Personaġġi

Karmelitani Maltin



PATRI ĠUŻEPP FARRUGIA, O.Carm.

Patri Ġużepp Farrugia, O.Carm.Patri Ġużepp twieled il-Belt Valletta nhar il-21 ta’ Marzu 1940. Huwa studja fil-Kulleġġ De la Salle u wara għadda ħames snin apprendista fit-Tarzna. Fl-1958 daħal fl-Ordni Karmelitan, fejn sentejn qabel kien daħal ħuh, Patri Robert. Meta temm is-sena tan-novizzjat fil-kunvent ta’ l-Imdina, huwa għamel il-professjoni sempliċi fis-27 ta’ Settembru 1959 u kompla l-formazzjoni tiegħu fil-kunvent ta’ S. Ġiljan, fejn għamel il-professjoni solenni fit-30 ta’ Settembru 1962.

Patri Ġużepp ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, nhar it-3 ta’ April 1965. L-ewwel sentejn tal-ministeru tiegħu għaddihom fil-kunvent ta’ San Ġiljan. Kien direttur spiritwali ta’ diversi praesidia tal-Leġjun ta’ Marija u ‘chaplain’ tas-sezzjoni tas-subien ta’ l-Imsida taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara.

Fid-9 ta’ Lulju 1967 Patri Ġużepp ħalla Malta biex imur missjunarju l-Bolivja. Huwa ntbagħat fil-parroċċa ta’ San Roque, f’Tarija.

Ftit snin wara l-wasla tiegħu fil-Bolivja, Patri Ġużepp beda jagħti servizz pastorali fl-irħula tal-Provinċja Aviles, barra l-belt ta’ Tarija. Imbagħad fis-17 ta’ Marzu 1977 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Concepción li hi ċ-ċentru ta’ din il-provinċja. Minn hemm huwa kien jaqdi madwar 40 raħal, għax kien l-uniku saċerdot f’din iż-żona kollha, li ġġib xi sitt darbiet daqs Malta u Għawdex. Patri Ġużepp kien idur regolarment dawn l-irħula qalb il-muntaji biex iqaddes u jamminista s-sagramenti. Huwa baqa’ kappillan ta’ din il-parroċċa kbira sa l-aħħar ta’ ħajtu.

Fil-bidu ta’ Jannar 1993 Patri Ġużepp kien inħatar Delegat tal-Provinċjal ghall-Missjoni tal-Bolivja, għax dak iż-żmien, minħabba li n-numru tal-missjunarji kien naqas ħafna, ma kienx baqa’ jsir Kummissarju. Fiż-żmien li dam Delegat huwa appoġġa kemm seta’ l-ħidma li kienet qegħda ssir għall-promozzjoni vokazzjonali, ħidma li biż-żmien ħalliet il-frott. Fil-Kapitlu tal-Kummissarjat Provinċjali tal-Bolivja li ġie ċċelebrat f’Tarija mid-29 ta’ Awissu sat-2 ta’ Settembru 2005, Patri Ġużepp intagħażel bħala l-ewwel kunsillier tal-Kummissarjat.

Patri Ġużepp tah attakk tal-qalb kmieni filgħodu fl-14 ta’ Marzu 2006 fid-dar tiegħu fil-parroċċa ta’ Concepción. Huwa ttieħed fl-isptar ta’ Tarija, fejn miet malli wasal. Huwa kien wera x-xewqa li jindifen fil-parroċċa ta’ Concepción, qalb in-nies li għalihom kien għex u ħadem għal aktar minn tletin sena. Fis wara mewtu, il-ġisem tiegħu ttieħed fil-knisja parrokkjali tagħna ta’ San Roque, Tarija, fejn kien beda l-ħidma missjunarja tiegħu. Hemm saret quddiesa dakinhar stess u oħra l-għada filgħodu, qabel ma ttieħed Concepción. Hemmhekk sar il-funeral nhar is-16 ta’ Marzu u wara ndifen f’qabar li tħaffer apposta għalih fil-kappella tal-Madonna tal-Karmnu fil-knisja parrokkjali ta’ Concepción.

Hawn Malta sarlu funeral fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera ġimgħa fuq mewtu, nhar it-Tlieta, 21 ta’ Marzu, li ħabat ukoll jum twelidu. Il-Quddiesa tmexxiet mill-Provinċjal P. Alexander Vella. Miegħu ikkonċelebraw Patri Robert Farrugia, O.Carm., ħu Patri Ġużepp, li għamel l-omelija, kuġinuh P. Edmond Caruana, O.Carm., u numru sabiħ ta’ patrijiet u saċerdoti oħra.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage