devoti tiegħu għadhom jitolbuh fi ħtigijiethom u jdawwruh b’imħabba u qima. F’Malta għal dan il-qaddis Karmelitan ghandna msemmija il-Forti Sant’Anġlu u kappella fiż-Żejtun.
• Mill-Ġimgħa 5 sal-Ħadd 8 ta’ Mejju 2006 – L-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani ser torganizza “Irtir Form 1”
8 ta’ Mejju
• Tifkira tal-Beatu Lwiġi Rabtà, Saċerdot.
Twieled f’Erice, ħdejn Trapani, fi Sqallija, madwar is-seklu 15. Daħal fl-Ordni Karmelitan fejn wara sar Pirjol tal-kunvent riformat ta’ Randazzo. Hemmhekk hu miet minħabba ferita li qala’ f’rasu, wara li ħafer lill-qattiel u mingħajr ma kixef ismu.
9 ta’ Mejju
• Tifkira tal-Beatu Ġorġ Preca, Saċerdot.
Twieled il-Belt fit-12 ta’ Frar 1880. Għalkemm daqsxejn ta’ tifel kien imdaħħal fil-Familja Karmelitana bit-tqegħid tal-Labtu tal-Madonna. F’età żagħżugħa ħass is-sejħa saċerdotali. Kien ordnat fit-22 ta’ Diċembru 1906. Fl-ewwel xhur ta’ l-1907 ta’ bidu għall-missjoni tiegħu billi ġabar madwaru grupp żgħir ta’ ġuvintur. Kienu l-ewwel żerrigħa tas-Soċjetà Duttrina Nisranija. L-għan ta’ din l'organizzazjoni kellu jkun il-formazzjoni reliġjuza tat-tfal u ż-żgħażagħ minn lajċi mħejjija tajjeb. Bil-ħsieb li jsir aktar midħla tal-Madonna fil-21 ta’ Lulju 1918 sar Terzjarju Karmelitan. Għamel il-professjoni fis-26 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara. Kien iħossu tassew Karmelitan hekk li bosta drabi fil-kitbiet tiegħu kien iniżżel l-isem ta’ Terzjarju flok dak proprju. Fl-1952, bħala rikonoxximent għall-ħidma bla serħan tiegħu biex ixerred id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu, Dun Ġorġ kien affiljat ma’ l-Ordni Karmelitan. Miet fis-26 ta’ Lulju 1962. Kien beatifikat mill-Papa Ġwanni Pawlu II fuq il-Fossos tal-Furjana nhar id-9 ta’ Mejju 2001. (Ara)
16 ta’ Mejju
• Tifkira ta’ San Xmun Stock, Saċerdot.
San Xmun twieled fl-Ingilterra fis-seklu 13 u miet f’Bordeaux, fi Franza. Fl-Ordni karmelitan huwa meqjum għall-qdusija tiegħu u għad-devozzjoni li kellu lejn il-Verġni Marija. Id-devozzjoni liturġika lejh bdiet fis-seklu 15, fl-Ingilterra, u fis-seklu ta’ wara daħlet għall-Ordni kollu.
22 ta’ Mejju
• Tifkira ta’ Santa Ġwakkina de Vedruna, Reliġjuża.
Santa Ġwakkina twieledet f’Barcellona, Spanja, gis-sena 1783, iżżewġet lil Teodoro de Mas fis-sena 1799 u kellha disat itfal. Romlot fl-1816 u, għaxar snin wara, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, waqqfet il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet Karmelitani tal-Karità, li xerrdet mal-Katalonja kollha billi fetħet ħafna djar għall-kura tal-morda u għall-edukazzjoni tat-tfal, l-aktar dawk fqar. Kienet tħobb tikkontempla l-misteru tat-Trinità li dawwal il-ħajja tagħha ta’ talb, ta’ ċaħda minn kollox, ta’ umiltà u mħabba. Mietet fil-belt ta’ Vich fis-sena 1854.
25 ta’ Mejju
• Festa ta’ Santa Marija Maddalena de Pazzi, Verġni.
Din il-qaddisa twieledet fil-belt ta’ Firenze, Italja, fis-sena 1566. Fl-età ta’ 14-il sena kienet tmur l-iskola fil-kunvent tal-Cavalleresse di San Giovanni di Malta, li minnhom twaqqaf il-monasteru fil-belt kapitali tagħna u li nsibuhom bħala s-sorijiet ta’ Strada Sant’Ursola. Imrobbija tajjeb, daħlet mas-Soriijiet Karmelitani ta’ Firenze. Fil-monasteru għexet ħajja moħbija ta’ talb u ta’ ċaħda għat-tiġdid tal-Knisja, l-aktar billi mexxiet lil ħutha s-sorijiet lejn il-perfezzjoni reliġjuża. Mogħnija bi grazzji kbar ta’ Alla tul ħajjietha kollha, mietet fis-sena 1607. Din is-sena l-Ordni Karmelitan qed jiċċelebra l-400 sena mill-mewt tagħha.
ĠUNJU 2006
3 ta’ Ġunju
• Din is-sena l-Vġili ta’ Għid il-Ħamsin li kull sena jiġi ċċelebrat fuq bażi djoċesana, ser isir fil-Parroċċa tagħna tal-Fgura.
11 ta’ Ġunju
• Solennità tat-Trinità Mqaddsa, fis-santwarju tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt, fis-6.30 pm, se jsir il-ftuħ tal-festi ċentinarji mill-mewt tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità b'quddiesa mmexxija mill-E.T. Mons. Isqof Adeodato Micallef, OCD. Iċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentinarju qed issir mir-reliġjużi Karmelitani u Tereżjani flimkien. Huma mistiedna jieħdu sehem mhux biss l-istess reliġjużi imma wkoll il-membri kollha tat-Terz Ordni Karmelitan.
12 ta’ Ġunju
• Tifkira tal-Beatu Ilarjun Januszewski, Martri.
Patri Ilarjun Januszewski twieled f’Krajenki, Polonja, fil-11 ta’ Ġunju 1907. Ħaddan l-Ordni Karmelitan meta kien żagħżugħ. Intbagħad Ruma biex jagħmel l-istudji teoloġiċi. Meta rritorna pajjiżu kien maħtur pirjol. Fl-4 ta’ Diċembru 1940, fl-età ta’ 33 sena, kien arrestat minħabba l-fidi nisranija u meħud fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau (Ġermanja), fejn marad bit-tifu waqt li kien jassisti l-morda. Miet fil-25 ta’ Marzu 1945. Jibqa’ mfakkar għall-fidi u l-karità kbar tiegħu.
14 ta’ Ġunju
• Tifkira ta’ Sant’Eliżew, Profeta.
“Elija resaq lejn Eliżew, u xeħet fuqu l-mantell tiegħu. Dan ħalla l-gniedes ….. u mar wara Elija, u beda jservih.” (1Slaten 19,19-21). Eliżew irċieva l-ispirtu ta’ Elija, u fost il-ħafna mirakli, fejjeaq lil Nagħman mill-ġdiem u qajjem tfajjel mill-mewt. Għex fost ulied il-profeti u ħafna drabi kien preżenti, f’isem Alla, fil-ġrajjiet tal-poplu Iżraelita.
L-Ordni Karmelitan, li għandu l-bidu tiegħu fuq l-Għolja tal-Karmelu, biċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-profeti l-kbar Elija u Eliżew, jixtieq iżomm ħaj it-tifkira tal-preżenza u l-ħajja tagħhom. Minħabba f’hekk il-Kapitlu Ġenerali ta’ l-1399 ħareġ digriet biex tkun iċċelebrata l-festa ta’ Sant’Eliżew. Għal żminijietna l-profeta huwa xhieda ħajja tal-kariżma profetika permezz tal-fedeltà lejn Alla l-veru u l-qadi tal-poplu tiegħu.
18 ta’ Ġunju
• Patri Joe Saliba jagħti bidu għall-ħidma pastorali tiegħu bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys.
25 ta’ Ġunju
• Patri Joe Vella jagħti bidu għall-ħidma pastorali tiegħu bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Fgura.
28 ta’ Ġunju
• F'għeluq il-125 mill-Inkurunazzjoni tal-kwadru tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt, din is-sena il-ħruġ tal-vara min-niċċa se jieħu forma speċjali. L-Erbgħa, 28 ta' Ġunju, fis-6.15 pm se jsir pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu mill-knisja ta' S. Marija ta' Ġesù tal-Patrijiet Franġiskani, il-Belt, bis-sehem tar-reliġjużi Karmelitani, Karmelitani Tereżjani u Franġiskani. Il-pellegrinaġġ se jkun organizzat minn Radju Marija.
LULJU 2006
1 ta’ Lulju
• Patri Maurice Abela jagħti bidu għall-ħidma pastorali tiegħu bħala Kappillan fil-Parroċċa tal-Balluta.
2 ta’ Lulju
• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Parroċċa ta’ Fleur-de-Lys.
4 ta’ Lulju
• Tifkira tal-Beata Maria Crocifissa Curcio, Verġni.
Twieldet fit-30 ta’ Jannar 1877 f’Ispica (Ragusa), Sqallija, u ngħatat l-isem ta’ Rosa. Wara li temmet il-Grade 6, missierha bagħatha taħdem u tgħin lil ommha. Għatxana għat-tagħlim, kienet issib l-hena tagħha tqalleb il-kotba tal-librerija tal-familja, u qrat il-Ktieb tal-Ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù. Minn dan il-qari tgħallmet dwar il-Karmelu, hekk li din l-imħabba kienet isserrħilha qalbha u timliha b’ferħ li ma jitfissirx. Fl-1890, ta’ 13-il sena, saret membru tat-Terz Ordni Karmelitan, u mill-għarfien ta’ l-ispiritwalità karmelitana, bdiet tifhem x’kien qiegħed iħejji Alla għaliha. Minn Marija, l-Omm tal-Karmelu, ħasset li kienet irċeviet il-missjoni biex ixxerred il-Karmelu mhux biss f’pajjiżha, imma f’artijiet oħrajn ukoll. Kienet lesta toffri lilha nfisha biex l-umanità terġa’ lura lejn Alla. Fit-18 ta’ Mejju 1925, l-għada tal-Kanonizzazzjoni ta’ S. Tereża tal-Bambin Ġesù, flimkien ma’ P. Lorenzo van den Eerembeemt, Karmelitan bl-istess spirtu missjunarju, żaret ir-raħal ta’ Santa Marinella (Ruma), fejn aktar tard, fit-3 ta’ Lulju, bdiet tgħix flimkien ma’ xi xebbiet oħrajn. Ftit jiem wara, fis-16 ta’ Lulju, irċeviet il-konferma ta’ l-affiljazzjoni fl-Ordni Karmelitan u fl-1930 l-approvazzjoni ta’ l-Isqof ta’ Porto S. Rufina. Qabel temmet il-pellegrinaġġ tagħha fuq din l-art, fl-1947 Madre Crocifissa bagħtet l-ewwel erba’ sorijiet missjunarji fil-Brażil u fl-1957 l-ewwel sorijiet Maltin biex jiftħu dar f’Għawdex. Mietet f’Lulju 1957 f’Santa Marinella. (Ara)
5 ta’ Lulju
• Tibda n-novena tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Bażilka tal-Belt Valletta.
9 ta’ Lulju
• Tifkira tal-Beata Ġovanna Scopelli, Verġni.
Twieldet f’Reggio Emilia fis-sena 1428. Saret soru karmelitana u għall-ewwel għexet f’darha, u mbagħad fil-monasteru mwaqqaf minnha stess fil-belt fejn twieldet. Fil-monasteru kellha l-uffiċċju ta’ superjura u kienet magħrufa għad-devozzjoni li kellha lejn il-Verġni Marija. Mietet fl-1491.
• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa tal-Fgura.
12 ta’ Lulju
• Fl-okkazjoni tal-125 sena mill-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Madonna, l-Arċisqof ta’ Malta, l-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca, imexxi l-Quddiesa tan-novena tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Bażilka tal-Belt Valletta. (Ara)
13 ta’ Lulju
• Tifkira ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù ta’ Los Andes, Verġni.
Twieldet fit-13 ta’ Lulju 1900 f’Santiago fiċ-Ċilì mill-familja Fernandez Solar. Minn ċkunitha kienet imsaħħra minn Kristu. Fis-7 ta’ Mejju 1991 daħlet mas-Sorijiet Karmelitani Tereżjani ta’ Los Andes fejn tawha l-isem ta’ Tereża ta’ Ġesù. Għexet bl-akbar ferħ fil-Mulej u sempliċità kbira tal-qalb. Minħabba marda bikrija, għamlet il-Professjoni Reliġjuża qabel iż-żmien fuq is-sodda tal-mewt, li ġrat fit-12 ta’ April 1920. Xempju għaż-żgħażagħ, hija l-ewwel Beata Ċilena u l-ewwel Beata tal-Karmelu fl-Amerika Latina.
14 ta’ Lulju
• Fil-Belt Valletta, fis-7.00 p.m., fl-okkazjoni tal-125 sena mill-Inkurunazzjoni tax-xbieha tal-Madonna, din is-sena t-Translazzjoni Solenni tar-Relikwa tal-Madonna tal-Karmnu tibda mill-knisja parrokkjali ta’ Santu Wistin għas-Santwarju Bażilka. Imexxiha n-Nunzju Appostoliku għal Malta l-E.T. Mons. Felix del Blanco Prieto, bil-parteċipazzjoni tal-patrijiet Karmelitani u Agostinjani.
15 ta’ Lulju
• Jum l-Inkurunazzjoni tal-kwadru mirakoluż tal-Madonna tal-Karmnu meqjum fis-Santwarju Bażilka tal-Belt Valletta (ara). Fis-6.00 p.m. jibda l-Għasar Solenni mmexxi mill-Provinċjal, Patri Alexander Vella, u fis-7.00 p.m. tibda Konċelebrazzjoni Solenni.
16 ta’ Lulju
• Tifkira Solenni ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija tal-Karmnu.
Il-Kotba Mqaddsa jfaħħru s-sbuħija ta’ l-Għolja tal-Karmel, fejn il-Profeta Elija mar iħares is-safa tat-twemmin ta’ Israel f’Alla l-Ħaj. Hawn, ħdejn l-għajn li ħadet isimha minn dan il-Profeta, xi rħieb, fl-aħħar tas-seklu tnax, waqqfu l-għamara tagħhom u bnew oratorju għall-qima ta’ Omm Alla, hekk li bdew jissejħu l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Marija ta’ l-Għolja tal-Karmel, u lilha għażlu bħala Titular u Patruna tagħhom. Għalhekk lilha żammew bħala Omm u Xempju biex jgħixu l-ħajja kontemplattiva u biex iwasslu l-għana ta’ l-għaqda ma’ Alla lil ħuthom il-bnedmin. It-Tifkira Solenni, li ’l hawn u ’l hinn kienet diġà tiġi ċċelebrata fis-seklu erbatax, bil-mod il-mod xterdet ma’ l-Ordni kollu bħala sinjal ta’ ħajr ta’ dawn l-Aħwa għall-benefiċċji bla għadd mogħtija mill-Imqaddsa Omm Alla lill-Familja Karmelitana. (Ara)
• Ċelebrazzjoni Solenni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fis-Santwarju Bażilka tal-Belt Valletta.
Fid-9.15 a.m. tibda l-Quddiesa tal-Festa bil-priedka minn Dun Paul Vella, u fis-6.45 p.m. toħroġ il-Purċissjoni-pellegrinaġġ mat-toroq tal-Belt bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu.
17 ta’ Lulju
• Tifkira tal-Beata Tereża ta’ S. Wistin u Sħabha, Verġni u Martri.
Hekk kif ir-Rivoluzzjoni Franċiża bdiet tidher ixxaqleb għall-agħar, is-sittax-il Karmelitana Tereżjana tal-monasteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ Compiegne offrew lilhom infushom bħala vittma ta’ sagrifiċċju lil Alla, biex iberrdu l-ġustizzja divina u jaqilgħu l-paċi għall-Knisja. Fl-24 ta’ Ġunju 1794 ġew maqbuda u mkaxkrin il-ħabs, fejn għaġġbu lill-oħrajn bil-ferħ ta’ l-ispirtu u t-telqa sħiħa tagħhom f’Alla, waqt li bdew iħeġġu lill-ħabsin kollha jimtlew bil-qawwa billi jemmnu fl-imħabba ta’ Alla. Ġew ikkundannati għall-mewt minħabba l-fedeltà sħiħa tagħhom lejn il-Knisja u lejn il-ħajja reliġjuza, kif ukoll minħabba d-devozzjoni kbira li kellhom lejn il-Qalb ta’ Ġesù u ta’ Marija. Fis-17 ta’ Lulju 1794, wara li ġeddu l-wegħdiet tal-Professjoni Reliġjuża f’idejn Tereża ta’ Santu Wistin, flimkien magħha ġew maqtula f’Pariġi waqt li bdew ikantaw innijiet lil Alla u lill-Madonna.
20 ta’ Lulju
• Solennità ta’ Sant’Elija Profeta, Missier l-Ordni u Protettur tal-Provinċja Karmelitana Maltija.
Fil-Kotba Mqaddsa Elija l-Profeta jidher bħala l-bniedem ta’ Alla li dejjem qagħad quddiem il-Mulej u ssielet bl-akbar ħeġġa għall-qima ta’ Alla veru u waħdieni. Huwa ħares id-drittijiet ta’ Alla quddiem il-poplu kollu f’taqbida kbira fuq l-Għolja tal-Karmel; u fuq il-muntanja Ħoreb ngħata l-esperjenza intima ta’ Alla l-Ħaj. L-ewwel irħieb, li fis-seklu tnax ġeddu l-għamla ta’ ħajja reliġjuża f’ġieħ il-Verġni Marija fuq l-Għolja tal-Karmel, imxew fuq it-tradizzjoni monastika billi ħarsu lejn dan il-Profeta kbir biex ifasslu ħajjithom fuq tiegħu, waqt li jagħtu qima speċjali lil Omm Alla. (Ara)
23 ta’ Lulju
• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina.
24 ta’ Lulju
• Tifkira tal-Beatu Ġwann Soreth, Saċerdot.
Twieled f’Caen fin-Normandija fl-1394 u f’żgħożitu daħal fl-Ordni Karmelitan. F’Pariġi ħa l-lawrja ta’ Duttur fit-Teoloġija; laħaq Prefett ta’ l-istudji u mbagħad Provinċjal ta’ Franza. Fl-1451 intgħażel Pirjol Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan, u hekk baqa’ sa mewtu li ġrat f’Angers fl-1471. Ħadem ħafna biex ixerred u jġedded l-osservanza reliġjuża, kiteb kummentarju mill-isbaħ fuq ir-Regula, ġedded u xandar il-Kostituzzjonijiet fl-1462; għen ħafna fit-twaqqif tas-Sorijiet Karmelitani u fit-tixrid tat-Terz Ordni.
26 ta’ Lulju
• Tifkira ta’ Sant’Anna u S. Ġwakkin, ġenituri tal-Verġni Marija, Protetturi ta’ l-Ordni Karmelitan.
Skond tradizzjoni antika sa mis-seklu 2, dawn kienu l-ismijiet tal-ġenituri tal-Verġni Marija. Fis-seklu 6, Sant’Anna kienet ġa meqjuma fil-Lvant, u fis-seklu 10 l-kult tagħha xtered fil-Punent ukoll, waqt li dak ta’ S. Ġwakkin hu aktar riċenti. L-Ordni Karmelitan hu Ordni kollu kemm hu Marjan u mqiegħed taħt il-patroċinju tal-Verġni Marija. Għalhekk iqim ukoll lil Sant’Anna u San Ġwakkin bħala protetturi sekondarji tiegħu flimkien ma’ S. Ġużepp, li hu l-protettur prinċipali, minħabba li huma lkoll qraba tal-Verġni Marija.
27 ta’ Lulju
• Tifkira tal-Beatu Titu Brandsma, Saċerdot u Martri.
Twieled fir-raħal ta’ Bolsward fl-Olanda fl-1881. Daħal fl-Ordni Karmelitan, u fl-1905 ġie ordnat saċerdot. Wara li għallem liż-żgħażagħ ta’ art twelidu f’għadd ta’ skejjel, inħatar professur tal-filosofija u ta’ l-istorja tat-teoloġija mistika fl-Università Kattolika ta’ Nijmegen, li tagħha mbagħad laħaq ukoll Rettur Manifiku. Kien ħabrieki fil-ġurnaliżmu, hekk li fl-1935 l-Isqfijiet għażluh bħala Kunsillier għall-ġurnalisti kattoliċi ta’ l-Olanda. Dejjem imħejji biex igħin f’kollox u lil kulħadd, żamm ruħu fidil għat-tagħlim ta’ l-Evanġelju, l-aktar waqt l-okkupazzjoni nażista ta’ art twelidu. Tqabad kontra l-ideoloġija tan-nażi bit-tixrid ta’ l-istampa t-tajba, l-aktar biex iħares il-libertà ta’ l-iskejjel kattoliċi. Minħabba f’hekk ġie arrestat. Mibgħut f’ħabs wara ieħor, kull ħin kien ta’ faraġ u għajnuna lill-ħabsin sħabu, sakemm ħaduh lejn il-kamp ta’ konċentrament ta’ Dachau, fejn qatluh fis-26 ta’ Lulju 1942.
30 ta’ Lulju
• Ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa tal-Balluta.
• Ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Santa Venera fil-parroċċa ta’ Santa Venera.
AWISSU 2006
7 ta’ Awissu
• Festa ta’ Sant’Albert ta’ Trapani, Saċerdot.
Albertu twieled fit-13-il seklu fi Trapani, Sqallija. Ta’ età zgħira daħal fl-Ordni Karmelitan fejn kien magħruf għall-predikazzjoni u għall-mirakli tiegħu. Fl-1296 sar Provinċjal ta’ Sqallija u miet f’Messina madwar is-sena 1307. Għadda ħajja magħquda ma’ Alla bit-talb u b’ħajja ta’ safa. Din is-sena jiftħu ċ-ċelebrazzjonijiet li l-Ordni Karmelitan għandu mħejjija f’għeluq is-700 mill-mewt ta’ Sant’Albert, l-ewwel qaddis Karmelitan.
• Fid-Dar tal-Kleru, Fleur-de-lys, se tiġi ċċelebrata Quddiesa għal ruħ Patri Frans Mifsud, O.Carm. Fl-4.10 p.m. jkun hemm ir-Rużarju u fl-4.30 p.m. tibda l-Quddiesa. Inħeġġu lil kull min jista’ biex jattendi.
9 ta’ Awissu
• Festa ta’ Santa Tereża Benedetta tas-Salib, Martri u Patruna ta’ l-Ewropa.
Twieldet Breslau fit-12 ta’ Ottubru 1891 mill-familja Lhudija Stein u tawha l-isem ta’ Edith. Fittxet bl-akbar ħerqa l-verità fl-istudji għolja tal-Filosofija, imma sabitha fil-qari tal-Ktieb tal-Ħajja ta’ S. Tereża ta’ Ġesù. Fl-1922 tgħammdet fil-Knisja Kattolika u fl-1933 daħlet mal-Karmelitani Skalzi ta’ Cologne. Mietet martri għall-fidi nisranija fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz, fejn ġiet mitfugħa f’kamra tal-gass u maħruqa fid-9 ta’ Awissu 1942. Kienet offriet lilha nfisha bħala debħa għall-poplu ta’ Iżrael. Mara ta’ moħħ miftuħ, kif ukoll ta’ għerf kbir, ħalliet bosta kitbiet ta’ tagħlim mill-aqwa u ta’ spiritwalità għolja.
12 ta’ Awissu
• Tifkira tal-Beatu Isidor Bakanja, Martri.
Twieled bejn l-1880 u l-1890 f’Bokendela (Kongo), mit-tribù ta’ Boangi. Sa minn meta kien għadu tifel, biex jgħix kellu jaħdem fil-bini jew fl-għelieqi. Sar nisrani fl-1906. Waqt li kien qed jaħdem fl-għelieqi tal-kolonjalizzaturi f’Ikili, dak li kien qed iħaddmu pprojbielu li jikkonverti lil sħabu l-ħaddiema għar-reliġjon nisranija. Fit-22 ta’ April 1909, il-kap tal-ħaddiema, wara li neħħielu bl-herra l-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu, li Isidoru kien iġib fuqu bħala sinjal tal-fidi nisranija tiegħu, tah xebgħa frosta għall-mewt. Konsegwenza tal-feriti li qala’ minħabba t-twemmin tiegħu, wara li ġarrhom bl-akbar rassenjazzjoni u maħfra lil min għamilhomlu, miet fil-15 ta’ Awissu ta’ l-istess sena. Kien beatifikat minn Ġwanni Pawlu II fl-24 ta’ April 1994.
17 ta’ Awissu
• Tifkira tal-Beatu Anġlu Mazzinghi, Saċerdot.
Twieled f’Firenze (Italja), jew fl-inħawi tagħha, madwar is-sena 1386. Kien ta’ l-ewwel li mexa wara r-riforma msejħa “S. Maria delle Selve” fl-Ordni Karmelitan. Iktar minn darba ġie mlaħħaq Pirjol f’ħafna kunventi ta’ l-Ordni. Iddedika ħajtu għall-predikazzjoni tal-Kelma ta’ Alla. Miet f’Firenze fl-1438.
25 ta’ Awissu
• Tifkira tal-Beata Marija ta’ Ġesù Msallab, Verġni
Mariam Baouardy twieldet f’Abellin tal-Galilea, l-Art Imqaddsa, fil-5 ta’ Jannar 1846 minn familja kattolika ta’ rit grieg-melkita. Fl-1867 daħlet mas-sorijiet Karmelitani Skalzi tal-klawsura fil-belt ta’ Pau, Franza. Tlett snin wara kienet mibgħuta l-Indja flimkien ma’ xi sorijiet oħra biex iwaqqfu kunvent ġdid f’Mangalore. Fl-1872 Sor Marija ta’ Ġesù Msallab irritornat Franza minn fejn wara tliet snin marret ma’ grupp ieħor ta’ sorijiet biex iwaqqfu kunvent f’Betlem. Mietet fl-istess monasteru fis-26 ta’ Awissu 1878.Tibqa’ magħrufa għad-doni sopranaturali li kellha, b’mod speċjali għall-umiltà, id-devozzjoni lejn l-Ispirtu s-Santu u l-imħabba tagħha lejn il-Knisja u l-Papa.
26 ta’ Awissu
• Tifkira tal-Beatu Jacques Retouret, Saċerdot u Martri.
Il-Beatu Jacques Retouret (1746-1794) jagħmel parti minn grupp ta’ 64 saċerdot, li jirrappreżentaw mijjiet ta’ saċerdoti u reliġjużi oħra, meħudin u mitfugħin bħall-annimali fuq vapuri mibdula f’ħabsijiet fil-bajja ta’ Rochefort, Franza, matul l-agħar żmien tar-Rivoluzzjoni Franċiza. Il-Beatu Jacques, meta sar jaf bil-falsità tal-ġurament lejn il-Kostituzzjoni Ċivili min-naħa tal-kleru, wera bil-miftuħ in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-Kostituzzjoni l-ġdida bil-konsegwenza li ġie meqjus għadu tal-poplu li kien qdieh bħala reliġjuż osservanti u predikatur mill-aqwa fil-kunvent tiegħu ta’ Limoges. Wara tbatijiet l-aktar ħarxa u nuqqas ta’ għajnuna spiritwali, magħkus l-aktar minħabba l-bard, il-Beatu Jacques miet bl-pesta fis-26 ta’ Awissu 1794 u midfun fuq il-gżira ta’ Madame.
SETTEMBRU 2006
1 ta’ Settembru
• Tifkira ta’ Santa Tereża Margerita Redi tal-Qalb ta’ Ġesù, Verġni.
Twieldet fl-1747 f’Arezzo, it-Toskana (l-Italja), mill-familja nobbli Redi. Fl-1 ta’ Settembru 1764 daħlet fil-monasteru tas-sorijiet Karmelitani Skalzi f’Firenze. Għaddiet ħajjitha f’kontemplazzjoni kontinwa mnebbħa mill-kliem ta’ l-Appostlu Ġwanni: “Alla hu mħabba”. Kienet tħobb il-ħajja moħbija fl-imħabba lejn Alla u fil-penitenza. Imxiet fit-triq tal-perfezzjoni billi qdiet b’mod erojku u mingħajr waqfien lil ħutha s-sorijiet. Mietet f’Firenze fl-1770.
2 - 9 ta’ Settembru
• Fl-“Istituto Madonna del Carmelo”, f’Sassone, Ruma, għandu jsir Kungress Internazzjonali għal-Lajċi Karmelitani. Is-suġġett tal-Kungress ser ikun “Formazzjoni u Komunikazzjoni għas-servizz tal-Komunità”. Minn Malta ser jieħdu sehem Mariella Chetcuti mill-Fgura u Carmen Farrugia miż-Żurrieq.
13 ta’ Settembru
• Fil-kappella tad-Dar tal-Kleru, Fleur-de-lys, se tiġi ċċelebrata Quddiesa għal ruħ Patri Ġiljan Calleja, O.Carm. Fl-4.10 p.m. jkun hemm ir-Rużarju u fl-4.30 p.m. tibda l-Quddiesa. Inħeġġu lil kull min jista’ sabiex jattendi.
17 ta’ Settembru
• Festa ta’ Sant’Albert ta’ Ġerusalemm, Isqof u Leġislatur.
Twieled madwar is-seklu tnax f’Castel Gualtieri, l-Italja ta’ Fuq. Talab li jkun magħdud fost il-Kanonċi Regulari ta’ Santa Croce di Mortara fejn fl-1180 laħaq Pirjol. Erba’ snin wara ġie mibgħut bħala Patrijarka f’Ġerusalemm fejn, bil-kelma u bl-eżempju, wera ruħu bħala ragħaj għat-tixrid tal-paċi. Matul iż-żmien tal-Patrijarkat tiegħu, jiġifieri mill-1206 sa l-1214, hu kiteb għall-eremiti li kienu jinsabu fuq l-għolja tal-Karmelu, ir-Regula. Ġie maqtul fl-14 ta’ Settembru 1214.
18 - 19 ta’ Settembru
• Assemblea Provinċjali għar-reliġjużi Karmelitani Maltin li se ssir fid-dar tal-“Lunzjata”, Rabat, fit-18 ta' Settembru 2006. L-għada ssir laqgħa għall-Pirjoli tal-komunitajiet. It-tema ta’ l-Assemblea hi “Kif nibnu komunità aħjar; ir-rwol ta’ min qed imexxi u skills meħtieġa għal laqgħat komunitarji effettivi." Il-kelliem taż-żewġ sessjonijiet se jkun P. Alfred Darmanin, S.J.
OTTUBRU 2006
1 ta’ Ottubru
• Festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Verġni u Duttur tal-Knisja.
Twieldet f’Alençon, Franza, fl-1873. Ta’ età żgħira daħlet fil-monasteru ta’ Lisieux fejn għexet b’mod waħdieni l-umiltà u t-tagħlim evenġeliku u wriet fiduċja kbira f’Alla. Kienet tisħaq mingħajr waqfien dwar il-virtù fuq in-novizzi, permezz tal-kelma u ta’ l-eżempju. Mietet fit-30 ta’ Settembru tas-sena 1897, toffri ħajjitha għall-qdusija ta’ l-insara u tal-membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu (ara).
● Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, l-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani se torganizza Quddiesa fil-knisja tal-Patrijiet Karmelitani fl-Imdina. Il-Quddiesa tibda fil-11.00 a.m. u wara jkun hemm ħarġa flimkien. Aktar tagħrif jinkiseb mingħand id-Direttur tal-Vokazzjonijiet.
6 ta’ Ottubru - 10 ta' Novembru
• Il-Parroċċa Madonna tal-Karmnu, Balluta, se torganizza kors għal-Letturi u Animaturi tal-Liturġija bejn is-6 ta’ Ottubru u l-10 Novembru 2006. Il-laqgħat, li jibdew fis-7.00 ta’ filgħaxija u jsiru fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Balluta, huma miftuħin għal dawk kollha li jaqraw jew janimaw fil-Liturġija u għal dawk li jixtiequ jibdew jagħtu dan is-servizz fil-parroċċa tagħhom. Il-programm se jkun imqassam hekk:
Il-Ġimgħa, 6 ta’ Ottubru 2006
Introduzzjoni: Il-Ministeru ta’ Letturi
Patri Alexander Vella, O.Carm., Provinċjal
Il-Ġimgħa, 13 ta’ Ottubru 2006
Kif ġiet iffurmata l-Bibbja
Patri Alexander Vella, O.Carm., Provinċjal
Il-Ġimgħa, 20 ta’ Ottubru 2006
Forom Letterarji li nsibu fil-Kotba tal-Bibbja
Patri Alexander Vella, O.Carm., Provinċjal
Il-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru 2006
Animazzjoni Liturġika u l-għażla ta’ l-innijiet Liturġiċi
Patri Renald Lofreda, O.Carm.
Il-Ġimgħa, 3 ta’ Novembru 2006
Metodi prattiċi ta’ kif naqraw fil-Quddiesa
Sur Laurence Mizzi
Il-Ġimgħa, 10 ta’ Novembru 2006
Prattika ta’ Qari tal-Kelma t’Alla
Sur Laurence Mizzi
Għal iktar tagħrif wieħed jista’ jikkuntatja lill-Kappillan tal-Balluta, Patri Maurice Abela, O.Carm.: Tel 21330198 (ext 118), 21344306, Mob 79071610.
8 ta’ Ottubru
• Beatifikazzjoni ta’ Madre Maria Teresa ta’ Ġesù Scrilli, fundatriċi tas-Sorijiet ta’ l-Istituto di Nostra Signora del Carmelo. Il-Beatifikazzjoni se ssir fi Fiesole (Firenze), l-Italja.
Suor Marija Tereża twieldet fil-15 ta’ Mejju 1825 fir-raħal ta’ Montevarchi (Arezzo), fl-Italja. Hija saret Terzjarja Karmelitana u bdiet taħdem għall-edukazzjoni tat-tfajliet fqar tar-raħal tagħha. Fl-1854 hija waqfet il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet li kienet affiljata ma' l-Ordni Karmelitan fil-31 ta' Marżu 1929. Il-ħidma ta' Suor Marija Tereża ħalliet frott kbir għax illum il-Kongregazzjoni tagħha tinsab preżenti fl-Istati Uniti, Kanada, Polonja, Indja, Brażil u fir-Reppubblika Ċeka. Il-Fundattrici mietet fl-14 ta’ Novembru 1889 u fl-20 ta’ Diċembru 2003 il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarha Venerabbli.
● Fil-Parroċċa ta’ Santa Venera se jkun organizzat ‘Jum il-Vokazzjonijet Karmelitani’.
15 ta’ Ottubru
• Festa ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, Verġni u Duttur tal-Knisja.
Twieldet f’Avila, Spanja, fl-1515. Daħlet fl-Ordni Karmelitan fejn għamlet passi kbar fit-triq tal-perfezzjoni u kellha rivelazzjonijiet mistiċi. Ħadmet ħafna għar-riforma ta’ l-Ordni, u wara li sofriet bosta tbatijiet, irnexxielha b’kuraġġ kbir tegħleb kull diffikultà. Kitbet ħafna opri ta’ tagħlim għoli mgħejjuna mill-istess esperjenza personali li kellha. Mietet f’Alba de Tormes fl-1582.
15 ta’ Ottubru
• Festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera. In-novena bi tħejjija għall-festa tibda fil-5 ta’ Ottubru. Matul dawn il-jiem se jkun hemm diversi ċelebrazzjoniijet. Il-festa tilħaq il-qofol tagħha l-Ħadd, 15 ta’ Ottubru. Fil-għaxija, il-Provinċjal, P. Alexander Vella, imexxi Quddiesa Solenni u wara jsir pellegrinaġġ bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu.
28 ta’ Ottubru
• Bejn it-28 u d-29 ta’ Ottubru, l-Għaqda Vokazzjonijiet Karmelitani se torganizza irtir għall-istudenti li bdew l-ewwel sena ta’ l-iskola sekondarja (Form 1).
NOVEMBRU 2006
1-30 ta’ Novembru
• Matul dan ix-xahar il-kannirja tal-Knisja tal-Karmnu fl-Imdina se tkun miftuha:
- mill-1 sal-5 ta' Novembru mis-7.00am sas-6.00pm;
- kull nhar ta' Ħadd mit-8.00am sa l-10.00am;
- il-Ħamis 2 u l-Ġimgħa 3 ta’ Novembru jkun hemm Quddiesa
fil-5.30pm;
- kull nhar ta' Tnejn jkun hemm Quddiesa fil-5.30pm.
5 ta’ Novembru
• Tifkira tal-Beata Franġiska D’Amboise, Reliġjuża.
Twieldet fis-sena 1427, x’aktarx f’Thouars, Franza. Wara l-mewt ta’ żewġha, Pietru II, Duka tal-Bretanja, hija kellha taħditiet spiritwali mal-Beatu Ġwanni Soreth, Ġeneral tal-Karmelitani. Fuq parir tiegħu libset l-abitu ta’ l-Ordni u daħlet soru fil-monasteru ta’ Nantes fejn għaddiet parti kbira minn ħajjitha. Bħala superjura ħadmet bis-sħiħ għall-formazzjoni ta’ ħutha s-sorijiet. Hija meqjusa bħala l-fundattriċi tas-sorijiet Karmelitani fi Franza. Mietet fis-sena 1485.
8 ta’ Novembru
• Tifkira tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità, Verġni.
Eliżabetta Catez tat-Trinità twieldet fl-1880 fid-djoċesi ta’ Bourges, Franza. Fl-1901 daħlet fil-monasteru tas-sorijiet Karmelitani Skalzi ta’ Dijon. Hemmhekk għamlet il-professjoni reliġjuża fl-1903 u fl-1906 ittajret “lejn id-dawl, l-imħabba u l-ħajja” ta’ l-Għarus Divin tagħha. Għarfet tadura lil Alla fl-ispirtu u l-verità tant li ħajjitha kienet “tifħir u glorja” lit-Trinità Qaddisa preżenti f’ruħha u li hija għarfet tħobb ukoll fil-waqtiet ta’ dlam ġewwieni u mard qalil. Fil-misteru ta’ l-inabitazzjoni divina hija sabet “is-sema fl-art”: din kienet il-karizma speċjali u l-missjoni tagħha għall-Knisja. (Ara)
13 ta’ Novembru
• Tifkira tal-Beata Marija Tereża Scrilli, Verġni.
Marija Tereża twieldet fil-15 ta’ Mejju 1825 fir-raħal ta’ Montevarchi (Arezzo), fl-Italja. Saret Terzjarja Karmelitana u bdiet taħdem għall-edukazzjoni tat-tfajliet fqar tar-raħal tagħha. Fl-1854 hija waqqfet Kongregazzjoni tas-Sorijiet (Istituto di Nostra Signora del Carmelo) li kienet affiljata ma' l-Ordni Karmelitan fil-31 ta' Marżu 1929. Il-ħidma ta' Suor Marija Tereża ħalliet frott kbir għax illum il-Kongregazzjoni tagħha tinsab preżenti fl-Istati Uniti, Kanada, Polonja, Indja, Brażil u fir-Reppubblika Ċeka. Il-Fundattrici mietet fl-14 ta’ Novembru 1889 u kienet dikjaratha Beata fit-8 ta’ Ottubru 2006.
14 ta’ Novembru
• Festa tal-Qaddisin kollha ta’ l-Ordni Karmelitan.
Nifirħu llum fil-Mulej, aħna u nagħmlu l-festa tal-Qaddisin kollha ta’ l-Ordni Karmelitan, li taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija, Fjur tal-Karmelu u Sultana ħanina, imxew bil-ħeffa fit-triq tal-perfezzjoni u llum qed isaltnu għal dejjem fis-sema. Bil-festa tagħhom jifirħu l-Anġli u jfaħħru l-Iben ta’ Alla.
15 ta’ Novembru
• Tifkira ta’ l-Aħwa kollha mejtin ta’ l-Ordni Karmelitan.
Imqanqlin mill-imħabba għal Kristu u l-qima lejn l-Omm maħbuba ta’ Alla, l-Aħwa tal-Familja Karmelitana jkomplu jgħixu f’dik l-imħabba fraterna, kemm fit-taqbida tagħhom għal Kristu fuq din l-art, kif ukoll waqt li qed jistennew id-dehra glorjuża tal-Mulej wara l-mixja tagħhom fuq din l-art. Għalhekk, l-Ordni Karmelitan, magħqud fit-talb, jirrikmanda l-aħwa rġiel u nisa reliġjużi mejtin kollha lill-ħniena ta’ Alla biex bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, rahan ta’ tama u hena ċerta, jilqagħhom fost il-Kori glorjużi ta’ l-Anġli.
19 ta’ Novembru
• Tifkira ta’ San Rafel Kalinowski ta’ S. Ġużepp, Saċerdot.
Rafel Kalinowski twieled minn ġenituri Pollakki fil-belt ta’ Vilnius fis-sena 1835. Wara żmien fil-ħajja militari ħa sehem fir-rewwixta ta’ pajjiżu. Fis-sena 1864 kien ikkundannat għal 10 snin xogħol iebes fis-Siberja. Fis-sena 1877 daħal fl-Ordni tal-Karmelitani Skalzi u fl-1882 kien ordnat saċerdot. Mexxa ‘il quddiem il-Karmelu Tereżjan fil-Polonja, ħadem bla heda u bl-akbar heġġa għall-għaqda tal-knejjes u fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u d-Direzzjoni Spiritwali. Miet f’Wadowice fl-1907.
21 ta’ Novembru
● Tifkira tal-Presentazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija fit-Tempju.
Din il-festa tiċċelebra l-konsagrazzjoni tal-Verġni Marija lil Alla li sa minn ċkunitha tagħtu lilha nfisha kollha kemm hi mqanqla mill-Ispirtu s-Santu, li mlieha bil-grazzja tiegħu fit-tnissil tagħha bla tebgħa. Hija festa li taf il-bidu tagħha fil-festa tad-dedikazzjoni ta’ knisja ġdida f’ġieh il-Madonna li nbniet f’Ġerusalemm qrib it-Tempju tal-Lhud fis-sena 543. Minkejja li din il-bażilka ilha mġarrfa l-mijiet tas-snin, il-festa nżammet bħala tifkira fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja Latina, minħabba li hi festa kbira fil-knejjes kollha tal-Lvant, sa mis-seklu VII.
Il-festa daħlet fil-Knisja Latina fis-sena 1371 mill-Papa Girgor XI, wara li ħajru l-ambaxxatur tiegħu f’Ċipru, Philippe de Maizieres, meta qallu b’liema solennità kienet tiġi ċċelebrata f’Ċipru. Għall-ewwel kienu jiċċelebrawha biss il-Franġiskani Minuri, imma ma damitx ma tkun iċċelebrata wkoll fil-Kurja tal-Papa, li dak iż-żmien kienet f’Avignon.
Meta l-festa daħlet fil-Kalendarju tal-Knisja Latina t-tifkira tad-dedikazzjoni tal-bażilka tal-Madonna f’Ġerusalemm kienet ġà ntesiet għal kollox u l-Knisja Biżantina kienet tfakkar il-ġrajja tal-Preżentazzjoni tal-Verġni Marija fit-Tempju kif jirrakkontaha l-Evanġelju Apokrifu ta’ San Ġakbu.
29 ta’ Novembru
• Beati Dijonisju tan-Natività u Redent tas-Salib, Reliġjużi u Martri.
Dijonisju tan-Nattività, saċerdot, fis-seklu Pietru Berthelot, twieled f’Honfleur, Franza, fl-1600. Kien Kaptan u studjuż tal-ġografija astronomika fuq il-bastimenti tar-Rejiet ta’ Franza u tal-Portugal. Fl-1635 daħal mal-Karmelitani Skalzi f’Goa. Hawnhekk fis-sena 1615, il-Portugiż Tomas Rodriguez da Cunha, ipprofessa bħala Fra bl-isem ta’ Redent tas-Salib. Dan il-Beatu twieled fl-1598. Mibgħutin fil-gżira ta’ Sumatra, l-Indoneżja, fid-29 ta’ Novembru 1638, huma taw xhieda tal-fidi tagħhom fi Kristu meta sofrew il-martirju ħdejn il-belt ta’ Achèn.
DIĊEMBRU 2006
1 ta’ Diċembru
• Knisja Parrokkjali Kolleġġjata ta’ San Pawl, Rabat: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani.
2 ta’ Diċembru
• Fl-10.00 a.m. se ssir laqgħa tal-Vokazzjonijiet għall-istudenti tal-Forms 1 u 2. Il-laqgħa se ssir fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Fgura. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mingħand id-Direttur tal-Vokazzjoniet (e-mail).
3 ta’ Diċembru
• Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, Balluta: Laqgħa u quddiesa għall-irġiel u koppji Terzjarji Karmelitani.
4 ta’ Diċembru
• Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, Balluta: Laqgħa u quddiesa għan-nisa Terzjarji Karmelitani.
5 ta’ Diċembru
• Tifkira tal-Beatu Bartolomew Fanti, Saċerdot.
Twieled f’Mantova, Italja, u fl-1452 kien diġà saċerdot Karmelitan fil-Kongregazzjoni Mantovana. Għal tlieta u ħamisin sena, għamilha ta’ Direttur Spiritwali u Rettur tal-Konfraternità tal-Beata Verġni Marija fl-istess belt. Kiteb għall-istess Konfraternità r-Regula u l-Kostituzzjonijiet; kien magħruf ħafna għall-imħabba lejn l-Ewkaristija. Miet fl-1495.
• Kappella ta’ Santa Luċija, Naxxar: Laqgħa u quddiesa għat-Terzjarji Karmelitani.
6 ta’ Diċembru
• Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, Gżira: Laqgħa u quddiesa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Żurrieq: Fl-4.30pm laqgħa u quddiesa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp, Msida: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani.
• Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera, Santa Venera: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani.
7 ta’ Diċembru
• Kappella ta’ Casa San Pietro, Ħal Lija: Fit-8.00am laqgħa u quddiesa għat-Terzjarji Karmelitani.
8 ta’ Dicembru
• Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija.
Il-festa tal-Kunċizzjoni nsibuha fil-knejjes tal-Lvant fil-bidu tas-seklu VIII, u minn hemm waslet fl-Italja t’isfel fis-seklu IX meta l-Imperatur Ljun VI (896-903) ried li tiġi ċċelebrata fl-Imperu Biżantin kollu.
Il-festa tat-Tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija l-ewwel li niltaqgħu magħha hija fl-Ingilterra u kienet imxerrda ħafna fiż-żmien qabel li n-Normanni ħadu f’idejhom is-saltna Ingliża. Ta’ min jinnota li meta l-Papa kien f’Avignon (Franza) bejn l-1305 u 1378, hu flimkien mal-Kurja tiegħu kienu jmorru jiċċelebraw din il-festa fil-Kunvent tal-Karmelitani ta’ l-istess belt.
Il-Konċilju ta’ Basilea, fl-1437, xandar li l-Verġni Marija kienet ħielsa minn kull tebgħa tad-dnub, u ried ukoll li jitħejjew quddies u uffiċċju f’ġieħ dan il-misteru. Kien il-Beatu Piju IX li bil-Kostituzzjoni Appostolika Ineffabilis Deus tat-8 ta’ Diċembru 1854 ddefinixxa t-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija bħala Domma tal-Fidi. Erba’ snin wara jiġifieri fl-1858 seħħew id-dehriet f’Lourdes. F’waħda minn dawn id-dehriet Bernardette Soubirous, staqsiet lil dik is-Sinjura minn kienet u hija weġbitha, “Jiena l-Immakulata Kunċizzjoni.” (Ara)
12 ta’ Diċembru
• Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, Fleur-del-ys: Laqgħa għat-Terzjarji Karmelitani.
14 ta’ Diċembru
• Festa ta’ San Ġwann tas-Salib, Saċerdot u Duttur tal-Knisja.
San Ġwann twieled f’Fontiveros, Spanja, għall-ħabta tas-sena 1542. Wara li daħal mal-Karmelitani, kien l-ewwel wieħed fost ir-reliġjużi rġiel li tħeġġeġ minn S. Tereża ta’ Avila u ndaħal għall-ħidma tar-riforma ta’ l-Ordni, fost taħbit u tħabrik liema bħalu. Miet fl-1591 f’Ubeda (Spanja), imfaħħar ħafna għal qdusitu u għal għerfu, kif jixhdu l-opri spiritwali miktuba minnu. (Ara 1, 2)
20 ta’ Diċembru
• Fis-7.30 p.m., fil-knisja tal-Karmnu fl-Imdina, se jsir kunċert tal-Milied mill-kor parrokkjali tal-Fgura Infaħħru lil Marija. Il-kunċert se jkun varjat bejn għanjiet tal-Milied u qari ta’ poeżiji ta’ Karmelitani Maltin. Kulħadd mistieden.
25-28 ta’ Diċembru
• Jiem ta’ Adorazzjoni fil-Bażilka Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Dawn il-jiem jagħlqu b’konċelebrazzjoni Solenni nhar it-28 ta’ Diċembru.
28 ta’ Diċembru
• Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, Fleur-del-ys: Irtir tax-xahar għat-Terzjarji Karmelitani.
30 ta’ Diċembru
• F’nofsinhar, fil-knisja tal-Karmnu fl-Imdina se jsir kunċert tal-Milied. Din id-darba se jkun permezz tad-daqq ta’ l-arpa u vuċi. Kulħadd mistieden.
|