Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla



TAĦT IL-MANT VERĠINALI TA’ MARIJA

S. Tereża tal-Bambin Ġesù u l-MadonnaL-Ispiritwalità Marjana ta’
S. Tereża tal-Bambin Ġesù
u tal-Wiċċ Imqaddes

Alexander Vella, O.Carm.

Introduzzjoni

Fil-ħajja ta’ S. Tereża tal-Bambin Ġesù l-figura tal-omm kellha mportanza kbira. Is-siltiet mill-ittri miktubin minn ommha Żelja li l-qaddisa tinkludihom fl-ewwel manuskritt awtobijografiku tagħha juru biċ-ċar kemm iċ-ċkejkna Thérèse kienet marbuta ma’ ommha:

“Ara, iċ-ċkejkna tiegħi għadha kif ġiet tgħaddi l-id ċkejkna tagħha minn fuq ħaddejja, u bisitni. Din id-daqsxejn ta’ nitfa tassew li ma trid titlaqni qatt; toqgħod ħdejja kull ħin. Il-hena tagħha li tmur fil-ġnien; iżda, meta jiena ma nkunx hemm, ma tkunx trid tibqa’ hemm u tibda tibki sakemm iġibuha ħdejja...”(1)
“Iċ-ċkejkna Thérèse l-aħħar darba staqsietni jekk kinetx sejra l-Ġenna. Jien għidtilha li iva, jekk toqgħod brava ħafna. Hi weġbitni: - ‘Iva, imma jekk ma nkunx twajba, immur l-infern... iżda jien naf tajjeb x’għandi nagħmel: intir fi ħdanek għax int tkun il-Ġenna, u xi jkun jista’ jagħmel Alla biex jaħtafni?... Int ma tkunx qegħda żżomni sewwa f’dirgħajrk?’ - U stajt nara f’għajnejha li kienet żgura li Alla ma jkun jista’ jagħmlilha xejn jekk tkun f’dirgħajn ommha...”(2)

Żelja kienet fehmitha tajjeb il-qalb ta’ bintha. Tereża kienet bniedma li tul ħajjitha kollha baqgħet dejjem tfittex is-sigurtà f’dirgħajn ta’ omm.

Imma dawn id-dirgħajn ta’ omm kellhom jgħibu malajr minn ħajjitha. Billi ommha ma setgħetx traddagħha, ta’ xahrejn Tereża kellha ġa tinfired minn ommha biex tmur toqgħod ma’ l-imraddgħa Roża Taillé. Baqgħet hemm sena sħiħa, sena li fiha Roża kienet saret qisha t-tieni ommha. Għalhekk meta Tereża telqitha biex tmur lura d-dar għand l-omm naturuali tagħha nistgħu ngħidu li kienet qed tinfired minn ommha għat-tieni darba. Biex imbagħad lil ommha naturali ma damitx wisq tgawdiha! Żelja mietet fit-28 ta’ Awissu 1877 meta Thérèse kellha biss erba’ snin u nofs. Għat-tifla l-mewt ta’ ommha kienet vera trawma. Hija stess tistqarr:

“minn mindu seħħet il-mewt tal-Mamà, il-karattru ferrieħi tiegħi nbidel għal kollox. Jien, li qabel kont hekk fuq tiegħi u tassew miftuħa, issa sirt ġwejda u miġbuda, b’qalbi tħoss malajr u żżejjed. Ħarsa waħda kienet saret biżżejjed biex iġġegħilni ninfexx nibki, u kien meħtieġ li, sabiex nibqa’ hienja, ħadd ma jagħti kasi; ma kontx nista’ għalija li nkun fil-kumpannija tal-barranin, u kont biss insib il-hena tiegħi mill-ġdid fl-intimità tal-familja.”(3)

Meta mietet ommha, iċ-ċkejkna Thérèse għażlet lil oħtha Pawlina bħala t-tieni omm. Din iżda daħlet soru tal-klawsura fil-Karmelu ta’ Lisieux fit-2 ta’ Ottubru 1882. Tereża, li kellha biss disa’ snin u nofs, sfat iltima għal darba oħra. It-tifla ma felħitx aktar u mardet bl-ikrah. Ma kienux jafu eżatt x’kellha imma bdew jibżgħu li setgħet saħansitra tmut. Illum jidher li l-marda li kellha Thérèse kienet psiko-somatika, speċi ta’ depressjoni qawwija li kellha effett fuq il-fiżiku tagħha wkoll. Marija, oħtha l-kbira, kienet tieħu ħsiebha “bil-ħlewwa ta’ Omm”(4) sakemm fil-15 ta’ Ottubru 1886 hija wkoll daħlet fil-Karmelu ta’ Lisieux.

Għalhekk nistgħu ngħidu li Tereża tilfet lil ommha mhux darba, imma ħames darbiet: meta ħalliet lil ommha biex tmur tgħix ma’ l-imraddgħa, meta ħalliet lill-imraddgħa biex terġa’ tmur għand ommha, meta mietet ommha, meta Pawlina daħlet soru, u meta Marija daħlet hi wkoll soru. Din it-telfa mtennija tal-figura ta’ l-omm fl-ewwel snin ta’ ħajjitha ħalliet sinjal li ma jitħassarx fil-psikoloġija ta’ Tereża, tant li baqgħet sa l-aħħar ta’ ħajjitha tfittex dejjem id-dirgħajn ta’ omm li fihom tħossha zgura.

Alla, fil-kobor tiegħu, jaf jitbaxxa biex ifittixna hemm fejn ninsabu, jadatta ruħu għal kull wieħed u waħda minna u jirrivela ruħu lil kull wieħed u waħda skond il-psikoloġija tagħna. Normalment il-psikoloġija u l-ispiritwalità jimxu id f’id. Fil-każ ta’ Tereża ta’ Lisieux, ix-xenqa tagħha għal omm titħallat u ssir ħaġa waħda mat- tfittxija tagħha ta’ Alla. L-immaġni ta’ Alla li Tereża sawret f’moħħha u qalbha kienet essenżjalment dik ta’ omm, għalkemm hi, frott il-mentalità ta żmienha, qatt ma ssejjħlu omm lil Alla, imma tikkuntenta ruħha billi ssejjħlu missier. Imma hu missier b’karatteristiċi ta’ omm... propju bħal missierha Lwiġi. Biżżejjed niftakru li waħda mis-siltiet bibliċi li l-aktar influenzat lil Tereża u li fuqha bniet it-triq iċ-ċkejkna tagħha, hi dik li fiha Isaija jpinġi lil Alla bi lwien materni: “Bħalma omm iżżiegħel b’binha, hekk jiena nfarraġ lilkom, nerfgħakom f’ħoġri u nżiegħel bikom fuq l-irkobbtejn.”(5)

Inħoss li biex nifhmu l-ispiritwalità marjana ta’ S. Tereża tal-Bambin Ġesù, irridu narawha fid-dawl tat-tfittxija tagħha ta’ omm u tas-sejba ta’ Alla bħala omm. Fl-esperjenza spiritwali ta’ Tereża, Marija hi essenzjalment l-Omm, omm preżenti ħafna u kollha attenzjoni u kura, li f’idejha Tereża tintelaq għal kollox.

Għal Tereża, Marija hi bħal estensjoni tal-maternità ta’ Alla. Fil-fatt hija tapplika għal Marija l-istess silta biblika li fiha skopriet il-maternità ta’ Alla. F’ittra li kitbet lil oħtha Ċelina, Tereża qegħdet fuq fomm Marija dan il-kliem:

“Ġurnata waħda inti għad tiġi ma’ Tereża tiegħek fis-sema sabiħ, toqgħod bilqegħda f’ħoġor il-wisq maħbub tiegħi Ġesù, u jien ukoll nieħdok f’dirgħajja u nimlik biz-żegħil, għax jiena Ommok.”(6)

F’poeżija miktuba għal Sor Marija tat-Trinità, Tereża kitbet:

“Imbagħad, meta lejn ix-xtajta tas-Sema ntir,
F’ ħoġrok, ja Omm l-aktar ħelwa, niġi ninxteħet,
U l-bews l-aktar qawwi u ħelu tiegħek
Jiena nirċievi nkun nista’!...”(7)

Fl-aħħar poeżija tagħha, “Għaliex Inħobbok, O Marija!”, Tereża tgħid lil Marija:

“Miegħek batejt, u issa miegħek ukoll
F’ħoġrok irrid ngħanni għaliex inħobbok, o Marija
U ntenni għal dejjem li jiena l-bint tiegħek!......”(8)

Tliet grazzji marjani

Biex nifhmu sewwa l-post ta’ Marija fil-ħajja ta’ S. Tereża tal-Bambin Ġesù rridu nanaliżżaw tajjeb l-fatt straordinarju tat-tbissima tal-Madonna li fejqitha fi tfulitha u li Tereża nfisha tirrakkuntah fl-ewwel manuskritt awtobijografiku tagħha. Kien nhar Għid il-Ħamsin, it-13 ta’ Mejju 1883. Tereża kienet ilha aktar minn xahar marida fis-sodda.

“Marie ħarġet fil-ġnien u ħallietni ma’ Léonie, li kienet qegħda taqra fit-tieqa; fi ftit minuti bdejt insejjaħ b’leħen baxx: ‘Mamà... Mamà...’ Léonie, imdorrija tismagħni dejjem nagħmel dawn is-sejħat, ma tat ebda kas tiegħi. Dan dam sejjer fit-tul, u mbagħad għajjattilha b’leħen aktar qawwi. Marie fl-aħħar ġiet lura; rajtha sewwa dieħla, iżda ma nistax ngħid li għaraftha u, għalhekk, bqajt ngħajjat b’leħen dejjem ogħla: ‘Mamà...’ Kont qegħda nsofri bosta minn dik il-ġlieda qawwija u li ma tistax titfisser, u forsi Marie kienet qegħda ssofri aktar minni. Wara li għalxejn tħabtet u reġgħet tħabtet biex turini li kienet maġenbi, flimkien ma’ Léonie u Céline niżlet għarkobbtejha b’ħeġġa ta’ Omm li titlob il-ħajja ta’ bintha; u Marie kisbet dak li xtaqtet...
“Billi ma setgħet issib ebda għajnuna fuq l-art, l-imsejkna u ċkejkna Thérèse kienet ukoll daret lejn l-Omm tas-Sema u talbitha b’qalbha kollha biex ikollha ħniena minnha. F’daqqa waħda, il-Verġni Mbierka dehret quddiemi sabiħa, hekk sabiħa illi qatt ma kont rajt xejn ta’ ġmiel hekk kbir; wiċċha beda jixgħel bi tjubija u bi ħlewwa li ma tistax titfisser bil-kliem, iżda dak li l-aktar daħalli sa fil-qiegħ ta’ ruħi kienet it-‘tbissima li ssaħħar tal-Verġni Mbierka’. U minn dak il-ħin, it-tbatijiet tiegħi għebu għal kollox, u żewġ demgħat kbar bdew ileqqu fuq xfar għajnejja u siekta siekta ġelbnu ma’ ħaddejja, imma dan kien dmugħ ta’ hena l-aktar safi. A! Bdejt naħseb: Il-Verġni Mbierka tbissmitli, kemm jiena hienja!...”(9)

Il-kelma “omm” hija l-kelma ewlenija li minnha toħroġ it-tifsira ta’ din is-silta. Tereża ssejjaħ u terġa’ ssejjaħ “Mamà”. Oħtha Marija titlob lill-Madonna b’ħeġġa ta’ omm. Tereża nfisha, billi ma sabet ebda għajnuna fuq l-art, iddur lejn l-Omm tas-Sema.

Oħtha Pawlina kienet imliet il-vojt li kien inħoloq f’ħajjet iċ-ċkejkna Thérèse bil-mewt ta’ ommha. Għalhekk nistgħu nifhmu kif id-dħul ta’ Pawlina fil-klawsura xeħet lil Tereża fi kriżi affettiva kbira u ġegħlha ġġarrab mill-ġdid u b’qawwa akbar dak li kienet ġarrbet fil-mewt ta’ ommha. Tereża kellha bżonn l-imħabba ta’ omm. Meta rat lill-Madonna titbissmilha, wiċċha jilma bit-tjieba u l-ħlewwa, Tereża ħassitha maħbuba minn omm li ladarba kienet l-Omm tas-Sema ma kienet se tħalliha qatt u setgħet dejjem issibha maġenbha.

Sena wara, Tereża għamlet l-ewwel tqarbina. Kif kienet id-drawwa, dak inhar stess wara nofs inhar, it-tfal li kienu għamlu l-ewwel tqarbina kkonsagraw ruħhom lill-Madonna. Lil Tereża kienet messitha x-xorti li tkun hi li taqra f’isem sħabha l-att tal-konsagrazzjoni. Tereża tikkummenta dan il-fatt fl-awtobijografija tagħha:

“Kienet ħaġa xierqa u sewwa li jien kellimt f’isem sħabi lil Ommi tas-Sema jien li kont tlift hekk kmieni lil Ommi ta’ din l-art... Qegħidt qalbi kollha jiena u nkellimha, jiena u nikkonsagra lili nnifsi lilha, bħal tifla żgħira li tinxteħet f’dirgħajn Ommha u titlobha tħarisha.”(10)
Tereża kienet tqis dik il-ġurnata bħala l-jum li fih “il-Verġni Mqaddsa għoġobha tadottani bħala bintha.”(11)

Ġrajja oħra mportanti fin-nisġa tar-relazzjoni ta’ Tereża ma’ Marija kienet iż-żjara lill-Madonna tal-Vittorji fis-santwarju tagħha ta’ Pariġi f’Novembru 1887. Dan is-santwarju kien għażiż ħafna għall-familja Martin. Meta Tereża kienet marida f’Mejju tal-1883, missierha kien offra novena ta’ quddies biex jitqaddsu f’dan is-santwarju għall-fejqan ta’ bintu. Kien matul din in-novena li t-tbissima ta’ Marija fejqet lil Tereża.

Għal erba’ snin sħaħ Tereża kienet għexet fil-biża’ li l-Madonna ma kienet tbissmitilha xejn imma kienet qalgħet kollox hi minn moħħha. Batiet wisq minħabba f’hekk. Fis-santwarju tal-Madonna tal-Vittorji

“il-Verġni Mbierka għamlet li nħoss li kienet tabilħaqq Hi li kienet tbissmitli u fejjqitni. Fhimt li Hi kienet qegħda tgħasses fuqi, li jiena kont il-bint tagħha, hekk li ma stajt nagħtiha aktar ebda isem ieħor ħlief dak ta’ “Mamà”, għax deherli li kien dejjem aktar ħelu mill-isem ta’ Omm...”(12)

Dawn il-tliet ġrajjiet marjani tal-adoloxxenza ta’ Tereża kellhom influss fundamentali fuq il-bqija ta’ ħajjitha għal dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjoni tagħha mal-Madonna. Bihom Tereża ġarrbet b’mod personali u dirett x’jiġifieri li Marija hija l-Omm spiritwali tagħna. Marija kienet il-mamà tagħha u hi kienet bintha! Meta nirriflettu fuq is-siltiet mill-kitbiet tagħha li fihom titkellem fuq dawn it-tliet grazzji marjani u fuq siltiet oħra li fihom titkellem fuq Marija, jidhirli li nistgħu nisiltu tliet modi ewlenija li bihom Tereża ġarrbet il-maternità ta’ Marija: Marija kienet tħares lil Tereża u titlob għaliha; Marija kienet għaliha gwida fil-ħajja spiritwali; Marija hi omm li Tereża tfassal ħajjitha fuqha.

Ħarsien u interċessjoni ta’ Marija

Fil-kitbiet tagħha Tereża titkellem ħafna fuq il-protezzjoni materna ta’ Marija. Ta’ sikwit titlobha tħarisha(13) u tgħid li tħoss il-protezzjoni tagħha:

“Il-Verġni Mbierka... qatt ma tonqos li tħarisni hekk kif insejħilha. Jekk jaħkimni xi tħassib jew jiġi fuqi xi taħwid, mill-ewwel indur lejha, u Hi, bħall-aktar ħelwa fost l-ommijiet, dejjem tieħu ħsiebi f’dak li nkun neħtieġ.”(14)

Dak li nsibu fl-“Aħħar Ħsibijiet”, li huma ġabra tat-taħdid ta’ Tereża fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha miġbur minn oħtha Madre Anjeże (Pawlina), jurina biċ-ċar b’liema fiduċja u frekwenza Tereża kienet iddur lejn Marija biex titlobha tgħinha fit-tbatijiet tagħha.

Biex tesprimi l-ħarsien ta’ Marija, Tereża tuża xbieha mxerrda ħafna fit-tradizzjoni nisranija u li żgur kienet tfisser ħafna għaliha għax insibuha tużaha tmintax-il darba fil-kitbiet tagħha. Qed ngħid għall-mant jew il-velu tal-Madonna. Taħt dan il-mant jew velu, Tereża u nies oħra li lilhom jew dwarhom tikteb, jistkennu,(15) jistrieħu,(16) u jorqdu trankwilli.(17) Għal Tereża, il-velu jew il-mant tal-Madonna hu simbolu ta’ kemm l-ulied li jintelqu f’idejn Marija b’fiduċja sħiħa jħossuhom imħarsin minnha u m’għandhomx minn x’hiex jibżgħu. Propju dik is-sigurtà li Tereża dejjem fittxet fil-figura tal-omm!

L-influss matern ta’ Marija fil-ħajja spiritwali

Dan il-mant ta’ Marija Tereża ssejjaħlu tliet darbiet “il-mant verġinali”. Ħa neżaminaw l-aktar tnejn importanti fost dawn it-tliet siltiet biex nippruvaw nifhmu xi trid tgħid Tereża. L-ewwel darba li ssejjħlu hekk hu fis-silta li ġa semmejna fejn Tereża titkellem fuq il-grazzja marjana li qalgħet fis-santwarju tal-Madonna tal-Vittorji f’Pariġi. Hemmhekk Tereża tgħid li dak inhar kienet talbet lill-Madonna li tkenninha “għad-dell tal-mant verġinali tagħha... Tlabt minn qalbi wkoll lil Sidtna tal-Vittorji li tbiegħed minni dak kollu li sata’ jtabba’ s-safa tiegħi”.(18) It-tieni silta hi ittra miktuba lil Ċelina li kienet marret pellegrinaġġ Lourdes. Tereża tiktbilha: “U l-Verġni Mbierka? Oh! Ċelina, stkenn għad-dell tal-mant verġinali tagħha biex hi tivverġiniżżak!...”(19)

Tereża torbot il-mant verġinali ta’ Marija mal-verġinità tagħha u ta’ oħtha li kienet qed tħossha msejħa biex tidħol fil-Karmelu hi wkoll. M’hemmx dubju li Tereża għandha f’moħħha l-ħarsien ta’ Marija minn dak kollu li seta’ jqiegħed fil-periklu l-verġinità ta’ Tereża u ta’ Ċelina. Imma naħseb li barra minn hekk, hawnhekk għandna ħjiel ta’ azzjoni aktar diretta u attiva ta’ Marija fil-ħajja spiritwali. Marija tivverġiniżża (tagħmel verġni) lil uliedha Karmelitani għax bħala omm taqsam magħhom dan it-teżor prezzjuż tagħha li biex tħarsu kienet lesta tiċħad li ssir Omm Alla.(20) Min jaf kinitx taf Tereża li fit-tradizzjoni karmelitana Marija kienet ilha meqjuma bħala l-Verġni l-Aktar Safja u li l-kappa bajda tal-libsa karmelitana kienet ilha titqies bħala sinjal tas-safa ta’ Marija li l-Karmelitani huma msejħa jimitaw?

Dak li nistgħu ngħidu fi żgur hu li għal Tereża, l-istess bħal fit-tradizzjoni karmelitana, is-safa jew il-verġinità ma tillimitax ruħha għal-livell fiżiku, imma l-ewwel u qabel kollox hi kwalità spiritwali:

“Il-verġinità hi skiet profond mill-preokkupazzjonijiet kollha tal-art, mhux biss mill-preokkupazzjonijiet inutli, imma mill-preokkupazzjonijiet kollha... Biex tkun verġni trid ma taħseb f’xejn aktar ħlief fl-Għarus...”(21)

Għal Tereża, li tistkenn għad-dell tal-mant verġinali ta’ Marija konkretament ifisser li tgħix fl-Ordni tagħha Karmelitan. Fis-silta li ġa semmejna fejn tikteb fuq iż-żjara tagħha lis-santwarju tal-Madonna tal-Vittorji, Tereża tgħid:

“B’liema ħeġġa tlabtha li tħarisni dejjem u li tara li sseħħ malajr il-ħolma tiegħi li nistkenn għad-dell tal-mant verġinali tagħha!... Din kienet waħda mill-ewwel xewqat tiegħi bħala tifla. Meta bdejt nikber, fhimt li kien fil-Karmelu li stajt insib tabilħaqq il-mant tal-Verġni Mbierka, u lejn din l-Għolja għammiela kienu jieħdu x-xewqat kollha tiegħi...”(22)

Tereża kienet konvinta li kienet Marija li kienet qegħda tmexxiha lejn il-Karmelu biex tagħmilha “aktar perfettament bintha.”(23) Kienet Marija li ħejjiet lil Tereża għall-professjoni reliġjuża tagħha: “il-Verġni Mbierka għenitni nħejji l-libsa ta’ ruħi.”(24) Kienet mill-ġdid Marija li f’jum il-professjoni, it-8 ta’ Settembru 1890, festa tat-Twelid tagħha, ippreżentatha lil Ġesù:

“X’festa sabiħa, dik tat-Twelid ta’ Marija, biex fiha ssir il-għarusa ta’ Ġesù! Kienet iċ-ċkejkna Verġni Mbierka ta’ jum li ppreżentat il-fjur ċkejken tagħha liċ-ċkejken Ġesù...”(25)

Meta mbagħad, fid-9 ta’ Ġunju 1895, Tereża offriet lilha nfisha bħala vittma lill-Imħabba Kollha Ħniena, reġgħet ħalliet f’idejn Marija l-offerta tagħha u talbitha tressaqha quddiem it-Trinità Qaddisa. Mhux biss, imma wkoll billi sabet ruħha b’idejha vojta, Tereża offriet lit-Trinità Qaddisa l-imħabba u l-merti tal-Verġni Mqaddsa biex, kif kellha tikteb aktar tard fl-aħħar poeżija tagħha:

“Ma nitregħidx meta nara d-dgħufija tiegħi,
Għax it-teżori ta’ l-omm huma ta’ wliedha wkoll,
U jiena miniex bintek, o Omm għażiża tiegħi?
Il-virtù tiegħek, l-imħabba tiegħek, mhumiex tiegħi wkoll?”(26)

Tereża tara lil Marija, omm il-ħajja spiritiwali ta’ wliedha, bħala l-Kewkba tilma li ddawwal it-triq bil-preżenza materna tagħha u tmexxi l-passi ta’ wliedha lejn l-għan ta’ ħajjithom li hu l-għaqda ma’ Alla, għan li hi ġa laħqitu:

“O Verġni bla tebgħa, Inti l-Kewkba ħelwa
Li tagħtini ’l Ġesù, u miegħu tgħaqqadni.”(27)

Hawn qiegħed il-qofol tal-ħidma materna ta’ Marija fil-ħajja spiritwali. Hija tgħaqqadna ma’ Ġesù.

Omm li nistgħu nimitawha

Propju għax hi ommna, Marija mhix ’il bogħod minna, mhix qegħda fil-għoli, ’il fuq minn kollox. Le, Marija hija mara li bħalna ġarrbet il-qrusa tal-ħajja u għalhekk tista’ tifhimna:

“Jekk nikkontemplak f’sebħek sublimi
Li d-dija jiżboq tal-magħżulin kollha tas-Sema,
Li jiena bintek lanqas nista’ nemmen:
O Marija, quddiemek inbaxxi għajnejja.

Sabiex tfajjel lil ommu jgħożż ikun jista’,
Miegħu jeħtieġ li hi tibki, miegħu fid-dwejjaq tissiebeħ.
O Omm għażiża tiegħi, fuq din ix-xtajta barranija,
Kemm dmugħ mort ixxerred biex lili lejk tiġbed!”(28)

Tereża kienet tinsisti ħafna fuq li Marija hi qrib tagħna, waħda minna. Kienu jdejquha dawk il-predikaturi li kienu jgħollu ħafna l-prerogativvi ta’ Marija, bħal donnhom jinsew li, minbarra t-tnissil tagħha bla tebgħa, kienet bħalna f’kollox. Tereża tara u tippreżenta lil Marija bħala mara li nistgħu nersqu lejha u nimitawha, għax kif tgħid hi, “il-ħajja vera tagħha kienet mill-aktar sempliċi.”(29) Għaldaqstant kienet trid tisma’ fuqha dawk l-affarijiet li nafuhom mill-Evanġelju u mhux ħafna stejjer bla ebda bażi fl-Evanġelju imma ġejjin biss mill-fantasija (30):

“Waqt li fl-Evanġelju mqaddes jien ħajtek nimmedita,
Lejk nażżarda nħares u nersaq.
Li nemmen li jien bintek, għalija mhix ħaġa tqila,
Għax bniedma narak, u tbati wkoll bħali...”(31)

L-aħħar poeżija tagħha, “Għaliex inħobbok, O Marija!” hija meditazzjoni mill-isbaħ fuq il-ħajja ta’ Marija kif insibuha fl-Evanġelju. Hemm ħafna xi tgħid fuq din il-poeżija. Hawnhekk se nsemmi biss żewġ aspetti tal-ispiritwalità ta’ Marija kif taraha Tereża: l-umiltà u l-fidi.

Skond Tereża, kienet propju l-umiltà ta’ Marija li ġibdet lil Alla u serqitlu qalbu. Fl-umiltà tagħha, Marija ppreferiet ma tgħid xejn lil Ġużeppi dwar il-misteru li kien seħħ fiha; żammet is-skiet u stenniet l-għajnuna mingħand Alla waħdu. F’Betlehem Marija tidher bħala sempliċi mara barranija. Meta tmur Ġerusalemm biex tippreżenta lil Binha fit-Tempju, titħallat b’sempliċità man-nisa l-oħra. Eżiljata fl-Eġittu, tbati bħal waħda fqira. F’Nażaret tgħix ħajja fqira, umli u sempliċi. “Ebda rapiment jew miraklu, ebda estasi ma trid / Li ħajtek issebbaħ, o Sultana tal-magħżulin.”(32) B’intwizzjoni fina u profonda Tereża tiskopri wkoll l-umiltà ta’ Marija f’dak il-fatt irrakkuntat fl-Evanġelju fejn Marija tmur tfittex lil Ġesù li qed jippriedka u meta jgħidulu biha r-reazzjoni tiegħu tkun li ommu u ħutu huma dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jħarusha. Fl-umiltà u l-imħabba tagħha, Marija ma żżommx lil Ġesù għaliha waħedha daqs li kieku kien tagħha biss, imma lesta taqsmu magħna.(33)

Fl-umiltà u s-sempliċità ta’ Marija, Tereża tilmaħ xbieha perfetta ta-Triq iż-Żgħira li hi sabet u għallmet:

“It-triq id-dejqa li tagħti għas-Sema tidher għamiltha
Int u titħarreġ fil-virtujiet l-aktar umli.
Maġenbek, Marija, jogħġobni nibqa’ ċkejkna.

“Il-għadd taċ-ċkejknin fuq l-art huwa tassew kbir
U lejk, bla ma jitregħdu għajnejhom jistgħu jerfgħu;
F’din it-triq ordinarja, o Omm li ma hemmx oħra bħalek,
Int għoġbok timxi biex lilhom lejn is-Smewwiet tmexxi.”(34)

Tereża kitbet din il-poeżija erba’ xhur qabel mietet, meta kienet għaddejja mil-lejl tal-fidi.(35) Bid-don li kellha li toħroġ mill-Evanġelju teżori moħbija, hija waslet biex fehmet li Marija kienet għaddiet minn dan il-lejl tal-fidi qabilha. Hija u timmedita l-kliem ta’ Ġesù lil ommu wara li sabitu fit-Tempju, kliem li l-Evanġelju nnifsu jgħid li Marija ma fehmitux, Tereża ddur lejn Marija u tgħidilha:

“L-Iben ħelu tiegħek, ja Omm, lilek xempju jridek tkun
Tar-ruħ li tkun qiegħda tfittxu f’tal-fidi l-lejl.”(36)

Imbagħad, hija u tiftakar minn liema lejl ta’ fidi tinsab hi nfisha għaddejja, Tereża ddur lejn Marija u titlobha:

“Dak kollu li tani Ġesù, lura jista’ jieħdu mill-ġdid;
Għidlu biex għalija jħabbel rasu ma joqgħodx:
Jista’ minni jinħeba, għax dejjem lesta nibqa’ nistennieh
Sa dak il-jum bla tmiem meta tgħib tiegħi l-fidi...”(37)

Konkluzzjoni

Omm. Omm ħelwa u attenta għal ħtiġijietha, li tħobbha u titbismilha. Omm li tħaddanha u tipproteġiha taħt il-mant tagħha. Omm li ttellagħha fuq il-Karmelu tagħha biex tivverġiniżżaha u tgħaqqadha ma’ Ġesù. Omm li tista’ timxi l-passi tagħha għax għexet bħalna fis-sempliċità u l-faqar. Omm li għaddiet qabilha mil-lejl tal-fidi u għalhekk, bħal Kewkba mdawwla, tista’ tmexxiha. Din hi Marija għal S. Tereża tal-Bambin Ġesù.

---------------------

Noti

1 Ittra ta’ Zélie Martin lil uliedha Marie u Pauline, tal-25 ta’ Ġunju 1874, ikkwota minn Tereża f’Ms A, 5q-5w, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ maqluba għall-Malti minn P. Anġeliku M. Busuttil OCD, Malta 1995 (Pubblikazzjoni Karmelitana Tereżjana), p. 53.

2 Ittra ta’ Zélie Martin lil bintha Pauline, tal-29 ta’ Ottubru 1876, ikkwota minn Tereża f’Ms A, 5w, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 54.

3 Ms A, 13q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 71.

4 Ms A, 29q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p.105.

5 Is 66, 12-13, skond kif tikkwotah Tereża f’Ms Ċ, 3q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 266.

6 Ittra lil Sor Ġenoveffa (oħtha Ċelina), tal-24 ta’ Diċembru 1896.

7 Poeżija nru 49, “Lil Sidtna tas-Sokkors Perpetwu”, l-aħħar ritornell, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet maqlubin għall-Malti minn P. Anġeliku M. Busuttil OCD, Malta 1998 (Pubblikazzjoni Karmelitana Tereżjana), p. 160.

8 Poeżija nru 54, “Għaliex Inħobbok, O Marija!”, strofa 25, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet maqlubin għall-Malti minn P. Anġeliku M. Busuttil OCD, Malta 1998 (Pubblikazzjoni Karmelitana Tereżjana), p. 178.

9 Ms A, 30q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, pp. 108-109.

10 Ms A, 35w, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 122.

11 Ittra lil Madre San Plaċidu ta’ Diċembru 1888.

12 Ms A, 57q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 172.

13 Ara ngħidu aħna Ms. A, 35w; 57q, pp. 122 u 172.

14 Ms. Ċ, 26q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 304.

15 Ara fost l-oħrajn Ms. A, 57q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 172; Poeżija 1, “In-Nida Divina jew il-Ħalib tal-Verġni Mbierka”, strofa 1, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet maqlubin għall-Malti minn P. Anġeliku M. Busuttil OCD, Malta 1998 (Pubblikazzjoni Karmelitana Tereżjana), p. 19; Ittra lil Ċelina tal-10 ta’ Mejju 1890; Ittra lil Ċelina tas-26 ta’ April 1894.

16 Ara Poeżija 5, “L-Għanja tiegħi għal-lum”, strofa 11, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, p. 32.

17 Ara Poeżija 44, “Ħuti ż-Żgħar fis-Sema”, strofa 8 u Poeżija 54, “Għaliex Inħobbok O Marija!”, strofa 12, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, pp. 144 u 174.

18 Ms. A, 57q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 172.

19 Ittra lil Ċelina tal-10 ta’ Mejju 1880.

20 Ara l-ittra lil Ċelina tat-23 ta’ Lulju 1891.

21 Ittra lil Ċelina tal-14 ta’ Ottubru 1890. Ara wkoll l-ittra lil Ċelina tat-23 ta’ Lulju 1891.

22 Ms. A, 57q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 172.

23 Ittra lil Madre San Plaċidu ta’ Diċembru 1888.

24 Ms. A, 75q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, p. 215.

25 Ms. A, 77q, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tgħallimna. Storja ta’ Ruħ, pp. 219-220.

26 Poeżija n. 54, “Għaliex Inħobbok O Marija!”, strofa 5, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, p. 173.

27 Poeżija n. 5, “Il-Għanja tiegħi għal-lum”, strofa 11, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, p. 32.

28 Poeżija n. 54, “Għaliex Inħobbok O Marija!”, strofi 1-2, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, p. 172.

29 L-Aħħar Ħsibijiet, 21 ta’ Awwissu, 3. SantaTereża tal-Bambin Ġesù tkellimna. L-Aħħar Ħsibijiet maqlubin għall-Malti minn P. Anġeliku Busuttil OCD, Malta 1994 (Pubblikazzjoni Karmelitana Tereżjana), p. 154.

30 Ara L-Aħħar Ħsibijiet, 21 ta’ Awwissu, 3, bħal fin-nota ta’ qabel.

31 Poeżija n. 54, “Għaliex Inħobbok O Marija!”, strofa 2, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, p. 172.

32 Poeżija n. 54, “Għaliex Inħobbok O Marija!”, strofa 17, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, p. 175.

33 Ara l-istrofi 20-22 ta’ l-istess poeżija f’pp. 176-177.

34 Poeżija n. 54, “Għaliex Inħobbok O Marija!”, strofi 6 u 16, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, p. 176.

35 B’lejl tal-fidi hawn qed nifhmu l-aħħar tmintax-il xahar ta’ ħajjitha li fihom Tereża ma baqgħetx tgawdi l-ferħ li kienet imdorrija tħoss meta taħseb fil-ġenna, imma għaddiet minn prova kbira ta’ tentazzjonijiet u dubji fuq il-fidi, l-aktar dwar l-eżistenza ta’ ħajja oħra. Din il-prova hija tarġa normali fil-mixja tal-qaddisin il-kbar lejn Alla, kif wera b’għerf imdawwal S. Ġwann tas-Salib fil-kitbiet tiegħu. L-iskop ta’ Alla meta jgħaddi lil xi ħadd minn dan il-lejl tal-fidi hu li jsaffi l-fidi tiegħu għall-aħħar biex dak li jkun jibqa’ jemmen mhux għax iħoss xi ħaġa, imma biss għax irid jemmen.

36 Poeżija n. 54, “Għaliex Inħobbok O Marija!”, strofa 15, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, p. 175.

37 Poeżija n. 54, “Għaliex Inħobbok O Marija!”, strofa 16, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferraħna. Kitbiet Poetiċi u Talbiet, p. 175.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage