PersonaġġiQaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla L-IMPATT TA' SAN ĠWANN TAS-SALIB Stephen Zammit, sdc
Matul il-medda tas-snin, dawn il-kotba nqalbu f’bosta ilsna u xterdu mal-partijiet kollha tad-dinja. Fost l-oħrajn, fil-bidu tas-seklu 20, uħud minnhom ġew f’idejn seminarista jew saċerdot żagħżugħ li, bħal San Ġwann tas-Salib, ħass li Alla qed jispirah biex iwaqqaf moviment ġdid fi ħdan il-Knisja. Dan is-saċerdot żagħżugħ kien Dun Ġorġ Preca li, għatxan biex iħalli lil Alla jimla lil ħajtu, sab f’San Ġwann tas-Salib dawl u gwida mill-aktar imprezzabbli. Tant hu hekk li meta Dun Ġorġ waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, hu ried li l-membri tas-Soċjetà tiegħu, li hu poġġielhom il-qdusija bħala għan ta’ ħajjithom minkejja li kienu lajċi, jistudjaw sewwa t-Teoloġija mistika u speċjalment il-kitbiet ta’ San Ġwann tas-Salib. Fil-Kostituzzjoni li hu ppreżenta lill-Inkjesta ordnata mill-Isqof Dom Mauro Caruana fl-1916 hu kiteb: “L-awżiljarju għat-teoloġija mistika għandu jipprokura t-trattati assenjati tal-mistika lill-Oqsma tad-djoċesi; jinqeda b’San Giovanni della Croce.”2 Meta, aktar tard, Dun Ġorġ ifformula l-Kostituzzjoni b’aktar dettal u reqqa, hu saħansitra semma lil San Ġwann tas-Salib tliet darbiet. Biex nagħti eżempju wieħed biss, f’Kapitlu XL jikteb: “Liema huwa l-uffiċċju tal-Kultur mistiku? – Li jippromwovi t-tagħlim tat-Teoloġija mistika; għalhekk għandu jipprokura li jkollu taħt idejh it-trattati kollha u l-materji ta’ l-Assenjatur li jmissu t-Teoloġija mistika; jimxi fuq San Giovanni della Croce u fuq l-iScaramelli li tant studja u ikkultiva lil San Giovanni della Croce.”3 Żgur li Fundatur preċiż u metikoluż bħal Dun Ġorġ Preca, ma kienx ser jassenja awtur li qabel ma kienx qrah u apprezzah hu stess! L-isem ta’ Ġwanni tas-Salib jirrikorri f’diversi kitbiet ta’ Dun Ġorġ fosthom fi Il-Kalċi tal-Morr4, Is-Sinagoga l-Ġdida5, L-Eku tal-Ħbieb6, Il-Vuċi tal-Kustodju7, Il-Cathedra tal-MUSEUM8, u Omeliji ta’ Patri Franku.9 Hu jsemmi wkoll lil San Ġwann tas-Salib f’ittra li kiteb lil Rakele Camilleri fil-31 ta’ Lulju 1930.10 Forsi aktar importanti minn hekk, Dun Ġorġ spiss jikkwota u juża metafori minn San Ġwann tas-Salib bla ma jsemmi l-qaddis b’ismu. Min hu ftit midħla tal-kitbiet ta’ San Ġwann tas-Salib, spiss iħoss l-influwenza qawwija tiegħu meta jaqra xi kitbiet ta’ Dun Ġorġ Preca. Biex nagħtu xi ftit eżempji, fl-Abbandun Totali Dun Ġorġ jikteb: “Trid tara jekk qalbek hiex attakkata ma’ xi ħadd jew ma’ xi ħaġa jew ma’ xi sentiment tad-dinja? Ara waqt il-prova lil min tagħti preferenza, hux lir-rieda ta’ Alla jew lir-rieda tiegħek. … jekk qalbek hi attakkata mad-dinja ma tistax tittajjar lejn il-Kreatur tagħha. U la toqgħodx tgħid ‘Dawn ħwejjeġ kbar jew żgħar’; il-fatt huwa li r-ruħ hi marbuta. Għasfur marbut b’ħajta tal-ħarir xorta ma jistax itir avolja miżmum b’ħajta.”11 Din ta’ l-aħħar hi metafora għażiża ħafna għal San Ġwann tas-Salib.12 Fi Il-Cathedra tal-MUSEUM insibu diversi każijiet oħra. Fost l-oħrajn Dun Ġorġ jikteb: “L-aptiti huma dawk li jgħejju, idallmu, itebbgħu u jiffjakkaw ir-ruħ.”13 Jikteb ukoll: “Meta r-ruħ issib dawn il-ħlewwiet spiritwali, diffiċli żżomm ruħ umli, għaliex tiġi ċerta stima tagħha nnifisha, ċerta għaxqa fuq l-opri tagħha.”14 Din li ġejja hi forsi l-aktar evidenti għax mhix sempliċement frażi jew sentenza iżda paragrafu sħiħ. Fil-fatt, f’paġna 379 ta’ Il-Cathedra jikteb: Dan kollu juri mhux biss li Dun Ġorġ kien familjari ma’ mill-anqas żewġ kotba ta’ San Ġwann tas-Salib, imma dawn ħallew impatt qawwi fih. Dan jidher speċjalment f’diversi aspetti tal-kitbiet tiegħu. Il-parallelliżmu u x-xebh bejn dawn iż-żewġ kittieba kienu diġà ġew innutati minn Joseph Camilleri sdc li fi Kalendarju Museumin ta’ Diċembru 1991 kiteb “Jekk ngħarblu sewwa kitbet San Ġwann tas-Salib naraw xebh sewwa ma’ kitbet Dun Ġorġ. Forsi jkun siewi studju bħal dan taż-żewġ kittieba.”16 Fil-paragrafi li ġejjin ser nipprova nilqa’ l-istedina tiegħu billi nanalizza ħafif ħafif tliet aspetti li huma kruċjali għal San Ġwann tas-Salib. L-Esperjenza qawwija ta' Alla Għal San Ġwann tas-Salib, l-unjoni ma’ Alla hija possibbli għax il-Mulej għoġbu jipprovdilna lil Ibnu stess bħala gwida. Għalkemm San Ġwann tas-Salib rari jsemmi l-isem ta’ Ġesù Kristu fil-kitbiet tiegħu, dan jiġri għax kien jippreferi jsejjaħlu b’titli aktar intimi bħalma huma ‘l-għarus’ u ‘il-maħbub tar-ruħ’. Federico Ruiz-Salvador, wieħed mill-esperti fuq San Ġwann tas-Salib, jikteb: “L-ewwel osservazzjoni hi li Ġesù jokkupa l-postijiet ewlenin u jagħmel possibli l-unjoni m’Alla. Kull stadju fil-proċess ta’ l-unjoni tal-bniedem ma’ Alla jirċievu l-istruttura u d-dinamiżmu mill-misteru ta’ Kristu.”17 San Ġwann tas-Salib ipoġġi lil Ġesù Kristu proprju fiċ-ċentru. Hu jikteb dwar in-nisrani li jixtieq jasal għall-unjoni m’Alla: “Ħa jkollu kull ħin xewqa li f’kull ma jagħmel, jimita lil Kristu, u jagħmel li ħajtu tkun tixbah lil dik ta’ Kristu, li fuqha għandu jimmedita bla heda sabiex isir jaf sewwa kif għandu jimitah, ħalli f’kollox iġib ruħu bħalma Kristu nnifsu kien jagħmel.”18 Fuq kollox juri li jrid jimita lil Kristu Kruċifiss, meta Kristu kien “mitluq u bħal imxejjen f’ruħu, u kien imċaħħad minn kull faraġ u għajnuna, ladarba Missieru telqu fl-agħar nixfa fil-ħajja naturali tiegħu, hekk li kellu ta’ bilfors joħroġ bil-għajta u jgħid ‘Alla tiegħi! Alla tiegħi! Għaliex tlaqtni?’”19 It-triq li terraq is-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, li fl-aħħarnett wasslet biex l-umanità tkun tista’ tingħaqad m’Alla, hija wkoll it-triq li San Ġwann tas-Salib jipproponi lil kulmin irid din l-għaqda m’Alla. Minħabba t-tbatija u ċ-ċaħda li tinvolvi, hu jsejħilha ‘It-triq id-dejqa.’ Hu jinterpreta s-sentenza ta’ Kristu li nsibu fi Mt 7,14 fid-dawl tal-kunċett tiegħu ta’ ċaħda totali. Hu jikteb: “Ta’ min jinnota wkoll li l-ewwel Hu jgħid li ‘il-bieb huwa dejjaq’, biex jagħmilha ċara li sabiex ir-ruħ tidħol minn dan il-bieb, li huwa Kristu, u li jinsab fil-bidu tat-triq, huwa meħtieġ li qabel xejn ir-rieda tiegħu tkun imbattla u mċaħħda mill-ħwejjeġ kollha tas-sensi u li jgħaddu malajr; u Alla għandu jkun maħbub fuq kollox.”20 Għalkemm fil-Kristoloġija tiegħu l-Beatu Ġorġ Preca kien influwenzat minn diversi kittieba u mhux minn San Ġwann tas-Salib biss, ta’ min jinnota li l-post li Dun Ġorġ jagħti lil Kristu hu wkoll ċentrali. Ftit insibu każi fejn, bħal San Ġwann tas-Salib, Dun Ġorġ jindirizza lil Kristu b’termini intimi, għalkemm każijiet sporadiċi insibuhom ukoll bħal “Kristu jrid li jkollu ħafna erwieħ għarajjes tiegħu … jitgħarras biss ma’ dawk li jaċċettaw … kuntratt nuzjali f’kors ta’ tgħakkis”21 u speċjalment r-riferenza għall-kliem ta’ Kristu fl-Evanġelju bħala ‘Leħen il-Maħbub.’ Però, iċ-ċentralità li Dun Ġorġ jagħti lil Kristu tixbah ferm lil dik li jagħtiha San Ġwann tas-Salib. Dun Ġorġ ukoll jisħaq li Kristu, speċjalment Kristu kruċifiss, għandu jkun il-mudell tagħna. Fil-ktieb Ġinnasju Spiritwali hu jikteb “Biex wieħed jakkwista l-perfezzjoni in ġenerali u l-virtujiet kollha in partikulari sa jasal għall-għaqda ma’ Alla, jenħtieġ li jwaħħal għalih innifsu xi eżemplari li jista’ jservih ta’ regola għall-azzjonijiet kollha tiegħu. Jiena stess, speċjalment kruċifiss, għandi nkun l-eżemplari l-iktar żgur propost lill-bnedmin kollha minn Alla.”22 Għażilt din is-silta għax fiha Dun Ġorġ juża żewġ frażijiet kruċjali fit-terminoloġija ta’ San Ġwann tas-Salib, jiġifieri dawk ta’ ‘perfezzjoni’ u ‘għaqda m’Alla’. Kif turi l-istess silta, għal Dun Ġorġ l-imitazzjoni ta’ Kristu tfisser qabelxejn l-imitazzjoni ta’ Kristu kruċifiss għaliex “Jekk in-nisrani jgħix mingħajr is-salib, ikun nisrani biss ta’ l-isem, billi ma jkunx jixbah lill-Imgħallem tiegħu li tħaddan mas-salib.”23 Din tfakkarna f’dak li stqarr San Ġwann tas-Salib meta kiteb: “Ħalli lil Kristu kruċifiss ikun biżżejjed għalik, miegħu bati u fih strieħ.”24 Minħabba li l-imitazzjoni ta’ Kristu Kruċifiss tinvolvi tbatija kbira, ftit huma dawk li jfittxu li jimitawh, u dan il-fatt ifakkar lil Dun Ġorġ fis-sentenza ta’ Kristu dwar it-triq id-dejqa, sentenza li għal Dun Ġorġ, f’erba’ okkażjonijiet li diġa kkwotajt, hija strettament konnessa ma’ San Ġwann tas-Salib. Il-lejl attiv Wara li n-nisrani ikun għażel lil Kristu bħala gwida, jeħtieġlu li jgħaddi mil-lejl attiv tas-sensi. B’dan il-kunċett, San Ġwann tas-Salib jifhem proċess li fih in-nisrani jagħmel minn kollox biex ibattal lil qalbu minn kollox sabiex tkun tista’ timtela b’Alla, bħal zokk li meta jingħata n-nar l-ewwel iridu jinħarqu l-impuritajiet li hemm fih sabiex imbagħad ikun jista’ jsir nar. Influwenzat anke minn Aristotli, hu jsostni li d-dlam u d-dawl ma joqogħdux flimkien, għalhekk sabiex il-qalb timtela b’Alla trid titbattal minn dak kollu li mhux Alla. Juri li meta l-qalb hi maħkuma u mmexxija minn ġibdiet materjali u senswali, li hu jsejjaħ ‘aptiti’, hi tkun dejjem bla kwiet, għax meta wieħed jissodisfa dawn il-ġibdiet ‘bħal tfal bla kwiet u mdejqin dejjem jitolbu ħaġa jew oħra mingħand ommhom, bla ma qatt ikunu henjin.”25 Il-konsegwenza hi li qalb il-bniedem qatt ma tkun bil-kwiet iżda qisu b’għamad quddiem għajnejha dejjem tfittex bla ma qatt issib serħan, u tispiċċa għajjiena u mifnija. San Ġwann tas-Salib jisħaq ukoll li r-ruħ trid tinża’ wkoll mill-kunċetti intellettwali u immaġinattivi. B’raġunament tipikament mistiku, hu jsostni li ladarba fil-ħolqien, xejn ma jixbah lil Alla, mela l-ebda idea jew kunċett ma jista’ jwassal għand Alla. Hu juri li fil-bidu tal-ħajja spiritwali, in-nisrani jagħmel tajjeb li juża xbihat, kitbiet u meditazzjonijiet biex jgħinuh jitlob aħjar, imma jekk wieħed irid jimxi ’l quddiem fil-ħajja spiritwali tiegħu, irid jinqata’ anke minnhom. Irid jasal fl-istat li fit-talb tiegħu “jistenna bl-imħabba t’Alla f’dik il-qagħda ta’ kwiet, u li ma jagħti l-ebda kas ta’ kull ħidma ta’ l-immaġinazzjoni.”26 Fl-aħħar imma mhux l-inqas, San Ġwann tas-Salib jisħaq li n-nisrani irid ibattal ir-rieda tiegħu minn dak kollu li jimmotivaha u tfittex biss ir-rieda t’Alla. Hu jikteb: “Meta l-fakultajiet u l-passjonijiet u x-xewqat huma indirizzati mir-rieda lejn Alla u mbiegħda minn dak kollu li mhux Alla, is-saħħa tar-ruħ hija miżmuma għal Alla, u b’hekk ir-ruħ tkun tista’ tħobb lil Alla bil-qawwa kollha tagħha.”27 Hu juri li sabiex l-għaqda m’Alla sseħħ, ir-rieda tal-bniedem trid tkun saret ħaġa waħda mar-rieda t’Alla. M’hemmx bżonn li tkun espert biex tintebaħ bl-impatt li San Ġwann tas-Salib ħalla fuq Dun Ġorġ f’dan l-aspett. Għalkemm Dun Ġorġ qatt ma jsemmi l-kunċett ta’ ‘lejl attiv’, ‘lejl passiv’ jew ‘lejl mudlam’, il-karatteristiċi ta’ dan il-lejl qegħdin kollha fil-kitbiet ta’ Dun Ġorġ. Dun Ġorġ ukoll juri li r-ruħ mingħajr Alla hi bla kwiet: “Kollox huwa ordinat għall-fini tiegħu u dak li jkun barra mill-fini għandu jonqos lilu l-mistrieħ. Il-ġebla titgerbeb sakemm ma tkunx waqfet fiċ-ċentru tagħha, l-ilma jiċċaqlaq sakemm ma jkunx qagħad fil-ħoġor tiegħu, il-fjamma tlebleb sakemm ma tkunx stirat il fuq; il-qalb tal-bniedem hija inkwieta sakemm ma tkunx straħet f’Alla.”28 U biex tistrieħ f’Alla trid tkun ħelset minn dak kollu li jdallamha u jxekkilha. U x’inhu li jdallam u jxekkel ir-ruħ? L-istess bħalma jagħmel San Ġwann tas-Salib, Dun Ġorġ jistqarr li “L-aptiti huma dawk li jgħejju, idallmu, itebbgħu u jiffjakkaw lir-ruħ.”29 Għalhekk in-nisrani jeħtieġ li “jinża’ mela kollox min irid jingħaqad ma’ Alla fil-ħajja u wara l-mewt.”30 Biex juri kemm ġid jista’ joħroġ miċ-ċaħda, Dun Ġorġ jissellef metafora mingħand San Ġwann tas-Salib. Fil-fatt, Dun Ġorġ jikteb: “Alla ma jistax ma jikkomunikax lilu nnifsu bil-milja ma’ dik ir-ruħ li teħles lilha nnifisha minn kull affett jew ġibda għal kull kreatura, bħalma x-xemx ma tistax ma tidħolx fil-kamra meta hija miftuħa.”31 Forsi aktar importanti minn hekk, Dun Ġorġ juri li l-proċess ta’ purifikazzjoni huwa indispensabbli sabiex Alla jkun jista’ jagħmel il-parti tiegħu, dik li San Ġwann tas-Salib jittratta fil-kunċett tal-lejl mudlam. Dun Ġorġ jikteb: “Agħmlu intom l-ewwel il-parti tagħkom, għax hekk jeħtieġ indispensabbilment sabiex huwa jagħmel magħkom il-parti tiegħu. Ippurifikaw dak li hu tagħkom, l-intellett, il-volontà, il-fantasija, is-sensi, u l-passjonijiet, bit-tgħakkis, bl-isforzi, bl-ubbidjenza u bl-orazzjoni intom taslu, taraw u tipposiedu l-wiċċ tiegħu.”32 Din hi bażikament ġabra fil-qosor tal-kotba Telgħa tal-Muntanja tal-Karmel u Lejl Kollu Dlam. Tinħass ukoll qawwija l-influwenza ta’ San Ġwann tas-Salib meta Dun Ġorġ jikteb dwar li r-ruħ trid tbattal ir-rieda tagħha minn dak kollu li jifridha mir-rieda t’Alla. Dun Ġorġ isejjaħ dan il-kunċett ‘Abbandun totali’. B’radikalità li tfakkar f’San Ġwann tas-Salib, Dun Ġorġ jikteb: “L-abbandun totali jikkonsisti filli wieħed jorbot ir-rieda tiegħu mar-rieda t’Alla f’kollox u għal kollox, tant fi ħwejjeġ kbar kemm fi ħwejjeġ żgħar, f’kollox għax inkella ma tistax issejjaħlu abbandun totali, kif lanqas ma tista’ tgħix abbandun totali jekk mhux għal kollox.”33 Dun Ġorġ jikteb ukoll: “Meta inti tirrassenja ruħek għall-volontà t’Alla, inti għandek f’dina l-uniformità tal-volontà tiegħek ma’ tiegħu veru konfort u vera paċi. Hawn hi l-qdusija.”34 Il-lejl passiv Filwaqt li fil-lejl attiv kien hemm element qawwi ta’ Praxis, fejn in-nisrani jeħtieġlu jitħabat sabiex iħejji ruħu bl-aħjar mod possibbli, fil-lejl mudlam il-protagonista assolut huwa Alla. Denys Turner jikteb: “Għal Ġwanni tas-Salib, axxetiċiżmu attiv, għalkemm neċessarju, ma jistax iwassal għall-għan ta’ ċaħda totali, anzi fiha nnifisha tista’ tkun perikoluża. Dan għaliex meta wieħed jiċħad lilu nnifsu, inkunu qed naffermaw mill-ġdid l-identità egoista u possessiva li tkun waslet għal dawn iċ-ċaħdiet.”35 Fil-fatt San Ġwann tas-Salib juri li n-nisrani li jagħmel ħiltu kollha biex jiċċaħħad minn kollox faċli biex, ironikament, jispiċċa biex jimtela bih innifsu, biex iħoss sens ta’ sodisfazzjon għal dak li rnexxielu jwettaq u biex jibda jqis lilu nnifsu bħala aħjar minn ħaddieħor, xi drabi saħansitra aħjar mid-direttur spiritwali tiegħu! Hu minħabba dan is-sens ta’ sodisfazzjon u ta’ kburija li Alla jidħol fil-ħajja tan-nisrani biex jippurifikah. San Ġwann tas-Salib iqabbel lil Alla ma’ omm: “Mela, wieħed għandu jkun jaf li r-ruħ, wara li tkun ikkonvertiet lejn il-qadi ta’ Alla b’mod sħiħ, bħala regola, huwa Alla li jmantniha u jżiegħel biha, l-istess bħalma l-omm tagħmel mat-tarbija ċkejkna tagħha … imma meta t-tarbija tikber dejjem iżjed, l-omm bil-mod ma tibqax iżżiegħel biha, u waqt li taħbi l-imħabba kollha ħlewwa tagħha, tqiegħed sustanza morra fuq is-sider ħelu tagħha, u tniżżel lit-tarbija minn fuq dirgħajha u twaqqafha fuq riġlejha biex tkun tista’ timxi u tagħmel xi ħaġa ta’ sustanza u siwi akbar.”36 Alla jagħmel dan permezz tal-lejl mudlam. San Ġwann jikteb li hemm żewġ kwalitajiet ta’ lejl mudlam; il-lejl mudlam tas-sensi u l-lejl mudlam ta’ l-ispirtu. Matul dawn ‘l-iljieli’, dak kollu li qabel kien jagħti tant sodisfazzjon u konsolazzjoni u ferħ lin-nisrani, issa donnhom jindraw. Kollox qisu jħallih indifferenti u l-element ta’ gost jispiċċa għal kollox. Din l-aridità tikkawża paniku sħiħ għaliex wieħed faċilment jidħol fi kriżi u jibda jaħseb li hemm xi ħaġa ħażina. Imma San Ġwann tas-Salib jgħidilhom: “Huwa tajjeb għal dawk li jsibu ruħhom f’din il-kundizzjoni li jitfarrġu, iżommu l-perseveranza fis-sabar, u li b’ebda mod ma jkunu mnikkta. Ħalli jafdaw f’Alla, li ma jitlaqx lil dawk li jfittxuh b’qalb sempliċi u safja.”37 X’inhu l-frott tal-lejl mudlam tas-sensi? San Ġwann juri li dan iwassal biex ir-ruħ tagħraf il-miżerja tagħha u l-kburija tagħha nnifisha, u d-dipendenza tagħha fuq Alla. Barra minn hekk tidra tfittex lil Alla aktar milli l-gost personali tagħha. San Ġwann tas-Salib jikteb: “Hemm benefiċċju kbir ieħor għar-ruħ f’dan il-lejl, li huwa li titħarreġ f’ħafna virtujiet flimkien bħal – biex nieħdu eżempju – is-sabar u t-tbatija mtawla li ta’ sikwit huma msejħa f’dawn iż-żminijiet ta’ nixfa u vojt, meta r-ruħ issofri u tippersevera fit-taħriġ spiritwali mingħajr gost u bla faraġ ta’ xejn. Titħarreġ fl-imħabba ta’ Alla, ladarba issa mhix imqanqla mill-gost tal-ġibda u l-ħlewwa li ssib fix-xogħol tagħha, iżda minn Alla biss.”38 Biex il-proċess ikun komplut, wara li jgħaddi lir-ruħ mil-lejl mudlam tas-sensi, Alla jgħaddi lir-ruħ mil-lejl passiv ta’ l-ispirtu. Dan jiġri biex l-imperfezzjonijiet u l-impuritajiet li għad fadal, issa jiġu mneħħija għal kollox. Il-lejl passiv tas-sensi hu esperjenza ferm kiefra, li tilħaq il-quċċata tagħha meta r-ruħ tħossha abbandunata minn kulħadd, u saħansitra minn Alla. Huma ma jsibu konsolazzjoni f’xejn. San Ġwann jikteb li huma jdumu f’din is-sitwazzjoni sakemm “l-ispirtu jkun umiljat, imrattab u msoffi, u jikber hekk delikat u fin, hekk safi, illi jista’ jsir ħaġa waħda ma’ l-ispirtu ta’ Alla.”39 Minkejja li Dun Ġorġ qatt ma juża t-terminu ta’ ‘Lejl Mudlam’, hu jsemmi diversi aspetti li jimplika dan il-proċess. Sfortunatament, Dun Ġorġ ma jiktibx trattati sistematiċi fuq dan is-suġġett, imma f’diversi kitbiet tiegħu jagħti dawk il-pinzellati li jfakkruna fit-tila ta’ San Ġwann tas-Salib. L-istess bħalma għamel San Ġwann tas-Salib, Dun Ġorġ juri li Alla spiss jinqeda bit-tbatija u l-aridità biex jippurifika lir-ruħ. Hu jikteb: “Wieħed mill-mezzi li Alla jinqeda bihom biex isaffi u jipporga lir-ruħ li tkun diġà akkwistat ċertu virtu soda hija l-aridità, ossija nixfa. Din in-nixfa tikkonsisti fi privazzjoni ta’ kull xorta ta’ konsolazzjoni.”40 Però, l-istess bħalma jagħmel San Ġwann tas-Salib, Dun Ġorġ juri li wieħed għandu joqgħod ħafna attent għaliex in-nixfa u l-aridità, wieħed jista’ jġibhom b’idejh minħabba l-għażż spiritwali jew il-ħajja ta’ dnub li wieħed ikun qed jgħix fihom. Dun Ġorġ jikteb: “Rigward l-aridità, ngħidlek is-sinjali tagħha meta tkun ġejja minn Alla ordinatament biex isaffi r-ruħ huma wisq diversi mis-sinjali ta’ dik l-aridità li tkun ġejja min-natura jew mix-xitan … Fil-kors ta’ l-aridità min-naħa t’Alla, ir-ruħ ma tinġibidx biex tmur tfittex konsolazzjonijiet mill-vanitajiet tad-dinja anzi tibqa’ taborri kull sentiment li ma jogħġobx ’l Alla. Hija timxi dejjem marbuta mal-volontà tiegħu bil-fedeltà kollha.”41 Dan hu bażikament l-istess punt li jagħmel San Ġwann tas-Salib meta jikteb: “Ser inniżżel xi sinjali li permezz tagħhom wieħed jista’ jkun jaf jekk din in-nixfa hix ġejja mit-tindif imsemmi jew jekk tqumx minn xi dnubiet imsemmija. L-ewwel sinjal huwa jekk, meta r-ruħ ma ssib ebda gost jew faraġ fil-ħwejjeġ ta’ Alla, tonqos li ssibhom ukoll f’kull ħaġa maħluqa, għax kif Alla jqiegħed lir-ruħ f’dan il-lejl kollu dlam bil-għan li jgħaffeġ u jnaddaf ix-xewqat senswali tagħha, ma jħallihiex issib ġibda jew ħlewwa f’kull ħaġa oħra.”42 Hu juri li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, hija faċli għar-ruħ li timtela bil-korla lejn Alla, kif jagħmel anke Ġob, imma Dun Ġorġ iħeġġiġha biex tinduna li t-tbatija hija rigal jew opportunità min-naħa ta’ Alla. Hu jikteb: “It-tbatijiet huma sinjal ta’ faraġ għan-nisrani għax b’hekk ikun jurih Alla li huwa jħobbu. U ma hemm ebda dubju fuq verità hekk kbira xħin naraw ’l Alla jimxi dejjem bit-tbatijiet ma’ l-erwieħ l-aktar qrib lejh.”43 Din ta’ l-aħħar tista’ tagħti l-impressjoni li Alla qisu jieħu gost jara lil min ibati, li Alla hu xi sadista. Iżda Alla ta’ Dun Ġorġ huwa proprju l-oppost ta’ dan. Bħalma San Ġwann iqabbel lil Alla ma’ omm, Dun Ġorġ iqabbel lil Alla ma’ missier: “Issa Alla huwa missier l-aktar ħanin u li jaf tajjeb x’inhu meħtieġ għalina. Bosta drabi u spiss anzi jżurna bil-mard, bis-slaleb u b’dak kollu li ma jogħġobniex.”44 Għaliex, skond Dun Ġorġ, Alla jgħaddi mit-tbatija u aridità lil dawk li hu jħobb? L-ewwelnett, bħalma jagħmel San Ġwann tas-Salib, Dun Ġorġ juri li “Meta r-ruħ tinsab f’dawn il-ħlewwiet spiritwali, diffiċilment iżżomm ruħha umli, għaliex tiġi ċerta stima tagħha nnifisha, ċerta għaxqa fuq l-opri tagħha, ċerta preferenza fejn l-oħrajn u b’hekk taqa’ fil-bluha tal-vanità.”45 Għalhekk “Alla jippermetti li ssib ruħha fi stat li fiha jkun jista’ jippurifikaha permezz ta’ l-aridità, ta’ deżolazzjoni spiritwali.”46 Meta r-ruħ tiġi ppurifikata, hija ssir, ovvjament aktar sabiħa: “Sħana u kesħa, ġuħ u għatx, mard u niket, dawn il-ħwejjeġ kollha u kull waħda minnhom, meta jiġu fuq is-servi t’Alla, jiġru mhux biss biex isaffu lir-ruħ iżda biex iżejnu lir-ruħ.”47 Il-lejl mudlam iġib ukoll paċi kbira għaliex sa fl-aħħar ir-ruħ tkun qiegħda tistrieħ f’Dak li ħalaqha għalih: “Rigward l-effetti ta’ l-aridità … joħorġu fi qdusija ikbar u paċi ikbar u f’merti akbar, kif qal Kristu li l-Missier tiegħu isaffi kull fergħa li ġġib il-frott biex din tagħmel frott akbar.”48 Konklużjoni Dan kollu li għidna juru biċ-ċar kemm Dun Ġorġ Preca kien bniedem innovattiv u kuraġġuż. Fi żmien meta l-mistika kienet karatteristika esklussiva ta’ nies ikkonsagrati lil Alla permezz tas-saċerdozju jew ħajja reliġjuża, hu emmen bis-sħiħ, fi kliem Ronald Rolheiser, li l-mistika mhix xi ħaġa li tappartjeni lil xi “élite reliġjuż, triq għolja mhux imterrqa minn nies normali” imma “esperjenza miftuħa għal kulħadd”.49 Kif spiss jiġri lil persuni avant-garde, Dun Ġorġ ma ġiex mifhum, u ma tħalliex ikompli jgħallem u jikteb dwar dan is-suġġett. Fil-fatt bosta mill-kotba li kkwotajt huma kotba bikrija tiegħu, tat-tletinijiet jew qabel. Il-ħasra hi li llum meta hawn skoperta ġdida tal-mistika fost tant kittieba ta’ spiritwalità, il-mistika ma reġgħetx sabet postha fi ħdan is-Soċjetà Museumina u fi żmien meta tant żgħażagħ qed jipprovaw jagħtu ċerta profondità lill-ħajja spiritwali tagħhom, inħoss li kemm il-mistika u kemm San Ġwann tas-Salib għandhom ħafna x’joffru! Noti 1. Fost dawn insemmu lil Edith Stein ocd (Santa Tereża Benedetta tas-Salib), Fr Thomas Green sj u anke l-Papa Ġwanni-Pawlu ll. 2. Din il-Kostituzzjoni tinsab fit-tieni volum tal-ktieb Dun Ġorġ Preca - Ħajja - Xhieda - Dokumenti ta’ Alexander Bonnici ofmConv.. Il-kwotazzjoni qiegħda f’paġna 324. 3. Iż-żewġ referenzi oħra jinsabu waħda f’Kapitlu IX “X’jitlob l-uffiċċju tat-Teologu Awżiljatur Mistiku? – Li dan ikollu t-trattati kollha tat-Teoloġija mistika mqiegħda fl-Assenjatur, u li jkollu ktieb biex fih jinnota r-relazzjoni ta’ l-uffiċċju tiegħu ma’ l-Oqsma. Dan l-Awżiljatur ma jistax jinqeda ħlief bl-opri ta’ Scaramelli u ta’ San Giovanni della Croce għall-uffiċċju tiegħu.” L-oħra tinsab f’Kapitlu XV: “Għat-temmija ta’ l-Assenjatur fuq liema awturi għandha timxi l-kumpanija? – Rigward l-awturi xejn ma tassenja l-Kumpanija billi għandhom jieħdu ħsieb it-trattati t-tagħlim l-Ispetturi biex jiġi mitmum l-Assenjatur. L-ispetturi jipprokuraw li jfornu l-Oqsma tal-Kumpanija bl-aħjar trattati anke miġburin u miktuba minnhom stess. Biss tirrikmanda lill-Ispetturi li kieku jimxu fuq dawk l-istess awturi li jkunu studjaw fil-kors ta’ l-iskola tagħhom, s’intendi s-sustanza tat-tagħlim qisha waħda. Pero rigward l-Axxetika u l-Mistika u l-Iskrittura tippreskrivi li jekk jista’ jkun l-Ispetturi jimxu fuq l-iScaramelli għall-Axxetka; fuq San Giovanni della Croce għall-mistika.” (enfasi miżjud. - Editur) 4. “Mistoqsi San Ġwann tas-Salib minn Ġesù Kristu stess xi premju ried minn għandu għal tant taħbit u xogħol, wieġbu: Sinjur li nbati u li nkun immaqdar għalik.” Preca Ġorġ, Il-Kalċi tal-Morr, Stampat għall-ewwel darba fl-1946, Mitbugħ mill-ġdid Societa Doctrinae Christianae M.U.S.E.U.M 19842, p 40. 5. F’dan il-ktieb Dun Ġorġ jimmaġina numru ta’ qaddisin li qed jagħtu parir dwar xi virtù li spikkat fil-ħajja tagħhom. Fost l-oħrajn insibu lil “San Ġwann tas-Salib: “Aħwa tiegħi, ir-regola ta’ kull nisrani għandha tkun f’dan; li jirrestrinġi lin-natura li ma taf qatt tgħid ‘Biżżejjed!’ Jiżbalja bl-ikrah min ifittex kumdità u mistrieħ fil-libertà tas-sensi, meta Kristu tħaddan mas-salib. Dejqa t-triq tal-ġenna u hija dejqa aktar milli taħsbu.” Preca Ġorġ, Is-Sinagoga l-Ġdida, Deher għall-ewwel darba f’Kalendarju Museumin bejn l-1959 u l-1963. Mitbugħ mill-ġdid Societas Doctrinae Christianae MUSEUM 19982, p 64. 6. Dal-ktieb jixbaħ lil Is-Sinagoga l-Ġdida, imma din id-darba l-qaddisin jitkellmu aktar fit-tul: “Predikatur - San Ġwann tas-Salib: L-iktar għeżież isimgħu u ifhmu. Jiżbalja bl-ikrah min jippretendi li jgħix fil-kumditajiet u fil-libertà tan-natura meta l-ħajja ta’ Kristu hija slaleb u kuntradizzjonijiet. Ir-regola tan-nisrani hija li japprezza dak li tistrinġilu n-natura; u qatt m’għandu wieħed jieħu min-naħa ta’ Alla l-kliem li jiffavorixxi l-inklinazzjonijiet naturali li fil-malizzja tagħhom jifhmu jeqirdu l-glorja tiegħu. Dejqa t-triq tal-ħajja u wiesgħa t-triq tal-mewt hekk li iżjed milli wieħed jaħseb. Dawk li Alla jħobb iżommhom f’idejh u jmexxihom mit-triq id-dejqa tas-slaleb, tal-persekuzzjonijiet, ta’ l-uġigħat sabiex jippurifikahom hawn fid-dinja, sabiex jagħtihom wara mewthom il-kuruna tal-glorja li huma jkunu nisġu bil-paċenzja tagħhom. M’hemmx triq oħra għall-ħajja u għall-glorja ħlief l-umiljazzjoni u t-tbatijiet fl-ispirtu ta’ vera rassenjazzjoni.” Preca Ġorġ, L-Eku tal-Ħbieb, Ħareġ għall-ewwel darba fl-1932. Mitbugħ mill-ġdid Societas Doctrinae Christianae M.U.S.E.U.M 19982, p 30. 7. “Tixbiha jagħti d-duttur l-ieħor tal-Knisja San Giovanni della Croce fuq l-effett tas-silenzju mentali, li huwa l-uniku kawża tar-riflessjoni. Dan jgħid li meta l-ilma jkun fis-skiet, ossija fiċ-ċentru tiegħu, cioè kalm u kwiet u seren, jirrifletti kull oġġett li jkun fuqu u maġenbu”. Preca Ġorġ, Vuċi tal-Kustodju, [1932], p 22. Il-frażi ‘fiċ-ċentru tiegħu’ Dun Ġorġ isemmiha ukoll fi Ir-Regoli tal-Qaddisin p. 31, iżda bla ma jsemmi minfejn ħadha. Natalino Camilleri fi Rivista Dun Ġorġ Għadd 40, juri li l-metafora ta’ l-ilma li meta kalm jirrifletti, hi meħuda mill-Padri tad-Deżert. 8. “San Giovanni della Croce, duttur tal-Knisja, jgħallem li għandna nżommu man-naħa t’Alla dak id-direttur li jistrinġilna l-volontà.” Preca Ġorġ, Il-Cathedra tal-Museum, Mitbugħ fis-snin 1930s, Giovanni Muscat, Valletta, p 357. 9. F’dan il-ktieb għandna żewġ referenzi għal San Ġwann tas-Salib. “San Ġwann tas-Salib jgħallem li l-bieb huwa dejjaq u l-triq hija marsusa aktar milli wieħed jaħseb.” Omelija numru 11. It-tieni referenza hi “San Ġwann tas-Salib qal li hija hekk dejqa iktar milli wieħed jista jifhem; it-triq li tieħu għat-telfien hija wiesgħa u bosta huma dawk li jidħlu minnha.” Preca Ġorġ, Omeliji ta’ Patri Franku, Pubblikat fi Kalendarju Museumin fl-1951 et seq., Omelija Numru 72. Din ta’ l-aħħar qed tirreferi għal Telgħa tal-Muntanja tal-Karmel, l,7 fejn San Ġwann tas-Salib jispjega Mattew 7,14. 10. “Hija skola ta’ San Giovanni della Croce li l-bniedem perfett quddiem dawk il-ħwejjeġ li ma jogħġbuhx jifraħ u jilqagħhom b’għożża kbira bħala veri ħbieb li ġew biex jagħmlulu l-veru ġid. Iżda l-bniedem imperfett quddiem dawk il-ħwejjeġ li ma jogħġbuhx isewwed qalbu u jrid ibegħidhom b’disprezz kbir minnu bħala veri għedewwa li ġew biex jagħmlulu l-veru deni.” Ittra lil Rakeli Camilleri 31 ta’ Lulju 1930. Korrispondenza 292-293 (cp343) Bonnici Alexander Vol lll, 118. [Ara l-ittra sħiħa fil-qoxra iii ta’ din il-ħarġa tar-rivista - Editur.] 11. Preca Ġorġ, L-abbandun Totali, Ħareġ għall-ewwel darba f’forma stensiljata fl-1980; edizzjoni stampata 1992, p 28. 12. San Ġwann tas-Salib, Telgħa tal-Muntanja tal-Karmel, l,11,4 “Għax sakemm jibqa’ jkollha rabta waħda qawwija ma’ xi ħaġa, qatt ma jista’ jkun li timxi ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni, ukoll jekk in-nuqqas ta’ perfezzjoni jkun mill-iżgħar. Għax xorta waħda jiġri lill-għasfur, sew jekk ikun marbut bi spaga rqiqa u sew jekk b’ħabel oħxon; ladarba, jekk ikun marbut biss bi spaga rqiqa, xorta waħda jkun miżmum milli jtir.” 13. Preca Ġorġ, Il-Cathedra tal-Museum, pġ. 379. Din hi bażikament meħuda kelma b’kelma minn San Ġwann tas-Salib li jikteb “Ħa nitkellmu issa mit-tieni effett li l-aptiti jġibu fir-ruħ, li hu ta’ ħafna xorta għax dawn jgħajju lir-ruħ, jittormentawha u jdallmuha, iħammġuha u jdgħajfuha.” San Ġwann tas-Salib, Telgħa tal-Muntanja tal-Karmel, I, 6,5. 14. Preca Ġorġ, Il-Cathedra tal-Museum, pġ. 376. Din hi l-istess idea li nsibu f’San Ġwann tas-Salib meta jikteb “Billi dawn li jkunu għadhom jibdew it-triq iħossuhom mimlijin ħeġġa u attenti ħafna fil-ħwejjeġ spiritwali u t-taħriġ devot, minħabba din il-proprjetà ta’ sikwit, minħabba n-nuqqasijiet ta’ dawn l-erwieħ, tiġihom xi xorta ta’ kburija, u b’hekk jibda jkollhom xi grad ta’ sodisfazzjoni bil-ħidma tagħhom u bihom infushom.” San Ġwann tas-Salib, Lejl kollu Dlam, I,2,1. 15. Din hi traduzzjoni minn San Ġwann tas-Salib, Telgħa tal-Muntanja tal-Karmel, l,13,6: 17. Ruiz-Salvador Federico, Mistico e Maestro - San Giovanni della Croce “Notiamo come prima osservazione, che Gesù occupa tutti i posti chiave e realizza tutte le funzioni centrali dell’unione. Le tappe, nel processo d’unione di Dio con l’uomo, ricevono, tutte e ciascuna, la loro struttura e dinamismo dal mistero di Cristo.” p 563. 18. San Ġwann tas-Salib, Telgħa tal-Muntanja Karmel, l,13,3. 19. Ibid., ll,7,11. 20. Ibid., ll,7,2. 21. Preca Ġorġ, Il-Kalċi tal-morr, Stampat għall-ewwel darba fl-1946. Mitbugh mill-ġdid Societas Doctrinae Christianae M.U.S.E.U.M, 19842, n.129, p 21. 22. Preca Ġorġ, Ġinnasju Spiritwali, Attendenza Nru 85, 19812, p 91. 23. Preca Ġorġ, Il-Vuċi tal-Kustodju, [1932], p 11. 24. San Ġwann tas-Salib, Massimi u sentenzi spiritwali, n. 92. 25. San Ġwann tas-Salib, Telgħa tal-Muntanja Karmel, I,6,6. 26. Ibid., ll,12,7. 27. Ibid., lll,16,2. 28. Preca Ġorġ, Il-Vuċi tal-Kustodju. Is-6 ta’ Jannar. 29. Preca Ġorġ, Il-Cathedra tal-Museum, p. 379. Din hi bażikament traduzzjoni ta’ San Ġwann tas-Salib, Telgħa tal-Muntanja Karmel, l,6,1. 30. Preca Ġorġ, Ġinnasju Spiritwali, Att. Nru.15, 19812, p 20. 31. Ibid., Att. Nru 92, p 101. Qabbel ma’ “Sabiex dawn iż-żewġ ħwejjeġ ikun mifhuma aħjar, ħalli nużaw xbieha tajba. Raġġ kollu dawl tax-xemx qiegħed mixħut direttament fuq it-tieqa. Jekk it-tieqa hija b’xi mod imtabbgħa jew imċajpra, ir-raġġ tax-xemx ma jkunx jista’ jdawwalha għal kollox hekk li jibdilha fl-istess dawl tiegħu.” San Ġwann tas-Salib, Telgħa tal-Muntanja Karmel, ll,5,6. 32. Preca Ġorġ, Il-Benedicta, Pubblikat għall-ewwel darba fl-1934, Stampat mill-ġdid Societas Doctrinæ Christianae fl-19972, p 58. 33. Preca Ġorġ, L-Abbandun Totali, 19922, p 8. 34. Preca Ġorġ, Il-Vuċi tal-Kustodju, p 17. 35. Turner Denys, The Darkness of God - Negativity in Christian Mysticism, Cambridge University, 1995. “For John, then, an active asceticism, though very necessary, cannot succeed in its goal of pure detachment and by itself is dangerous. In the very acts in which we deny ourselves satisfaction we reaffirm the egoistic, possessive self which does the denying.” 36. San Ġwann tas-Salib, Lejl Kollu Dlam, l,1,2. 37. Ibid., l,10,3. 38. Ibid., l,13,5. 39. Ibid., ll,7,3. 40. Preca Ġorġ, Il-Vuċi tal-Kustodju, p 49. 41. Ibid., p 50. 42. San Ġwann tas-Salib, Lejl Kollu Dlam I,9,1. 43. Preca Ġorġ, L-Abbandun Totali, 19922, p 34. 44. Ibid., p 16. 45. Preca Ġorġ, Il-Cathedra tal-Museum, p 376. 46. Preca Ġorġ, Castra Paenitentium, Qari għal Settembru, [1931]. 47. Preca Ġorġ, Il-Kalċi tal-Morr, 19842, n. 36, p 8. 48. Preca Ġorġ, Il-Vuċi tal-Kustodju, p 51. 49.Ronald Rolheiser, The shattered lantern, Rediscovering God’s presence in everyday life, Hodder and Stoughton, 1994, p 67. (Dan l-artiklu kien ippubblikat fir-rivista “Dun Ġorġ”, Għadd 43, 2004, pp. 19-27) |