Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


3. L-ORDNI LI KIEN QED JIKBER FL-ART IMQADDSA
MHEDDED MILL-MUSULMANI

mill-Beatu Titu Brandsma, O.Carm.

Fil-qosor:
Qagħda diffiċli
L-Ordni jgħaddi mill-Lvant għall-Punent
San Xmun Stock maħtur minn Alla
Mitigazzjoni tas-Solitudni, Astinenza u Faqar
Diskussjoni dwar l-Astinenza
Insistenza biex tinżamm il-Ħajja Kontemplattiva
Ħames Persunaġġi Kbar
L-iskola ta’ San Xmun Stock
Is-Sitt Gradi
Hane u Santa Tereża: xebħ fl-ideat
Is-Siġra x-xiħa twarrad mill-ġdid

L-isforzi tal-Kruċjati biex l-imkejjen qaddisa jaqgħu mill-ġdid f’idejn l-insara, inbdew b’ħeġġa kbira. Għall-ewwel seħħu wkoll b’wiċċ il-ġid, iżda imbagħad, bdiet tmajna l-ewwel ħrara, l-Għarab reġgħu rebħu dawk l-imkejjen, u l-insara bi tqanżiħ setgħu jżommu taħt idejhom, għal mitejn sena, l-imkejjen ewlenin.

Fis-seklu 12 u fil-bidu tas-seklu 13, l-Ordni l-ġdid ta’ l-Aħwa ta’ l-Imqaddsa Marija tal-Għolja tal-Karmelu kien infirex ma’ l-Art Imqaddsa kollha u fis-Sirja.

Ma jistax ikun li f’erba’ kelmiet wieħed jirrakkonta ħaġa b’ħaġa l-istorja ta’ l-Ordni Karmelitan fl-art li fiha tnissel. B’danakollu mill-firxa malajr ta’ dan l-Ordni, dlonk wieħed jista’ jintebaħ li fil-bidu tiegħu kienet saret ħidma spiritwali kbira. Il-qdusija tar-reliġjużi ewlenin tal-Karmelu tispikka mhux ftit u, għalkemm ftit nafu fuq ħajjithom, baqgħu magħrufa fit-tradizzjoni bħala nies ta’ qima kbira.

L-ajru kien ilu jberraq sa ma fl-aħħar faqqet sajjetta, meta l-kunventi ta’ dan l-Ordni kienu mhedda minn ħerba sħiħa. Taħt it-tielet Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan, San Ċirillu, l-inkwiet issokta jiżdied u l-affarijiet bdew għaddejjin mill-ħażin għall-agħar. Hu, bniedem ta’ fidi kbira u qdusija, kien intebaħ bil-maltempata ta’ persekuzzjoni li kienet riesqa fuq l-Ordni. B’danakollu ma qatax qalbu u, jingħad, li Alla wkoll żguraħ b’dehriet tal-Madonna tal-Karmnu mir-rebħa fil-ġejjieni kemm ta’ l-Ordni kif ukoll tal-Knisja. Għalhekk, minkejja l-ħerba materjali u l-qtigħ il-qalb, il-Qaddis seta’ jibqa’ jittama mingħajr ebda biża’ fil-Mulej u jfarraġ lil ħutu reliġjużi fis-siegħa tal-prova.

Qagħda diffiċli

Billi t-tiġrif issokkta jikber u l-attakki tal-Musulmani baqgħu dejjem jiżdiedu, din il-fiduċja ma kinitx ħaġa ħafifa. Il-kunventi bdew jiġu maħruqa wieħed wara l-ieħor u r-reliġjużi mkeċċija jekk mhux ukoll maqtula. Għalhekk dawk ir-reliġjużi, li ħafna minnhom kienu ġew mill-Punent, kienu kostretti jieħdu malajr id-deċiżjoni jekk jerġgħux lura lejn pajjiżhom. Xi wħud kienu diġà telqu, għax fil-bidu tas-seklu 13 insibu kunventi Karmelitani mwaqqfin f’Cologne u f’postijiet oħra. Kien hemm fihom dawk l-ewwel reliġjużi li kienu mġegħlin iħallu Lvant qabel ma l-Kapitlu Ġenerali tal-1237, li sar fuq l-Għolja tal-Karmelu, qatagħha li kien impossibbli li wieħed jibqa’ jgħix hemm.

L-Ordni jgħaddi mill-Lvant għall-Punent

Il-profezija ta’ San Ċirillu twettqet b’għaġeb kbir ta’ kullħadd. F’qasir żmien, ngħidu aħna ta’ madwar għaxar snin, l-Ordni fil-qofol tiegħu ġie ttrasferit mil-Lvant għall-Punent. Kemm din il-bidla saret hekk malajr tingħaraf mill-fatt li, għalkemm il-kunvent ewlieni ta’ l-Ordni baqa’ dak ta’ fuq il-Karmelu - il-benniena tat-tradizzjonijiet l-aktar egħżież ta’ l-Ordni Karmelitan, - b’danakollu l-Kapitlu Ġenerali tal-1245 tlaqqa’ f’Aylesford, Kent. Dan kien l-ewwel Kapitlu Ġenerali ta’ l-Ordni li sar fil-Punent. F’dak il-Kapitlu nħatar Ġeneral wieħed li kellu jkollu influwenza tassew kbira fl-iżvilupp ta’ l-Ordni fil-Punent.

San Xmun Stock maħtur minn Alla

Dan il-Ġeneral kien San Xmun Stock, il-kobor ta’ xogħol skabruż li wettaq iqiegħdu man-nies il-kbar. Fi zmienu twettaq xogħol bla qies biex l-Ordni jaddatta ruħu għal kundizzjonijiet ġodda, hekk li kiseb forma ta’ direzzjoni li ftit kellu bżonn ta’ tibdil matul iż-żminijiet. Kien il-mibgħut minn Alla fi żmien il-ħtieġa, biex iwettaq xogħol li kien jitlob mhux biss enerġija iżda wkoll qdusija kbira. Hu kien mogħni b’ħila mhux biss li jkabbar l-Ordni, iżda wkoll b’dik aktar meħtieġa li jissodaħ. Mhux darba u tnejn huwa kien iħalli l-Ingilterra biex jieħu sehem fit-twaqqif ta’ kunventi f’Cologne, Haarlem, Brussels u f’bosta bliet ta’ Franza. Ivvjaġġa wkoll biex jikkonsulta ruħu mas-Santa Sede, f’Ruma, dwar ħwejjeġ li kellhom x’jaqsmu ma’ Ordni. U wara ħajja miżgħuda b’xogħol tassew imwiegħer, miet f’Bordeaux, fis-sena 1285.

San Xmun Stock mexxa l-Ordni għal għoxrin sena sħaħ. Huwa mertu tiegħu t-twaqqif ta’ dixxiplina u ordni f’dak iż-żmien hekk diffiċli, kif ukoll il-bidu ta’ ħidma li ma kinetx ta’ ħsara għall-ħajja ta’ talb u għall-ispirtu ewlieni ta’ l-Ordni. Il-mitigazzjoni tar-regula, approvata mill-Papa Innoċenz IV, kienet hekk taqbel perfettament ma’ l-ispirtu tradizzjonali ta’ l-Ordni, li Santa Tereża aċċettatha bħala dokument li jiġbor fih il-vera ħajja ta’ l-Ordni. Hija din ir-regula mitigata u mhux l-oriġinali li biha hi tinqeda fir-Riforma tagħha. Ħaġa bħal din tagħmel unur kbir lill-ġenju spiritwali ta’ San Xmun Stock.

Il-miġja tal-Karmelitani fl-Ewropa propju f’dan iż-żmien partikulari, kienet tabilħaqq f’waqtha. Kien żmien ta’ bidu ta’ qawmien ġdid li fih huma kellu jkollhom sehem u influwenza kbira. Kienu ġabu magħhom element oriġinali għax, filwaqt li ħaddnu l-istat ta’ l-Ordni Mendikanti, baqgħu jżommu xorta waħda l-karattru bażiku tagħhom ta’ ħajja kontemplattiva. Kien f’dan iż-żmien li l-element appostoliku tal-ħajja mistika l-aktar li spikka. Nies kbar fil-ħajja kontemplattiva, li ħallew il-kenn tal-kunventi tagħhom biex jippridkaw lill-poplu, kienu diġa’ taw l-eżempju. Tnejn fosthom, magħrufa sewwa, kienu Pietru ta’ Amiens u, aktar tard San Bernard. Ukoll il-fundaturi ta’ żewġ Ordnijiet reliġjużi kbar, San Franġisk u San Duminku, ma damux ma wrew li l-ħajja kontemplattiva ma tbarrix il-ħajja attiva.

L-element tradizzjonali Karmelitan, dak tal-kontemplazzjoni xekkel mhux ftit lir-reliġjużi biex jaddattaw ruħhom ma’ l-ambjent. Biex jimxu fuq l-għan ewlieni ta’ l-Ordni tagħhom, huma waqqfu l-ewwel kunventi fi mkejjen imwarrbin, ‘il bogħod mill-ibliet. Iżda ma setgħux ikomplu sejrin hekk. Il-ħidma appostolika tagħhom kienet titlob minnhom l-għajxien tagħhom qalb in-nies. Għalhekk ma damux ma ħallew dawk l-imkejjen irtirati.

Mitigazzjoni tas-Solitudni, Astinenza u Faqar

Meta San Xmun Stock talab il-mitigazzjoni tar-Regula oriġinali lill-Papa Innoċenz IV, dan ħatar bħala kunsillieri żewġ Dumnikani. Wieħed minnhom kien il-magħruf Ugo ta’ St. Cher, u l-ieħor Guliermu, Isqof Titulari ta’ Andorra. L-Ordni wkoll ħatar żewġ rappreżentanti u aktarx li wieħed mit-tnejn kien Pietru Swanyngton, is-segretarju ta’ San Xmun Stock u l-ħabib li fih hu kien l-aktar jafda. Jissemma ħafna fl-istorja tal-Labtu mqaddes. Ir-riżultat tad-diskussjonijiet kien li l-Karmelitani ngħataw il-permess li jwaqqfu kunventi wkoll fl-ibliet u li setgħu jwettqu wkoll xogħol ta’ appostolat. Il-ħajja kommunitarja baqgħet imġiegħla żżomm fil-komun ir-refitorju u it-talb liturġiku.

Għalkemm il-Kummissjoni baqgħet tinsisti fuq l-osservanza stretta tal-faqar, ir-Regula tbiddlet ftit biex tiġi taqbel ma’ l-osservanza ta’ l-Ordnijiet l-oħra Mendikanti. Iżda kienet ixxaqleb iżjed lejn dik tad-Dumnikani milli lejn tal-Franġiskani. L-ebda individwu ma jista’ jkollu xi ħaġa tiegħu u s-superjur jista’ jamministaha għall-ġid ta’ kulħadd. Ir-Regula Franġiskana tmur aktar ‘il hinn għaliex tgħid li l-proprjetà tar-reliġjużi għandha tiġi amministrata lilhom minn ħaddieħor.

Diskussjoni dwar l-Astinenza

Dwar l-astinenza tqajmu xi punti interessanti qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni finali. Skond ir-rapport tad-diskussjonijiet, kulħadd kien jaqbel dwar l-importanza u l-ħtieġa ta’ l-astinenza. Għalhekk jeħtieġ titniżżel fir-Regula. Iżda r-rappreżentanti ta’ l-Ordni kienu favur l-astinenza mill-imbid flok l-astinenza mil-laħam. Milli jidher, din l-istess kustjoni kienet qamet bejn San Brokard u San Albert, Patrijarka ta’ Ġerusalem, meta ġew biex ifasslu r-Regula oriġinali. Il-Karmelitani stqarrew li huma jippreferu l-astinenza mill-imbid, għax b’hekk aktar ikunu jaqblu ma’ tradizzjoni tat-Testment il-Qadim imħaddna mill-Ordni. Bħal San Brokard, huma ġabu b’eżempju d-drawwiet li kellhom ir-Rekabiti u l-Esseni kif ukoll il-preskrizzjonijiet tan-Nażżareni u ta’ xi wħud mill-profeti tat-Testment il-Qadim. Dawn is-setet ta’ l-imgħoddi ma kienux jastienu mil-laħam, u l-anqas setgħu kieku riedu, għax kienu obligati jieklu l-Ħaruf ta’ l-Għid. San Albert għażel l-astinenza mil-laħam fir-Regula tiegħu, bil-kundizzjoni li r-reliġjuż ma jkollux xi mard gravi jew nuqqas ta’ saħħa. Huwa rraġuna li bħalma l-ikel tal-laħam ma kienx ipprojbit fit-Testment il-Qadim minħabba l-Ħaruf tal-Għid, hekk ukoll ma setax ikun ipprojbit ix-xorb ta’ l-imbid fit-Testment il-Ġdid minħabba fl-użu tiegħu fl-Ewkaristija Mqaddsa.

B’danakollu l-Karmelitani sabuha bi tqila l-osservanza ta’ din il-liġi. Ma dehrilhomx li kienet tajba, għax bl-iskuża ta’ mard jew nuqqas ta’ saħħa, jkun hemm traskuraġni jew bruda fl-osservanza tagħha. L-astinenza mill-imbid ma kinetx tidher daqstant diffiċli. Il-laħam kien meqjus bħala element importanti fid-dieta ta’ dawk li kienu okkupati fl-appostolat. Iżda kemm il-kunsillieri Dumnikani kif ukoll il-Papa kienu favur l-astinenza mil-laħam. Għalhekk, din ix-xorta ta’ astinenza ġiet approvata u mniżżla fir-Regula. Madankollu, il-fatt li r-reliġjużi tal-Karmelu pproponew il-mod l-ieħor ta’ astinenza, juri l-inizjattiva li kellhom il-Karmelitani ta’ dak iż-żmien u fuq kollox imħabbithom għall-astinenza f’għamla li setgħet tkun osservata b’mod strett.

Insistenza biex tinżamm il-Ħajja Kontemplattiva

Il-mitigazzjoni tar-Regula ma laħqetx ir-riżultat mistenni. Fit-teorija d-difikultajiet tal-ħajja mista, jiġifieri t-twettieq flimkien tal-ħajja kontemplattiva u dik attiva, kienu jidhru li ġew maħlula, iżda fil-prattika le. Wara ċertu żmien ta’ fervur u progress, il-ħajja attiva dehret ta’ ħsara kbira għal dik kontemplattiva. Fis-seklu ta’ wara, dan in-nuqqas ta’ qbil fit-taħriġ flimkien ta’ dawk iż-żewġ għamliet ta’ ħajja, kien kaġun ta’ bosta tħassib fost ir-reliġjużi li kienu aktar mogħtijin għall-kontemplazzjoni. Il-biża tagħhom kien hekk serju li, minħabba fit-toqol tar-responsabbiltà, il-Franċiz P. Nikola, is-seba’ Ġeneral ta’ l-Ordni u s-suċċessur ta’ San Xmun Stock, u P. Teodorik, is-suċċessur ta’ P. Nikola, irriżenjaw mill-uffiċċju għoli tagħhom biex igħixu l-ħajja solitarja. P. Nikola kien bniedem tabilħaqq kontemplattiv u ma qagħadx lura biex jesprimi l-ideat tiegħu favur il-ħajja kontemplattiva bi kliem qawwi u bla passjoni. Din il-ħajja kienet għalih l-ideal għoli tal-Karmelu li ma setax jingħata l-ġenb jew jinbidel. Għalhekk kien iwiddeb lil ħutu r-reliġjużi kontra l-ħajja attiva. Qalbu ħebritu wisq tajjeb li ħafna kienu dawk li se jitilfu l-ispirtu ta’ għaqda ma’ Alla minħabba ħidma li mhux dejjem tkun meħtieġa. B’sogħba kbira tiegħu nnifsu huwa ra li ħafna, imqarrqin minn ħidma bla rażan, kienu qegħdin jitbiegħdu mill-ispirtu ta’ l-ewwel eremiti tal-Għolja tal-Karmelu. Għalkemm dan seta kien minnu, iżda l-ħajja ta’ ħafna qaddisin ta’ l-Ordni wriet li l-ispirtu veru Karmelitan mhux biss seta’ jitwettaq fil-prattika imma wkoll jikber fis-sitwazzjoni l-ġdida li ħaddan l-Ordni.

Ħames Persunaġġi Kbar

Bħala persunaġġi kbar fl-istorja tal-Karmelu fil-Punent, biżżejjed li nsemmi ħames qaddisin kbar li ġabru fihom fil-qosor ħajjet l-Ordni. Tlieta huma tas-seklu 13 u tnejn tas-seklu 14.

Bħalma wieħed jista jistenna minn dawk li għexu fuq il-Karmelu, it-tliet qaddisin kbar Bartoldu, Brokardu u Ċirillu kienu erwieħ ta’ ħajja kontemplattiva profonda. Iżda fil-Punent mhux inqas kbar fil-qdusija kienu reliġjużi ta’ ħajja mista. Fil-bidu ta’ l-istorja ta’ l-Ordni fil-Punent, l-aktar li jispikka hu San Xmun Stock, imma fl-istess seklu 13 insibu wkoll lil Sant’Anġlu u ‘l Sant’Albert. Fis-seklu 14, imbagħad, jissemmew fost oħrajn Sant’Andrija Corsini u San Pier Tumas. Dawn il-ħamsa huma xhieda ħajja li l-ħajja Karmelitana setgħet tissokta tikber fil-Punent. Ħaġa li tagħti fil-għajn ukoll hi li dawn il-qaddisin tal-Punent huma mera ċara ta’ l-armonija perfetta li jista’ jkun hemm bejn il-ħajja kontemplattiva u l-ħajja attiva. Aħna x’aktarx niġġudikaw dan il-perjodu ta’ transizzjoni mill-akkużi ħorox li għamillu Patri Nikola Gallus. Dan huwa ġudizzju falz, għax f’dan iż-żmien kien hemm ukoll nies li bbrillaw bħal kwiekeb ta’ dija liema bħalha.

L-iskola ta’ San Xmun Stock

Ħajjet dawn il-qaddisin Karmelitani hija turija bil-fatti li l-ħajja kontemplattiva u l-ħajja attiva jistgħu jitlaqqgħu flimkien b’suċċess u jwasslu għall-qdusija. Turina wkoll li r-reliġjużi kienu konxji mill-karattru essenzjali tal-ħajja Karmelitana. Kien minħabba f’din ix-xorta ta’ ħajja li ħafna talbu biex jidħlu fl-Ordni Karmelitan. Għalhekk, għal darb’oħra nisħqu fuq l-ispirtu doppju tal-ħajja Karmelitana f’dak iż-żmien ta’ transizzjoni.

San Xmun Stock kien qalbieni biżżejjed biex jagħti bidu għal sistema ġdida ta’ ħajja fost il-Karmelitani. Huwa l-fundatur ta’ skola u l-ispirtu tiegħu ssokta fid-dixxiplina tiegħu. Nixtieq hawnhekk nuri l-konvinzjoni tiegħi li Santa Tereża ma kinetx hi l-fundatriċi ta’ l-iskola Karmelitana, bħalma xi wħud iżommu ta’ spiss bħala ħaġa ċerta. Studju bir-reqqa ta’ ħajjitha jurina li hi bniet fuq sisien li kienu diġa hemm. Fl-istess żmien ta’ San Xmun Stock insibu tagħlim li jaqbel ma dak li Santa Tereża żviluppat aktar tard. Minnu, li minħabba fil-ġenju reliġjuż tagħha, ħa għamla aktar sħiħa, iżda mhux bilfors li kien ġdid għal kollox.

Wieħed mill-figuri kbar li mexa fuqu San Xmun Stock huwa u jwaqqaf l-Ordni Karmelitan fil-Punent, kien l-Ingliż Henry Hane, magħruf ukoll bħala Henry de Hanna. Kien bniedem li għamel isem mhux biss fl-Ingilterra, iżda ma’ l-Ewropa kollha. Kollaboratur kbir ta’ San Xmun Stock, kellu wkoll fuqu influwenza kbira. F’manuskritt qadim li jinsab f’Oxford, hemm tliet priedki li fil-fehma tiegħi, ma jistgħux ikunu ta’ ħaddieħor ħlief ta’ Hane. Jinsabu fost ġabra ta’ priedki ta’ Eckehart u ta’ l-iskola tiegħu.

Fis-sekli 13 u 14, il-mistiċiżmu ta’ Eckehart kien fl-aqwa tiegħu fl-artijiet Ġermaniżi. Hawnhekk, b’mod speċjali, il-mistiċiżmu tal-Karmelu ġarrab l-influwenza ta’ Eckehart. Iżda Henry Hane, fix-xogħlijiet tiegħu, jiskarta d-distinzjonijiet żejda u sottili li huma karatteristika personali ta’ Eckehart. Huwa dejjem jagħżel it-triq tan-nofs bejn l-iskola intellettwali tad-Dumnikani u l-iskola tal-Franġiskani. Din tisħaq iżjed fuq il-metodu affettiv u fuq l-importanza tar-rieda milli fuq l-intellett. Bħalma fil-mistiċiżmu ta’ San Ġwann tas-Salib tinħass sewwa l-influwenza tal-psewdo Dijonisju l-Areopagita, hekk ukoll fis-sistema ta’ Hane nsibu s-sitt gradi li jwasslu r-ruħ għand Alla meħudin mill-istess għajn (Dijonisju).

Is-Sitt Gradi

L-ewwel grad huwa li wieħed jiftaħ qalbu għal Alla “Iftaħli, maħbuba tiegħi”, igħid il-għarus lil għarustu fil-ktieb “Il-Għanja ta’ l-Għanjiet”.

It-tieni grad jintlaħaq meta Alla, wieħed fi tliet Persuni, jiġbed ir-ruħ lejh u jibda jgħammar fiha. Fi kliem ieħor, meta Alla jitwieled fir-ruħ. Hane jikkwota hawnhekk lil Santu Wistin u jgħid li jsir twelid mill-ġdid meta jingħaqdu flimkien l-imħabba u x-xewqa. Il-frott imbagħad, jiġifieri l-effetti ta’ l-Ispirtu s-Santu fir-ruħ huma: dawl, imħabba, ferħ u sliem. F’dan it-tagħlim, Hane diġà jitbiegħed mill-intellettwaliżmu ta’ Eckehart, għaliex jinsisti fuq l-element ta’ l-imħabba bħala l-mezz li bih Alla jitwieled fina.

It-tielet grad jikkonsisti fil-bidla tar-ruħ f’Alla. Dan isir permezz ta’ dawl li jdawwal lir-ruħ. B’dan id-dawl ir-ruħ ma tidnibx iżjed u Alla jidher hekk fi ġmielu li tgħib għal kollox is-swedija, il-kruha, tad-dnub. Ir-ruħ tinsa dak kollu li mhuwiex Alla, u tibda miexja fid-dawl bħal ulied id-dawl.

“Gustate et videte”. Duqu u taraw, l-ewwelnett l-esperjenza mistika ta’ Alla u mbagħad l-effett tagħha, id-dawl. Wara li d-dawl jidħol fir-ruħ, hi fl-istess dawl tara l-għajn tiegħu, Alla. Biex ir-ruħ tkun tista’ tara, teħtieġ qabel dan id-dawl. Hawnhekk Hane juża figura tad-diskors li wara nqdiet biha Santa Tereża. Jgħid li “ir-ruħ m’għandhiex tipprova ttir qabel ma ġwinħajha jkunu tellgħu r-rix”. Jeħtiġilha ġġorr fuq spallejha madmad Kristu u tara kemm hu ħelu qabel ma tagħraf min hu dak li għabbieha bih.

Fir-raba’ grad Alla jagħni lir-ruħ b’enerġija kbira u l-fakultajiet naturali tagħha (ruħ) jitgħollew ‘il fuq u jsiru soprannaturali u divinizzati. Fid-dija tad-dawl ġdid tagħha, ir-ruħ tagħraf bir-reqqa n-nuqqasijiet naturali tagħha, iżda Alla jerfagħha ‘l fuq kif inhi. Hija u tirrejalizza dawn in-nuqqasijiet tagħha, aktar u aħjar is-setgħa bla tarf tiegħu u mħabbtu bla qies lejha. Fi kliem San Pawl, b’dan il-mod ir-ruħ tgħaddi minn dawl għal ieħor.

Fil-ħames grad titwettaq għaqda sħiħa tar-ruħ ma’ Alla; Alla jsir ħaġa waħda mar-ruħ bħallikieku għandu l-istess forma tagħha u r-ruħ tingħaqad ma’ Alla, tieħu l-forma tiegħu u tinbidel fih. Ir-ruħ tinħakem għal kollox mid-dawl divin u fih hija tara lilha nnifisha. Bħalma l-arja fid-dawl tax-xemx ma tibqax tidher iżjed arja imma dawl biss, hekk ukoll ir-ruħ f’din l-għaqda sħiħa ma’ Alla.

Fis-sitt grad, id-dawl mhux biss jiddi fir-ruħ, iżda wkoll ileffha fih. Bħalma jiġri f’ħaġra prezzjuża (djamant), id-dawl jippenetra r-ruħ kollha kemm hi. U hi, bil-qawwa tiegħu, tirrifletti lilha nnifisha fih u tixħet raġġi ta’ dawl minn kullimkien. Issir trasparenti u mera tad-divinità, l-istess kif Dijonisju jgħid għall-anġli.

Hane u Santa Tereża: xebħ fl-ideat

Biex ifisser il-miġja tal-Mulej fir-ruħ, Hane jinqeda bi kliem San Pawl: “Ifirħu, il-Mulej qorob”. Santa Tereża hekk taqbel ma’ Hane f’ħafna suriet ta’ kliem li tuża, li donnha tidher li kienet midħla ta’ kitbietu. Bħalu tinsisti li, l-ewwelnett, jinħtieġ li niftħu qalbna għal Alla. Imbagħad, wara li nagħrfu ħtijietna, nirrikorru għandu, nintemmu fih u nitnaddfu minn ħtijietna u nuqqasijiet żgħar oħra, biex inkunu ħielsa li nimxu ‘l quddiem f’imħabbtu. Bħalu wkoll il-qaddisa ta’ Avila tuża x-xbiha letterarja tal-għarus iħabbat fuq bieb qalbna u jistenniena niftħulu. Tagħti fil-għajn ukoll l-enfasi li tagħmel bħalu fuq il-ħtieġa tal-prattika tal-virtu bħala tħejjija, akkompanjament u frott tal-ħajja mistika.

Xbiha oħra wżata mit-tnejn hija dik tal-għasfur li ma jistax itir qabel ma ġwinħajh itellgħu r-rix. Ma tinsistix ukoll bħalu li l-imħabba hija mezz ta’ għaqda ma’ Alla? Iżda, fuq kollox Santa Tereża tħobb ħafna x-xbiha tax-xemx u dawlha kif ukoll tal-ħaġra prezzjuża, id-djamant, li fiha d-dawl jidħol sal-qalba tal-qalb tagħha u hija tibda tleqq u tilma minn kull naħa.

Fl-aħħarnett hemm qbil bejn Hane u Santa Tereża mhux biss fit-tifsir profond li jagħtu lill-ilsien metaforiku, iżda wkoll fid-deskrizzjonijiet tal-gradi wieħed wara l-ieħor tal-ħajja mistika; huma kważi l-istess. Ħaġa li tinteressana ħafna u ma jistax jonqos li ma ninnotawhiex hija li kemm il-wieħed u kemm l-oħra jgħallmu, li l-ħajja soprannaturali tinbena fuq sisien naturali u li s-soprannaturali mhix ħlief l-iżvilupp tal-qawwiet naturali tal-bniedem.

Is-Siġra x-xiħa twarrad mill-ġdid

Mela, kif rajna, is-siġra x-xiħa, għalkemm tħawlet f’art ġdida baqgħet tikber. Ħaġa minn ewl id-dinja, kellha taddatta ruħha għaċ-ċirkustanzi ġodda, iżda rnexxielha tagħleb il-maltempijiet u x-xtiewi ta’ l-ambjent il-ġdid. Bil-qawwa ta’ ġo fiha stess u bil-kura tal-Ġennien tas-sema, hija xenxlet egħruqha fil-fond tal-ħamrija l-ġdida. Minnu li xi minn daqqiet l-irwiefen qaċċtulha xi fergħa ‘l hemm u ‘l hawn, u saħansitra ħajjitha stess kienet mhedda, iżda z-zokk xieref tagħha baqa’ jżomm sħiħ. Għadha s’issa wieqfa fuq saqajha u mhijiex l-inqas waħda fost is-siġar importanti fil-ġnien il-kbir tal-Knisja.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage