Personaġġi

Karmelitani Maltin



PATRI ĠILJAN CALLEJA, O.Carm.

Patri Ġiljan Calleja, O.Carm.Patri Ġiljan twieled il-Belt Valletta nhar it-3 ta’ Jannar 1932 minn Ġużeppi u Carmela Calleja. Tgħammed fil-Parroċċa Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu u ngħata l-isem ta’ Pawlu.

Fi tfulitu Pawlinu mar l-iskola tal-Baviera, il-Belt, u wara s-Seminarju Minuri u lis-Schola Mariano-Apostolica li l-Provinċja Karmelitana kienet waqqfet fil-kunvent tal-Belt. Ta’ sittax-il sena daħal fl-Ordni Karmelitan fil-kunvent ta’ l-Imdina, fejn wara s-sena tan-novizzjat għamel il-Professjoni Sempliċi fis-16 ta’ Ottubru 1949. Kompla l-formazzjoni tiegħu fil-kunvent ta’ San Ġiljan, fejn għamel il-Professjoni Solenni fl-1 ta’ Frar 1953. Fil-25 ta’ Frar 1956 ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fl-oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Patri Ġiljan kien għal ħafna snin fil-kunvent tal-Belt, fejn l-ewwel qeda l-uffiċċji ta’ sagristan maggur u prokuratur u mbagħad dak ta’ pirjol mill-1973 sa l-1976 u mill-1982 sa l-1988. Hemmhekk ħabrek kemm felaħ għall-bini tal-knisja l-ġdida. Fl-1976 Patri Ġiljan kien inbagħat bħala pirjol fil-kunvent ta’ l-Imdina, iżda għamel biss ftit xhur. Iktar tard, mill-1994 sas-sena 2000 kien pirjol tal-komunità tal-Parroċċa ta’ Santa Venera, fejn reġa’ sab ma’ wiċċu l-bini ta’ knisja ġdida.

Fost il-ħidmiet pastorali li kellu tul ħamsin sena ta’ saċerdozju, Patri Ġiljan kien Assistent Ekkleżjastiku taċ-Circolo Gioventù Cattolica ta’ l-Azzjoni Kattolika tal-Belt u Direttur Spiritwali fil-Leġjun ta’ Marija.

Il-Mulej għoġbu jżur lil Patri Ġiljan bil-mard u kellu jiġi rikoverat fid-Dar tal-Kleru, Birkirkara, fejn qatta’ l-aħħar sitt snin ta’ ħajtu, assistit b’ħafna mħabba u dedikazzjoni. Fl-4 ta’ Awissu 2006 huwa ddaħħal l-Isptar San Luqa b’attakk tal-qalb u miet hemmhekk ħamest ijiem wara, fid-9 ta’ Awissu 2006, filgħodu kmieni, fl-età ta’ 74 sena.

Minkejja li Patri Ġiljan kien jagħmel mal-komunità tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera, fuq talba ta’ ħutu, il-funeral sarlu fis-Santwarju Bażilika tal-Belt. Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Awissu 2006, fid-9.00 a.m., il-katavru tiegħu ttieħed fl-oratorju tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu biex in-nies tkun tista’ tagħtih l-aħħar tislima. Fl-10.00 a.m. saret quddiesa konċelebrata praesente cadavere fis-Santwarju. Din tmexxiet minn ħu Patri Ġiljan, Mons. Philip Calleja, li għamel ukoll l-omelija. Miegħu kkonċelebraw madwar sittin saċerdot, inklużi ħafna monsinjuri tal-Katidral li ġew b’rispett ta’ Mons. Philip. Il-barka ta’ l-aħħar ngħatat mill-Provinċjal. Kienu preżenti għall-quddiesa tal-funeral l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, il-Viġarju Ġenerali tiegħu, l-Isqof Annetto Depasquale, u l-Aġent President ta’ Malta, Dr. Hyzler. Wara l-quddiesa Patri Ġiljan indifen fl-oqbra tal-Provinċja fiċ-ċimiterju ta’ l-Addolorata, fil-qabar numru 9.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage