Personaġġi

Karmelitani Maltin



PATRI FRANS MIFSUD, O.Carm.

Patri Frans Mifsud, O.Carm.Franġisk Saverju Mifsud twieled il-Ħamrun nhar it-13 ta’ Marzu 1925, minn Ġużeppi Mifsud u Ġużeppa mwielda Bezzina.

F’żgħożitu kien imur il-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, f’Birkirkara, u wara daħal Karmelitan fil-Provinċja Maltija iżda ma kompliex. Fl-1955 reġa’ ssieħeb ma’ l-Ordni Karmelitan, din id-darba fil-Provinċja Toskana, l-Italja, fejn ingħata l-isem ta’ Fra Elia. Huwa għamel il-Professjoni Sempliċi fil-6 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara fil-kunvent ta’ Nocera Umbra, fejn kien għamel in-novizzjat. Imbagħad għadda għall-kunvent ta’ Firenze, fejn fis-7 ta’ Ottubru 1959 għamel il-Professjoni Solenni. Ġie ordnat saċerdot mill-Kardinal Florit fil-Katidral ta’ Firenze fid-29 ta’ Ġunju 1959.

Fil-Provinċja Toskana Patri Frans qeda l-uffiċċji ta’ rettur tal-Marjani, sagristan maġġur tal-Bażilika tal-Karmnu ta’ Firenze, pirjol tal-kunventi ta’ Castellina u Forlì u definitur provinċjali. Għamel żmien ukoll fil-kunventi ta’ Pisa, Lugo u Ravenna. Huwa kien irrispettat ħafna f’dik il-Provinċja u baqa’ magħruf bħala patri iddedikat ħafna. Iżda, wara li għamel xi snin Malta jieħu ħsieb lill-ġenituri tiegħu anzjani, Patri Frans kien talab li jibdel il-Provinċja u jingħaqad mal-Provinċja Maltija. Għalhekk f’Jannar ta’ l-1980 huwa ntbagħat fil-komunità ta’ Fleur-de-Lys.

Mill-1982 sa l-1985 Patri Frans kien pirjol fil-kuvent tal-Fgura u mbagħad reġa’ lura Fleur-de-Lys, din id-darba bħala pirjol. Minbarra tliet snin fil-kunvent ta’ Milazzo, fi Sqallija, Patri Frans baqa’ fil-kunvent ta’ Fleur-de-Lys sas-sena 2003, u reġa’ kien pirjol għal disa’ snin wara xulxin. Meta spiċċa minn pirjol huwa talab li jintbagħat f’kunvent ieħor u għalhekk f’Ġunju 2003 mar fil-komunità tal-Parroċċa ta’ Santa Venera.

Kull fejn kien, Patri Frans kien imfittex ħafna għall-qrar, ministeru li huwa qeda b’dedikazzjoni kbira sa l-aħħar. In-nies kienet tħobbu ħafna għax kien bniedem dħuli u ċajtier. Kien ukoll bniedem li jħobb il-kunvent, iħobb jaħdem u jehda jnaddaf il-kunvent u l-knisja.

Wara li fil-ġranet tal-Milied tas-sena 2004, tah attakk ħafif ta’ puplesija u waqa’, Patri Frans kellu jiġi rikoverat l-isptar, f’dar ta’ l-anzjani u fl-aħħar fid-“Dar tal-Kleru”, f’Birkirkara. Tul il-marda tiegħu bata ħafna meta sab ruħu dipendenti għal kollox fuq ħaddieħor, hu li kien bniedem riservat u indipendenti u iktar imdorri jaqdi milli jkun moqdi.

Nhar il-Ħadd 9 ta’ Lulju 2006 qaleb għall-agħar u ngħata s-sagrament tal-morda. Miet fid-“Dar tal-Kleru” nhar it-Tlieta, 11 ta’ Lulju 2006, għall-ħabta tad-9.15 p.m., fl-età ta’ 81 sena, imdawwar b’kura u attenzjoni kbira mill-Qaddejja taċ-Ċenaklu, id-Direttur u l-“carers” tad-dar.

Il-funeral tiegħu sar nhar il-Ħamis 13 ta’ Lulju 2006. Ġie trasportat mid-“Dar tal-Kleru” għal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera fit-7.45 a.m. u tqiegħed f’kappella fid-daħla tal-knisja. Fit-8.30 a.m. saret Quddiesa konċelebrata mmexxija mill-Pirjol P. Raymond Calleja, li għamel ukoll l-omelija. Ikkonċelebraw miegħu P. Alexander Vella, Provinċjal, P. Victor Mallia, Provinċjal tat-Tereżjani, u numru sabiħ ta’ patrijiet. It-tislima ta’ l-aħħar fi tmiem il-quddiesa tmexxiet mill-Provinċjal. Wara, il-ġisem ta’ Patri Frans indifen fl-oqbra tal-Provinċja (nru 9E) fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Adddolorata, Raħal Ġdid.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage