Personaġġi

Karmelitani Maltin



PATRI SERAFIN ABELA, O.Carm.

Patri Serafin Abela, O.Carm.Patri Serafin twieled il-Belt Valletta nhar is-7 ta’ Novembru 1926 minn Vincent Abela u Teresa mwielda Debono. Tgħammed fil-Parroċċa tal-Portu Salvu u ngħata l-isem ta’ Franġisku. Il-familja tiegħu kienet familja numeruża u ħamsa mill-aħwa ħaddnu l-ħajja reliġjuża.

Wara li temm l-iskola sekondarja fil-Liċeo tal-Ħamrun, Frankie daħal fl-Ordni Karmelitan fil-kunvent ta’ l-Imdina, fejn wara s-sena tan-novizzjat għamel il-Professjoni Sempliċi fis-30 ta’ Settembru 1945. Kompla l-formazzjoni tiegħu fil-kunvent ta’ San Ġiljan, u għamel il-Professjoni Solenni fit-3 ta’ Ottubru 1948. Fit-23 ta’ Diċembru 1950 ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof Mikiel Gonzi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

L-ewwel snin tal-ministeru tiegħu, Patri Serafin għaddihom fil-kunvent ta’ Santa Venera, fejn kien Viċi Parroku u Assistent Ekkleżjastiku ta’ l-Azzjoni Kattolika. Fl-1955 huwa offra li jmur missjunarju fl-Amerika Latina. Irċieva s-salib tal-missjoni fil-5 ta’ Ġunju ta’ l-istess sena u ħalla Malta flimkien ma’ Patri Tonin Vidal u Patri Emidju Fiorini biex imur f’Tingo (Arequipa), fil-Perù. Is-sena ta’ wara ħalla l-Perù u mar il-Bolivja flimkien ma’ Patri Dward Vella. Huma ħadu f’idejhom iż-żona ta’ Villa Fatima li kienet qegħda tibda tiżviluppa fil-priferija tal-belt kapitali, La Paz. Hekk bdiet il-missjoni tagħna fil-Bolivja. Wara xi snin f’La Paz, Patri Serafin reġa’ lura l-Perù. Kemm dam il-missjoni huwa kellu diversi uffiċċji, fosthom dawk ta’ pirjol u kappillan f’Tingo, il-Perù, bejn l-1961 u l-1964. Minħabba saħħtu, wara għaxar snin ta’ ħidma missjunarja, huwa kellu jirritorna Malta.

Lura Malta, P. Serafin kien fil-kunventi tal-Belt, il-Balluta, S. Venera u l-Imdina, fejn qatta’ ħafna snin u fejn kien pirjol fl-aħħar ħames snin ta’ ħajtu. Tul il-provinċjalat ta’ P. Manwel Gatt, bejn l-1979 u l-1984, P. Serafin kien Segretarju u Assistent tal-Provinċjal. Kien ukoll editur tar-rivista “Il-Karmelu” (1965-1971) u awtur ta’ diversi kotba u artikli fuq il-kunventi tagħna ta’ Malta u fuq il-Missjoni tagħna fl-Amerika Latina. Ħadem ħafna biex jiġi rranġat u wżat mill-ġdid l-ewwel kunvent tagħna tal-Lunzjata fir-Rabat.

Patri Serafin kien ilu snin twal marid, imma qatt ma ntelaq, anzi baqa’ dejjem jipprova jgħix ħajja normali u mpenjata. F’Novembru ta’ l-2005 huwa kellu jiġi rikoverat fid-Dar Familja Mqaddsa, in-Naxxar, fejn kien kuntent li seta’ jagħti s-servizz pastorali tiegħu lil dawk li kienu rikoverati miegħu, bil-quddiesa ta’ kuljum, qrar u assistenza tal-moribondi. Hemmhekk huwa rnexxielu jtemm il-ktieb dwar il-kunvent tal-Balluta, li ħareġ propju f’jum mewtu, u dak dwar il-kunvent tal-Belt li ma laħaqx bagħtu għall-istampa. Kien beda wkoll jiġbor materjal għal ktieb fuq id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu f’Malta.

Fis-6 ta’ Ottubru 2006 huwa ddaħħal l-Isptar San Luqa, ibati minn qtugħ ta’ nifs. Is-sitwazzjoni tiegħu kompliet tiggrava sa ma miet fil-21 tax-xahar, fid-9.25 p.m. Kien wasal biex jagħlaq it-tmenin sena.

Nhar it-23 ta’ Ottubru, fin-nofs siegħa, il-katavru ta’ Patri Serafin ittieħed fil-kunvent ta’ l-Imdina u espost fil-parlatorju biex in-nies tagħtih l-aħħar tislima. Fis-2.00 p.m. il-Provinċjal, Patri Alexander Vella, mexxa quddiesa praesente cadavere fil-knisja. Ikkonċelebraw miegħu l-Provinċjal tal-Karmelitani Tereżjani P. Victor Mallia, l-Arċipriet tal-Katidral Mons. Anton Vella, u numru sabiħ ta’ patrijiet tal-Provinċja u xi patrijiet oħra u qassisin. L-omelija saret minn Patri Mawrizju Mizzi. Wara saret id-difna fl-oqbra tal-Provinċja fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Paola, Raħal Ġdid.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage