Personaġġi

Karmelitani Maltin



PATRI MARIO ENRIQUEZ, O.Carm.

Patri Mario Enriquez, O.Carm.Vincent Enriquez twieled il-Belt Valletta nhar it-13 ta’ Novembru 1937, l-ewwel fost is-sitt ulied ta’ Ugo u Adelina Enriquez. Tnejn minn ħutu huma wkoll patrijiet, wieħed Franġiskan, P. Mark, u l-ieħor Karmelitan bħalu, P. Victor.

Fi tfulitu Ċensinu attenda l-iskola primarja tal-Belt u mbagħad lis-“Schola Mariano-Apostolica” li l-Provinċja tagħna kienet fetħet fil-kunvent tal-Belt. Ta’ sbatax-il sena daħal fl-Ordni Karmelitan u wara s-sena tan-novizzjat fil-kunvent ta’ l-Imdina, fid-9 ta’ Ottubru 1955, għamel il-Professjoni Sempliċi. Studja l-Filosofija u t-Teoloġija fil-kunvent ta’ San Ġiljan, fejn fis-16 ta’ Novembru 1958, għamel il-Professjoni Solenni. Ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fit-18 ta’ Marzu 1961.

L-ewwel snin tiegħu bħala saċerdot Patri Mario għaddihom fil-kunvent tal-Balluta. Imbagħad bejn l-1964 u l-1967 kien jagħmel parti mill-komunità ta’ Santa Venera, fejn kien organista. Fl-istess ħin kien jgħallem il-Latin u l-Mużika f’Mt Carmel College (1963-1966). Mill-1967 sa l-aħħar ta’ ħajtu, Patri Mario kien dejjem fil-kunvent tal-Fgura, fejn kien direttur tal-Youth Centre għal diversi snin, kif ukoll prokuratur tal-festa, organista u direttur tal-kor “Infaħħru lil Marija”.

L-isem ta’ Patri Mario jibqa’ marbut mal-mużika. Fl-1967 huwa kien kiseb l-LRSM. It-talent tiegħu mużikali ħaddmu tajjeb. Ikkompona diversi quddies u biċċiet oħra ta’ mużika sagra, għallem il-mużika u dejjem ħa b’serjetà u dedikazzjoni s-servizz tiegħu ta’ organista u direttur tal-kor. Il-mużika kienet il-mezz ewlieni li bih għex il-ministeru tiegħu.

P. Mario ħassu ħażin nhar il-21 ta’ Ġunju 2006, filgħodu, u ttieħed l-Isptar San Luqa, fejn miet l-għada fl-9.50 a.m., fl-età ta' 68 sena, assistit minn ħuh P. Mark, O.F.M., u mill-Provinċjal, P. Alexander Vella. Fil-ġurnata li dam l-isptar il-preokkupazzjoni tiegħu kienet li ma jkunx tajjeb biex imexxi l-kor għall-pussess tal-Kappillan il-ġdid tal-Fgura, li kellu jsir il-Ħadd ta’ wara, u għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu. Imma Alla riedu jieħu sehem f’kor ieħor, li l-għana tiegħu quddiem it-tron ta’ Alla ma jieqaf qatt.

Il-ġisem ta’ P. Mario ttieħed fil-kunvent tal-Fgura nhar is-Sibt, 24 ta’ Ġunju, filgħodu kmieni, u ġie espost fil-parlatorju tal-kunvent, minn fejn fid-9.30 a.m. sar korteo sal-knisja parrokkjali, fejn saret il-Quddiesa tal-funeral immexxija mill-Pirjol, P. Mawrizju Mizzi, li għamel ukoll l-omelija. Ikkonċelebraw miegħu ż-żewġ ħutu patrijiet ta’ P. Mario u numru kbir ta’ patrijet Karmelitani u saċerdoti oħra. Il-kor “Infaħħru lil Marija” esegwixxa quddiesa li P. Mario kien kiteb għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Fgura xi snin ilu. Wara l-Quddiesa l-ġisem ta’ P. Mario indifen fil-qabar tal-familja tiegħu fiċ-ċimiterju ta’ S. Marija Addolorata (Kompartiment MA-V 11), Raħal Ġdid.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage