PersonaġġiQaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla1. FL-ISPIRTU U L-QAWWA TA’ ELIJA mill-Beatu Titu Brandsma, O.Carm.
Il-Għolja tal-Karmelu, Għamara tal-Ħajja Kontemplattiva, Karatteristika ta’ Elija Fil-ħajja spiritwali, bħal fil-ħajja ta’ kuljum, huwa importanti ħafna li jkollok mudell li jispirak, xempju li timxi fuqu. Il-ħajja spiritwali Karmelitana għandha dan il-mudell. L-Ordni Karmelitan kiseb ismu mill-għolja mqaddsa fejn twieled. F’dik l-art tal-Lvant, fejn kull muntanja hija magħrufa għal xi ġrajjiet kbar, l-għolja tal-Karmelu baqgħet tissemma għal xi tifkiriet l-aktar qaddisa. Isimha hu magħruf mad-dinja kollha kattolika, aktar minn kull isem ieħor ta’ dawk il-muntanji, għas-sbuħija tagħha. Iżda dan ġmielha jirrifletti t-tifkiriet sbieħ li huma marbutin magħha. Il-Karmelu jogħla bħal ombra siekta fuq il-baħar Mediterran. Minn fuq il-quċċata tiegħu, wieħed jista’ jilmaħ tinfirex fil-bogħod il-pjanura kbira ta’ Esdraelon, fejn ir-ruħ kontemplattiva timraħ bi ħsebijietha fuq il-misteru ta’ Nażaret. Il-Karmelu huwa minnu nnifsu post adattat fejn tista’ tirtira r-ruħ kontemplattiva. Għalhekk mhux b’kumbinazzjoni li f’ġenb imżerżaq tiegħu jinsab mibni l-kunvent tar-reliġjużi Karmelitani li hu meqjus bħala l-benniena ta’ l-Ordni. Jinsab ’l bogħod mill-għagħa tan-nies u ’l fuq mill-baħar imqalleb tad-dinja. Il-kwiet tiegħu ma jintlaħaqx mill-ġenn tal-ħajja; issaltan kullimkien il-paċi tal-Mulej. Il-Karmelu jfakkarna mingħajr ma rridu f’dan is-sliem iżda għandu ukoll tifkiriet oħra ta’ ħamba u demm. It-tifkira tal-battalja kbira spiritwali li kellu Elija għadha staġnata ma’ din l-għolja. Kien hawn li hu ġabar flimkien lil Iżraelin kollha biex iwiddibhom: “Kemm se ddumu titlajjaw min-naħa għal oħra? Jekk il-Mulej hu Alla, morru warajh.” Hawn Iżrael sama’ l-isfida tiegħu bi kliem jaħraq, bħal torċa taqbad. Iżda hawn huwa kien aktar mill-Profeta tax-xabla; hawn huwa kien ukoll l-ewwel wieħed f’sensiela twila ta’ dawk li kellhom iqimu ’l Alla fl-ispirtu u l-verità. Fi żmienu kienu ngħaqdu miegħu xi dixxipli li tgħallmu mingħandu s-sigriet profond tat-talb u l-għaqda tiegħu ma’ Alla. L-ispirtu doppju tiegħu għadda għand Elizew għall-iskola tal-Profeti. U hekk matul iż-żminijiet, ħajjet Elija ssoktat f’dawn l-eremiti li fittxew dejjem l-ispirazzjoni tagħhom f’dan il-mudell kbir. Meta ma’ l-Ewropa kollha kienet qiegħda tidwi l-għajta bellika tal-Kruċjati; ‘Alla jridha’, u huma telqu biex jieħdu mill-ġdid f’idejhom l-Artijiet Imqaddsa, il-Karmelu kien wieħed mill-ewwel imkejjen li ntrebħu lura. Hemm huma sabu l-fdalijiet tas-santwarji l-qodma u, kif jingħad, xi wħud mill-Kruċjati baqgħu hemm biex jirrestawraw il-ħajja antika. Fl-1177, Ġwann Phocas, reliġjuż Grieg, kiteb li wieħed mill-kruċjati tal-Punent, San Bertoldu, kien imwissi mill-qaddis Profeta biex jiġbor flimkien fuq il-għolja tal-Karmelu lil dawk li kienu qed igħixu hemm ta’ eremiti u jgħaqqadhom f’komunità. Dan ġara madwar is-sena 1155. Mela, il-Profeta għandu rabta ma’ l-Ordni Karmelitan sa mill-bidunett ta’ dan l-Ordni. Prova ta’ dan infittxuha mhux tant fl-istorja, daqs kemm fil-fatt li t-tifkira tiegħu u ħajtu ħallew it-timbru tagħhom matul iż-żmien kollu ta’ l-Ordni. L-influwenza ta’ Elija fuq il-ħajja reliġjuża kienet hekk kbira, li San Ġlormu jsejjaħlu; ‘missier l-eremiti u r-reliġjużi kollha’. Fl-ittra tiegħu lil Pawlinu (Ep.58; Ed.Migne, Pl.t.22, p.583), jagħmillu dan l-eloġju: “Noster princeps Elias, nostri duces, filii Prophetarum”. L-istess Kassjanu, fil-Collationes, iqiegħdu bħala l-mudell kbir tar-reliġjużi kollha. Dak li jgħid Phocas, kif semmejna qabel, isaħħu bix-xhieda tiegħu Ġakbu de Vitry, Isqof ta’ Jean d’Acre, magħruf sew mill-eremiti. F’kitba tiegħu tal-1221, igħid li ħafna mill-kruċjati baqgħu fil-Palestina minħabba d-devozzjoni tagħhom lejn dik l-Art Imqaddsa, jiġifieri biex joffru ħajjithom lil Alla fl-istess postijiet imqaddsa minnu. Jissokta jgħid li xi wħud minnhom, fuq l-ezempju tal-Profeta Elija, kienu jgħixu fl-egħrien tal-Karmelu ħdejn l-għajn tal-Profeta u l-knisja ta’ Santa Margerita. Forsi ma kinitx ħaġa providenzjali li l-ewwel reliġjużi ta’ l-Ordni Karmelitan, xhieda tal-ħajja ta’ Elija, jixorbu mill-ilma ħiereġ mill-għajn imsemmija għal dan il-Profeta? Hawn nistgħu nsemmu wkoll manuskritt antik li jġib l-isem ta’ ‘Institutio Primorum Monachorum’. Fih insibu l-eqdem tradizzjonijiet ta’ l-Ordni Karmelitan. Inkiteb aktarx fl-aħħar snin tas-seklu tlettax jew fil-bidu tas-seklu erbatax, wara l-emigrazzjoni tal-Karmelitani fil-Punent, għalkemm qabel kien meqjus ta’ data ferm aktar bikrija. Fih lista ta’ tradizzjonijiet wisq eqdem minn meta nkiteb. L-għan tiegħu kien biex iservi ta’ gwida definittiva u permanenti għar-reliġjużi. Fih naqraw li, it-tmexxija ta’ Elija mill-Ispirtu s-Santu u l-wegħdiet magħmula lilu, għandhom iservu bħala prinċipji fundamentali għall-ħajja ta’ l-eremiti tal-Karmelu. Il-ħajja reliġjuża tagħhom għadha titfassal fuq il-ħajja u l-esperjenza ta’ Elija. Trid tirrifletti l-ispirtu doppju tiegħu, il-ħajja attiva u l-eżerċizzju tal-virtù fil-ħidma individwali jew soċjali. Dan l-ispirtu doppju għandu tliet tifsiriet. L-ewwelnett ifisser is-sehem doppju li jiġi minn wirt il-missier, il-parti li tmiss ’l-iben il-kbir, sehem l-ulied privileġġjati. Il-Karmelitani huma l-ulied privileġġjati tal-kbir Profeta. Għaldaqstant jistennew minn għandu sehem iben il-kbir. Izda dawk biss li jkun fi ħsiebhom li jżommu t-tradizzjonijiet nobbli tal-familja jistgħu jippretendu dan is-sehem privileġġjat. Jekk aħna nippretendu l-ispirtu doppju tiegħu f’dan is-sens, għandna nkunu l-ewwel ulied tiegħu billi nimxu fuq il-passi tiegħu kemm jista’ jkun. Mod ieħor ta’ kif jitfisser dan l-ispirtu doppju, hu dak ta’ l-għaqda ta’ l-għaġeb bejn il-ħajja kontemplattiva u l-ħajja attiva li kien hemm fil-kbir Profeta. Huwa kien qabel kollox kontemplattiv kbir, iżda Alla sejjaħlu bosta drabi mill-kontemplazzjoni għall-ħajja attiva. Postu, fl-istorja ta’ Iżrael, huwa ta’ ħaddiem li ma jegħja qatt. ‘Abit autem inde in montem Carmeli’; huwa kien dejjem jerġa’ lura lejn is-solitudni tal-ħajja kontemplattiva. Għalhekk il-Karmelitani għandhom ikunu kontemplattivi. Mill-ħajja tagħhom attiva għandhom dejjem jerġgħu lura lejn dik kontemplattiva, bħala s-sehem akbar u aħjar tal-vokazzjoni tagħhom. Madankollu, nistgħu nitkellmu mill-ispirtu doppju ta’ Elija wkoll b’dan it-tielet mod. Huwa l-għaqda armonjuża bejn l-eżerċizzju uman tal-virtù u l-infużjoni divina tal-ħajja mistika, l-għaqda tal-‘via purgativa et illuminativa’ mal-‘via unitiva’. Huwa sewwa sew f’dan it-tielet sens li l-Ordni fil-qedem fehem dan l-ispirtu doppju ta’ Elija u dan huwa l-ispirtu doppju li għandna nitolbu lil Alla. L-Ordni tagħna għandu jkun mera ta’ dan l-ispirtu doppju: (i) l-eżerċizzju tal-virtù fil-ħidma kemm individwali u kemm soċjali, mibnija fuq il-ħajja ta’ talb u l-prattika kontinwa tal-meditazzjoni li tilħaq il-milja tagħha fil-kontemplazzjoni attiva jew talb sempliċi; u (ii) l-ispirtu l-ieħor, li mingħajr dubju hu ogħla, jiġifieri l-esperjenza mistika u reali ta’ Alla wkoll fuq din l-art. Hija għaqda tal-ħajja kontemplattiva u passiva, l-għaqda tal-ħidma umana u l-infużjoni tal-ħajja mistika minn Alla. It-tbatijiet u s-sagrifiċċji tagħna, ix-xogħol u l-eżerċizzju fit-talb u fil-virtù, Alla jpattihomlna bil-viżjoni beatifika ta’ mħabbtu u l-kobor tiegħu. Għalhekk nistgħu ngħidu li ħajjet Elija hi ġabra fil-qosor ta’ ħajjet l-Ordni. Iżda dlonk nistaqsu: ‘X’inhuma l-karatteristiċi ta’ din il-ħajja profetika?’ Tliet modi kif Elija għex il-ħajja ta’ talb Waqt li Elija kien qiegħed jittieħed minn fuq l-art f’karru tan-nar, Eliżew, id-dixxiplu fidil tiegħu, talbu li jħallilu bħala wirt l-ispirtu doppju tiegħu. Fil-mantell li tah u li bih għatta spallejh Eliżew kiseb il-wirt li talab. Il-mantell tal-Profeta kien għalih għelm ta’ sigurtà, u mill-mirakli li għamel b’dan il-mantell id-dixxipli fehmu li l-ispirtu ta’ Elija kien niżel f’Elizew. U bħalma Eliżew għex fl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, hekk ukoll id-dixxipli l-oħra tiegħu. Dan l-ispirtu hu dak stess li l-Ordni fittex dejjem li jissokta jnissel fil-membri tiegħu. Iqegħdilhom quddiemhom l-ideal ta’ l-ispirtu doppju bil-wegħda ta’ kuruna doppja. Kif wieħed igħix fil-prezenża ta’ Alla Liema grad ta’ kontemplazzjoni Elija laħaq fuq il-Ħoreb, hija kwistjoni akkademika. Xi wħud igħidu li hu ra ’l Alla wiċċ imb’wiċċ, kif nittamaw li aħna għad narawh fis-sema. Il-kittieba spiritwali kollha jqiegħdu lil Elija fost l-aqwa mistiċi. L-esperjenza tiegħu fuq il-Ħoreb kienet rifless ta’ dak li kellu jixhed għalih fuq it-Tabor, meta s-Salvatur inbidel u dehru flimkien miegħu Mosè u Elija fi glorja ta’ l-għaġeb. Il-kitba Mqaddsa tgħid li meta Mose’ niżel minn fuq is-Sinaj wara li tkellem ma’ Alla, wiċċu kien jiddi bi glorja ta’ dawl divin, hekk li l-Lhud beżgħu jħarsu lejh. L-istess ħaġa ma tingħadx minn Elija, iżda narawh ġej għand il-Lhud bħallikieku minn dinja oħra, mis-sema jlissen: Vivit Deus in cuius conspectu sto: “Ħaj hu l-Mulej u jiena nservi quddiemu.” Dan hu l-pedament tal-ħajja tiegħu ta’ talb. Li jgħixu fil-preżenza ta’ Alla, li jqiegħdu lilhom infushom wiċċ imb’wiċċ ma’ Alla, hija l-karatteristika li wlied il-Karmelu wirtu mingħand il-kbir Profeta: Conversatio nostra in coelis est, “Ħsiebna hu fis-sema’.” Elija ma tteħidx fis-sema, izda hawn f’din id-dinja kien igħix fis-sema u bil-qalb tajba tiegħu jieqaf quddiem it-tron ta’ Alla. “Alla jgħix, jien nieqaf quddiemu”; dan il-kliem ta’ l-Arkanġlu Rafel lil Tobija jfakkarna fi kliem Elija. Wara li Rafel ikkumpanja lil Tobija taħt l-isem ta’ Ażarija u ġiebu lura qawwi u sħiħ mill-vjaġġ, huwa wera ruħu b’anġlu ta’ Alla, “wieħed mis-seba’ anġli li qegħdin quddiem il-maestà tal-Mulej”. “Rajtuni intom”, issokta Rafel, “kif ma kilt xejn; kull ma’ rajtu kien viżjoni”. L-għajxien fil-presenża ta’ Alla huwa ta’ importanza wisq kbira fil-ħajja reliġjuża. M’hemmx għalfejn ngħidu li l-eżerċizzju ta’ din il-preżenza mhux xi ħaġa proprja u waħdanija ta’ l-Ordni Karmelitan. Huwa l-bażi ta’ kull ħajja spiritwali u, għalkemm jista’ jsir b’mod differenti, l-awturi spiritwali kollha jqisuh bħala element essenzjali fl-iżvilupp tal-ħajja reliġjuża. B’danakollu, fl-Ordni Karmelitan għandu post speċjali. Ta’ min ikun jaf li wieħed mill-kotba l-aktar magħrufa dwar l-eżerċizzju tal-preżenza ta’ Alla inkiteb minn wieħed li kien biss Fra (Ajk) Karmelitan tal-Provinċja ta’ Pariġi. Dan il-Fra twieled fl-1666 u miet ta’ ħamsa u għoxrin sena. Il-ktieb tiegħu huwa sempliċi, iżda ta’ importanza kbira. Fih erba’ djalogi u sittax-il ittra. Ġie ppublikat sena wara l-mewt ta’ l-awtur u f’qasir żmien maqlub bl-ingliż. Minn dak iż-żmien ’il hawn inqaleb kważi f’kull ilsien, saħansitra bl-Esperanto. Fi żminijietna stess iċ-ċkejkna Tereża tal-Bambin Ġesù u l-Wiċċ Imqaddes, hija eżempju kbir ta’ dan l-eżerċizzju tal-preżenza ta’ Alla. Kienet tipprattikah fid-devozzjoni tagħha lejn il-Wiċċ Imqaddes. Din id-devozzjoni kienet ukoll karatteristika ta’ Santa Tereża ta’ Avila. F’ħafna mill-knejjes antiki tagħna għadna naraw xi fdalijiet ta’ din id-devozzjoni Karmelitana lejn il-Wiċċ Imqaddes. Pittura tiegħu, imdawra b’testi apposta, tinsab f’nofs l-arkata tal-knejjes antiki ta’ Mainz u Frankfurt li tħares ’l isfel lejn il-kor, biex bħallikieku tfakkar lil dawk li jkunu jitolbu, li Alla hu dejjem iħares lejhom u li huma għandhom iħarsu ’l fuq lejn il-Wiċċ Imqaddes. Jekk Elija huwa l-mudell il-kbir tal-kontemplazzjoni, minqux fil-qalb tal-liġi antika, huwa wkoll axxetiku kbir. U f’din il-karatteristika nsibu t-tieni bażi tal-ħajja tiegħu ta’ talb. Hija l-imħabba għas-solitudni, lejn xiex huwa kien dejjem jerġa’ lura wara l-qadi ta’ xi missjoni minn Alla. Qabel ma Alla għanih b’kotra kbira ta’ grazzji talab minnu ċaħdiet kbar. “Il-kbir Profeta” igħid San Ġlormu, “dak li jħobb is-solitudni, ittieħed fid-deżert mill-ispirtu ta’ Alla”. Hemmhekk huwa seta’ jifhem kliem is-Salmista: Sedebit solitarius et tacebit et levabit se super se: “Joqggħod waħdu, siket u għola fuqu nnifsu”. It-tielet bażi tal-ħajja tiegħu ta’ talb nistgħu narawha fid-distakkament tiegħu mid-dinja. Jekk huwa ttella’ għand Alla, dan kien frott tas-sagrifiċċji tiegħu. Il-Mulej sejjaħlu mill-post fejn kien twieled u min-niesu. U bħall-Mulej huwa daq mill-imrar tal-ħajja solitarja. Alla pprova lill-qaddejja tiegħu b’ħafna modi diffiċli. Huwa talbu l-kooperazzjoni tiegħu, iżda fuq kollox ried minnu fidi soda u fiduċja sħiħa fil-Providenza ta’ Alla. Distakk mid-dinja permezz tal-mortifikazzjoni, astinenza u faqar Nistgħu ngħidu bil-ħaqq kollu li, il-ħajja ta’ kontemplazzjoni għolja tal-Profeta kienet mibnija mhux biss fuq l-eżerċizzju tal-virtujiet kollha, iżda li din il-prattika u eżerċizzju tat-talb u tal-virtù - virtù erojka - kienu jakkumpanjaw u jsegwu d-dehriet u l-grazzji mistiċi li kien ikollu. Dawn il-grazzji mistiċi huma rigal liberu ta’ Alla, iżda hu ma jagħtihomx mingħajr ma jitlob virtù kbira u erojka bħala dispożizzjoni u preparazzjoni min-naħa tal-bniedem. Għaqda liturgika u kontemplattiva tat-talb Fl-aħħar mill-aħħar it-talb huwa karatteristika ewlenija tal-kbir Profeta. Il-ħajja tiegħu hi mgħargħra fiha. Għaldaqstant San Ġakbu jgħallem li huwa l-mudell il-kbir tat-talb kontinwu. U naraw fit-talb ta’ Elija għaqda providenzjali tat-talb bil-kliem u liturġiku mat-talb tal-meditazzjoni u kontemplazzjoni - kontemplazzjoni fis-sens doppju tagħha, attiva u passiva. Nistgħu naraw fih mudell tat-talb liturġiku, għax il-kant ta’ tifħir lil Alla kien ħaġa importanti fl-iskola tal-Profeti. Il-kelma Profeta fil-Liġi l-Qadima kellha tifsira aktar wiesgħa milli kif nifhmuha llum. Kienet tfisser mhux biss dak li jħabbar, wieħed mogħni b’dan id-don speċjali mingħand Alla, izda wkoll tintuża għal min kien kanta għanjiet ta’ tifhir lil Alla flimkien ma ħaddieħor ġeneralment seba’ darbiet kuljum. Fi żmien aktar bikri ta’ l-istorja ta’ Iżrael, insibu li Sawl kien fost il-profeti mhux fis-sens li kellu d-don tal-profezija, iżda fis-sens li kien ingħaqad ma dawn il-gruppi magħrufa ta’ nies biex ikanta għanjiet ta’ tifħir lill-Mulej. Bil-maqlub, Elija kien profeta fil-veru sens tal-kelma. Huwa kellu l-iskola tiegħu u dixxipli mhux f’post wieħed biss, iżda f’diversi nħawi u wisq probabbli kien imexxihom fit-talb f’ħinijiet fissi. Għalhekk nistgħu ngħidu li t-talb liturgiku nafuh lil tradizzjoni antika ħafna, għalkemm huwa sekondarju għat-talb aktar profond tal-meditazzjoni u kontemplazzjoni. L-Ordni tagħna mhuwiex proprjament Ordni tat-talb liturġiku, bħalma hu fil-Lvant l-Ordni ta’ San Bażilju jew fil-Punent l-Ordni ta’ San Benedittu. B’danakollu t-talb liturġiku għandu post speċjali fir-rit tagħna u għandu jkollu dejjem post għoli fil-ħajja tagħna reliġjuża. Ir-Regula tordnalna li ninġabru lkoll fil-kor biex ngħidu l-Uffiċċju Divin flimkien, il-kommunità kollha, skond il-liturġija. Santa Tereża hekk kienet tħobb it-talb liturġiku li saħansitra kienet issieħbu b’ħafna ħsibijiet qaddisa. Għalhekk f’ċertu sens kienet tagħmlu talb kontemplattiv, talb ta’ kontemplazzjoni attiva. L-influwenza u l-ġibda lejn il-ħajja liturġika Karmelitana, ħajja sempliċi u devota, minn dejjem kienu kbar. Diversi kunventi fl-Ewropa twaqqfu għal din ir-raġuni. Il-ħajja kontemplattiva fid-deżert tikber permezz ta’ l-Ewkarisatija Hija karatteristika partikulari tal-ħajja spiritwali Karmelitana li tqis il-ħajja spiritwali bħal xi ħaġa li tikber. Fuq hekk il-ħajja tal-Profeta tagħtina lezzjoni oħra importanti. Bħall-ħajja naturali, dik spiritwali għandha bżonn ta’ l-ikel. L-Iskrittura tirrakkontalna kif Elija, bis-saħħa ta’ l-ikel mistiku miġjub lilu mill-anġlu, mexa għal erbgħin jum u erbgħin lejl sal-muntanja Ħoreb. Hawn hu seta’ jara ’l Alla. Il-ħajja tagħna spiritwali u l-ħajja mistika jixxenqu għall-ikel imqaddes mogħti lilna minn Alla fis-Sagrament ta’ l-Artal. Fl-iskola tal-Karmelu, il-ħajja mistika kontemplattiva hija frott ta’ l-Ewkaristija. Għax is-Sagrament Imqaddes ta’ l-Artal, l-għajn tal-ħajja tagħna ta’ talb, huwa sinjal tipiku tal-ħajja ta’ Elija. Il-ħobż mirakuluż li kien jingħatalu huwa xempju perfett ta’ dak l-ikel Ewkaristiku li bil-qawwa tiegħu aħna nimxu ’l quddiem fil-ħajja ta’ din l-art. Il-qima speċjali lejn l-Ewkaristija mhix xi ħaga tal-Karmelu biss, iżda nistgħu ngħidu li dejjem kellha parti importanti u kontinwa fit-Tradizzjoni Karmelitana. Il-knejjes tal-kunventi ta’ l-Ordni tagħna kienu bosta drabi ċentri ta’ qima lejn l-Ewkaristija. Santa Marija Maddalena de’ Pazzi daħlet soru Karmelitana f’Firenze għaliex dawk is-sorijiet kienu jitqarbnu kuljum, ħaġa mhux komuni fi żmienha. L-ikbar ferħ ta’ Santa Tereża kien ikun meta tinfetaħ xi knisja jew kappella ġdida għax kienet tqisha bħala l-post fejn igħammar il-Mulej. Ir-Regula Karmelitana tamar lill-membri ta’ kull kunvent li jisimgħu l-quddies kuljum u li l-kappella tkun mibnija f’nofs il-kunvent biex tkun tista’ tintlaħaq f’kull ħin; ukoll li l-Uffiċċju Divin jingħad quddiem Ġesù Sagramentat. Bħala Ordni mendikanti, il-knejjes u l-kunventi tagħna għandhom ikunu bla lussu u sempliċi fl-arkitettura iżda għal dak li hu faqar fit-tiżjin ta’ dawn il-knejjes u l-altari tagħhom ma nsibu l-ebda kmand bil-miktub. Mhux bħal Ordnijiet Mendikanti oħra, ngħidu aħna l-Kappuċċini, li r-regola tagħhom trid li jkun hemm sens ta’ faqar ukoll fil-knejjes tagħhom. Din hi fil-qosor it-Tradizzjoni Karmelitana dwar l-Ewkaristija. Flimkien ma’ Elija nimxu ’l quddiem bil-qawwa ta’ dak il-ħobż tas-sema u, billi permezz tat-talb aħna nersqu lejn Alla, għandna nżommu quddiem għajnejna kliem il-Mulej; “Jekk ma tiklux minn Ġisem Bin il-Bniedem u ma tixorbux Demmu, ma jistax ikollkom il-ħajja fikom”. Bħalma l-ikel mirakoluż li kiel fid-deżert, wassal lil Elija sa fuq il-Ħoreb biex jikkontempla ’l Alla, hekk ukoll l-Ewkaristija Mqaddsa twassalna għall-kontemplazzjoni tal-Wiċċ Imqaddes tiegħu. Fl-egħrien tal-Ħoreb Alla kellem lil Profeta permezz ta’ żiffa ħelwa. Il-Mulej ma kienx fit-tempesta jew fit-theżżiża ta’ l-art, iżda fiż-żiffa ħelwa. Għalhekk wara li nitqarbnu, meta jkollna ġo fina l-ispeċi Ewkaristiċi, għandna ninġabru fina nfusna u naħsbu. Dak huwa l-waqt meta Alla jkun għaddej. Id-dehra ta’ Omm Alla hija l-bażi tal-ħajja Karmelitana ta’ talb Id-dehra li kellu Elija fuq il-Karmelu hija importanti ħafna għalina. Din id-dehra hija l-bażi tal-karattru Marjan tal-ħajja spiritwali Karmelitana. Kien fuq il-quċċata tal-Karmelu li l-Profeta, wara li talab għal seba’ darbiet, lemaħ sħaba żgħira—awgurju tax-xita li kellha tinżel fuq l-art mejta bil-għatx. M’hemmx ħtieġa ta’ tifsira ġenwina ta’ din id-dehra. Ħafna kummentaturi tal-Kotba Mqaddsa raw fiha l-ewwel mudell tal-Verġni Mqaddsa li kellha ġġib fi ħdanha ’l-Feddej tad-dinja. Mhux l-ewwel darba li sħaba intużat bħala simbolu ta’ xi ħaġa oħra. Fid-deżert is-sħaba li kienet tgħatti l-Arka tal-Patt kienet sinjal tal-preżenza ta’ Alla fuq l-art u l-għamara tiegħu fost il-bnedmin. Miċ-ċirkostanzi li fihom il-Profeta, wara li talab għal seba’ darbiet, lemaħ is-sħaba tielgħa mill-baħar, nistgħu ngħidu li jekk wieħed jara f’dik is-sħaba l-prototip ta’ Omm Alla, sinjal tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, ikun jaqbel għal kollox mal-karattru tipiku tal-patt il-Qadim. Aktar u aktar, ladarba l-Iskrittura Mqaddsa ssemmi sewwa sew din id-dehra fil-ħajja ta’ profeta li kien mgħolli fi grad hekk kbir ta’ kontemplazzjoni. Hi liema hi t-tifsira vera, zgur li fl-Ordni Karmelitan din id-dehra li kellu Elija tqieset minn dejjem bħala l-ewwel mudell jew prototip tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u l-kawża remota tad-devozzjoni Marjana tal-Karmelu. Hekk wieħed jista’ jħoll il-problema kollha dwar il-prinċipju li fuqu hija mibnija l-ħajja Karmelitana ta’ talb. Skond it-tradizzjoni Karmelitana, kien minħabba f’dan it-twemmin li l-ewwel knisja mibnija fuq l-għolja tal-Karmelu, f’nofs iċ-ċelel ta’ l-eremiti,kienet iddedikata lill-Madonna. Fil-wirt ta’ l-Ordni u fl-iskola tal-Karmelu, din id-dehra hija ta’ importanza kbira u dejjem tqieset bħala x-xbieha favorita tal-Karmelitan. Biżżejjed naqraw l-Uffiċċju tas-Sigħat tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu biex nifhmu kemm hija importanti din id-dehra għall-ħajja spiritwali Karmelitana. Banda oħra għad nitkellmu aktar fit-tul dwar il-karattru Marjan tal-ħajja spiritwali Karmelitana. Armonija bejn it-talb intellettwali u affettiv, mezz tajjeb Fl-aħħarnett, ma nistgħux ma narawx ir-relazzjoni providenzjali bejn iż-żewġ dehriet li kellu l-Profeta fuq il-Karmelu u fuq il-Ħoreb. It-tnejn għandhom rabta sħiħa bejniethom. L-aħħar waħda hija l-milja ta’ l-oħra u timla l-vojt ta’ l-ewwel waħda. Fil-waqt li nammiraw lil Elija fil-kobor tal-kontemplazzjoni fuq l-għolja tal-Karmelu, ma rridux ninsew li huwa kien bniedem u, bħala tali, il-mudell ta’ kull wieħed minna. Huwa talab u niżżel in-nar fuq il-Karmelu u x-xita fuq l-art għatxana. B’danakollu Ġeżabel, stinata fil-ħajja ħażina tagħha, żammet lil Aħab u ’l-poplu tiegħu taħt is-setgħa tagħha. Kellha qawwa kbira u kilba kbira li tivvendika ruħha. U Elija, imbażża’ u qalbu maqtugħa, hekk fetaħ qalbu muġugħa ma’ Alla; ‘Issa biżżejjed. Mulej ħudli ’l ħajti’. Minn din il-ġrajja nistgħu nifhmu ferm aktar l-importanza kbira tad-dehra ta’ Alla lil Elija fuq il-Ħoreb. Ta’ min jinnota li d-dehra ta’ Elija fuq il-Karmelu kienet bħal dawl li jdawwal il-moħħ, rivelazzjoni intellettwali, ir-rivelazzjoni ta’ misteru - il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni. Huwa minnu li f’din id-dehra ma tonqosx ċerta affezzjoni jew ġibda ta’ volontà, għaliex naraw li l-Profeta, imqanqal minn din ir-rieda, iħossu mġiegħel imur quddiem Aħab fil-belt kapitali tas-Samarija. Iżda din il-ġibda, dan il-qawmien tar-rieda, huwa ta’ importanza żgħira f’din id-dehra. Fuq kollox, hija r-rivelazzjoni ta’ misteru. Imma fid-dehra li kellu fuq il-Ħoreb, il-Profeta ħass l-ispirtu ta’ Alla. L-ewwel dehra kienet fil-veru sens tal-kelma intellettwali, it-tieni l-istess nifs ta’ Alla. Għalhekk din timla l-vojt u tagħmel sħiħa lil dik. Wara l-ewwel dehra, għalkemm imdawwal mis-sema, il-Profeta kien għadu suġġett għad-debbolizza umana u qtigħ il-qalb, hekk li talab li jmut. Bil-maqlub, fit-tieni dehra narawh qawwi, imfarraġ u kalm. Intennu li hemm rabta sħiħa bejn dawn iz-zewg dehriet. Hekk ukoll fl-iskola Karmelitana tinsab armonija bejn l-illuminazzjoni tal-moħħ u l-imħabba affettiva tal-qalb. Filwaqt li l-iskejjel ta San Bernard u San Franġisk huma skejjel ta’ mħabba, imħabba serafika, u d-Dumnikana hija skola intellettwali, l-iskola Karmelitana għandha bħala għan fejjiedi l-armonija bejn it-tnejn. Bla dubju ta’ xejn, dawk li jgħixu fil-Karmelu għandhom tikber fihom għallinqas xrara mill-fjamma ta’ mħabba u żelu li kienet tħeġġeġ fil-Profeta. In-nar huwa l-espressjoni l-aktar simbolika ta’ l-imħabba; ‘Ġejt biex inxerred in-nar fuq l-art’. Kien nar bħal dan li ħataf lil Elija meta, skond ix-xhieda ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, ittieħed fis-sema f’karru tan-nar. Imkebbes kollu kemm hu f’dik il-fjamma serafika, huwa ttieħed mill-art. Il-Karmelu għandu dejjem iħoss il-ħeġġa tal-fundatur tiegħu. Hija s-sinjal tad-dixxipli fidili ta’ Elija. Insibuha tħeġġeġ fil-Qaddisin Karmelitani kollha, u b’mod speċjali fir-ruħ tas-serafika Santa Tereża ta’ Avila. Il-fjamma bla vampa li kienu jaqbdu fir-ruħ ta’ ‘din il-bint kuraġġuża tax-xewqat’, huma l-ikbar xhieda Karmelitana ta’ l-ispirtu ta’ Elija li kienet mimlija bih. F’dawn l-erwieħ kbar naraw jitwettaq tabilħaqq dak il-kliem li nsibu madwar l-arma ta’ l-Ordni; ‘Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej Alla ta’ l-eżerċti’. Iżda l-iskola Karmelitana twissina, permezz ta’ dawn il-figuri kbar u tal-Profeta Elija, li m’għandna ninsew qatt kemm hija importanti l-bazi intellettwali tal-ħajja kontemplattiva; id-dawl tal-mohh u l-eżerċizzju tal-fakultajiet mentali kollha. Permezz tal-meditazzjoni u l-kontemplazzjoni immaġinattiva u intellettwali, aħna nilħqu l-imħabba affettiva li tkebbisna u tħeġġiġna. Id-Duttur Mistiku wkoll jitkellem mill-ħtieġa tal-meditazzjoni immaġinattiva u intellettwali, għaliex ma jistax ikun li ngħixu dejjem il-ħajja għolja mistika. Minn naħa tagħha Santa Tereża, waqt li tinsisti fuq l-imħabba affettiva, tgħallem lis-sorijiet tagħha l-metodu tal-viżjoni u meditazzjoni immaġinattiva u intellettwali. Xtaqna ngħidu wkoll xi ħaġa fuq il-karattru appostoliku fil-ħajja tal-kbir Profeta, iżda l-qagħda tiegħu fil-Patt il-Qadim hija ċara biżżejjed biex turina b’liema żelu appostoliku kien immexxi. Minħabba f’dan l-ispirtu tiegħu l-ħajja Karmelitana kienet ukoll minn dejjem appostolika. Naraw fi ktejjeb ieħor dan il-karattru appostoliku fil-ħajja spiritwali Karmelitana. Qed insemmu dan l-appostolat hawn, biex nuru li wkoll f’din il-għamla ta’ ħajja hajjet il-Profeta tal-Karmelu kienet tħajjar u tħeġġeġ saħansitra għall-ogħla ideal anki fil-qasam ta’ l-appostolat. Il-warda ħamra nar imxebilka mal-Karmelu, fiġura ta’ Elija Fl-aħħarnett, jogħġobna nqisu lill-Profeta Elija u lil dawk kollha li jimxu fuq il-passi tiegħu bħala ward aħmar fil-ġnien tal-Karmelu, imxeblek (sinjal ta’ l-ezerċizzju tal-virtù) ma’ l-egħrien u ċ-ċelel tal-għolja tal-Karmelu. Nistħajlu mbagħad lil dan il-ward imdawwar sfiq b’kuruna tan-nar. Il-ward aħmar huwa simbolu ta’ l-imħabba li kienet tħaġġeġ f’Elija u fid-dixxipli tiegħu. Din l-imħabba hija l-karatteristika li l-aktar tispikka fil-ħajja tagħhom; hija n-nar li bih, bħall-Profeta u Santa Tereża ta’ Avila, id-dixxipli jsiru serafini. Iva, għażilna b’simbolu l-warda, il-warda ħamra nar, li tixxeblek. Irridu nistħajluha tixxeblek mal-għolja kollha u tkebbisha bin-nar. L-aħħar warda li, f’dawn id-diskorsi ser niġbru minn ġnien il-Karmelu mhix ħlief dik li fetħet fi żminijietna, imxebilka hija wkoll mal-għolja tal-Karmelu. Hija ‘l-Fjura ċ-Ċkejkna’ (Santa Tereża tal-Bambin Gesù) li, filwaqt li xerrdet il-weraq tagħha ma’ kullimkien, żviluppat fil-milja tiegħu s-simbolu tal-warda l-ħamra. Jalla intom ukoll tkunu bħal ward aħmar li jixxeblek mal-Karmelu, imħaġġa bin-nar ta’ mħabba bħall-mudell il-kbir tagħna Elija, u bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù tferrxu l-weraq tal-ward virtuz tagħkom fuq dawk kollha li jgħixu magħkom. |