Viżta Fraterna tal-Provinċjal fil-Missjoni
Mit-8 ta’ Jannar sal-1 ta’ Frar 2010, il-Provinċjal P. Michael Farrugia u l-Assistent Provinċjali P. Anthony Cilia għamlu żjara provinċjali lir-reliġjużi Karmelitani li qegħdin jgħixu u jaħdmu fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Amerika t’Isfel. Waqt din iż-żjara fraterna huma bdew biex iżuru lil P. José Cilia li qiegħed iwettaq il-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa Madonna tal-Karmnu, f’Joilet, Chicago. Waqt din iż-żjara f’Joilet, il-Provinċjal u l-Assistent iltaqgħu man-nies tal-parroċċa fejn P. Jose’ Cilia huwa l-Kappillan.
Din iż-żjara kompliet f’Lima, il-belt kapitali tal-Perù, fejn hemm jgħix u jaħdem P. Salv Bartolo, kif ukoll l-istudent Bolivjan Marco Antonio li qiegħed jagħmel in-novizzjat tiegħu.
Wara l-Perù, il-Provinċjal flimkien mal-Assistent tiegħu, żaru l-Kummissarjat Provinċjali fil-Bolivja u ltaqgħu mar-reliġjużi Karmelitani maltin li jinsabu jaħdmu f’La Paz u f’Tarija. Hemm iltaqgħu mal-Kummissarju P. Garvin Grech, P. Albert Brincat, P. Valerjan Mercieca, P. George Keers, P. Milton Murillo Ortiz, Fra Josef Cutajar u Fra Felix student fil-Filosofija. Waqt din iż-żjara ġiet iċċelebrata l-Assemblea tal-Kummissarjat, fejn ġew diskussi diversi punti bħas-sitwazzjoni soċjo-materjali u ekonomika tal-kunventi u tal-parroċċi mmexxija mill-patrijiet Karmelitani Maltin, kif ukoll ġew diskussi l-vokazzjonijiet.
Il-Provinċjal kellu wkoll l-okkażjoni jiltaqa’ u jitkellem mal-Isqof ta’ Tarija u mal-membri tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali f’La Paz u f’Tarija.
Fl-okkażjoni ta’ din iż-żjara provinċjali, f’isem il-Provinċja Karmelitana u l-Kummissarjat tal-Bolivja, il-Provinċjal jixtieq jirringrazzja lil dawk il-benefatturi u l-ħbieb li bid-donazzjonijiet u bil-ħidma tagħhom jgħinu l-missjoni Karmelitana fil-Bolivja u jħeġġeġ lill-benefatturi u lill-ħbieb tal-missjoni Karmelitana biex inkomplu nkunu magħqudin fit-talb taħt il-ħarsien ħelu ta’ Marija Omm il-Karmelu.
