Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


2. L-EREMITI TAL-KARMELU

mill-Beatu Titu Brandsma, O.Carm.

Fil-qosor:
Kruċjati Karmelitani
Dispożizzjonijiet għall-ħajja kontemplattiva: solitudni u distakkament
Il-ħtieġa tal-ħajja attiva
L-ideal Karmelitan u l-ideal Dumnikan
Diffiċli li tiġbed sinjal
L-appostolat tal-ħajja kontemplattiva
Il-ġibda għall-ħajja mistika karatteristika tal-Karmelu
L-għan doppju tal-ħajja kontemplattiva: axxetika u mistika
Għaqda bejn l-‘Oratio Infusa’ u ‘Acquisita’: teorija moderata li kisbet suċċess
Triq waħda għal kulħadd: virtujiet karatteristiċi
Safà
Ġabra
Armi spiritwali
Il-Karmelitani naħal bieżel

Kruċjati Karmelitani

Phocas, reliġjuż Grieg, fir-rakkont tal-pellegrinaġġ tiegħu fl-Art Imqaddsa, igħid li San Bertoldu, ‘reliġjuż mimli bil-għomor u mogħni b’dinjità saċerdotali kien mar fuq l-Għolja tal-Karmelu fl-1155, bena hemm kappella żgħira u ġabar miegħu għaxra min-nies’. Iżda ma tahomx Regula, għax ma riedx imur kontra d-drawwiet ta’ l-eremiti, li għalihom il-qawwa ta’ liġi mhux miktuba. Mhux ħaġa ħafifa li wieħed jaqta’ fil-laħam il-ħaj fiex kienu jikkonsistu dawk id-drawwiet. B’danakollu nistgħu nilmħu xaqq ta’ dawl f’żewġ dokumenti li żgur jinkluduhom. L-ewwel wieħed huwa r-Regula, miktuba ħamsin sena wara, mill-Patrijarka ta’ Ġerusalemm San Albert u mogħtija lil San Brokardu, is-suċċessur ta’ San Bertoldu. Tibda biex tgħid, li hija mibnija fuq sisien li kienu diġà jeżistu u li l-għan tagħha kien li tniżżel bil-miktub drawwiet ta’ għajxien imħarsa minn żmien twil qabel mill-eremiti. It-tieni dokument huwa dak li semmejna fl-ewwel ktejjeb, jiġifieri l-Institutio Primorum Monachorum. Jiġbor fih fil-qosor l-ispirtu u l-prinċipji li fuqhom kienu jimxu l-eremiti. Dan id-dokument mhuwiex inqas importanti mill-ieħor, għalkemm miktub fis-seklu XIII.

Dispożizzjonijiet għall-ħajja kontemplattiva: solitudni u distakkament

Fiż-żewġ dokumenti li semmejna hemm xebħ kbir li jagħti fil-għajn. Jaqblu ferm fl-ispirtu u fil-punti li fuqhom jagħmlu enfasi. It-tnejn iqisu t-talb bħala l-element essenzjali tal-ħajja Karmelitana u t-tnejn jitolbu l-istess ħwejjeġ għall-ħarsien ta’ din il-ħajja. L-ideal li huma jqiegħdu quddiem l-ewwel eremiti huwa dak tas-solitudni u tad-distakk mid-dinja, u jqegħduh bħala kundizzjoni u difiża tal-ħajja ta’ talb. L-imkejjen fejn igħixu għandhom ikunu mwarrbin mill-ħajja storbjuża tad-dinja. Huma rrikmandati dawn l-imkejjen għax huma wisq addattati għall-ħajja ta’ ġabra, iżda d-distakk mid-dinja jista’ wkoll jintlaħaq f’imkejjen oħra mhux għal kollox imwarrbin mid-dinja.

Ir-Regula tagħmilha ċara li l-kunvent għandu jkun dejjem kunvent u b’tali mod li jiggarantixxi atmosfera ta’ paċi u kwiet biex ir-ruħ tkun tista’ tikkomunika ma’ Alla. Kull wieħed għandu jkollu ċella għalih, li r-Regula tqisha bħala s-santwarju partikulari ta’ kull individwu u li fiha l-oħrajn ma jistgħux jidħlu ħlief għal xi raġuni gravi. Iċ-ċella hija meqjusa bħala l-post tad-devozzjoni personali u tat-talb intimu tar-reliġjuż.

L-istess il-Kostituzzjonijiet ta’ l-Ordni mfasslin minn żmien għal żmien; kollha jisħqu li ċ-ċella għandha tkun is-santwarju ta’ kull reliġjuż individwali. Santa Marija Maddalena de` Pazzi kellha d-drawwa li tbus ħitan iċ-ċella tagħha filwaqt li ttenni l-kliem li, kif igħidu, huwa ta’ San Bernard: “O beata solitude, O sola beatitude; O mbierka solitudni, O beatitudni waħdanija”.

Fil-kunventi Karmelitani m’hemmx dormitorji komuni u x-xogħol ma jsirx flimkien ma’ l-oħrajn meta wieħed jista’ jagħmlu waħdu. Fejn il-ħtieġa titlob mod ieħor, hemm imkejjen apposta għal xogħol mhux individwali, iżda r-Regula tinsisti li xogħol bħal dan għandu jsir fis-skiet. Ma jonqsux postijiet fejn tiġi osservata l-ħajja komunitarja, bħalma huma r-refetorju u l-kamra tar-rikreazzjoni. Iżda, għajr dawn l-eċċezzjonijiet, kull reliġjuż għandu jfittex kemm jista’ li jgħix il-ħajja Karmelitana fiċ-ċella għalih waħdu.

Skond l-ispirtu Karmelitan, min irid jikseb il-qdusija u jingħaqad aktar mill-qrib ma’ Alla, għandu jħobb is-solitudni u jinqata’ mid-dinja. Hija karatteristika ta’ dan l-Ordni li, għalkemm huwa wieħed mill-Ordnijiet Mendikanti u l-membri tiegħu jgħixu qalb in-nies u fosthom iwettqu ħidmiethom, b’danakollu qalbu hija marbuta bl-akbar imħabba mas-solitudni u l-kontemplazzjoni bħala l-aħjar sehem tal-ħajja spiritwali tiegħu.

Il-ħtieġa tal-ħajja attiva

L-Ordni Karmelitan mhuwiex biss kontemplattiv; il-ħajja attiva ta’ l-appostolat mhijiex barranija għall-ispirtu tiegħu. Fil-fatt hemm waqtiet meta s-saċerdoti Karmelitani jridu jokkupaw ruħhom fil-ħajja attiva tal-knisja, meta huma jkollhom iħallu ’l Alla għal Alla. Din hi ħaġa minn ewl id-dinja ladarba l-Karmelu rnexxielu jikseb l-istat ta’ Ordni Mendikant. Minn dak in-nhar ‘il quddiem ħajtu kellha tkun imħallta. Jagħraf dan fil-beraħ sa l-eħrex difensur tal-ħajja kontemplattiva tal-Karmelu, il-Ġeneral Nikola Gallo, is-suċċessur ta’ San Xmun Stock. Fil-ktieb tiegħu ‘Ignea Sagitta’, igħid bla tlaqliq li mhux biss fi żmienu (madwar is-sena 1275) imma wkoll qabel, meta kienu jitolbu hekk iċ-ċirkustanzi, l-eremiti tal-Karmelu kienu jħallu ċ-ċelel u saħansitra l-kunventi tagħhom u jinżlu minn fuq il-Karmelu biex jagħtu ruħhom għall-appostolat attiv. Madankollu, ma nistgħux ma ngħidux ukoll li ħaġa bħal din kienet eċċezzjoni, għax ir-Regula tamar li; ‘Kull wieħed (mir-reliġjużi) għandu joqgħod fiċ-ċella jew qribha, lejl u nhar jaħseb fuq il-ligi tal-Mulej u jishar fit-talb, jekk ma jkunx meħdi fi ħwejjeġ oħra ta’ siwi; Maneant singuli in cellulis suis vel iuxta eas, die ac nocte in lege Domini meditantes, vel in orationibus vigilantes, nisi aliis occasionibus occupentur’.

L-ideal Karmelitan u l-ideal Dumnikan

Fil-ħajja mistika, l-ideal tal-Karmelu jidher bħallikieku kuntrarju għal dak Dumnikan ta’ ‘Contemplata aliis tradere’. Dan, fil-fehma ta’ San Tumas, huwa l-ogħla ideal tal-ħajja spiritwali, jiġifieri li tagħti lill-oħrajn il-frott tal-kontemplazzjoni permezz ta’ ħajja attiva. Le, m’għandniex inħarsu lejn dawn iż-żewġ ideali bħallikieku kuntrarju ta’ xulxin. Bil-maqlub għandna nħarsu lejhom bħala żewġ toroq differenti li t-tnejn iwasslu għand Alla u mit-tnejn l-insara jiksbu kotra kbira ta’ grazzji. Dawn l-ideali reliġjużi differenti juruna aktar biċ-ċar il-pluralità u l-varjetà tal-ħajja spiritwali fil-Knisja.

‘Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex’ (Lq 10,42), qal il-Mulej lil Marta. Din kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar u lmintat ma’ Ġesù li oħtha, Marija, kienet ħalliet ix-xogħol kollu fuqha biss. Kliem Ġesù tapplikah il-Knisja Mqaddsa lil Ommu Marija. U min-naħa tiegħu l-Ordni Karmelitan, wisq għażiż għal din Ommu tas-sema, japplika lilu nnifsu sehem Marija fil-ħajja spiritwali tal-Knisja.

Nistgħu ngħidu fis-sewwa li l-Ordnijiet Kontemplattivi dejjem sabu bsaten fir-roti u kellhom iħabbtu wiċċhom ma xkiel l-aktar kbir fil-ħajja tagħhom ta’ talb. B’danakollu l-Karmelu dejjem wera ruħu minn ta’ quddiem nett fit-twemmin tiegħu li l-kontemplazzjoni tisboq lill-ħajja attiva. Huwa fatt li, kważi fiċ-ċirkostanzi kollha tal-ħajja moderna ta’ żmienna, l-appostolat attiv jistenna ħafna mill-Karmelu. Allura s-saċerdoti ta’ dan l-Ordni ma jistgħux jeħilsu minn dan l-impenn u ma jaddottawx minn qalbhom il-motto tar-reliġjużi Dumnikani. B’danakollu huma għandhom ifanndu egħruq din ħidmithom fit-tira tal-kontemplazzjoni, li għalihom hija l-għajn waħdanija u r-rahan waħdieni tal-frott tagħhom. Meta l-appostolat attiv huwa meħtieġ, il-Karmelu jħossu onorat u mbierek fit-twettiq tiegħu, iżda r-reliġjużi ta’ dan l-Ordni m’għandhom qatt jinsew li l-aħjar sehem huwa l-kontemplazzjoni; il-ħajja attiva għandha dejjem tieħu t-tieni post.

L-ewwel eremiti tal-Karmelu ħabbew is-solitudni. Wara l-ħsejjes li jtarrxu u l-istorbju tat-taqbida li fiha hadu sehem, huma ħallew id-dinja u fittxew kwiet il-egħrien tal-Karmelu, biex minn dak in-nhar ’il quddiem jingħataw għal kollox ’l Alla. Bħal Elija huma ġarrbu l-periklu tad-deżert u ttamaw li jsibu ’l Alla fuq l-Għolja Mqaddsa. B’danakollu, għal ftit minnufih insibuhom jitferrxu mad-dinja kollha, iwaqqfu kunventi u jagħtu ruħhom għall-appostolat. Nikola Gallo ma jgħallatx meta jgħid li dan l-appostolat kienu jagħmluh darba fill, iżda fil-fatt il-bżonn ġegħelhom jagħmluh u ma kinux iqisuh bħala kuntrarju għar-Regula.

Diffiċli li tiġbed sinjal

Mhux la kemm tgħid meta hemm il-ħtieġa ta’ dan l-appostolat. Ir-Regula tillimitah għal ħidma xierqa; ‘justa occupatio’; din hi r-raġuni li tagħtina biex wieħed ikun jista’ jħalli l-ħajja ta’ solitudni għal xi ħin. Kien hemm żmien, l-aktar fl-ewwel sekli tat-twaqqif ta’ l-Ordni fil-Punent, meta ħtiġiet urġenti tal-Knisja ġew ittraskurati minħabba l-ideal tal-kontemplazzjoni. Drabi oħra l-ispirtu tal-kontemplazzjoni intilef f’attività esaġerata. Il-problema ta’ kif tlaqqa’ flimkien iż-żewġ għamliet ta’ ħajja sabitu bi tqil sa l-istess Santa Tereża. Fir-Riforma li għamlet rat li ma kinitx ħaġa ħafifa li taqta’ sinjal bejn it-tnejn. Jekk niġu mbagħad għal San Ġwann tas-Salib, dan kien sikwit iħalli ċ-ċella tiegħu biex imur jippriedka l-Vanġelu lill-foqra fl-ispirtu. U fil-bidunett tar-Riforma nsibu l-biċċa l-kbira tal-Karmelitani Skalzi hekk imqanqlin mill-urġenza ta’ ħidma missjunarja li xi wħud minnhom intbagħtu biex iwaqqffu kunventi f’artijiet tal-missjoni fejn il-ħajja kontemplattiva ma setgħetx tkun osservata. Lil dawk li kienu kuntrarji għal dan ix-xogħol, hekk tgħidilhom Santa Tereża fil-Ktieb tal-Fundazzjonijiet; ‘Xi wħud jistgħu jgħidu li fis-solitudni hemm inqas okkazjoni li wieħed joffendi ’l Alla u jgħix b’inqas xkiel ħajja ta’ safa. Izda, meta l-ubbidjenza jew il-karità jġegħluna nieħdu dan ir-riskju, l-imħabba toħroġ aktar fid-dieher minn meta hija mgħabbra fis-solitudni… Emmnuni il-qliegħ ikun wisq akbar u bla paragun, ukoll jekk stess inżidu fin-nuqqasijiet u nġarrbu xi telf żgħir’ (St Teresa, Foundations, chap. V; Pourrat, 178).

L-appostolat tal-ħajja kontemplattiva

Il-punt ewlieni li wieħed irid iżomm f’moħħu hu, li l-iskola tal-Karmelu, filwaqt li għandha l-ikbar stima tal-kura ta’ l-erwieħ fid-dinja, ma tista’ tittraskura qatt is-sejħa ogħla tagħha. Elija ġie msejjah għall-ħajja ta’ talb waqt li kien mehdi f’ħajja attiva għall-aħħar. B’danakollu huwa wieħed mill-aqwa Profeti tat-Testment il-Qadim. Minn ħajtu naraw li t-talb kien is-sigriet waħdieni tal-ħajja tiegħu. Għalhekk ir-reliġjuż Karmelitan għandu jsib fit-talb tal-kontemplazzjoni l-qawwa ta’ l-appostolat attiv. Ir-ruħ kontemplattiva għandha ċerta infuwenza fl-appostolat. Fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, kif għad naraw aħjar fl-aħħar diskors, it-talb u s-sagrifiċċji ta’ l-erwieħ kontemplattivi għandhom valur kbir. Għalhekk il-ħajja kontemplattiva m’hi bl-ebda mod kuntrarja għall-ħajja attiva. L-ewwel wahda tirfed u ssaħaħ sewwa ’l-oħra. Il-ħajja mistika hija fil-veru sens tal-kelma appostolika. Għalkemm mhux attiva, l-influwenza tagħha ma tistax tkun akbar. Santa Tereża ta’ Avila, Santa Marija Maddalena de’ Pazzi u aktar u aktar iċ-ċkejkna qaddisa ta’ Lisieux, Santa Tereża, juruna tabilħaqq x’valur għandu l-appostolat tat-talb. Ħafna monasteri Karmelitani huma meqjusin bħala ċentri ta’ ħidma missjunarja mhux minħabba fix-xogħol li jagħmlu, iżda minħabba l-ħajja kontemplattiva tagħhom.

Il-ġibda għall-ħajja mistika karatteristika tal-Karmelu

Ta’ min josserva li, sa mill-ewwel seklu tat-twaqqif tiegħu fil-Punent, insibu fl-Ordni Karmelitan, il-ħajja mistika abbozzata tajjeb ħafna bħala distintiv tiegħu. Hekk il-Karmelu jieħu sewwa sew postu fil-Knisja. Forsi f’din il-kariżma li rċieva l-Ordni tal-ħajja mistika nilmħu dikjarazzjoni għas-sejħa tiegħu. Huwa privileġġ ta’ l-Ordni li jweġġaħ lill-kbir Profeta tat-Testment il-Qadim bħala l-mudell u x-xempju tiegħu u jqis lil ħajtu bħala espressjoni tal-ħajja mħaddna mill-iskola tal-Karmelu. Fuq dan il-mudell il-Karmelu waqqaf l-iskola tiegħu li tara fil-kontemplazzjoni l-ogħla ideal. Santa Tereża ta’ Avila tikteb: ‘Lkoll kemm aħna li nġibu fuqna l-libsa mqaddsa ta’ l-Għolja tal-Karmelu, aħna msejħin għat-talb u l-kontemplazzjoni. Hemm, fuq dik l-għolja, kellu bidu l-ewwel kunvent tagħna. Aħna ġejjin mir-rażża tal-Missirijiet qaddisa ta’ dik l-Għolja li fittxew it-teżor jew il-ġawhra prezzjuża li minnha qegħdin nitkellmu (il-ħajja mistika), fis-solitudni l-aktar profonda u fiċ-ċahda totali mid-dinja. B’danakollu, nagħmilhielkom ċara li ftit li xejn huma dawk fostna li jħejju biex il-Feddej jurihom il-ġmiel ta’ dik il-ħajja’ (Il-Kastell Interjuri, Mansjoni V, kap I).

Il-Mater Spiritualium u d-Doctor Mysticus, jiġifieri Santa Tereża u San Ġwann tas-Salib rispettivament, huma s-surmastrijiet il-kbar tal-ħajja spiritwali ta’ din l-iskola. Huma l-mudelli l-kbar tal-ħajja mistika Karmelitana, u l-aktar magħrufa. Iżda barra minn dawn iż-żewġ persunaġġi kbar u prominenti, hemm għadd hekk kbir ta’ kittieba mistiċi, irġiel u nisa, li l-Karmelu huwa meqjus minn ta’ quddiemnett fost il-kittieba u l-mexxejja tal-ħajja spiritwali. L-istorja antika ta’ l-Ordni turina li din l-għażla speċjali tagħna għall-ħajja mistika kienet teżiesti sa mill-bidu tat-twaqqif tagħna u baqgħet bla waqfien fl-ideal ta’ l-Ordni wisq qabel ma’ Santa Tereża u San Ġwann tas-Salib wettqu r-Riforma li tat hekk prominenza lill-ħajja kontemplattiva.

L-għan doppju tal-ħajja kontemplattiva: axxetika u mistika

F’din l-iskola l-ħajja, li fis-sewwa tissejjah mistika, hija don għal kollox ta’ Alla. B’dana kollu hija mistqarra bħala l-għan tal-ħajja Karmelitana u bħala l-glorja li biha Alla jinkuruna ħajjitna f’din l-art. Għalhekk l-ispiritwalità Karmelitana trid timpenja ruħha biex toħloq fir-reliġjużi d-dispozizzjonijiet mitluba mill-koeżistenza ta’ dan id-don Divin. Iżda xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-ebda dispożizzjoni, perfetta kemm hi perfetta ma tista’ tippretendi b’jedd dan id-don. Il-ħajja mistika tibqa’ dejjem don li Alla jagħti minn jeddu. Fuq hekk kien hemm ħafna diskussjonijiet bejn it-teoloġi u hemm rabta mal-kustjoni, b’aktar minn soluzzjoni waħda, jekk il-ħajja misika hijiex għażla jew sejħa speċjali.

Tabilħaqq, hemm min jisħaq li la darba din il-ħajja hija don speċjali ta’ Alla mela mhix ħaġa ta’ vokazzjoni. Oħrajn iżidu li lanqas biss ma nistgħu nixtiequ grazzja bħal din jew nitolbu biex naqilgħuha. Għalhekk, skond din il-fehma, ma jista’ jkun hemm l-ebda tħejjija min-naħa ta’ l-individwu għall-kisba tal-ħajja mistika; huwa biss kliem fieragħ li wieħed jitkellem minn disposizzjonijiet meħtieġa. Din l-iskola ma tiċħadx li wieħed jista’ jirċievi dan id-don, iżda mhux b’xi mertu jew disposizzjoni tiegħu, imma għaliex Alla jqassam id-doni tiegħu lil min irid u l-ebda ħidma tal-bnedmin ma tista’ żżid jew tnaqqas id-don li wieħed jirċievi. F’kelma waħda, din it-teorija, li hija miżmuma mill-iskola ta’ l-Oratio Infusa, tisħaq fuq il-libertà sħiħa tal-grazzja mistika; hija don għal kollox ħieles ta’ Alla.

Bil-maqlub, l-iskola ta’ l-Oratio Acquisita tinsisti pjuttost fuq ħidmet il-bniedem u minn xi daqqiet b’tali mod bħallikieku Alla, li ħadd ma jista’ jisbqu fil-ġenerożità tiegħu, ikun qisu mġiegħel li jagħti din il-grazzja lil dawk li jagħmlu ħilithom kollha biex ikunu denji li jirċevuha. Dawk li jħaddnu din il-fehma jirraġunaw li din il-grazzja hija l-kuruna mistħoqqa tal-ħajja spiritwali. Għalkemm fil-fatt ma tingħatax lil kulħadd, imma dan ma jfissirx li Alla ma jridx jaqsamha mal-bnedmin kollha. Ifisser biss li ftit huma dawk li jirrendu ruħhom denji biex jirċevuha.

Għaqda bejn l-Oratio Infusa u Acquisita: teorija moderata li kisbet suċċess

L-iskola Karmelitana, għallinqas ir-rappreżentanti tagħha, irnexxielha ssib teorija nofsana bejn it-tnejn l-oħra estremi. Dokument qadim li jitkellem mill-ispirtu ta’ l-Ordni jqiegħed il-kisba ta’ dan il-grad hekk għoli tal-ħajja mistika bħala l-għan tal-Karmelitani kollha; ilkoll huma fid-dmir li jfasslu ħajjithom b’tali mod li jilħqu dan l-għan. Fl-istess ħin jisħaq li l-grazzja ta’ din il-ħajja hija don għal kollox ħieles ta’ Alla. Santa Tereża ta’ Avila mgħallma li hi hekk tfisser kif il-ħajja tal-grazzja tinbena fuq sisien naturali. Tgħid li din il-ħajja, ukoll fl-ogħla grad tagħha, tiġi bħallikieku injettata f’dik naturali u taħt l-impuls tagħha l-personalità umana kollha tikber sa ma tilħaq il-milja tal-maturità. In-natura umana hija maħluqa minn Alla b’kapaċità li tilħaq dan l-istat għoli tal-grazzja, iżda l-prattika tal-virtù u l-kontemplazzjoni jeħtieġ li jippreċedu, jakkumpanjaw u jsegwu l-esperjenza mistika. Minħabba f’hekk il-Qaddisa, wara li tagħti glorja ’l Alla li minnu jiġi lilna kull don, hija tisħaq kemm tiflah fuq l-eżerċizzju tat-talb u tal-virtù.

Ippermettuli ngħidilkom kemm nieħu gost nitkellem minn dan l-ideal Karmelitan tal-ħajja spiritwali! Dan l-ideal huwa tradizzjoni li dejjem baqgħet soda u qatt ma tbiddlet fil-Karmelu. Insibuha fil-bidu tiegħu, bħala l-ispiritwalità tad-dokument De Institutione Primorum Monachorum. Fih jingħad li l-għan tal-ħajja Karmelitana huwa doppju. L-ewwel wieħed jikkonsisti filli noffru lil Alla qalb safja, ħielsa minn kull tebgħa ta’ dnub. Dan nilħquh bil-ħidma u l-isforzi tagħna fil-kisba tal-virtù, megħjunin mill-grazzja ta’ Alla. L-ieħor jikkonsisti billi b’xi mod inħossu f’qalbna u nisperimentaw f’moħħna il-qawwa tal-preżenza ta’ Alla u l-ħlewwa tal-glorja tas-sema. Dan il-għan ma nilħquhx bil-forzi tagħna, imma għaliex Alla minn jeddu jogħġbu jagħtihulna; huwa don għal kollox ħieles ta’ Alla; ex mero Dei dono. U jagħtihulna mhux biss wara l-mewt, iżda wkoll f’din il-ħajja.

Bil-maqlub tan-nies ta’ żmienna, il-Karmelu ma jibżax mill-ħajja mistika. L-ispirtu ta’ l-Ordni ma jqishiex bħal xi ħaġa ta’ dnewwa għan-natura, iżda jifhem li fl-ahhar mill-aħħar in-natura hija ddestinata biex tilħaq din il-perfezzjoni. Min-naħa l-oħra lanqas nistgħu ngħidu li l-ħajja mistika hija t-triq waħdanija tal-qdusija. Wieħed jista’ jogħla fil-qdusija wkoll mingħajr grazzja u favuri mistiċi. Dan jidher minn ħajjet għadd ta’ Qaddisin. Għall-Karmelitan huwa biżżejjed li jgħix fil-preżenza ta’ Alla, b’qalb umli u kuntent b’dak kollu li Alla għoġbu jibgħat. Iż-żmien u l-post huma ftit u xejn importanti. Xi drabi ward ġnien il-Mulej jiftah fi sbuħitu kollha f’din id-dinja, iżda ġeneralment aktarx jibqa’ blanzun. Fil-Ġenna mhux hekk; il-ward kollu ta’ Alla jiftaħ beraħ fi ġmiel ix-Xemx divina. Jekk Alla l-Imbierek, bħal ġennien tajjeb, iwassal għall- perfezzjoni lil xi wħud f’ħajjithom u lil oħrajn wara din il-ħajja, dik hija għażla misterjuża tiegħu.

Għalhekk ħalluni mill-ġdid intenni li l-iskola tal-Karmelu titlob tħejjija, taħriġ fl-ogħla virtujiet. Ħajjitna jeħtieġ li tkun ordnata u orjentata skond l-għan ta’ l-Ordni tagħna.

Triq waħda għal kulħadd: virtujiet karatteristiċi

Biex wieħed jifhem aħjar fiex jikkonsisti dan it-taħriġ, ejjew naraw fil-qosor tliet punti li fuqhom issus ir-Regula tagħna. Tibda biex tfakkarna li ħafna mill-affarjiet li hemm fiha jgħoddu għal dawk kollha li jintrabtu bit-tliet wegħdiet, biex jimxu fit-triq tal-qdusija. B’danakollu tagħti importanza speċjali ’l-wegħda tas-safà.

Safà

Minnu li fil-bidu wlied il-Karmelu kienu jifhmu li l-wegħda ta’ l-ubbidjenza tiġbor fiha ż-żewġ wegħdiet l-oħra. Tabilħaqq l-ubbidjenza hija virtù li indirettament tiġbor fiha l-virtujiet l-oħra kollha. Iżda fost dawn il-virtujiet, ir-Regula taħtar waħda ta’ ġmiel partikulari u tisħaq fuq il-valur kbir tagħha. Hija dik tas-safà. Fis-sewwa tgħidilna li s-servizz tagħna lil Alla għandu jkun karatterizzat minn kuxjenza u qalb safja. L-Ordni jara bħala mudell tajjeb ta’ dan il-virtù ’l Omm Alla, il-Verġni tal-Verġni. Fiċ-ċerimonja tal-vestizzjoni, in-novizz Karmelitan jitlibbes il-kappa bajda bit-twissija li m’għandu qatt jinsa li hu miexi wara l-Ħaruf bla tebgħa.

Ġabra

Punt ieħor li fuqu ssus ir-Regula huwa l-ġabra. Din il-ġabra tas-silenzju hija kundizzjoni essenzjali għall-ħajja ta’ talb. Il-ġabra attiva, li biha nqiegħdu u nżommu lilna nfusna fil-preżenza ta’ Alla, minn dejjem kienet meqjusa bħala tħejjija indispensabbli għax-xirka tagħna ma’ Alla fil-ħajja mistika. Bħalma l-Profeta ma semax leħen Alla fil-burraxka, iżda fiż-żiffa ħelwa, hekk ukoll qalb il-bniedem spiritwali m’għandhiex titriegħed fil-maltemp, iżda tissemma’ għal-leħen ta’ Alla fis-skiet ġewwieni tagħha. Il-Kostituzzjonijiet ta’ l-Ordni dejjem saħqu fuq hekk. Il-ksib mill-ġdid ta’ dan l-ispirtu ta’ ġabra kien dejjem l-ewwel pass ta’ kull Riforma.

Armi spiritwali

Dwar it-tielet punt, ħalluni nfakkarkom fit-tielet kapitlu tar-Regula li jixhed b’mod ħaj l-ispirtu tal-Kruċjati. Hu mimli ħsejjes tal-gwerra, iżda mhijiex aktar il-battalja kontra s-Saraċini, imma kontra għadu aktar waħxi ta’ l-art imqaddsa ta’ ruħna. Iġġegħelna nitħażżmu b’sitt xorta ta’ armi spiritwali. L-ewwelnett biċ-ċinga tas-safà permezz tal-penitenza u tal-mortifikazzjoni. B’mortifikazzjoni ma nifhmux biss it-tgħakkis tal-ġisem, iżda wkoll li nbaxxu rasna għar-rieda ta’ Alla li hi t-triq l-aktar dritta li twassal għas-safà tal-qalb. Skond Dante, f’din ir-rieda divina tinsab il-paċi tagħna. U biex ngħaqqdu din ir-rieda tagħna ma’ dik ta’ Alla rridu nagħmlu sforz bla heda fuqna nfusna. Għalhekk ir-Ritwal jitkellem minn dan il-ħżiem bħallikieku katina li torbotna u ġġegħelna nitmexxew minn ħaddieħor.

It-tieni arma spiritwali hija l-kurazza. Hija din li tħares il-parti l-aktar importanti tal-gwerrier, jiġifieri s-sider li mhux ħlief l-għata tal-qalb. Għalhekk ir-Regula tgħid; “Saħħu qlubkom bi ħsebijiet qaddisa”. Qlubna jeħtieġ li jkunu mimlija b’dawn il-ħsebijiet għax huma jsaħħuna minn ġewwa u jiddefenduna bħal kurazza impenetrabbli.

Il-kurazza tal-gustizzja hija t-tielet arma li rridu nxiddu. Mhix ħaġa ħafifa li wieħed jimxi b’libsa tal-metall fuqu, iżda t-taħriġ iħaffef il-ħaġa. Għandna nilbsu dan il-ħżiem bħala veri kavalieri ta’ Kristu u ma nwaqqgħux għajb fuq l-ilbies tagħna. Għandna nilbsuh b’tali mod li nidhru li aħna tabilħaqq segwaċi ta’ Ġesù, li hu Alla.

Imbagħad it-tarka tal-fidi. B’din biss nistgħu nieqfu għall-attakki tal-għadu. Mingħajr fidi ħajja, is-sejħa tagħna hija bla sens. Hija din il-fidi l-għajn u l-fawwara tal-qawwa kollha tagħna. Hi tagħti skop u trieġi ’l ħajjitna. Nofs fidi ftit li xejn jista’ jkollha effett. Bil-maqlub, fidi ħajja hija għajn ta’ qawwa u enerġija li qatt ma tiġi nieqsa.

Il-ħames arma hija l-elmu tal-ħelsien, simbolu tat-tama u fiduċja. L-elmu jħares ir-ras. Għalhekk meta nxidduh, nistgħu nimxu b’rasna mgħollija u l-ebda biża’ ma jista’ jaħkimna.

Il-ħżiem tal-metall li semmejna (kurazza, tarka, elmu) qiegħed hemm biex iħarisna, iżda biex nissieltu għandna bżonn ta’ arma oħra: is-sejf. Dan għandu jkun is-sitt arma tagħna. Is-sejf tar-ruħ hu l-Kelma ta’ Alla. Ħa tgħammar dil-kelma fuq fommna u f’qalbna. Kulma nagħmlu, nagħmluh f’isem il-Mulej. L-Isem Imqaddes ta’ Alla huwa l-kelma tal-qaddis magħżula mir-Regula.

San Injazju, bil-parabbola taż-żewġ standardi, fehem igħallem lid-dixxipli tiegħu biex iqisu l-ħajja bħala battalja u biex jimxu wara l-mexxej il-kbir tagħhom għall-aqwa raġuni ta’ kollox: ir-rebħa. L-istess idea diġà nsibuha fil-kapitlu tar-Regula li għarbilna. Għalkemm l-ispirtu ta’ l-Ordni għandu bħala karatteristika tiegħu l-modestja u s-sempliċità, imma mhux nieqes mill-ispirtu għoli u qalbieni tal-Kruċjati. F’dan tagħna m’hemm xejn aħrax u militari, imma biss l-imġieba nobbli u twajba tal-veru kavalier li jqiegħed sejfu fuq artal Sidtu Marija biex iwettaq bl-imħabba u s-sempliċità s-servizz l-aktar baxx li titlob minnu.

Il-Karmelitani naħal bieżel

Gakbu ta’ Vitry xebbah lill-eremiti tal-Karmelu man-naħal bieżel. In-naħal jittajjar fuq meded kbar tax-xagħri biex ifittex l-għasel u jaħżnu f’wesgħat miftuħa u friski ’l bogħod mill-għabra u l-qżież tal-ħajja. Għan-nies tad-dinja postijiet bħal dan huma nixfin u jimbuttawk, iżda għal dawn l-insetti x-xagħri jwarrad. Fih, bikri fil-Ħarifa, imqar l-iċken fergħa tas-savina ssib il-libsa rjali tagħha u sa l-eħrex post jiddawwal minn tarf għal ieħor bil-lewn vjola, simbolu tal-penitenza. L-għasel ikun fil-fond ta’ dawk il-fjuri forma ta’ qniepen żgħar.

Dan mhux xbiha perfetta ta’ ħajjitna? Bħal eluf kbar ta’ fergħat ċkejknin, id-dmirijiet ħfief tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, imwettqin bi spirtu ta’ mħabba u penitenza, jimtlew bil-ward matul il-medda xagħri ta’ ħajjitna fil-ħarifa tagħna. U jkunu mimlijin bil-għasel. Għalhekk bħan-naħal bieżel, ejjew nimlew il-maħżen spiritwali tagħna b’dawn l-egħmejjel tagħna ta’ kuljum.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage