PersonaġġiQaddisin, Beati u Qaddejja t'AllaIL-ĦAJJA TAL-BEATU TITU BRANDSMA minn Anthony Cilia, O.Carm. Daħla Sa ftit tas-snin ilu, ħadd ma kienet tgħaddilu minn moħħu li jerġa' jqajjem il-grad tal-martirju fil-Knisja. B'danakollu, meta nirriflettu daqsxejn fuq il-ġrajjiet li jseħħu fid-dinja tal-lum, nindunaw mill-ewwel kemm il-martirju hu suġġett attwali, bħalma kien fi żmien l-ewwel insara. Biżżejjed naħsbu fuq kif inqatel l-Arċisqof Romero tal-Brażil, fuq kif il-Papa Ġwanni Pawlu II safa' vittma tat-terroriżmu ta' żmienna, fuq il-ġlieda li ħafna reliġjużi, saċerdoti u lajċi, qed jagħmlu favur id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u li minħabba f'hekk huma qed ikunu vittmi tal-ħażen. Il-ġrajja ta' kull martri hija ġrajja ta' fedeltà lejn Alla wieħed u veru. Anke jekk il-martri ta' żminijietna ma jmutux għat-talba diretta biex jiċħdu l-fidi tagħhom f'Alla jew inkella biex jaduraw allat oħra, bħalma ġralhom il-martri fl-ewwel sekli tal-Knisja, b'danakollu huma martri awtentiċi. Jekk huma ddedikaw ħajjithom biex jiddefendu l-fqir u l-batut, dan għamluh imqanqlin mill-imħabba ta' Alla u biex isalvaw lill-bniedem xbieha tiegħu. Esperjenza simili seħħet fl-1942, matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Hu l-każ ta' Patri Titu Brandsma, Karmelitan, li nhar it-3 ta' Novembru 1985 il-Papa Ġwanni Pawlu II għollih għall-qima tal-Knisja kollha bħala Martri. It-tfulija taż-“Żgħir” Anno Sjoerd Brandsma twieled fit-23 ta' Frar 1881, fil-belt ta' Bolsward, fil-Provinċja tal-Frisja, li tinsab fit-Tramuntana ta' l-Olanda. Missier Anno, Titu, kien bniedem kolt, kreattiv u ta' mħabba kbira lejn niesu u l-fidi kattolika. Kien attiv ħafna fil-ħajja familjari, reliġjuża u politika. Il-mara tiegħu, Tjitsje Postma, omm Anno, għalkemm ta' fiżiku debboli u ta' karattru riservat, kienet mara serena ħafna. Huma kellhom sitt ulied, erba' bniet u żewġ subien, li rabbewhom f'ambjent ta' xogħol, ferħ u qdusija. Il-frott tal-ħidma tagħhom kien li ħamsa minn uliedhom ħaddnu l-ħajja reliġjuża (tliet sorijiet u żewġ patrijiet) u waħda żżewġet.
Meta spiċċa l-istudji sekondarji fis-seminarju ta' Megen, Anno ġie f'diffikultà ma' liema Ordni Reliġjuż jidħol. Xtaq isir Patri Franġiskan iżda minħabba s-saħħa dgħajfa tiegħu, is-superjuri ssuġġerewlu li jfittex għamla ta' ħajja oħra. Dan il-parir kien daqqa ta' ħarta għal Anno, iżda huwa aċċettah bir-rassenjazzjoni. Wara ħafna taqtiegħ il-qalb iddeċieda li jsir Patri Karmelitan. F'Settembru ta' l-1898, Anno mar għand il-Patrijiet Karmelitani ta' Boxmeer, fl-Olanda, u talabhom jidħol magħhom. Il-patrijiet aċċettawh fil-ferħ. Isib l-vokazzjoni tiegħu fil-Karmelu Hekk kif beda n-novizzjat, Anno żamm id-drawwa li jibdel ismu, bħala sinjal ta' bidu ta' ħajja ġdida. Huwa għażel l-isem ta' missieru: Titu. Il-ħajja tiegħu fil-kunvent kien jgħaddiha fit-talb, fl-istudju, fis-silenzju u fis-solitudni. Għalih dawn kienu jiffurmaw il-qofol tal-ħajja Karmelitana. Titu kien jgħix f'kamra sempliċi, jorqod fuq saqqu tat-tiben, iqalleb il-kotba u jistudja, jitlob b'ħerqa kbira, jiekol l-aktar ikel sempliċi u jieħu pjaċir jiddeverti ma' sħabu. Kien jinsab kuntent għax fehem li sab postu.
Ħidma bla serħan Hekk kif iggradwa P.Titu reġa' lura lejn l-Olanda biex jieħu l-kariga ta' Professur fis-Seminarju Maġġuri tal-Karmelitani f'Oss. F'dan iż-żmien huwa rnexxielu jgħaqqad l-arti tal-kitba u l-attivitajiet l-oħra mal-vokazzjoni tiegħu ta' għalliem. Infatti, minn dan iż-żmien 'il quddiem, lil P. Titu nsibuh imdaħħal f'ħafna u ħafna progetti, mhux biss reliġjużi imma wkoll ċivili. Fost l-oħrajn huwa waqqaf il-Carmelrozen, rivista ta' spiritwalità Karmelitana; flimkien ma' oħrajn għamel it-traduzzjoni u ppubblika xi wħud mill-kitbiet ta' Santa Tereża ta' Ġesù u l-opra spiritwali L-Imitazzjoni ta' Kristu; kien maħtur Direttur tal-ġurnal De Stad Oss; waqqaf bibljoteka pubblika f'Oss; flimkien ma' oħrajn waqqaf ir-"Roomsk Frysk Boum" (L-Għaqda Kattolika għad-Difiża tal-Lingwa u l-Kultura tal-Frisja); waqqaf żewġ Lyceums (f'Oldenzaal u f'Oss), u wkoll l-Għaqda ta' l-Iskejjel Kattoliċi, li tagħha kien President sakemm miet. Għalkemm P. Titu kien dejjem mgħobbi bix-xogħol, huwa qatt ma ttraskura d-doveri tiegħu ta' reliġjuż Karmelitan. Min-naħa l-oħra m'għandniex għal fejn neħduħa bi kbira jekk saħħet P.Titu kompliet sejra għall-agħar. Fis-sajf ta' l-1921, waqa' vittma ta' diversi emoraġiji u għal ġimgħat sħaħ kien jilgħabha bejn ħajja u mewt. Iżda f'daqqa waħda, donnu b'miraklu, saħħtu marret għall-aħjar u fix-xitwa ta' l-istess sena reġa' daħal għax-xogħol bl-istess ritmu ta' qabel! Jekk P. Titu kellu moħħu dejjem fis-sħab bl-istudju tal-filosofija u l-mistika, saqajh kienu jinsabu fuq il-blat iebes tat-tbatija u d-diżordni umana. Dejjem kien isib il-ħin għall-fqar u għall-imwarrbin. B'qalbu mimlija mħabba kien iħalli kollox biex jagħti l-attenzjoni kollha tiegħu lil kwalunkwe persuna li kienet tidher fuq l-għatba tal-kunvent jew jiltaqa' magħha fit-triq. Kulħadd kien jaf li min jiltaqa' miegħu qatt ma kien se jħallih b'idu f'idu. P.Titu kien jirraġuna li: "Aħjar ma tkunx tafx taqra u tikteb, iżda mimli fidi, milli tkun għaraf u bla qalb."
Professur u Ġurnalista L-Università Kattolika ta' Nimega twaqqfet fl-1923. Kienet l-ewwel istituzzjoni ta' dik ix-xorta fl-istorja moderna ta' l-Olanda. It-twaqqif tagħha qajjem ħeġġa ġdida fost il-Kattoliċi Olandiżi. P. Titu ħassu tassew kuntent meta ġie mistieden mill-Arċisqof ta' Utrecht biex jissieħeb f'din l-università bħala professur tal-filosofija u tal-mistika. Fl-1932, ta' 51 sena, P. Titu ntgħażel Rector Magnificus ta' l-università għal sena, u wara, President ta' l-istess università. Bħal dejjem, huwa aċċetta dawn il-karigi bil-ferħ u b'disponibbiltà kbira. Il-personalità tiegħu, flimkien mal-kapaċità li jżomm relazzjonijiet tajba ma’ kulħadd, u relazzjonijiet tajba bejn il-professuri u l-istudenti, għamlu minnu Rettur tassew maħbub. Bħala reliġjuż Karmelitan, l-imħabba li P. Titu kellu lejn il-Madonna kienet f'ħajtu bħall-vini li jiġru ma' ġismu kollu. Il-formazzjoni Marjana li kellu kienet tassew profonda. Ma kienx iħalli tgħaddi ġurnata waħda bla ma jsib l-okkażjoni biex jagħmel xi riflessjoni fuq il-Madonna. Huwa stess kien stqarr li "Bħala wieħed mill-Aħwa ta' l-Imqaddsa Verġni Marija tal-Karmelu, nixtieq inwassal fl-Art tal-Karmelu lil dawk kollha li miegħi jħobbu u jqimu lil Marija bħala Ommhom l-iżjed għażiża, biex bl-istess idejn ta' din l-Omm u Ġmiel tal-Karmelu, jaslu għall-akbar għaqda ma' Alla." Fl-1932, effett ta' din l-imħabba, huwa laqa’ t-talba ta' l-Isqfijiet, u fl-okkażjoni taċ-ċentinarju minn meta Marija ġiet proklamata "Omm Alla" mill-Konċilju ta' Efesu, organizza Kungress Nazzjonali Marjan f'Nimega. Aktar tard, fl-istess sena, kien maħtur President tal-Kungress Internazzjonali Marjoloġiku li sar f'Maastrich, fl-Olanda. Wara li temm iż-żmien tiegħu bħala Rettur, P. Titu reġa' beda jaqdi x-xogħol ta' professur, fil-waqt li kompla jimpenja ruħu fl-appostolat, prinċipalment bil-kitba u billi jagħti konferenzi spiritwali ma' l-Olanda kollha. Fl-1935, fuq talba tas-Superjuri tiegħu f'Ruma, il-Professur Brandsma ġie msejjaħ jagħti serje ta' konferenzi dwar l-ispiritwalità Karmelitana fil-kunventi Karmelitani l-ġodda mwaqqfin fl-Amerka. (Ara)
Il-Moviment Nazista jgħolli rasu Filwaqt li moħħ P. Titu kien dejjem jaħseb u joħlom x'ħidma jista' jwettaq għall-ġid ta' l-umanità, fl-istess żmien, bnedmin oħra kienu qed jaħsbu u jippjanaw kif lill-bniedem jistgħu jisfruttawh u jxekkluh. Hekk kif fl-1933, Adolf Hitler laħaq Kanċellier tal-Ġermanja, huwa beda jmexxi bil-qawwa tal-patrijottiżmu, tal-fanatiżmu politiku, tal-mibgħeda razzjali u tad-dixxiplina dittatorjali Nazista. Il-moviment Ġermaniż ta' Hitler beda jħejji pjanijiet biex jinvadi l-Awstrija, iċ-Ċekoslovakkja, l-Iskandinavja, il-Belġju, il-Polonja, l-Olanda u Franza. B'qalbu sewda għall-aħħar, P. Titu kien għaraf minn qabel it-theddid li kien qed joħloq in-Nazismu. Il-Professur Olandiż ħadem bla heda fl-iskejjel, fis-swali tal-konferenzi u fuq il-ġurnali biex iħejji lill-poplu Olandiż dwar il-kefrija ta' Hitler. "Il-Moviment Nazista huwa pesta sewda għax dan il-Moviment huwa pagan." Il-karrijiet armati tal-gwerra, bl-isvastika u bil-bnadar ħomor, waslu fuq il-fruntiera Olandiża fl-10 ta' Mejju 1940, b'kontinġent kbir ta' truppi, li malajr għelbu l-forza dgħajfa Olandiża. Bil-qawwa ta' l-armi u permezz ta' uffiċjali nazisti fil-kontroll tal-politika, it-tnaqqis tal-libertà kien l-ewwel skop tagħhom. Bħala konsegwenza dawk kollha li ħaduha kontra l-okkupazzjoni u r-restrizzjonijiet tal-Ġermaniżi kienu dikjarati tradituri. Ir-reliġjon ġiet attakkata bil-miftuħ u mill-ġdid faqqgħet persekuzzjoni qalila kontra l-Lhud, bħalma kienu ppersegwitati fil-Ġermanja. Bħal ħafna pajjiżi oħra li ġew maħkuma min-Nazi, il-Kattoliċi Olandiżi ġew ikkontrollati b'id tal-ħadid u kkundizzjonati għall-miżuri stretti. Fost l-oħrajn, il-gvern ħabbar li kemm is-saċerdoti kif ukoll ir-reliġjużi ma setgħux imexxu skejjel sekondarji; li s-salarji tas-saċerdoti u ta' l-għalliema reliġjużi jitnaqqsu b'40%; u ngħatat l-ordni biex jitkeċċew it-tfal Lhud mill-iskejjel kattoliċi. P. Titu, bħala rappreżentant ta' l- Fis-26 ta' Jannar 1941, l-Isqfijiet Olandiżi ħabbru li l-kattoliċi li jżommu bil-miftuħ mal-Moviment Nazzjonal-Soċjalista, għandhom jiġu mċaħħda milli jirċievu s-sagramenti minħabba li t-twemmin tagħhom u dak nazista jmur kompletament kontra l-idea nisranija tal-ħajja u kontra l-valuri fundamentali tal-bniedem. Il-Knisja Olandiża tinsisti fuq il-missjoni tagħha L-Isqfijiet Olandiżi reġgħu tennew din id-direttiva meta l-mexxejja ta' l-Għaqda tal-Ħaddiema Kattoliċi ċedew għat-theddid ta' l-awtoritajiet Ġermaniżi. Fl-ittra ta' Lulju 1941, l-Isqfijiet stqarrew: "Għal żmien twil aħna żammejna s-skiet. Issa rridu ngħidu bil-miftuħ xi ħaġa dwar il-ħafna inġustizzji li aħna l-kattoliċi ġejna mġegħlin nobdu f'dawn l-aħħar xhur." L-ittra, li kienet tikkonsisti f'lista twila ta' inġustizzji, fost l-oħrajn tgħid: ".... ġie pprojbit lilna li nagħmlu ġbir għall-istituzzjonijiet kulturali u karitattevoli tagħna...; neħħewlna l-istazzjon tar-radju kattoliku; xi wħud mill-ġurnali tagħna ġew sospiżi u oħrajn tant tnaqqsitilhom il-libertà ta' l-espressjoni li huwa diffiċli tgħid jekk humiex kattoliċi jew le." L-istqarrija ta' l-Isqfijiet ikkundannat ukoll it-taxxi esaġerati li kellhom iħallsu xi istituzzjonijiet tal-Knisja. "Issa ġrat biċċa xogħol oħra u aħna ma nistgħux nibqgħu aktar b'ħalqna magħluq u niċħdu l-ministeru spiritwali tagħna... L-Għaqda tal-Ħaddiema Kattoliċi qed teżisti għall-qadi tal-Moviment Nazzjonal-Soċjalista; infatti hija saret waħda mill-friegħi organizzati tiegħu. Għalhekk il-kattoliċi ma jistgħux jibqgħu aktar membri ta' din l-Għaqda." L-istqarrija ta' l-isqfijiet imliet bil-qilla lill-Gvernatur Militari ta' l-Olanda, hekk li ħrax aktar fil-persekuzzjoni tiegħu kemm kontra l-Lhud kif ukoll kontra l-kattoliċi. Fi tmiem is-sena 1941, l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi Nazista ħareġ ordni li kwalunkwe ġurnal Olandiż kien obbligat jippubblika l-avviżi u l-istqarrijiet li joħorġu mill-Awtoritajiet Ġermaniżi. Ftit taż-żmien wara li ħarġet id-dikjarazzjoni mill-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Pubbliċi Nazista dwar l-istampa, l-Arċisqof De Jong bagħat għal P. Titu. Fil-laqgħa li kellhom, l-Arċisqof qallu: "Aħna ser inweġbuhom. U t-tweġiba tagħna trid tkun LE." Mons. De Jong ta lil P. Titu l-missjoni li bħala Assistent Ekkleżjastiku tal-ġurnalisti kattoliċi, li jibgħat personalment it-tweġiba ta' l-Isqfijiet lill-edituri u lill-istampaturi kattoliċi kollha ta' l-Olanda. Huwa u jagħti din il-missjoni lil P. Titu, l-Arċisqof tenna: "Titu, inti tifhem kemm din il-missjoni hi ta' sogru. Għalhekk m'għandekx tidħol għaliha bil-fors." Kif xehed aktar tard l-Arċisqof, "P. Titu fehem sewwa dak li ridt ngħidlu, iżda hu laqa' minn rajh u liberament dan l-inkarigu. Infatti dik il-missjoni kienet neċessarja għaliex l-edituri tagħna ma kinux ta' fehma waħda bejniethom fuq dak li kien permess u f'liema każijiet huma kellhom ma jobdux il-liġijiet il-ġodda biex hekk iħarsu l-prinċipji kattoliċi tagħhom. P.Brandsma kien l-aktar bniedem adattat biex ifiehem id-direttivi tagħna."
Il-Gestapo jarresta lil P. Titu Huwa u jivjaġġa minn belt għall-oħra, P. Titu kien ċert li l-Gestapo, (is-servizz puliżjesk siġriet), kellu għajnejh fuqu. Barra minn hekk, xi ħadd kien diġà għarraf lill-pulizija bl-għanijiet taż-żjajjar li kien qed jagħmel u bil-kontenut tal-messaġġi tiegħu. Ftit jiem wara li P. Titu beda jqassam din l-ittra, għall-ħabta tas-6.00p.m., tad-19 ta' Jannar 1942, żewġ pulizija tal-Gestapo ħabbtu l-bieb tal-kunvent tal-Karmelitani ta' Nimega. Wara li arrestaw lil P. Titu u ħadulu xi dokumenti minn kamartu, issiġillaw il-karma biex hekk ħadd iżjed ma jidħol fiha. P. Titu, eskortat mill-pulizija, mexa lejn il-bieb ta' barra fejn kien hemm il-patrijiet sħabu jistennewh. Huwa fehem tajjeb li dan kien l-addio. Għalhekk niżel għarkobbtejh quddiem il-pirjol tal-komunità u talbu l-barka. Qabel ħareġ, fil-waqt li sellem lil ħutu l-patrijiet, qalilhom biex jiftakru fih fit-talb tagħhom. U hekk P. Titu għeb fil-kesħa u d-dlam tal-lejl. Kien meħud fil-ħabs ta' Arnhem. L-għada fil-għodu, P. Titu kien interrogat mill-Kaptan Hardegen. Tlett ijiem wara, Hardegen bagħat rapport lejn Berlin li kien igħid: "L-attività ta' Brandsma thedded l-unur ta' l-Imperu Ġermaniż, tattakka l-ideat Nazzjonal-Soċjalisti u għandha ħsieb li teħodha kontra l-għaqda tal-poplu Olandiż... Jidher li tkun ħaġa flokha li l-Professur Brandsma jinżamm il-ħabs għal xi żmien."
Mill-ħabs għall-kamp ta’ konċentrament Fit-12 ta' Marzu 1942, P. Titu, flimkien ma' ħafna priġunieri oħrajn, ittieħed lejn il-kamp ta' konċentrament ta' Amersfoort. Kienu madwar id-9.00p.m. x'ħin waslu. Qegħduhom skjerati wara xulxin u ħallewhom fil-kesħa taħt xita tas-silġ. Imbagħad ġagħluhom ineħħu l-ħwejjeġ li kellhom fuqhom u jilbsu l-uniformi ta' priġunieri. Lil P.Titu tawh in-numru 58. Ix-xogħol li kellu jagħmel f'dan il-kamp kien li jqatta' l-injam miġjub mill-foresta ta' madwar il-kamp ta' konċentrament. L-għassiesa ma kienu jħallu l-ebda saċerdot jew ministru jagħti l-faraġ spiritwali lill-priġunieri, u kienu jikkastigaw bl-aħrax lil min jikser din il-ligi. P. Titu, bil-kalma u l-attenzjoni kollha kien jisfida din il-liġi. Kien jilqa' għandu bosta priġunieri li kienu jitolbu l-barka tiegħu. Bil-moħbi u fis-skiet kien jagħmel dan bis-sinjal tas-salib b'sebgħu l-kbir fuq idejhom. Irnexxielu wkoll iqarar, iżur lill-morda u jassisti xi wħud minn dawk li waslu biex imutu fl-infermerija.
F'Dachau kien jinsab wieħed mill-kampijiet ta' konċentrament l-aktar antiki tal-Ġermanja, li minnu għaddew madwar 206,000 ruħ. Minn dawn, 80,000 għaddew għall-ħajja l-oħra! Sa mill-ewwel mument li P. Titu daħal f'dan il-kamp, il-gwardjani xegħlu bil-qilla kontrih minħabba l-kalma u l-ġentilezza li wera. Fost tant ħruxija, il-kamp kellu kappella kattolika fejn is-saċerdoti Ġermaniżi biss setgħu jqaddsu kuljum. Il-priġunieri l-oħra ma kellhomx permess jieħdu sehem fil-quddiesa. Iżda xi wħud mis-saċerdoti Ġermaniżi mhux l-ewwel darba li rnexxielhom b'xi mod jieħdu lil Ġesù Ewkaristija lil sħabhom l-oħra. Darba, hekk kif P.Titu rċieva l-Ewkaristija f'borża tat-tabakk, iltaqa' ma' wieħed mill-għassiesa li beda jgħajjat miegħu u jagħtih daqqiet bl-azzarin kemm jiflaħ għax skond hu, P. Titu ma kienx naddaf sewwa l-kċina. Meta rnexxielu jiżgiċċa minn taħt idejh u jasal sas-sodda tiegħu sab lil sieħbu Karmelitan. Fra Rafel Tijhuis beda jsabbru u P. Titu kollu ħlewwa qallu: "Grazzi ħija. M'għandekx għalfejn tinkwieta. Jiena kelli miegħi lil Ġesù Ewkaristija." Saħħet P. Titu tiddgħajjef Il-ġurnata tal-priġunieri kienet tibda fl-4.00a.m. Minn din is-siegħa 'l quddiem l-għassiesa kienu jibdew jaħqru u jippersegwitaw il-priġunieri. Ix-xogħol kien jibda fil-5.30a.m. u jibqa' sejjer sas-7.00p.m., b'waqfa qasira għall-pranzu! P. Titu, fl-età ta' 61 sena, li diġà kien isofri minn avvelenament, issa beda jħossu debboli ħafna. Beda jsofri wkoll minn infezzjoni f'saqajh. Il-qorq li tawh għamillu ħafna nfafet u ġrieħi. Wara ġurnata xogħol iebes, ħafna drabi, kien ikollhom jeħduh fil-barrakka sħabu l-priġunieri. Patri Albertus Urbanski, priġunier Karmelitan Pollak, li għenu diversi drabi, jiftakar li "f'nofs dak id-diżastru li kien jagħfas fuqna minn kull naħa, P. Titu kien dejjem ferħan u sod, u s-serenità tiegħu kienet tmissilna 'l qalbna." Bla waqfien kien iħeġġeġ lil sħabu tal-kamp b'dan il-mod: "Iċċedux għall-mibgħeda. Kunu paċenżjużi. Hawnhekk ninsabu f'mina mudlama, iżda jeħtieġ inkomplu mexjin. Fl-aħħar, id-dawl etern għad jiddi għalina."
Għeluq
Il-Professur Brandsma huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa għalliema u difensuri tat-twemmin nisrani kontra l-paganeżmu nazista u bħala martri li offra ħajtu għal-libertà ta' l-espressjoni. L-isbaħ ċertifikat tal-martirju tiegħu nkiteb bl-istess idejn ta' dawk li kkundannawh għall-mewt. F'dokument sigriet tal-Gestapo, li nstab wara l-gwerra, fost l-oħrajn hemm miktub: "Il-Knisja Kattolika nqdiet bis-servizz ta' l-aktar bniedem kapaċi u espert kbir: il-Professur Brandsma, li hu l-Assistent Ekklesjastiku ta' l-Għaqda tal-Ġurnalisti Kattoliċi. Dan ħa l-kawża f'idejh u kien minn ta' quddiem li bl-għajnuna ta' l-istampa kattolika u għaqdiet oħra kkundanna n-nażismu fuq id-direttivi tal-Knisja." |