PersonaġġiKarmelitani Famużi BIDU TAL-PROĊESS TAL-BEATIFIKAZZJONI TA'
Patri Xiberta twieled fl-4 t’April tas-sena 1897, f’Santa Coloma de Farnes, belt ta’ madwar 4,000 ruħ fil-Provinċja ta’ Gerona, fil-Katalunja, Spanja. Kien is-seba’ wieħed fost għaxar aħwa. Fil-magħmudija semmewh Baudilio. Bi privileġġ speċjali, skond dak iż-żmien, huwa għamel l-ewwel tqarbina meta kellu 10 snin, f’Mejju ta’ 1907. F’Settembru ta’ l-istess sena daħal fis-seminarju minuri tal-Patrijiet Karmelitani f’Olot. Fl-1910, dan is-seminarju kien trasferit f’Onda, u hawn fid-29 ta’ Settembru 1912, huwa libes it-tonka tal-Patrijiet tal-Karmnu u ġie mogħti l-isem ta’ Bartilmew Fanti. Patri Xiberta għamel il-professjoni sempliċi fl-1 t’Ottubru tas-sena 1913, u dik Solenni fit-2 ta’ Frar 1917. Wara l-istudju tal-filosofija (Onda) u tat-teoloġija (Caudete), huwa kien mibgħut Ruma, fejn wasal fit-22 ta’ Novembru 1919 u sar saċerdot fl-20 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena, fil-Bażilka ta’ San Ġwann Lateran. F’April tas-sena 1920 ħa d-Dottorat fit-Teoloġija (cum laude). Huwa ddefenda t-teżi tiegħu Clavis Ecclesiae (L-imfietaħ tal-Knisja) bl-unuri. Is-sena ta’ wara sar Majjistru fl-Università Gregorjana. Mis-sena 1921 sas-sena 1937 Patri Xiberta kien ukoll Professur fil-Kulleġġ Internazzjonali ta’ l-Ordni Karmelitan f’Ruma. Mis-sena 1931 sa s-sena 1937, u mis-sena 1947 sa l-1965, kien Assistent Ġenerali tal-Lingwa Spanjola u ta’ Pernambuco (Brażil). Meta kien qed jaqdi dan l-uffiċju f’Ruma ma tkabbarx, iżda kien bniedem li jgħix ħajja sempliċi u qalbu tfur bl-imħabba. L-inkarnazzjoni ta’ Kristu u l-ekkleżjoloġija tiegħu, it-tnejn b’raġunament purament skolastiku, juruh bħala persuna mimlija b’Alla. Fid-9 t’April 1964 Patri Xiberta marad. Fil-25 ta’ Settembru huwa reġa’ lura pajjiżu fejn kien miżmum bl-ikbar għożża spiritwali u mħabba minn dawk kollha li kienu jafuh. Patri Xiberta kien kittieb mill-aħjar. Fost l-opri l-aktar magħrufa nsibu: Il-Knisja tiftakar f’Patri Xiberta bħala membru tal-Kummissjoni Preparatorja w espert tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, u bħala kunsultur tas-Sagra Kongregazzjoni tad-dixxiplina Sagramentali. Bħala studjuż Patri Xiberta ħeġġeġ l-istudju xjentifiku ta’ l-istorja ta’ l-Ordni, li huwa kien iqis meħtieġ biex jikseb tagħrif awtentiku tat-tradizzjonijiet ta’ l-Ordni. Bħala dixxiplu tal-Kardinal Ehrle, u għat-talba tiegħu, Patri Xiberta għamel studju speċjali ta’ l-Iskolastiċi Karmelitani ta’ l-aħħar età medja, u dan l-istudju kellu influwenza kbira fl-istudju kritiku ta’ l-istorja ta’ l-Ordni. Bħala teologu fetaħ orizzonti ġodda rigward is-Sagramenti fil-Knisja bit-tesi L-Imfietaħ tal-Knisja. F’ittra personali, li Karl Rahner bagħatlu matul il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, faħħru għal din it-teżi. Ma ħadimx biss fil-kamp xjentifiku, iżda ukoll ħadem kemm felaħ biex jgħolli l-livell spiritwali u reliġjuż tas-sorijiet u patrijiet Karmelitani. Ta’ spiss kien jivjaġġa, dejjem terza klassi, għax, kif kien jgħid hu stess, ma kienx hemm klassi agħar, u kien jgħaddi l-Ħdud u l-vaganzi f’dan ix-xogħol. P. Xiberta miet fis-26 ta’ Lulju 1964, wara attakk ta’ trombożi ċerebrali li ħallietu prattikament iparalizzat. Bil-mewt tiegħu l-Ordni Karmelitan mhux biss tilef teologu kbir u ħaddiem ħabrieki, iżda wkoll wieħed mill-aqwa studjużi w iben den. Il-fama ta’ Patri Xiberta wasslet persuni distinti u importanti tal-ġerarkija tal-Knisja biex iqisuh bħala studjuż kbir u, fuq kollox, Teologu Kbir. Għalkemm kien bniedem għaref kienet tilma fih il-virtu’ ta’ l-umiltà. Kien dejjem lest bħal Kristu biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi. F’ħajtu fittex biss li jagħmel ir-rieda ta’ Alla, li kienet tirrifletti, tilma fil-ħajja reliġjuża tiegħu. Tabilħaqq kien jgħix kliem il-Mulej: "Imitaw lili għax jien ta’ qalb ħelwa u umli." Kienet tispikka fih l-edukazzjoni tal-qalb. Kien ħelu fi kliemu u fl-imġieba tiegħu ma’ kulħadd. Jalla dawn il-virtujiet iwassluh għall-beatifikazzjoni! Bidu tal-proċess Ftit snin ilu f’Barcellona, kif ukoll f’art twelidu (Santa Coloma de Farners), Spanja, ġie ċċelebrat għeluq il-100 sena minn twelidu b’festi kbar. Fis-sena 1998, wara żmien ta’ tama, l-Ordni tal-Karmnu jħoss li għandu jippremja l-isforz tiegħu billi joħroġ fid-deher il-fama tal-qdusija tiegħu. Fid-9 ta’ Marzu 1998 fil-Palazz ta’ l-Arċisqof ta’ Barcellona beda l-proċess tal-kanonizzazzjoni ta’ Patri Bartilmew Maria Xiberta, Karmelitan mill-Provinċja ta’ Katalunja, li miet mhux biss b’fama ta’ teologu u storiku kbir, iżda ukoll difensur kbir fi ħdan l-Ordni u fil-Knisja. Għal-laqgħa, presjeduta minn Mons. Pere Tena, kienu preżenti l-membri tat-tribunal tal-proċess: P. Felipe Amenos, Postulatur Ġenerali ta’ l-Ordni; P. Luis Bosch, Provinċjal ta’ Katalunja, P. José Peralbo, Provinċjal tal-Karmelitani ta’ Betica u għadd sabiħ ta’ Reliġjużi Karmelitani, kif ukoll lajċi mill-parroċċi u kunventi tagħna. Il-Karmelitani ta’ Katalunja – u magħhom ħutu kollha ta’ l-Ordni li kienu jafuh u li kien għażiż għalihom, ilkoll flimkien għexu jum ta’ ferħ u hena f’Alla meta t-tribunal iddeċieda u ħa l-ġurament u ta bidu għall-proċess wisq mistenni. Jalla fi żmien qrib narawh imgħolli għall-qima ta’ l-altari fil-Knisja Universali.(Dan l-artiklu kien ippubblikat fir-rivista “Escapulario del Carmen”, Ġunju 1998, pp. 204-205, u miġjub għall-Malti minn Patri Samwel Abela, O.Carm.) |