PersonaġġiQaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla100 Sena mill-Mewt tal-Beata Eliżabetta tat-Trinità FJUR MILL-ISBAĦ MILL-QALBA TA’ FRANZA Il-Beata Eliżabetta tat-Trinità twieldet fl-għodwa tat-18 ta’ Lulju 1880, fil-kamp militari ta’ Avor, belt żgħira ta’ Farges-en-Septaine qrib Bourges fi Franza. Joseph Catez, kaptan fl-armata, u martu Marie kienu ferħana bl-ewwel wild tagħhom, Eliżabetta. Joseph kien magħruf sewwa għall-enerġija u l-perseveranza li kellu meta kien jiġi biex jagħmel biċċa xogħol. Ma kien jaqta’ qalbu minn xejn u kien jaf iżomm il-punt tiegħu. Omm Eliżabetta, li kienet ukoll ġejja minn familja militari, kienet mimlija enerġija, dħulija, ħelwa u taf iżżomm il-kalma. Joseph u Marie kienu kattoliċi prattikanti bla ma jħobbu juru rwieħhom ħafna, bl-omm x’aktarx riġida fejn jidħlu prinċipji nsara u l-emfasi aktar kien fuq il-kastigi ta’ Alla milli fuq il-ħniena tiegħu. Mimlija ħajja Sabeth, kif kienu jirreferu għal Elizabetta, kienet ta’ karattru ħaj ħafna. Kienet imqarba u kienet turi s-simpatiji u l-antipatiji tagħha bit-tbissima jew bil-biki, inkella bit-twerżieq u bit-tisbit tas-saqajn.
Sena wara t-twelid ta’ Sabeth, il-familja Catez kellha tmur fil-kamp ta’ Auxorre u aktar tard fil-belt ta’ Dijon. Hemmhekk ingħaqad magħhom in-nannu Rolland, li kien jiġi missier Marie. Ftit wara, Sabeth kellha oħtha oħra, Marie Marguerite, tifla kwieta u kalma. Aktar tard, Marie Marguerite tgħid hekk fuq oħtha: “Sabeth kienet fuq tagħha ħafna, nervuża u tirrabja bil-kbir; kien qisha xitan mill-kbar! Anki l-ħabiba tagħha titkellem fuq ħarsitha ‘kollha nar’, u ommha fuq ‘għajnejn feroċi”. Esperjenzi li ħallew markaDin il-qilla ta’ Sabeth jista’ jkun ġejja mill-fatt li kienet bint il-militar, għaddiet minn ħafna tibdil ta’ residenzi, il-ġenituri kienu iebsa u anzjani, it-tnejn b’rieda ta’ l-azzar, u fatturi oħra. Kwalità oħra ta’ ommha li Sabeth tgħallmet minnha, kienet il-ħerqa li din kellha għall-ħajja. Kienet tħobb tivvjaġġa u tgawdi l-ħajja. Imma f’April ta’ l-1985 bdew jidhru l-ewwel diffikultajiet kbar meta, bdew l-ewwel attakki tal-qalb ta’ żewġha, tant li tiktiblu hekk: “tinsiex dak li għidtlek: ħu ħsieb tiegħek innifsek. Tabbużax u tixrobx birra u lanqas tpejjep sigarri. Ħu ħsieb saħħtek!” F’Ġunju l-Kaptan Catez irtira mis-servizz. Ftit wara miet in-nannu Rolland, u fit-2 ta’ Ottubru ta’ l-1887, miet il-Kaptan Catez ukoll fl-età ta’ 55 sena. Dawn iż-żewġ ġrajjiet kienu esperjenzi li ħallew marka qawwija fuq il-karattru sensibbli ta’ Eliżabetta. Lil nannuha, Sabeth kienet tħobbu ħafna, għax miegħu kien ġieb ħafna ħlewwa fid-dar, kien jifraħ jaqsam dak li tgħallem mill-ħajja. Fit-telfa ta’ missierha, Eliżabetta kellha biss sitt snin. Din il-ġrajja tal-mewt ġagħlet lil Sabeth taħseb il-ħtieġa ta’ ħajja oħra - "ma jistax ikun li dak li ħabbejt jintemm hekk malajr". Aktar tard, lil ommha tiktbilha hekk, “Fil-Ġenna jew fl-art, dawk li mhumiex miegħek id-dar xorta waħda qegħdin qrib tiegħek ... Kif ma tħosshomx?” Il-fatt stess li d-dar sabet ruħha bla preżenza maskili ġiegħlha tagħraf il-post ewlieni li Alla jista’ jkollu fil-preżenza tal-bniedem. L-ewwel sinjali tas-sejħa Il-kanonku Angles, kappillan ta’ Saint Hilaire, jirrakkonta li darba fost l-oħrajn, “it-tfal kienu xebgħu jilagħbu u qabdu jlabalbu. Sabeth warrbet minn magħhom u resqet lejja, telgħet fuq irkobbtejja, mejjlet rasha u qaltli f’widnejja, 'Monsieur Angles, se nsir soru. Irrid insir soru!'” Il-kanonku baqa’ impressjonat, iżda ommha malli semgħet qalet, “X’inhi tgħid dik il-belha?” L-għada l-omm reġgħet staqsiet lill-kappillan jekk kienx possibbli li Sabeth kienet qed tħoss il-vokazzjoni u hu weġibha fl-affermattiv. Imma l-omm, bl-imħabba possessiva li kellha, ġegħlitha tħoss din it-tweġiba bħala daqqa ta’ stallett. Irraġunat li kien hemm ħafna affarijiet isbaħ fil-ħajja milli tingħalaq f’kunvent. Il-ħajja mingħajr il-missier ma baqgħetx l-istess. Marie biddlet id-dar u marret tgħix fi Flat f’Rue Prier li mit-tieqa tiegħu kien jidher il-monasteru tas-sorijiet Karmelitani Tereżjani. Marie għamlet minn kollox biex iżżomm l-istess livell soċjali li kellha biex hekk tkun tista’ twitti t-triq għall-ġejjieni hieni għal uliedha. Hija ħadet ħsieb li tagħti edukazzjoni xierqa lil uliedha. Lil Sabeth bagħtitha titgħallem il-Franċiż u l-pjanu. Sabeth kienet tqatta’ sigħat sħaħ tipprattika l-pjanu b’detriment għal tagħlim ieħor, imma ta’ tmien snin kienet tinqala’ ġmielha fil-mużika. “Fil-preċett tajna rigal lil xulxin” Ta’ seba’ snin qerret għall-ewwel darba. Kienet laqgħa siewja ħafna ma’ Ġesù Kristu biex jaqla’ l-qalb tal-ġebel u jdaħħal il-qalb tiegħu tal-laħam. L-Ewwel Tqarbina tagħha, Sabeth għexitha b’ħafna emozzjoni: kienet tassew ferħana. Din il-ġrajja baqgħet tiftakarha sewwa, tant, li għaxar snin wara, fl-anniversarju tal-preċett, kitbet poeżija li fiha stiednet lill-għasafar kollha jkantaw magħha dan l-innu:
Innu jfawwar bil-għana
Dakinhar ta’ l-Ewwel Tqarbina, ommha, kif kienet l-użanza dak iż-żmien, ħaditha għand is-sorijiet Karmelitani Tereżjani u ppreżentatha lill-Prijura tal-komunità. Din wara li staqsiet lil Eliżabetta x’jisimha, qaltilha li isimha jfisser, “Dar ta’ Alla”. Din il-kelma baqgħet stampata f’moħħ Sabeth, tant, li minn dak inhar ’il quddiem bdiet tfittex li tgħix fil-prattika t-tifsira ta’ isimha. Ħasset li l-vokazzjoni tagħha hija li Alla jgħix fiha. Aktar tard tikteb hekk: “Fil-preċett tajna rigal lil xulxin għal kollox”. U dak inhar ġrat xi ħaġa kbira: l-impossibbli sar possibbli. Kif tistqarr ommha stess: dak inhar l-eċċessi tar-rabja spiċċaw. Meta jidħol Alla fil-ħajja tal-bniedem, allura ħajtu tieħu togħma ġdida, aħjar u itjeb. U hekk ġara fil-ħajja ta’ Sabeth. Minn ġewwa ġieli kienet tkun qed tbaqbaq, imma kienet iżżomm ħafna lura u tibqa’ kalma biex tagħti ċans lil ħaddieħor. Tassew li mhux veru li wieħed jgħid min jitwieled tond ma jmutx kwadru, għax għal Alla xejn m’hu impossibbli. Xahrejn wara l-preċett, Sabeth għamlet il-Griżma ta’ l-Isqof, imma ma’ seħbitha kienet aktar titkellem fuq l-Ewkaristija. Il-ħerqa tagħha biex tidħol f’intimità ma’ Ġesù wasslitha biex tgħid, “Jien jidhirli li r-ruħ l-aktar ħielsa hija dik li l-aktar tinsa lilha nfisha. Kieku kellek tistaqsini s-sigriet tal-ferħ kont ngħidlek li qiegħed filli ma tqis xejn lilek innifsek u tiċħad lilek innifsek kull ħin. Dan hu mezz qawwi biex toqtol is-suppervja: toqtolha bil-ġuħ.” L-Ewwel Tqarbina u l-Griżma ħallew effett qawwi fuq Sabeth. B’danakollu, meta kien ikollha xi argument id-dar, Sabeth kienet tispiċċa tisplodi u tarma tgħajjat, gdiedem, u biki. Mhux l-ewwel darba li ommha hedditha li ser tagħlaqha għand is-Sorijiet tal-Bon Pastur. Fortunatament kien jgħaddilha malajr u aktar u aktar malli kienet tinduna li l-imġieba tagħha kienet qed taqla’ ħafna nkwiet. Ittri tagħha juru t-tensjoni li kien ikollha fiha meta kienet tara li r-rabja fiha ma setgħetx tikkontrollaha u min-naħa l-oħra kien jiddispjaċiha li kienet qiegħda tweġġa’ tant persuni. Fl-1 ta’ Jannar ta’ l-1889 hija tikteb żewġ ittri lil ommha u tgħidilha li ma kenitx ser tirrabja, tixher u tibki aktar. Fihom naraw ċar ix-xewqa tagħha li tkun aħjar imma fl-istess ħin taf biżżejjed il-limiti u d-djgħufija tagħha. Kienet tinduna li hemm bżonn li xi ħadd jgħinha. Il-kobor u s-sbuħija tal-bniedem tinsab filli jagħraf is-sejħa li Alla għamillu u jaħdem bla heda biex jikkopera magħha ħalli jkun strument mill-isbaħ tal-ħajja tal-fidi. TFAJLA FUQ TAGĦHA TFITTEX L-IMĦABBA Tfajla NormaliTfajla normali bilfors taħseb fuq il-ġejjieni tagħha. Eliżabetta kienet waħħlitha f’rasha li riedet issir soru. Ta’ seba’ snin kienet diġa’ uriet din il-fehma tagħha lill-Kanonku Angles u ommha ma riditx tisma’ b’dan. Kienet tirraġuna li soru mhuwiex futur tajjeb għal tfajla sabiħa. Ma kienx sewwa li tingħalaq bejn erba’ ħitan meta kellha karriera mill-isbaħ bħala pjanista. Kienet tagħmel minn kollox biex taqtgħalha qalbha; saħansitra ordnatilha biex ma tmurx għand is-Sorijiet Karmelitani Tereżjani. Sabeth kellha tikkuntenta ruħha billi tħares lejn il-monasteru mit-tieqa tal-flat li kienu jgħixu fih bħala familja, inkella minn fuq il-bejt tas-sorijiet tar-Ragħaj it-Tajjeb.
Minn dak inhar ’il quddiem, ħajjitha ħadet xejra differenti. Bdiet tħoss ċerta mħabba intima għal Ġesù, ċerta ħerqa biex tidħol malajr fil-Karmelu. Bdiet tagħmel ċerti delikatezzi żgħar, ċaħdiet żgħar, bħal ma tikolx frott, taqra l-għada ittra li tkun waslitilha, titbissem meta tkun bin-nervi, siegħa titlob bil-lejl, u l-bqija. Huma delikatezzi ta’ min jaf iħobb u li jistgħu jifhmuhom biss in-namrati. Kull rigal iżda, irid jiġi ppruvat, inkella kif tista’ tapprezzah? Sabeth, ta’ sbatax-il sena bdiet tħossha miġbuda lejn ġuvni. U għalkemm qalbha bdiet tħabbat, hi kienet ġa għamlet l-għażla tagħha tal-Maħbub Divin. Indunat li l-għeruq tagħha kienu niżlu fil-fond wisq f’din l-għotja tagħha lill-Maħbub Divin. Il-ferħ tas-suċċess Sabeth, bħal kull artista oħra, fil-mużika sabet mezz tajjeb ħafna kif tesprimi s-sentimenti tagħha. Hija u ddoqq kienet tinsa għal kollox l-eżistenza tagħha u tintefa’ kollha kemm hi b’passjoni fil-poeżija mużikali li tkun qiegħda tinterpreta. Kienet tgħid, “Meta npoġġi jdejja fuq it-tastiera, f’qalbi nitlob ’l Alla.” B’danakollu kienet konxja li s-suċċess huwa bużżieqa vojta li malajr tgħib u tħallik aktar waħdek minn qabel. Hija kienet toqgħod attenta li ma titlifx il-paċi tal-qalb għal erba’ prosetijiet. U ommha kienet tgħinna ħafna dwar dan għax ma kenitx tfaħħarha żżejjed. Karattru mill-isbaħ
Kella pinna ħafifa u ħarbxet xi poeżiji, ħelwin għas-sentimenti deskrittivi li fihom għalkemm elementari fir-ritmu u fl-istil poetiku. Aktar tard timmatura. Soda fil-fehma tagħha Għalkemm il-fehma ta’ Sabeth baqgħet dejjem tissaħħaħ biex tidħol soru, ommha baqgħet xorta waħda tiċħdilha din il-possibilità u fl-aħħar mill-aħħar xtaqitha tiżżewweġ u mhux tidħol soru. Sfortunatament din l-imħabba possessiva ta’ ommha kienet tfixkilha xi ftit imma dan qatt ma wassalha biex titlef il-paċi fil-qalb. Sabeth kienet konvinta li ladarba kien Hu li sejjħilha għall-Karmelu, Hu kien ser jagħtiha l-għajnuna biex b’mod jew ieħor tasal għaliha. Hija kienet tħoss ħafna tara lil ommha tbati minħabba d-deċiżjoni tagħha u kienet iġġarrab dan kollu bil-fehma li bih kienet qed tieħu sehem fit-tbatija tiegħu lejn il-Kalvarju. U bħalma Huwa bata fuq is-Salib jara lil ommu tbati, hekk ukoll hi, batiet tara lil ommha tbati minħabba d-deċiżjoni tagħha. Fil-ħajja wara kollox, dak li hu importanti huwa li wieħed ikun ħieles biżżejjed anki minn affettività li ġġegħilna ħafna drabi ma nagħmlux ir-rieda ta’ Alla. Bis-saħħa tad-dixxerniment ta’ l-ispirti, Sabeth fehmet x’għandu jiġi l-ewwel u x’għandu jiġi t-tieni. Imma l-ħajja għandha l-kutrumbajsi tagħha! Kienet ommha stess li lil Sabeth tatha l-kotba ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù biex taqrahom. U bil-mod il-mod bdiet tagħmel tagħha t-talba ta’ Santa Tereża: Tħalli xejn iħawdek anqas ibeżżgħek, Fil-ħolm taż-żgħożija Ta’ sbatax-il-sena kienet tfajla mimlija ħolm, b’xewqat profondi mill-qalb li qed tixxennaq għal Kollox. Waqt il-vaganzi fl-1898, qalb in-natura ta’ l-Alpi u l-Pirinej, Eliżabetta ħasset bħal donnu konferma tas-sbuħija ta’ l-għarus tagħha. Għax jekk in-natura hi hekk sabiħa, mela Alla li għamilha x’inhu? U tgħid hekk, f’poeżija li kitbet: Bi fjammi jħeġġu u safja ta’ mħabba Sabeth kienet tieħu pjaċir b’kollox u kollox kien ifakkarha fiH. F’Dijon kienet mimlija ħajja. Meta spiċċat il-lezzjonijiet tal-pjanu bdiet tistudja l-Ingliż. Kienet tgħallem il-katekiżmu lil tfal b’diżabilità u ħejjiet xi tfal għall-preċett u kienet tgħin fil-kor tal-parroċċa. Kienet maħbuba ħafna mit-tfal. Kienet tqum kmieni fil-għodu, bil-moħbi ta’ ommha, biex tevita t-tgergir, kienet tqum tagħmel ħin twil fit-talb u tisma’ l-quddies. Meta ommha mardet, sabet għajnuna kbira u ħafna faraġ mill-ħbieb ta’ ommha u tagħha. Għalkemm kienet ’il-bogħod minn ħbiebha billi ma setgħetx toħroġ kienet tħossha magħquda magħhom fit-talb. Minkejja t-tensjoni li kellha f’qalbha, f’sentimenti mħallta li kienet qed tħoss: imdejjqa tistenna, muġugħa minħabba ommha marida, ferħana għax kien hemm xefaq dawl fuq il-Karmelu, iddispjaċuta għax se tweġġa’ lil ommha, iddur ma’ ommha marida ... xorta waħda baqgħet timtela bil-ħeġġa u bil-ħerqa u tissaffa ħalli titlaq il-kollox biex tħaddan il-Kollox, Alla li jista’ kollox. Il-ħerqa li tiltaqa’ mal-Maħbub kienet diġà mlietha b’ċerta ferħ u paċi fil-qalb tagħha. Hekk jiġrilu kull min jagħraf tassew li l-veru sens tal-ħajja huwa li tkun magħqud mal-Kollox u li xejn ma jxebba’ l-qalb għal veru kuntentizza ħlief Hu. SA FL-AĦĦAR, FERĦANA FIL-KARMELU Omm Eliżabetta tibdel fehmitha Is-26 ta’ Marzu ta’ l-1899 kienet ġurnata li Eliżabetta ma tinsieha qatt. Dak inhar, ommha laqgħet it-talba ta’ bintha biex issir soru Karmelitana. Alla jinqeda b’kollox. X’aktarx li ommha għamlet hekk għax il-ħabiba tagħha kienet għadha kif tat permess lil bintha waħdanija tagħha, biex hi wkoll issir soru. Kienet Marie Louise Hallo, ħabiba kbira ta’ Eliżabbetta. Kif ngħidu, “L-eżempju jkaxkar.” It-tajjeb li nagħmlu jinfluwenza lill-oħrajn ukoll.
Ommha kienet għamlet minn kollox biex iddawwrilha fehmitha, tant li fuq suġġeriment ta’ xi ħadd, stednitha taħsibha sewwa dwar ġuvni li kienu ssuġġerewlha. Imma l-fehma ta’ Eliżabbetta kienet maqtugħa: is-sejħa tagħha kienet li ssir soru Karmelitana. U meta ommha ratha hekk soda, fehmet hija wkoll li Alla għandu triq oħra għaliha u mhux dik taż-żwieġ. U ladarba l-fehma tagħha kienet maqtugħa, ma setax jonqos li ġġib ruħha b’mod li juri fiha dan il-ħsieb: qalbha u ħarsitha ma kinux ikunu hemm. F’nhar San Ġużepp lil Ġesù qaltlu: “Agħġen din qalbi biex issir l-għamara preferuta tiegħek.” F’waħda min-noti intimi tagħha, Eliżabbetta turi x-xewqa li ħajjitha tkun “talba kontinwa, att imtawwal ta’ mħabba.” Hija tgħid, “Agħmel Ġesu’, li xejn ma jkun jista’ jaqtagħni minnek … Kemm inkun inħobbok O Mgħallem tiegħi. Kemm nixtieq ngħix miegħek. Noffrilek iċ-ċella tal-qalb tiegħi sabiex hi tkun il-Betanja tiegħek. Ejja strieħ hawn. Jien inħobbok ħafna. Kemm nixtieq nista’ nfarrġek u noffri lili nnifsi bħala vittma għalik u miegħek, O Mgħallem tiegħi.” Xi ġmiel ta’ kliem! Huwa kliem li juri li diġa’ beda jidher ċar l-influss li għamlet fuqha S. Tereża tal-Bambin Ġesù li ma kenitx ilha li mietet. L-ewwel darba li wriet l-imħabba tagħha għat-Tlieta, fil-beraħ, kien f’Lulju ta’ l-1900, meta ffirmat għall-ewwel darba bl-isem ta’ Eliżabetta tat-Trinità. U biex tieħu konferma dottrinali tagħha, ltaqgħet ma’ Weissahard, teologu Dumnikan li fissrilha kif il-Missier, il-Kelma u l-Ispirtu s-Santu jiġu jgħammru fir-ruħ. Il-Missier iċaqlaqna u jgħallimna, Kristu jaħdem fina u l-Ispirtu s-Santu jagħtina l-ħajja. Minkejja din ir-rabta kbira ma’ Alla, l-aħħar tliet xhur fid-dinja, minħabba l-qalb sensibbli tagħha, xorta waħda kienet tħossha mtertqa minn ġewwa minħabba l-firda minn ommha u minn oħtha. Fuq il-passi ta’ Santa Tereża Meta telqet mid-dar, waqt li ħasset il-firda ta’ ommha, kienet ferħana se ttir għax il-ħolma tagħha fl-aħħar kienet se sseħħ. Qabel ħarġet mid-dar, niżlet għarrkobbtejha quddiem ir-ritratt ta’ missierha u talbitu jberikha bħallikieku kien preżenti. Kien it-2 ta’ Awissu 1901, meta wara li semgħu Quddiesa, ommha wasslitha sal-bieb u b’dan il-kliem daħlet ġewwa biex ma toħroġx iktar, “Inħossni kollni tiegħu bħal tifla żgħira u issa ma nqis xejn ħlief li nintelaq fi driegħu ...”.
“Hawn ġew, fil-Karmelu, kollox hu sabiħ” It-tajjeb jingħaraf mill-ewwel. Meta Madre Germaine ta’ Ġesù, il-prijura tal-monasteru, bagħtet ir-ritratti tad-dħul ta’ Sabeth fil-Karmelu ta’ Lisieux, fejn erbat snin qabel kienet mietet Swor Tereżina tal-Bambin Ġesu’, mar-ritratti bagħtet din in-nota, “... postulanta ta’ tlitt ijiem, ilha biex tidħol fil-Karmelu, minn mindu kellha seba’ snin ... se tkun qaddisa għax għandha dispożizzjonijiet kbar!” Sħabha s-sorijiet innutaw il-ġabra kbira tagħha u ħasbu li dak kien biss entużjażmu tal-bidu, imma malajr indunaw kemm kienu mqarrqa. Il-ġurnata għaliha kienet tgħaddi malajr u kollox kien ifakkarha fl-Għarus. Tikteb: “Kollox hu ħelu fil-Karmelu, għax kemm fil-ħasil tal-ħwejjeġ kif ukoll fit-talb, Hu jkun kullimkien.” Kienet tħobb tkun u taħdem fil-kamra tagħha; ma kellhiex ħlief siġġu żgħir, leġiju u saqqu tat-tiben, imma kienet mimlija b’Alla. Tikteb, “Il-kamra hi santwarju intimu, magħmul għalih u għall-għarusa tiegħu biss ... Jien noqgħod fis-skiet nisimgħu u nħobbu.” U post ieħor tgħid, “Għall-Karmelitana m’hemmx xogħol ieħor ħlief li tħobb u titlob ...!”, u “Il-Karmelitana hi ruħ li tħares lejn l-Imsallab ... Fuq l-għolja tal-Karmelu, fis-skiet, fis-solitudni u fl-orazzjoni - il-Karmelitana ġà qed tgħix hawnhekk kif se tgħix fis-sema: f’Alla biss.” Din hija esperjenza mill-isbaħ għax timla’ l-qalb tal-bniedem b’dak li fl-aħħar mill-aħħar jittama li jikseb fil-ħajja. Il-ferħ tal-baħħ mimli jitwassal lill-oħrajn “Kieku ma jimliex il-kmamar u l-kurituri tagħna, x’baħħ kien ikun hemm.” Din l-esperjenza qawwija ta’ ferħ, Eliżabetta fittxet li b’kull mezz taqsamha ma’ l-oħrajn. Il-ħitan tal-klawsura, flok għalquha fiha nfisha, fetħuha beraħ għall-oħrajn! Tifraħ ma’ oħtha għax se titgħarras u mbagħad għax ser tiżżewweġ u wara għax se jkollha tarbija. Tipprova tiftakar fil-festi u f’għeluq żmien ħbiebha u fl-esperjenzi sbieħ li kienu jqattgħu flimkien. Fis-sempliċità tagħha kienet tgħid: “Naħseb li l-Mulej jaħfirli għax Hu jaf li dawn il-ħarbiet tiegħi saru miegħu u fih!” Lil ommha kienet tgħidilha: “nibgħatlek il-qalb tiegħi kollha bħala mazz fjuri.” Sabeth kienet mara li taf tħoss. Kienet taf li ommha baqgħet dejjem fid-dubju dwar kemm il-ħajja li għażlet bintha kenitx utli jew le. Għalhekk kienet tiktbilha spiss biex turiha li għalkemm kienet bogħod mill-għajn, ma kienx ifisser li kienet bogħod mill-qalb. Lil ommha u lil oħtha tiktbilhom b’mod li ddewwaqhom u turihom il-ferħ li qed iġġarrab fil-fond ta’ qalbha u l-ħerqa kbira tagħha li titlob għalihom ħalli huma wkoll iġarrbu dan il-ferħ u jaqsmu magħha s-sbuħija ta’ din il-preżenza ta’ Alla fihom u fl-imħabba tagħhom għal xulxin. Meta twieldet in-neputija tagħha, semmewha Eliżabetta; tgħidx kemm ferħet! Mill-ewwel bdiet tara fiha t-Tlieta li issa kienu daħlu jgħammru fiha. Lill-Kanonku Angles titolbu biex ma jinsihiex quddiem Alla u tgħidlu li hi dejjem titkellem fuqu ma’ Alla, waqt li lil Kappillan ieħor tgħidlu li hi dejjem għandha post għalih fil-ħajja tagħha Karmelitana. In-Novizzjat - Esperjenza qawwija ta’ tisfija
Imma l-ħajja fiha minn kollox! Bħalma d-deheb jgħadduh min-nar, hekk l-imħabba ta’ Eliżabetta għaddiet minn nixfa u tiġrib biex tissaffa u tidher isbaħ, qaddisa u bla ebda tebgħa quddiem Alla. Wara erba’ xhur ta’ bnazzi, resaq il-maltemp. L-esperjenza sabiħa li kellha ta’ Alla preżenti kullimkien f’ħajjitha ttappnet. U lil Alla ma bdiet tarah imkien, waqt li t-talb kien sar iebes, xott u bla ebda faraġ. Reġgħu tfaċċaw l-iskrupli u bdiet tieħu għaliha mix-xejn u tfaċċaw id-dubji fuq il-vokazzjoni. F’dawk il-waqtiet diffiċli, Alla kien qed jiżborha biex tkompli tinqata’ minn kull rabta li tfixkilha żżomm lilu biss l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja tagħha u tistrieħ fuqu biss. Il-ġrieħi tat-tbatija li kienet qed iġġarrab, Alla pprovdielha wkoll min jinfaxxahomlha. Is-superjura tagħha, Madre Germaine, kienet ta’ kenn u wens kbir għal Sabeth, bħal omm oħra, u għenitha biex bil-mod il-mod tidħol fis-santwarju tal-kastell ġewwieni tagħha u tissaffa mill-affetti żbaljati tagħha. Alla qatt ma jħallina weħedna. Kienet esperjenza li biddlitha kompletament. Għotja u telfa sħiħa fit-Trinità Qaddisa L-għotja sħiħa tagħha lil Alla, permezz tal-professjoni reliġjuża, għamlitha fil-11 ta’ Jannar 1903: wegħdet lil Alla u lill-Knisja li tixtieq tkompli tgħix ħajja safja, fqira, ubbidjenti u umli. Dak kollox u dan hu biżżejjed għal min jaf iħobb. L-għoti tal-velu iswed, għaxart ijiem wara, issiġilla d-dħul tagħha għal kollox fil-Karmelu. Il-professjoni daħħlitha aktar fil-mixja tagħha biex tgħix f’intimita’ akbar ma’ Ġesu’ u iktar fil-fond ta’ l-għeruq tas-santwarju ta’ ġewwa nett fejn tgħammar it-Trinità. “Kull moviment li nagħmel,” kienet tgħid, “jiswa, kemm jiswa tbatija, nixtieq li nagħmlu b’tali mod li jixraq lid-Dar ta’ Alla, mgħammra bit-Trinità.” Alla hu familja u hija xtaqet tqatta’ ħafna żmien magħhom u fl-intimità ta’ bejniethom. “Alla-Tlieta huwa x-xemx sabiħa li dawlet il-ħajja kollha tiegħi.” Minn hawn il quddiem, kollox beda jsir aktar sempliċi: wara l-fażi ta’ umiltà, Alla għaddieha minn fażi ta’ sempliċità. L-unika azzjoni tagħha issa kienet biss kif ma tħalli xejn u ħadd ifixkilha milli tadura bla waqfien lit-Tlieta li qed jgħammru fiha. Fil-21 ta’ Novembru 1904, Eliżabetta, wara l-irtir tagħha mal-komunità, ġriet lejn kamritha u kitbet it-talba famuża li tiġbor il-ħajja tagħha. Hija talba ta’ namrata żagħżugħa, tnehida qawwija biex teħles minn dak kollu li jista’ jfixkilha milli tkun magħhom. U billi taf li waħedha ma tasalx, tgħolli leħinha biex Kristu jlibbisha, l-Ispirtu s-Santu jaħraqha u biex il-Missier ikellimha. It-Trinità kienet kollox għaliha. Kienet tgħid, “Jiena nħobb dan il-misteru tat-Trinità: hu abbiss li fih nintilef.” Eliżabetta ma kienet toħlom qatt li tgħix mingħajrhom jgħammru fiha. L-imħabba li ġġarrab Eliżabetta hija stedina mill-isbaħ tal-ftuħ tal-bniedem dejjem aktar lejn Alla, it-telfa tal-qatra tiegħu nnifsu, fl-oċean etern u bla tarf ta’ Alla. “IT-TIFĦIR TAL-GLORJA TIEGĦU”
Fil-festa ta’ l-Għid il-Kbir, Eliżabetta tqalleb fl-Ittra ta’ S. Pawl lill-Efesin u tiltaqa’ ma’ l-isem il-ġdid tagħha: Laudem Gloriae (Ef 1,4-12), it-tifħir tal-Glorja tiegħu. Huwa l-isem li ffirmat l-għoxrin nota intima tagħha, il-mitt ittra u t-tletin poeżija li kitbet f’dan iż-żmien. Hija tgħid li dan l-isem se jkun l-isem tal-magħżulin ta’ Ġerusalemm il-ġdida. Lilha Alla tahulha minn qabel. Huwa isem li jiġbor fih kollox: hemm tara l-misteru ta’ l-imħabba ta’ Kristu lejha, tara s-sejħa għall-qdusija akbar u tara l-ħtieġa li tkanta lit-Tlieta tagħha. Matul dan iż-żmien ħasset li Alla mlielha qalbha bil-ferħ. Bejn l-1905 u l-1906, għamlet tliet irtiri, oħtha kellha t-tieni tarbija, ħu r-raġel tagħha ġie ordnat saċerdot. Fil-Milied, hija u tħejji l-maxtura, nstemgħet tgħid: “Tajjeb, Sultan ċkejken tiegħi, is-sena d-dieħla nersqu aktar lejn xulxin.” Infatti saħħitha bdiet taqleb għall-agħar. Tbatija li ssaffi Meta fl-1 ta’ Jannar 1906, kif kienet id-drawwa, ittellgħet ix-xorti biex kull soru tingħata qaddis patrun tagħha matul dik is-sena, hija missha lil San Ġużepp. Qalet, “Hu l-patrun tal-mewt it-tajba. Dalwaqt ġej biex jeħodni miegħu għand il-Missier.” Hekk ħasset u hekk ġara. Fil-bidu tas-sena ntefgħet fis-sodda. Għall-bidu kellha ċans tikteb mhux ħażin, imma meta l-forzi tagħha bdew iħalluha bdiet għaddejja minn mumenti ibsin ħafna. Ma setgħet issib mistrieħ imkien. B’danakollu biddlet is-sodda tagħha tat-tbatija “f’kastell tal-ferħ”. Saħansitra għamlet kastell tal-kartun fejn fir-rokna tat-torri ewlieni qiegħdet bandiera tperper u fuqha kitbet: “Il-kastell tat-tbatija u tal-ġabra qaddisa ta’ Tifħir ta’ Sebħ. Ħdejn il-bieb għamlet statwa tal-Madonna ta’ Lourdes bit-titlu, ‘Bieb tas-Sema’. F’din l-esperjenza għarfet li “t-tbatija hija sellum li jwassalna għand Alla”, li t-tbatija ġġiegħlek tinduna bil-limiti tiegħek u tħares ’il fuq, iċċaqalqek u ġġiegħlek timxi u wasslitha biex tgħid lil Alla: “Feri, aħraq, neħħi dak kollu li ma jogħġbokx fija!” “Għalija, l-ħajja hi Kristu”, qalet ma’ S. Pawl. Fuq is-sodda tal-mewt, kien moħħha biex tgħannaq dejjem il-kurċifiss tal-professjoni. Lis-sorijiet kienet tgħidilhom: “Kemm nixtieq immut ittrasformata fi Kristu Msallab.”
Għadha ħajja Ma ħallietx ħafna kitba, imma l-ftit li ħalliet turi l-mixja ħerqana ta’ ruħ imdawla minn Alla Trinità li tfittex b’kull mod possibbli li tkanta s-sebħ ta’ Alla. Skopriet teżor u xtaqet li jgawdih kulħadd. Għarfet li l-bniedem jista’ jgħix il-Ġenna minn issa. Ħasset li l-missjoni tagħha fis-sema ser tkun dik li tiġbed l-erwieħ għall-ġabra interjuri billi tgħinhom joħorġu barra minnhom infushom biex jinġibdu lejn Alla. Is-sigriet ta’ kollox f’ħajjitha kienet “din l-intimità miegħu hawn ġew.” “Ix-xemx li saħħnet ħajjitha.” Aktar ma tidħol fik innifsek biex tiltaqa’ magħhom u hemm tibda djalogu ta’ mħabba, aktar issir ħafif li tinqata’ minnek innifsek u tibda tikkonċentra fuq l-essenzjali fil-ħajja. Dan huwa l-metodu sempliċi tat-talb li Eliżabetta tinsisti fuqu. Aktar ma tidħol fik, aktar tista’ tiltaqa’ ma’ Alla. Pass, pass tikber fix-xewqa kontinwa li tkun miegħu. Kienet tgħid, “Hu qiegħed ġo fija u jiena ġo fih. M’għandix x’nagħmel ħlief li nħobbu, li nħalli lili nnifsi niġi maqbuda, u dan il-ħin kollu, permezz ta’ kollox. Nissebbaħ fl-imħabba, niċċaqlaq fl-imħabba, norqod fl-imħabba, ruħi f’ruħu, qalbi f’qalbu, għajnejja f’għajnejh, sakemm bil-kuntatti tiegħi miegħu, huwa jsaffini u jeħlisni mill-miżerji tiegħi.”
X’esperjenza mill-isbaħ għexet din il-qaddisa u x’ottimiżmu kellha! L-esperjenza ta’ din is-sena ċentinarja mill-mewt tagħha hija stedina sabiħa għalina biex nitħajru ngħidu u nagħmlu l-esperjenza tagħha ta’ “Alla jsaħħarni u jimlini bl-entużjażmu,” ħalli aħna wkoll inħallu lit-Tlieta li tant kienet tħobb jgħammru u jaħdmu fina wkoll. Joe Saliba O.Carm.
|