RELIĠJUŻI KARMELITANI U L-BEATU ĠORĠ PRECA
kitba ta’ Anthony Cilia, O.Carm.
Daħla
Ftit tas-snin ilu kont ġbart xi tagħrif dwar ir-relazzjoni li kellu Dun Ġorġ Preca ma’ l-Ordni Karmelitan biex ikun jista’ jintbagħat lill-komunitajiet Karmelitani kollha madwar id-dinja fl-okkażjoni tal-beatifikazzjoni tiegħu (ara: The Carmelite Website). Din id-darba ddeċidejt li nikteb xi ħaġa dwar ir-relazzjoni li xi reliġjużi Karmelitani kellhom ma’ Dun Ġorġ. Dan qigħed nagħmlu għax intbaħt li ħafna mir-reliġjużi Karmelitani li kellhom x’jaqsmu mal-Beatu Ġorġ Preca m’għadhomx aktar magħna, u ż-żgħażagħ tagħna tal-lum ftit li xejn jafu dwarhom. Jien, li fi ċkuniti kelli x-xorti niltaqa’ ma’ Dun Ġorġ darbtejn u wkoll insir naf mill-qrib ħafna minn dawk ir-reliġjużi Karmelitani li xi darba jew oħra kellhom x’jaqsmu miegħu, ħassejtni fid-dmir li nwassal liż-żgħażagħ tagħna xi tagħrif dwarhom. Ma kinitx ħaġa ħafifa li nagħmel għażla bejn reliġjuż u ieħor, imma fl-aħħar iddeċidejt li nikteb dwar ir-reliġjużi li jissemmew fit-tielet volum ta’ l-istorja miktuba minn P. Alexander Bonnici, OFM. Conv., “Dun Ġorġ Preca”, ippubblikat mis-Soċjetà Duttrina Nisranija fl-1989. Dawn ir-reliġjużi huma:
P. Dward Buġeja, O.Carm.
P. Avertan Saliba, O.Carm.
P. Mikiel Camilleri, O.Carm.
P. Ċirillu Ellul, O.Carm.
B. Franku ta’ Siena, O.Carm.
P. Franco Ellul, O.Carm.
P. Bernard Farruġia, O.Carm.
P. Kilian Lynch, O.Carm.
Fra Ġakomin (Karmenu) Cassar, O.Carm.
Fra Ġwann (Franġisku) Bonniċi, O.Carm.
Fra Bert (Anton) Buttiġieġ, O.Carm.
Fra Romeo (Ġużeppi) Bezzina, O.Carm.
Fra Indri (Karmenu) Bezzina, O.Carm.
P. Wistin Caruana, O.Carm.
P. Kilian Azzopardi, O.Carm.
P. Patrick Abela, O.Carm.
Hawn ta’ min jgħid li minn din il-lista ta’ sittax-il reliġjużi, P. Dward Buġeja huwa l-uniku Karmelitan li jissemmew fl-istorja ta’ P. Alexander u għadu ħaj.
Il-Pjagi ta’ Dun Ġorġ
Ftit huma l-Maltin li xi darba semgħu min jitkellem dwar il-pjagi ta’ Dun Ġorġ. Fil-fatt l-opinjonijiet li ħallewlna dawk in-nies li xi darba ltaqgħu miegħu huma diversi. Min hu favur u min hu kontra. Żgur li normalment dawn il-pjagi ma kinux jidhru bħalma kienu jidhru dawk ta’ San Piju ta’ Petralcina. B’danakollu, jeżistu qaddisin, fosthom Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, Karmelitana, li f’ħajjithom irċevew il-pjagi ta’ Kristu mhux f’ġisimhom imma fl-ispirtu, f’ruħhom. Minkejja kollox, hemm min jgħid li kien Dun Ġorġ innifsu li wrieh il-pjagi tiegħu. P. Dward Buġeja huwa wieħed minn dawk li jżommu li Dun Ġorġ kellu l-pjagi. Infatti huwa jirrakkonta “li meta kien tifel fil-klassi tal-Magħżulin, Dun Ġorġ urieh il-pjagi” (pp. 31-33).
• Min hu P. Dward Buġeja, O.Carm.? Twieled Ħal-Lija fit-2 ta’ Frar 1924. Wara li studja fl-Università ta’ Malta u sar Prokuratur Legali, daħal fl-Ordni Karmelitan fejn għamel l-ewwel professjoni fl-14 ta’ Ottubru 1951. Studja l-filosofija u t-teoloġija f’Ruma, u hemm kien ordnat saċerdot fl-1 ta’ Lulju 1956. Kemm dan f’Ruma kiseb ukoll diploma fil-Bibljotekonomija. Meta rritorna Malta P. Dward għamel xi żmien fil-kunvent tal-Balluta bħala Surmast ta’ l-Istudenti u l-kumplament ta’ ħajtu għaddih fil-kunvent ta’ l-Imdina. Kien ukoll ekonomu fiż-żewġ kunventi. Ftit xhur ilu, minħabba problemi ta’ saħħa, huwa kien rikoverat f’Casa Leone, Tas-Sliema. P. Dward huwa kittieb tal-poeżiji li wħud minnhom kienu ppubblikati f’diversi rivisti. Huwa dejjem ħadem fis-skiet ta’ kamartu fuq bosta traduzzjonijiet għall-Malti, fost l-oħrajn fuq il-Liturġija tas-Sigħat Proprju ta’ l-Ordni Karmelitan u kkompona bosta mill-innijiet li jingħadu fl-istess liturġija.
L-ewwl purċissjoni bil-Bambin f’Malta
Illum kważi kulħadd jaf li l-purċissjonijiet bil-Bambin li jsiru fi żmien il-Milied fil-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex mis-Soċjietà tal-Museum bdihom Dun Ġorġ. Infatti l-ewwel purċissjoni tal-Bambin organizzata minnu saret mill-Ewwel Qasam tal-Museum fil-Ħamrun lejlet il-Milied tas-sena 1920. Minn dak inhar ’il quddiem din il-purċissjoni mhux biss baqgħet issir kull sena imma wkoll emigrat barra minn xtutna. Dwar l-ewwel purċissjoni tal-Bambin organizzata mis-Soċjetà tal-MUSEUM, f’paġna 59 tat-tielet volum, insibu informazzjoni fotografika dwar P.
Avertan Saliba. Infatti hemm ritratt ta’ żewġt itfal maġenb benniena b’Ġesù Bambin u taħt ir-ritratt il-kliem: “Jidhru żewġt itfal li libsu ta’ anġli, għall-ewwel purċissjoni orga-nizzata minn Dun Ġorġ fil-Ħamrun. It-tifel b’xagħru iswed hu l-futur Karmelitan Patri Avertan Saliba.”
• Min kien P. Avertan Saliba, O.Carm.? Twieled il-Ħamrun fit-2 ta’ Diċembru 1913. Ta’ sittax-il sena daħal fl-Ordni Karmelitan fejn għamel l-ewwel professjoni fl-14 ta’ Diċembru 1930. Fl-24 ta’ Frar 1935 ipprofessa solenni u erba’ snin wara, fit-3 ta’ Ġunju 1939, kien ordnat saċerdot. Beda l-ħidma tiegħu fil-parroċċa ta’ S. Venera. Aktar tard kien membru ta’ diversi komunitajiet. Bejn l-1969 u l-1971 kien Ruma jaħdem mal-patrijiet Karmelitani tal-Provinċja Rumana. P. Avertan kien bniedem ċajtier u ferrieħi, u wkoll predikatur tajjeb ħafna hekk li tela’ l-pulptijiet tal-knejjes kollha ta’ Malta. Għamel appostolat kbir permezz tas-sagrament tal-qrar u kien imur regolarment iqarar fid-dipartimenti tal-gvern, bħalma huma dawk tat-Trade (Lascaris), il-Parcel Post Office, id-Depot tal-Pulizija, u kien saħansitra l-konfessur ta’ Dr George Borg Olivier, Prim Ministru ta’ Malta. Fil-kunventi fejn kien, kemm-il darba okkupa l-uffiċċji ta’ Sagristan Maġġur, Direttur tat-Terzjarji u Prokuratur tal-Festa. Miet fil-kunvent ta’ l-Imdina mdawwar minn sħabu l-patrijiet nhar is-27 ta’ Marzu 1987 fl-età ta’ 74 sena. Għall-funeral tiegħu ħadu sehem ħafna sċerdoti, reliġjużi u nies, fosthom Dr. Eddie Fenech Adami.
“San Mikiel qabeż għalik!”
Matul il-ħajja tiegħu Dun Ġorġ kellu devozzjoni lejn ħafna qaddisin, imma jekk ngħidu li kellu ġibda speċjali lejn l-Arkanġlu San Mikiel ma nkunux ’il bogħod mill-verità. Huwa kien iqimu mhux biss bħala d-difensur tas-Soċjetà li waqqaf imma wkoll tal-bnedmin kollha. Jingħad li darba waħda P. Mikiel Camilleri għamel operazzjoni diffiċli ħafna. Il-professur ħasbu li se jmut waqt l-operazzjoni, tant li qallu: “Bilfors li kellek xi qaddis kbir jitlob għalik biex ħlistha.” L-għada mar jarah Dun Ġorġ, u qallu: “Mikiel, waqt l-operazzjoni għal ftit ma mortx; imma tlabt għalik, u San Mikiel qabeż għalik” (p.69).
• Min kien P. Mikiel Camilleri, O.Carm.? Twieled Tas-Sliema fit-2 ta’ Ottubru 1918 minn John Camilleri u Marietta Magri. Kien wieħed minn 11-il aħwa. Beda n-novizzjat mal-Karmelitani fl-1934 u s-sena ta’ wara għamel il-professjoni sempliċi. Meta temm l-istudji tal-filosofija u tat-teoloġija kien ordnat saċerdot fis-7 ta’ Ġunju 1941. Kienu żminijiet diffiċli tat-Tieni Gwerra Dinjija. Jingħad li meta kien Kappillan tal-Militar (1943-46), P. Mikiel ħelisa ħafif meta bomba splodiet u qatlet lil dawk kollha li kienu miegħu. Ħadem ukoll fil-parroċċa ta’ S. Venera, minn fejn fl-1951 telaq lejn Sydney, l-Awstralja, biex jaqdi lill-emigranti Maltin li fis-snin ta’ wara l-gwerra marru bl-eluf. Kien jgħix mal-patrijiet Karmelitani Awstraljani. Ħadem ħafna f’Wahroonga, Horsley Park, Kellyville, Lidcombe, Wentworthville, Greystanes, Blacktown, Pendle Hill, Toongabbie, Smithfield (fl-istat ta’ South Australia) u f’Port Lincoln, Riverland, Carrieton (fl-istat ta N.S.W). Miet l-għada ta’ l-Għid, fil-31 ta’ Marzu 1997, fl-età ta’ 79 sena, wara 47 sena ta’ ħidma bla waqfien ma’ l-emigranti Maltin. Kien midfun f’Melbourne, l-Awstralja.
Dun Ġorġ jinkiteb Terzjarju Karmelitan
Billi matul ħajtu Dun Ġorġ fittex li jgħix il-virtujiet ta’ Marija bis-serjetà, żgur li se jibqa’ mfakkar għad-devozzjoni speċjali li kellu lejn il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu u lejn il-Midalja Mirakoluża. L-imħabba lejn tal-Karmnu kienet fih sa minn ċkunitu. Fl-età ta’ 38 sena, meta Dun Ġorġ kien diġà qassis, inkiteb Terzjarju Karmelitan fil-21 ta’ Lulju 1918 u
saritlu l-vestizzjoni fil-parroċċa ta’ S. Venera minn idejn P. Ċirillu Ellul. Bħala Terzjarju għażel l-isem ta’ Franku, għall-Beatu Karmelitan. Is-sena ta’ wara, fis-6 ta’ Settembru 1919, Dun Ġorġ għamel il-professjoni bħala Terzjarju Karmelitan f’idejn P. Franco Ellul. Tant kienet għal qalbu din l-għotja tiegħu lill-Madonna li kien iqis lilu nnifsu bħala reliġjuż Karmelitan (pp.76-77), tant li kien isejjaħ lilu nnifsu “Patri Franku, Karmelitan” (p. 287 nota 2).
• Min kien P. Ċirillu Ellul, O.Carm.? Twieled fit-3 ta’ Frar 1882 f’Bormla. Kien għadu daqsxejn ta’ ġuvnott meta daħal mal-patrijiet Karmelitani. Wara n-novizzjat għamel l-ewwel professjoni fit-3 ta’ Novembru 1901 u fil-21 ta’ Mejju 1910 kien ordnat saċerdot. Matul il-ħajja reliġjuża u saċerdotali tiegħu ddedika ħafna ħin għall-qrar u għall-predikazzjoni. Meta kien fil-kunvent tal-belt Valletta kellu l-uffiċċju ta’ Sagristan Maġġur u wkoll Direttur tat-Terz Ordni Karmelitan. Għamel ukoll xi żmien Viċi-Kappillan ta’ S. Venera u Definitur (Kunsillier) tal-Provinċjal. Wara li ġarr bl-akbar sabar u rassenjazzjoni l-marda li kellu, miet fit-23 ta’ Frar 1931, fl-età ta’ 49 sena, proprju ftit snin wara l-mewt ta’ ħuh iż-żgħir, P. Franco Ellul, O.Carm.
• Min kien il-Beatu Franku ta’ Siena, O.Carm.? Franku Lippi twieled fis-seklu XIII fi Grotti (Italja) min-nobbli Mattew u Dorotea. Għadda żgħożitu fl-eżerċtu u fit-tbaħrit. Bil-ħila tiegħu l-armata rebħet il-belt ta’ Sarteano minn idejn in-nies ta’ Orvieto. Imma f’din it-taqbida Franku tilef id-dawl ta’ għajnejh. Għamel wegħda li jekk jerġa’ jakkwista l-vista, jibdel ħajtu u jagħmel pellegrinaġġ billi jmur iżur il-qabar ta’ S. Ġakbu f’Kompostella (Spanja), bħala sinjal ta’ penitenza u ndiema għall-ħajja l-imgħoddija tiegħu. Fil-fatt huwa qala’ din il-grazzja u żamm kelmtu. Għamel pellegrinaġġ ukoll lejn Ruma u Bari. Meta rritorna Siena, wara li sema’ priedka tal-Beatu Ambrogio Sansedoni, Dumnikan, iddeċieda li jibda jgħix bħala eremita, fejn dam ħames snin. Imħarreġ fiċ-ċaħda u t-tgħakkis, Franku daħal mal-patrijiet Karmelitani ta’ l-istess belt. Huwa miet fil-11 ta’ Diċembru 1291 wara ħajja twila ta’ qadi, penitenzi, talb u qdusija. Fl-1670 il-Papa Klement X ta s-setgħa lill-Karmelitani biex jagħmlu t-tifkira tal-Beatu Franku, iżda bir-riforma tal-Konċilju Vatikan II it-tifkira tiegħu tneħħiet mill-kalendarju minħabba nuqqas ta’ tagħrif storiku.

Dokument li jagħti tagħrif dwar Dun Ġorġ Preca bħala Terzjarju Karmelitan.
• Min kien P. Franco Ellul, O.Carm.? Twieled f’Bormla fit-3 ta’ Settembru 1888. Ta’ 18-il sena, meta ħuh P. Ċirillu kien jonqsu biss ftit snin biex ikun ordnat saċerdot, Franco beda n-novizzjat mal-patrijiet Karmelitani u fl-1 ta’ Diċembru 1907 għamel l-ewwel professjoni tal-Kunsilji Evanġeliċi. Meta temm l-istudji filosofiċi u teoloġiċi, Franco kien ordnat saċerdot fit-18 ta’ Diċembru 1915. Kellu għal qalbu u tħarreġ bis-sħiħ fil-ħajja spiritwali ta’ skiet u ġabra, minħabba li l-marda li kellu ma ppermettitlux jiddedika lilu nnifsu għall-ħajja saċerdotali ta’ l-appostolat. Għalkemm iżgħar minn ħuh, P. Franco miet fl-20 ta’ Mejju 1928, fl-età ta’ 40 sena, b’għajnejh iffissati lejn il-Madonna tal-Karmnu u l-Kurċifiss, bħallikieku beda jgawdi minn din id-dinja stess id-dehra tas-sema!
“Intom il-Karmelitani għad tgħidu l-uffiċċju tiegħu”
Dun Ġorġ tant ippriedka u xerred id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu li wara l-festi ċentinarji tas-700 Sena tal-Labtu li saru fl-1951, P. Bernard Farrugia, Provinċjal, talab lil Patri Kilian Lynch, Pirjol Ġeneral, biex jagħtih il-filjolanza spiritwali ma’ l-Ordni Karmelitan bħala apprezzament tal-ħidma tiegħu. Fil-fatt, Dun Ġorġ ġie affiljat ma’ l-Ordni Karmelitan fit-22 ta’ Jannar 1952 (p.79).
Jidher li l-qdusija ta’ Dun Ġorġ kienet xi ħaġa li kienu jħossuha u jinnutawha dawk kollha li kienu jiltaqgħu miegħu. P. Bernard Farruggia fix-xhieda li ta dwar Dun Ġorġ jirrakkonta: “Darba, fil-festa ta’ Kristu Re, kont qiegħed fuq it-taraġ ta’ San Ġwann [il-Kon-Kattidral]. Maġenbi kelli lil Patri Alfons Attard, OFM. Kif wasal quddiemna l-grupp tal-Museum, P. Alfons qalli: ‘Ara ’l Dun Ġorġ, Provinċjal. Intom il-Karmelitani għad tgħidu l-uffiċċju tiegħu għax għad ikun Terzjarju Karmelitan qaddis.’ Jien għidtlu: ‘Bħalek naħseb jien.’” U hekk ġara għax fil-kalendarju Karmelitan il-Beatu Ġorg Preca jitfakkar ma’ l-Ordni kollu fid-9 ta’ Mejju!
Dwar il-qdusija ta’ Dun Ġorġ P. Bernard ikompli jgħid: “Meta tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-kappella tal-Blata l-Bajda, kont preżenti ħdejn Dun Ġorġ. Waqt diskors li sar, rajtu jmur joqgħod fuq siġġu moħbi qalb grupp tal-membri tas-soċjetà tiegħu. Dak il-ħin ħassejt li hu mżejjen b’umiltà sinċiera, virtù proprja tal-qaddisin.” (p.179)
• Min kien P. Bernard Farrugia, O.Carm.? Twieled il-Birgu nhar it-3 ta’ Diċembru 1892. Ta’ età żgħażugħa daħal fl-Ordni Karmelitan fejn wara n-novizzjat għamel l-ewwel professjoni fil-21 ta’ Ottubru 1912 u kien mibgħut Ruma biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija fl-Università Gregorjana. Kien ordnat saċerdot f’Malta fit-12 ta’ Marzu 1921. Għamel żmien jgħallem lill-istudenti tagħna l-Latin, it-Taljan, il-filosofija u t-teoloġija morali. Okkupa ħafna karigi importanti fl-Ordni u fil-Provinċja. Kien għal żmien twil pirjol tal-komunità tal-Balluta, Kunsillier tal-Provinċjal, Assistent u Segretarju tal-Provinċjal, u delegat tal-Provinċja Maltija fil-Kapitlu Ġenerali ta’ l-1937, li fih kien maħtur segretarju. U mill-1949 sal-1955 kien Provinċjal, sitt snin li matul it-tmexxija tiegħu l-Provinċja Karmelitana Maltija rat progress kbir: bagħat bosta studenti jistudjaw barra minn Malta, ta spinta kbira lill-vokazzjonijiet (hekk li l-postijiet tan-novizzjat u l-istudentat tagħna kienu mimlija), ħadem ukoll għall-vokazzjonijiet Karmelitani fost it-tfajliet, hekk li aktar ’il quddiem irnexxielu jiġib is-sorijiet Karmelitani f’Għawdex, stinka kemm felaħ biex ixerred id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu fost il-Maltin u l-Għawdxin, b’mod speċjali fiċ-ċelebrazzjonijiet li organizza fl-okkażjoni tas-700 Sena mill-Għoti tal-Labtu. P. Bernard għex ħajja twila u baqa’ attiv sa l-aħħar. Biżżejjed wieħed jgħid li sa xahar qabel miet kien għadu jinżel iqarar fil-knisja tal-Karmnu tal-Balluta. Miet fit-12 ta’ Ġunju 1984 fl-età ta’ 92 sena.
• Min kien P. Kilian Lynch, O.Carm.? Twieled f’Wicklow, l-Irlanda, fit-23 ta’ Frar 1902. Daħal fl-Ordni Karmelitan u wara n-novizzjat, fl-età ta’ 20 sena, kien mibgħut Ruma biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija. Kien ordnat saċerdot fl-1928. Tliet snin wara ħa d-dottorat mill-Università Gregorjana. Fl-istess sena (1931) kienet imwaqqfa l-Provinċja Amerikana ta’ Sant’Elija u ddeċieda li jingħaqad magħha. Ħalla Ruma u mar New York fejn iddedika ħajtu għat-tagħlim. Fit-tieni Kapitlu Provinċjali (1934) kien magħżul Kunsillier fejn baqa’ sakemm fl-1943 kien elett Provinċjal. Fl-1947 P. Kilian kien magħżul Ġeneral ta’ l-Ordni, kariga li qdiha għal 12-il sena. Matul it-tmexxijja tiegħu ħadem kemm felaħ biex l-Odni Karmelitan iqum mill-ġdid fuq saqajh wara l-ħerba li ħalliet it-Tieni Gwerra Dinjija. Bil-ħila tiegħu, l-Ordni mhux biss irnexxielu jfieq mill-ġrieħi li ġarrab imma wkoll ra żmien ta’ qawmien u zvilupp kbir. Ħadem għat-tiġdid spiritwali tar-reliġjużi, ħeġġeġ l-istudji superjuri, waqqaf fuq saqajh il-Lajkat Karmelitan, ta spinta fir-restawrazzjoni ta’ diversi Provinċji u monasteri, qajjem l-ispirtu missjunarju bil-ftuħ ta’ djar ġodda f’pajjiżi li l-Ordni qatt qabel ma kien preżenti (fi żmienu wkoll Malta bdiet il-missjoni tagħha fil-Perù fl-1949 u fil-Bolivja fl-1956). P. Kilian Lynch jibqa’ magħruf ukoll għaċ-ċelebrazzjonijiet mondjali tas-Seba’ Ċentinarju tal-Labtu. Meta spiċċa minn Pirjol Ġenerali rtira fil-kunvent ta’ Hazelwood (Ingilterra) fejn miet fl-10 ta’ Ottubru 1985 fl-età ta’ 83 sena.
Ix-xitan jipprova jfixkel
L-akbar għadu tal-ħajja qaddisa hu x-xitan. Huwa mhux biss ma jaħmilx jara li jsir il-ġid imma wkoll ittanta juri l-qawwa tiegħu fil-ħajja ta’ Dun Ġorġ biex ifixkel l-opra tiegħu. Ix-xhieda li tkellmu dwar dan is-suġġett jagħtu lil wieħed x’jifhem li Dun Ġorġ ġieli kien maħkum minn biża’ kbir minħabba l-preżenza reali tax-xitan. Fra Ġakomin Cassar kien preżenti f’ċirkostanza simili qabel daħal Karmelitan. Jingħad li fl-1932 Dun Ġorġ kien flimkien mas-soċji subien fil-qasam tal-Marsa. F’daqqa waħda, jisimgħu l-bibien u t-twieqi taż-żewġ kmamar ta’ isfel jinstabtu bi ħsejjes kbar. Dun Ġorġ bagħat lil Karmenu (għax hekk kien jismu qabel sar Karmelitan) biex jara x’ġara. Dak mar bla ma kien issuspetta xejn. Imma x’ħin wasal bejn il-kmamar ħass bħal riħ madwaru u t-twieqi reġgħu nstabtu. Quddiem dan il-fatt Karmenu tbikkem bil-biża’ u raġa’ tela’ ’l fuq jiġri. Dun Ġorġ ikkonkluda li din kienet biċċa xogħol tad-demonju biex itellifhom waqt id-duttrina (p.184).
• Min kien Fra Ġakomin (Karmenu) Cassar, O.Carm.? Karmenu twieled Ħaż-Żabbar fit-28 ta’ Lulju 1903. Ta’ 38 sena, wara li ħalla s-Soċjetà tal-MUSEUM, daħal Karmelitan fl-1941 bl-isem ta’ Fra Ġakomin. Wara li għamel in-novizzjat fil-kunvent ta’ l-Imdina, fil-11 ta’ April 1950 kien mibgħut fil-missjoni tal-Perù fejn kien jgħin lill-missjunarji Karmelitani Maltin fil-ħidma tagħhom. Wara ftit snin irritorna Malta fejn kompla bil-ħidma tiegħu fil-kunvent tal-Belt, b’mod speċjali billi jassisti lill-Prof. P. Anastasju Cuschieri (il-Poeta tal-Madonna u tal-Kelma Maltija) li kien marid. Hekk kif il-Professur miet, Fra Ġakomin intbagħat l-Imdina fejn fil-5 ta’ Ottubru 1963 għamel l-ewwel professjoni. Tlett snin wara, fit-23 ta’ Ottubru 1966, ipprofessa solenni. Kien reliġjuż twajjeb u għex il-ħajja fraterna bl-akbar imħabba. L-aħħar xhur ta’ ħajtu għaddihom marid imma rrassenjat mar-rieda ta’ Alla. Miet fl-14 ta’ Awissu 1973 fl-età ta’ 70 sena u jinsab midfun fil-kannirja tal-Karmnu l-Imdina.
Bit-tatù tal-Verbum Dei fuq sidru!
Dun Ġorġ ħeġġeġ kemm felaħ biex il-Maltin, u b’mod speċjali l-membri tal-Museum, jgħożżu l-kelmiet Verbum Dei Caro Factum Est, għax dawn il-kliem kellhom qawwa speċjali kontra x-xitan. Huwa xtaqhom jiktbuhom mhux biss f’qalbhom, f’sens figurattiv, imma wkoll fuq sidirhom f’sens reali. Hekk sqarr Francis Camilleri, membru tal-Museum: “Dun Ġorġ kien qalilna li hija xewqa tiegħu biex il-kelmiet Verbum Dei Caro Factum Est, kliem li kien isejjaħlu ‘adorabbli’, inpinġuh bil-labar fuq sidirna, għax huwa kliem għażiż wisq. Biss ma obbliganiex ... Ħalliena fil-libertà. Kien hemm xi soċji li kellhom tant rispett lejh, li pinġewhom.” Fiż-żmien li Camilleri stqarr dan il-fatt jgħid li huwa jaf tliet persuni li kienu pinġew fuq sidirhom il-Verbum Dei u kienu għadhom ħajjin. Fosthom isemmi lil Fra Ġwann Bonnici, Karmelitan (p.196).
• Min kien Fra Ġwann (Franġisku) Bonniċi, O.Carm.? Franġisku twieled fl-14 ta’ Ottubru 1905 fil-Belt Valletta minn Pawlu Bonnici u Ġovanna née Debono. Fl-1941 ħalla s-Soċjetà tas-Soċji Interni tal-MUSEUM biex jidħol fl-Ordni Karmelitan. Wara sena novizzjat, fid-19 ta’ Marzu 1942, għamel l-ewwel professjoni u ngħata l-isem ta’ Fra Ġwann. Tliet snin wara, fl-1945, għamel il-professjoni solenni. Fra Ġwann għex u ta s-servizz tiegħu fil-kunventi ta’ San Ġiljan, tal-Belt, ta’ l-Imdina u għal 34 sena fil-kunvent ta’ Fleur-de-lys fejn miet fis-7 ta’ Jannar 1983 fl-età ta’ 78 sena. Kien jaqdi d-doveri reliġjużi u komunitarji tiegħu bis-sempliċità u t-tbissima.
Is-Soċji Interni tal-Museum
Kienet xewqa ta’ Dun Ġorġ li barra s-Soċji Esterni tal-Museum, jiġifieri s-soċji li jgħixu mal-familja tagħhom, ikun hemm ukoll is-Soċji Interni, dawk li jagħżlu jgħixu flimkien, bħalma jgħixu l-patrijiet. Il-bidu ta’ l-ewwel komunità ta’ Soċji Interni saret f’Ħaż-Żebbuġ fl-10 ta’ Frar 1918. Għall-ewwel kienu ħames Żabbarin imma aktar tard daħlu magħhom oħrajn minn bliet u rħula Maltin oħra. Fuq talba ta’ l-istess Soċji Interni, Dun Ġorġ kien ta l-kunsens tiegħu biex huma jagħżlu r-Reġġent (is-superjur) tal-komunità tagħhom. L-ewwel wieħed sar f’Marzu 1926 u ntagħżel is-Soċju Intern Anton Buttiġieġ. Fl-1936 infetħet it-tieni dar tas-Soċji Interni fin-Naxxar. Bi ftehim ma’ Dun Ġorġ, sar Reġġent ġdid għall-komunità tan-Naxxar, filwaqt li Anton Buttigieg intagħżel Reġġent Ġenerali, b’awtorità fuq iż-żewġ oqsma u fuq oħrajn li setgħu jiftħu ‘l quddiem.
Sa dan it-tant inqalgħu bosta diffikultajiet dwar l-għajxien u d-dipendenza tas-Soċji Interni, hekk li fid-19 ta’ Diċembru 1937 s-Soċji Interni nqatgħu mis-Soċjetà tal-Museum. Imma milli jidher din il-firda mhux kulħadd qabel magħha. Infatti xi wħud mis-Soċji Interni baqgħu jgħixu fl-istess djar filwaqt li oħrajn, fosthom l-istess Reġġent Ġenerali, Anton Buttiġieġ (mill-Ħamrun), u erba’ oħra, Karmenu Cassar, Ġużeppi u ħuh Karmenu Bezzina (mill-Marsa) u Franġisku Bonniċi (mill-belt Valletta) iddeċidew li jidħlu fratelli mal-Karmelitani. Billi Anton Buttiġieġ kien diġà xi ftit kbir fl-età, sħabu beżgħu li ma jiġix aċċettat. Il-ħamsa li huma ddeċidew li jippreżentaw ruħhom flimkien quddiem il-Provinċjal tal-Karmelitani. U jidher li kienu aċċettati kollha.
Ta’ min iżid jgħid li minkejja t-tfixkil li kien inqala’ fil-bidu bejn iż-żewġ fergħat tas-Soċjetà tal-Museum (bejn is-Soċji Esterni u s-Soċji
Interni), sena wara, fil-15 ta’ Jannar 1939, iż-żewġ gruppi reġgħu ngħaqdu mill-ġdid (pp 379-385).
Biljett li Dun Ġorġ bagħat li Fra Bert Buttiġieġ fl-20 ta’ Diċembru 1938, sena wara t-tluq tiegħu mill-MUSEUM, juri li minkejja kollox kien hemm relazzjonijiet tajba bejniet-hom.
• Min kien Fra Bert (Anton) Buttiġieġ, O.Carm.? Anton twieled fil-belt Victoria (Rabat), Għawdex, fil-15 ta’ Novembru 1892, imma sa mill-ewwel snin ta’ tfulitu għex il-Ħamrun. Sa minn żgħożitu nġibed mill-figura tas-saċerdot Ġorġ Preca, daħal fis-Soċjetà tal-MUSEUM u kien jifforma parti mill-komunità tas-Soċji Interni. Meta fl-1937 dan il-proġett waqaf minħabba xi problemi, Anton, fl-età ta’ 45 sena, daħal fl-Ordni Karmelitan bl-isem ta’ Fra Bert. Għal xi snin ta s-servizz tiegħu fil-kunvent tal-Belt minn fejn intbagħat fil-kunvent ta’ l-Imdina. Wara sena novizzjat, fid-29 ta’ Mejju 1940, għamel l-ewwel professjoni. Fl-1947 reġa’ ntbagħat il-Belt u fl-1951 fil-kunvent tal-Balluta fejn baqa’ sa ma miet. Qeda l-vokazzjoni tiegħu bl-akbar reqqa u mħabba. Kien bniedem eżemplari, ta’ ċaħda, talb u jħobb jistudja. Miet fis-17 ta’ Diċembru 1973 fl-età ta’ 81 sena.
• Min kien Fra Romeo (Ġużeppi) Bezzina, O.Carm.? Twieled il-Marsa fis-7 ta’ Ġunju 1901 minn familja numeruża. Tawh l-isem ta’ Ġużeppi. Ta’ età żgħira xorob mill-kariżma ta’ Dun Ġorġ Preca, li dak iż-żmien l-opra tiegħu kienet għadha fil-bidu tagħha. Bil-ħeġġa taż-żgħożija ried li jkun kollu kemm hu tas-Soċjetà tal-MUSEUM u minħabba hekk daħal mas-Soċji Interni fid-dar ta’ Ħaż-Żebbuġ. Matul il-ġurnata kien jaħdem bħala legatur tal-kotba u filgħaxija kien imur ixandar il-Kelma ta’ Alla. Meta sfaxxat il-komunità tas-Soċji Interni, biex ikun aktar qrib Alla, daħal fl-Ordni Karmelitan (flimkien ma’ ħuh Karmenu). Għamel l-ewwel professjoni fil-5 ta’ Jannar 1941 fejn tawh l-isem ta’ Fra Romeo. Ipprofessa solenni fis-7 ta’ Mejju 1944. Kien ta’ servizz f’diversi kunventi. Fost l-oħrajn kien jifforma parti mill-ewwel komunità Karmelitana li marret fil-Fgura. L-imħabba li kellu lejn il-Kelma u d-dar ta’ Alla kienet xi ħaġa speċjali. Opra li hija marbuta ma’ Fra Romeo hija l-Kannirja ta’ l-Imdina li tinsab taħt il-Knisja tal-Karmnu. Kien bil-ħila tiegħu li dan il-post qaddis li, sa ftit snin ilu kienu għadhom jindifnu fih ir-reliġjużi Karmelitani, akkwista d-dehra u d-dinjità li kien jistħoqqlu. Fra Romeo miet fit-30 ta’ Diċembru 1982 fl-età ta’ 81 sena.
• Min kien Fra Indri (Karmenu) Bezzina, O.Carm.? Karmenu twieled il-Marsa fit-22 ta’ Novembru 1902. Flimkien ma’ ħuh Ġużeppi, daħal Karmelitan wara li għadda l-ewwel snin ta’ żgħożitu fis-Soċjetà tal-MUSEUM. Għamel l-ewwel professjoni fil-5 ta’ Jannar 1941, fejn ingħata l-isem ta’ Fra Indri. Ipprofessa solenni fis-7 ta’ Mejju 1944. Għal bosta snin ta s-servizz tiegħu fil-kunvent tal-Belt u ta’ l-Imdina. Għal ftit snin kien wieħed mir-reliġjużi Maltin li għex fil-belt ta’ Nablus, fil-Palestina, meta l-Provinċja Maltija ppruvat twaqqaf komunità Karmelitana fl-Art Imqaddsa. Meta rritorna lura serva fil-kunvent ta’ l-Imdina fejn kien jilqa’ ħafna turisti li kienu jissaħħru mhux biss mis-sbuħija tal-knisja tagħna imma wkoll mit-tjubija u s-sempliċità tiegħu. L-aħħar snin ta’ ħajtu għaddihom fid-dar ta’ l-anzjani tan-Naxxar (li dak iż-żmien kienet f’idejn il-Little Sisters of the Poor u llum f’idejn l-Azzjoni Kattolika). Miet fl-20 ta’ Ottubru 1981 fl-età ta’ 79 sena.
• Min kien Fra Ġakomin (Karmenu) Cassar, O.Carm.? (ara aktar ‘il fuq)
• Min kien Fra Ġwann (Franġisk) Bonniċi, O.Carm.? (ara aktar ‘il fuq)
Supporters ta’ Dun Ġorg
Forsi ftit jafu li fi żmien Dun Ġorġ, minħabba li bosta membri tas-Soċjetà kienu qegħdin iħaddnu l-ħajja saċerdotali, barra t-twaqqif tas-Soċji Esterni u Interni (irġiel u nisa), fl-1949 kien sar tentattiv minn Dun Ġorġ innifsu biex titwaqqaf fergħa fi ħdan il-Museum għas-saċerdoti. Iżda minħabba li d-dmirijiet tal-lajċi u s-saċerdoti huma
differenti, dan il-proġett ma rnexxiex (pp. 395-402). F’paġna 460, dejjem tat-tielet volum, jidher ritratt ta’ Dun Ġorġ imdawwar minn xi saċerdoti u x’uħud mis-soċji anzjani tas-Soċjetà fl-okkazjoni tat-tberik ta' l-ewwel ġebla tad-Dar Ċentrali tal-MUSEUM fil-Blata l-Bajda. F’dan ir-ritratt, fuq nett, fuq ix-xellug, fost is-saċerdoti jidher P. Wistin Caruana.
• Min kien P. Wistin Caruana, O.Carm.? Twieled iż-Żejtun fit-2 ta’ Ġunju 1900. Daħal mal-Karmelitani u wara sena novizzjat għamel l-ewwel professjoni fl-24 ta’ Ottubru 1918. Kien mibgħut Ruma biex jistudja l-filosofija fl-Università Gregorjana, filwaqt li l-kors tat-teoloġija għamlu fl-Università ta’ Malta, li dak iż-żmien kienet fil-belt Valletta. Kien ordnat saċerdot fid-19 ta’ Diċembru 1925. Iddedika ħajtu għas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni u b’mod speċjali għax-xandir tal-Kelma ta’ Alla, hekk li kien magħruf ma’ Malta u Għawdex kollha għall-priedki tiegħu. Għal ħmistax-il sena (1946-1961) kien Kappillan ta’ S. Venera, u għadda xi snin fil-kunventi tal-Belt u tal-Fgura. Miet fit-3 ta’ Marzu 1969 fl-età ta’ 68 sena. Wisq probabbli li P. Wistin kien ta’ ispirazzjoni biex ħuh iż-żgħir (P. Klement Caruana) iħaddan hu wkoll il-ħajja reliġjuża fl-Ordni Karmelitan.
“Ħassejtni l-aktar bniedem ixxurtjat tad-dinja”
Dun Ġorġ, wara ħafna snin joqgħod il-Ħamrun, proprju sena qabel miet kellu joħroġ mid-dar tiegħu u jmur joqgħod f’oħra fi Triq il-Kanun (illum: Triq il-Parroċċa [għaliex mhux: Triq il-Beatu Ġorġ Preca?]), f’S. Venera, parroċċa tal-Karmelitani (p. 451). Dun Ġorġ miet f’din id-dar fis-26 ta’ Lulju 1962. Kien assistit minn P. Kilian Azzopardi, kappillan. Nisimgħu silta mir-rakkont tiegħu: “Il-Ħamis, 26 ta’ Lulju, fl-10.30 ta’ filgħodu, mort narah. Kien ħażin, imma f’sensih sewwa... Kien iħoss dwejjaq kbar. Għall-ħabta ta’ nofs in-nhar, qal il-kliem ta’ Kristu: ‘Ruħi hi mdejqa għall-mewt’. Qabel ħriġt minn fejnu, fis-siegħa neqsin kwart ta’ wara nos in-nhar, qalli: ‘Sant’Anna tikkonsolana’”.
“Fis-1.30 ta’ wara nofs in-nhar erġajt kont hemm. Kien jidher li ma jwassalx sa l-għada... F’xi s-2.15 ġew jarawh is-superjura ġenerali tal-bniet (Elvira Ellul) u xi membri oħra tal-Museum. Għarafhom u berikhom. Fl-4.30 erġajt ħriġt biex immur nesponi ’l Ġesù Sagramentat għall-agunija.”
“Fis-6.00 ta’ filgħaxija erġajt mort ħdejh. Sas-7.15 kollox kien normali bħal qabel. Kien jidher li qiegħed inaqqas bil-mod. Fis-7.30 neqsin ftit beda l-aħħar kumbattiment mal-mewt. Kien qiegħed ibati ħafna. Ma setax jieħu nifs sewwa. Kienu l-aħħar sintomi tal-mewt. Dak il-ħin... sejjaħ lil San Mikiel Arkanġlu... Il-ħarsa tiegħu, dak il-ħin kienet ta’ bniedem għaddej minn agunija tal-biża’: ħarsa fil-vojt donnu qiegħed jara xi ħaġa straordinarja... bdejt ngħajjat it-talb tar-ritwal, nagħtih l-assoluzzjoni waħda wara l-oħra u, fl-intervall, ngħidu l-litanija... Bqajt sejjer f’din it-taqbida sat-7.45, meta telaq rasu fuq in-naħa tal-lemin u ntilef għal kollox... Meta ... kien baqagħlu ħajta biss ta’ ħajja, wasal Dun Mattew Chircop, il-kappillan tal-Ħamrun, li ħasbu mejjet. Jien għidtlu biex jagħtih l-assoluzzjoni għax kien għadu ħaj. Ftit wara, miet, beriknieh u għidna l-ewwel Requiem Aeternam għal ruħu.”
F’ċirkustanzi simili wieħed iħossu mnikket, imma għal P. Kilian dawn il-mumenti ħasshom ta’ unur għalih għax kien qed jassisti bniedem qaddis jitwieled mill-ġdid għall-ħajja ta’ dejjem! Infatti huwa jistqarr: “Ngħid għalija ħassejtni l-aktar bniedem ixxurtjat tad-dinja, li kelli nassisti lil Dun Ġorġ, u narah imut f’idejja.” (pp. 464-467) Il-mewt ta’ Dun Ġorġ ġiet reġistrata fil-Parroċċa Karmelitana ta’ S. Venera. Imma billi bħala qassis Dun Ġorġ kien jagħmel parti mill-kleru tal-Ħamrun ġie deċiz li l-funeral tiegħu jsir fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu. Kien P. Kilian innifsu, il-Kappillan ta’ S. Venera, li akkumpanjah mid-dar sal-knisja tal-Ħamrun.
• Min kien P. Kilian Azzopardi, O.Carm.? Twieled Ħal-Luqa fit-23 ta’ Frar 1932. Wara li attenda l-iskola tal-Fréres u tal-Karmelitani, ħaddan il-ħajja reliġjuża fl-1949. Għamel l-ewwel professjoni fl-Ordni Karmelitan fit-18 ta’ Marzu 1951 u meta spiċċa l-istudji tiegħu kien ordnat saċerdot fil-knisja ta’ Sant’Antnin, l-Imġarr (Għawdex) mill-Isqof Ġużeppi Pace, fid-29 ta’ Lulju 1956. Wara xi snin ta’ pastorali fil-kunvent tal-Belt, fl-1962 kien maħtur Kappillan tal-parroċċa ta’ S. Venera. Dun Ġorġ miet proprju fil-bidu tal-kariga tiegħu. Wara sitt snin kappillan reġa’ mar fil-kunvent tal-Belt u ftit wara Portsmouth (l-Ingilterra) fejn ħadem ma’ l-emigranti Maltin. Hemm kien maħtur Defensor vinculi fit-tribunal taż-żwiġijiet tal-Knisja lokali. Għal xi żmien ħadem ukoll fil-kunvent Karmelitan ta’ Trapani, fi Sqallija. Meta fl-1976 irritorna Malta kien maħtur Pirjol tal-kunvent tal-Balluta u Surmast ta’ l-istudenti. Uffiċċji oħra li qeda fis-snin suċċessivi kienu dawk ta’ Kunsillier tal-Provinċjal, Defensor vinculi fit-tribunal taż-żwiġijiet ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta, Pirjol u ekonomu tal-komunità ta’ l-Imdina u fl-aħħar Pirjol tal-Fgura, fejn ħalla din id-dinja fl-4 ta’ Lulju 1998 fl-età ta’ 66 sena. Mexxa l-funeral tiegħu ħuh, P. Timotju, Karmelitan ukoll.
Filatelista mill-aqwa!
Għalkemm f’dan il-volum ma nsibu xejn dwar ir-relazzjoni ta’ P. Patrick Abela ma’ Dun Ġorġ, l-awtur ta’ din l-istorja jsemmih meta kiteb dwar iċ-ċelebrazzjonijiet li saru fl-okkazjoni taċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Dun Ġorġ. Fost l-oħrajn, fit-12 ta’ April 1980, il-posta ta’ Malta ħarġet bolla u timbru speċjali għall-okkażjoni. P. Alexander Bonnici jikteb hekk: “X’uħud fost il-filatelisti Maltin stampaw ukoll invilopp speċjali u għamla
ta’ kartolina bil-bolla. L-aħjar fosthom hi dik ta’ Fr. Patrick Abela, Karmelitan. Dan, flimkien mal-bolla, daħħal elementi karatteristiċi għal Dun Ġorġ u l-opra tiegħu: bħalma huma l-Verbum Dei, il-festa tal-Milied, u anki riproduzzjoni ta’ kitba awtografa tiegħu” (pp. 489-493).
• Min kien P. Patrick Abela, O.Carm.? Twieled il-Ħamrun fit-8 ta’ Mejju 1933 u tawh l-isem ta’ George. Fl-1950 daħal fl-Ordni Karmelitan u wara sena novizjat għamel l-ewwel professjoni bl-isem ta’ Patrick. Wara li studja l-filosofija u t-teoloġija kien ordnat saċerdot fil-21 ta’ Settembru 1957. Minn Malta mar Ruma fejn għamel kors ta’ sentejn fil-bibljotekonomija fil-Vatikan. Matul dan iż-żmien kien jgħin fil-librerija tal-Kulleġġ Internazzjonali Sant’Albert. Fl-1962 irritorna Malta u għamel xi żmien fil-parroċċa ta’ Santa Venera jgħallem l-Ingliż u t-Taljan f’Mount Carmel College (illum: St. Elias College). Sitt snin wara kien mibgħut fil-kunvent ta’ l-Imdina fejn għex u ħadem sakemm f’Jannar 1989 iddaħħal l-isptar fejn dam għaxar xhur sħaħ jissara ma’ marda kiefra li ġarritu magħha fis-6 ta’ Novembru 1989 fl-età ta’ 56. Il-ħidma ta’ P. Patrick kienet ibbażata fuq l-imħabba tiegħu lejn il-Madonna. Kien jikteb f’diversi rivisti u pubblikazzjonijiet, għal xi snin kien Editur ta’ Il-Karmelu u għal bosta snin membru tal-Bord Editorjali tar-rivista Vexillina. Kellu għal qalbu l-Leġjun ta’ Marija fejn kien direttur spiritwali ta’ Preasidia u ta’ Curia. Kien delettant kbir tal-fotografija u tal-filatelija, u għal xi żmien kien il-korrispondent filateliku għall-bolli ta’ Malta u tal-Vatikan fil-gazzetta Il-Ħajja. Imma fuq kollox, P. Partrick jibqa’ magħruf għad-disponibilità tiegħu biex jgħin u għall-ispirtu ċajtier u ferrieħi.
Konklużjoni
Inħossni żgur li b’dan l-artiklu rnexxieli nolqot żewġ għasafar b’ġebla waħda: li niġbor tagħrif dwar il-Beatu Ġorġ Preca u xi reliġjużi Karmelitani. Jista’ jkun, anzi jiena ċert, li hemm aktar reliġjużi Karmelitani li b’xi mod jew ieħor kellhom x’jaqsmu ma’ Dun Ġorġ imma la jissemmew fil-kitba ta’ P. Alexander Bonnici u lanqas f’din tiegħi. Għaldaqstant, jekk wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu jirnexxieli niġbor mingħandhom l-esperjenzi tagħhom, ibqgħu ċerti li jkun pjaċir tiegħi li t-tagħrif tagħhom ngħaddih lilkom, qarrejja tagħna. B’hekk ilkoll kemm aħna, inkunu nistgħu b’xi mod ingawdu mix-xorti kbira li messet lil dawn ħutna Kramelitani meta l-ħajja tagħhom intisġet mal-ħajja qaddisa tal-Beatu Ġorġ Preca!
7 ta' Mejju 2006