Personaġġi

Karmelitani Maltin



PATRI VALENTIN BORĠ GUSMAN, O.Carm.

Patri Valentin Borġ Gusman, O.Carm.Patri Valentin twieled f’Raħal il-Ġdid fl-24 ta’ Mejju 1928, minn Paul Borg u Mary imwielda Gusman, is-sitt wieħed fost seba’ wlied. Tgħammed jumejn wara fil-knisja ta’ Santa Ubaldeska, li dak iż-żmien kienet il-knisja parrokkjali ta’ Raħal il-Ġdid, u ngħata l-isem ta’ Karmenu.

Ta’ sbatax-il sena daħal fl-Ordni Karmelitan. Meta temm is-sena tan-novizzjat fil-Kunvent ta’ l-Imdina, għamel il-professjoni sempliċi nhar is-6 ta’ Ottubru 1946. Imbagħad kompla l-formazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ S. Ċirillu, fil-kunvent tagħna ta’ S. Ġiljan, fejn fis-7 ta’ Ottubru 1949 għamel il-professjoni solenni. Fid-29 ta’ Marzu 1952 ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fil-Kon-Katidral ta’ S. Ġwann, il-Belt.

Wara l-ordinazzjoni, Patri Valentin inbagħat Ruma biex ikompli l-istudji fit-Teoloġija. Huwa kiseb il-gradi akkademiċi tal-Liċenzjat, fl-1953, u tad-Dottorat, fl-1956, mill-Università Pontifiċja Gregorjana. Reġa’ kien Ruma mill-1964 sa l-1967 bħala professur tat-Teoloġija Dommatika u Segretarju Ġenerali ta’ l-Istudji fil-Kulleġġ Internazzjonali ta’ S. Albert. Huwa approfitta minn dak iż-żmien biex ikompli jistudja l-Latin fl-Iskola Superjuri tal-Latin ta’ l-Università Gregorjana u fl-1965 kiseb id-Diploma fil-Lingwa Latina.

Hawn Malta, Patri Valentin kien fil-kunventi ta’ S. Ġiljan, l-Imdina, il-Fgura, Fleur-de-Lys, S. Venera, u fl-aħħar il-Belt Valletta, fejn dam għal ħafna snin.

Il-ħidma ewlenija ta’ Patri Valentin kienet it-tagħlim. Għall-ewwel kien jgħallem it-Teoloġija Dommatika lill-Istudenti Karmelitani fil-Kulleġġ ta’ S. Ċirillu, S. Ġiljan. Wara li ġie lura mit-tieni mawra tiegħu f’Ruma, għal madwar għoxrin sena għallem it-Teoloġija Dommatika u l-Iskrittura Mqaddsa fl-INSERM, u mbagħad, meta l-Istudenti Reliġjużi daħlu fil-Fakultà tat-Teoloġija li dak iż-żmien kienet f’Tal-Virtù, ir-Rabat, kompla jgħallem it-Teoloġija Dommatika għal żmien qasir. Mill-1978 sa ma rtira kien għalliem tar-Reliġjon fl-iskejjel tal-Gvern. Għal xi żmien għallem ukoll il-Latin fil-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira, u l-Latin u l-Malti fil-Kulleġġ Mt. Carmel (illum St. Elias), li tiegħu kien ukoll Rettur mill-1966 sa l-1970.

Ħidma oħra li kienet ħafna għal qalb Patri Valentin kienet dik tat-Terz Ordni Karmelitan. Huwa kien Direttur tat-Terz Ordni fil-Fgura u fil-Belt, kif ukoll Direttur Provinċjali. Bil-ħidma tiegħu nfetaħ it-Terz Ordni fiż-Żurrieq u f’Kerċem (Għawdex), fejn sakemm ippermettietlu saħħtu baqa’ jmur jagħmel il-laqgħat, anki b’sagrifiċċju personali.

L-interess fit-Terz Ordni, li baqa’ fih sa l-aħħar, jixhed l-imħabba li Patri Valentin kellu għall-Ordni Karmelitan u dak kollu li hu marbut miegħu. Frott ta’ din l-imħabba kienu wkoll il-kotba u artiklu li kiteb fuq l-istorja tal-Provinċja Maltija u fuq aspetti differenti tal-ħajja u l-istorja ta’ l-Ordni, l-iktar fejn tidħol ir-rabta tiegħu mal-Madonna. Fuq il-Madonna għallem mhux biss fil-klassijiet tat-Teoloġija, imma wkoll permezz ta’ ħafna priedki u konferenzi.

Wieħed mill-impenji pastorali li Patri Valentin kellu meta kien fil-kunvent tal-Belt kien dak ta’ Direttur Spiritwali tal-Kongregazzjoni ta’ l-Onorati li għandha s-sede tagħha fl-Oratorju tal-Knisja tal-Ġiżwiti. Kien ukoll Direttur Spiritwali ta’ l-Arċikonfraternità ta’ S. Ġużepp fil-Bażilika Santwarju tagħna.

Għall-aħħar ħmistax-il sena ta' ħajtu l-Mulej għoġbu jżur lil Patri Valentin bil-mard, imma huwa baqa’ attiv sakemm seta’. Meta mbagħad saħħtu marret lura ħafna, huwa nġabar fid-Dar tal-Kleru, Birkirkara, fejn għex l-aħħar sentejn ta’ ħajtu. Fl-aħħar ġranet Patri Valentin kien rikoverat fl-Isptar Zammit Clapp, S. Ġiljan, fejn miet mas-sebħ ta’ nhar it-Tlieta, 7 ta’ Marzu 2006, fl-età ta’ 77 sena.

Il-funeral tiegħu sar nhar il-Ħamis, 9 ta’ Marzu, fil-Bażilka Santwarju tal-Belt. Il-Quddiesa tmexxiet mill-Pirjol Patri Martin Schembri, li għamel ukoll l-omelija. Il-barka tal-katavru fl-aħħar tal-Quddiesa tmexxiet mill-Provinċjal, Patri Alexander Vella. Wara saret id-difna fl-oqbra tal-Provinċja (nru 9) fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage