Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


4. L-AĦWA TAL-MADONNA

mill-Beatu Titu Brandsma, O.Carm.

Fil-qosor:
Is-sħaba li ra Elija, Figura ta’ Omm Alla
L-Isem ta’ “Aħwa ta’ Marija”, inissel devozzjoni
Id-devozzjoni lejn Marija kkonfermata fl-Ewropa
Marija meqjuma aktarx bħala Omm Alla
Marija quddiemna bħala l-mudell tagħna
Marija fina bħallikieku tgħix bina
Il-Karmelitan Marija ieħor
Ġirasol fi ġnien il-Karmelu

Is-sħaba li ra Elija, Figura ta’ Omm Alla

Kif diġa’ tarrafna, hija tradizzjoni qaddisa fl-Ordni Karmelitan li l-Profeta Elija, fis-sħaba ċ-ċkejkna li niżżlet xita fejjieda fl-art niexfa qoxqox ta’ Iżrael, lemaħ il-figura tal-Madonna, Omm il-Feddej. F’dik is-sħaba ġie rrivelat lilu l-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni.

Żmien twil qabel ma l-Ordni twaqqaf definittivament taħt San Bertoldu, fuq l-Għolja tal-Karmelu kien hemm kappella dedikata lill-Madonna. Dan is-santwarju sar iċ-ċentru ta’ l-Ordni fil-forma l-ġdida tiegħu u kien minħabba fih li l-ewwel imseħbin fl-Ordni bdew jissejħu “Aħwa tal-Madonna tal-Karmelu”.

L-Isem ta’ “Aħwa ta’ Marija”, inissel devozzjoni

Dan l-isem wessa’ l-għan qaddis li għalih kienu nġabru fuq il-Karmelu dawk l-ewwel imseħbin ta’ l-Ordni. Billi huma kienu jmorru kuljum f’dik il-kappella biex jgħidu l-uffiċċju divin u jagħmlu l-meditazzjoni quddiem l-artal tal-Madonna, għalhekk billi l-ħajja tagħhom ta’ talb kienu jgħadduha taħt għajnejn Ommhom tas-Sema, id-devozzjoni tagħhom lejn Marija ssuktat titħeġġeġ dejjem iżjed u tissoda. Kien tassew mn’Alla li l-ewwel monasteru ta’ l-Ordni nbena madwar kappella ċkejkna li għal żmien twil kienet iċ-ċentru tad-devozzjoni tal-Karmelitani lejn Marija. Dak l-att tal-Providenza ta’ Alla ġegħel lill-Aħwa tal-Karmelu jħarsu lejn id-devozzjoni marjana bħala xi ħaġa magħquda ħaġa waħda ma’ l-għan tat-twaqqif tagħhom. L-isem imbagħad li bih kienu jsejħulhom dawk li kienu jgħixu qrib il-kappella, ittimbra b’Kavallieri tal-Madonna lil dawk il-kruċjati ta’ qabel li ddepożitaw ix-xwabel tagħhom fuq l-artal ta’ Marija.

Meta it-tieni Ġeneral ta’ l-Ordni, San Brokard kien qiegħed imut, huwa ġabar madwar is-sodda tal-mewt tiegħu lill-eremiti tal-Karmelu biex ikellimhom għall-aħħar darba u jagħtihom xi twissijiet. Ħeġġiġhom biex iqimu lil Marija bil-fatti, billi jitħarrġu fil-virtu. Qalilhom: “Intom tissejħu Aħwa ta’ Marija. Qisu li wara mewti tkunu denji ta’ dan l-isem”. Matul ħajtu, u l-aktar matul il-ħamsa u għoxrin sena li dam Ġeneral, hu kien dejjem isus fuq din il-ħaġa. Mhux biss, imma wkoll kien ifittex li huma jibqgħu tassew denji ta’ dak l-isem. Ħaġa minn ewl id-dinja, matul il-Ġeneralat tiegħu d-devozzjoni lejn Marija ssuktat tissaħħaħ u titwettaq fil-qalb ta’ ħutu l-Karmelitani.

Id-devozzjoni lejn Marija kkonfermata fl-Ewropa

Meta l-Papa Innoċenz IV aċċetta l-Ordni fil-Punent u addatta r-Regula għaċ-ċirkustanzi l-ġodda, huwa ħalla lill-Ordni l-isem ta’ Aħwa ta’ Marija u kkonfermah uffiċjalment. L-Ordni mbagħad beda jinfirex fl-Ewropa u din id-devozzjoni speċjali lejn il-Madonna kienet seret il-karatteristika għażiża tiegħu. Il-Karmelitani kienu kburin bit-titlu marjan tagħhom u kull darba kienu jżeffnuh fin-nofs meta kien ikollhom jiddefendu d-drittijiet tagħhom.

Il-Papa u l-Isqfijiet, ukoll fl-ewwel seklu tal-miġja tal-Karmelitani fil-Punent (seklu 13), kienu jagħtu indulġenzi lil min kien ilissen dak l-isem u jagħnu lill-Ordni b’xi privileġġ biex isir magħruf aktar bil-ħeffa. Tabilħaqq, naraw dan iseħħ fl-Ewropa ta’ Fuq mill-Isqof ta’ Cologne, fis-sena 1271.

It-tradizzjoni marjana ta’ l-ewwel Ġeneral ta’ l-Ordni nżammet ħajja fil-bniedem magħżul minn Alla, San Xmun Stock, li kellu sehem kbir fit-twaqqif ta’ l-Ordni fl-Ewropa. L-Ordni għandu żewġ talbiet sbieħ li, kif jgħidu, San Xmun kien itennihom kemm-il darba matul il-jum. Huma L-Ave Stella Matutina u l-Flos Carmeli. Din ta’ l-aħħar, talba sabiħa ħafna, kienet wisq għal qalbu. Fuq l-eżempju tiegħu, ir-reliġjużi Karmelitani għadhom sa illum jgħidu kuljum dawk iż-żewġ talbiet.

Huwa fehem sewwa li d-devozzjoni lejn il-Madonna kienet karetteristika ta’ siwi kbir għall-Ordni, li t-titlu ta’ Aħwa ta’ Marija jikseb l-imħabba tal-poplu għal dan l-Ordni, u li l-Madonna għad tikkonfermah bi privileġġi speċjali li jiżguraw il-futur ta’ l-Ordni. Il-Papiet kienu diġa iffavorewh. Iżda l-awtorità tagħhom ma rnexxilhiex ixxejjen għal kollox l-oppożizzjoni li sab l-Ordni meta daħal fl-Ewropa. Għalkemm il-Qaddis tagħna kien japprezza ħafna l-privileġġi tal-Papiet, hekk li kemm-il darba huwa rrikorra għand is-Santa Sede, b’danakollu qatt ma naqas li jitlob bla heda u b’fidi sħiħa lill-Verġni Mqaddsa. Kien konvint li hi żgur ma kinitx se tiċħad l-għajnuna speċjali u l-ħarsien tagħha lill-Ordni li, bl-approvazzjoni tal-Papa, kien iġib l-isem ta’ Aħwa tagħha u jagħmel ħiltu kollha biex jgħix ħajja denja ta’ dak l-isem.

Kienu żminijiet diffiċli. Dan nafuh mhux biss mill-ħajja ta’ San Xmun Stock, iżda wkoll minn stqarrija ta’ Guliermu de Sanvico għal ħabta ta’ tmiem is-seklu 13. Fiha jisħaq kemm tabilħaqq kien iebes dak iż-żmien. Mhux biss il-Kleru tal-post, imma saħansitra l-isfqijiet ma setgħux jifhmu xi ħtieġa kien hemm ta’ l-Ordni Mendikant ġdid u fiex hu kien differenti minn dawk li kienu diġà approvati. Għalhekk it-twaqqif ta’ kunventi Karmelitani ġodda f’diversi pajjiżi kien jiltaqa’ kullimkien ma’ diffikultajiet serji. L-Ordni kien imhedded mhux biss minn ġewwa bit-telfien ta’ l-ispirtu vitali u oriġinali tiegħu, minħabba fid-diffikultajiet li kellu jħabbat wiċċu magħhom biex jaddatta ruħu għaċ-ċirkustanzi l-ġodda u minħabba l-bżonn dejjem akbar tal-ħajja attiva, iżda minn barra wkoll. Kien hemm egħdewwa li ma setax wieħed ma jagħtix każhom. Huma rreżistew kemm felħu lill-Karmelitani u l-oppożizzjoni tagħhom ma kinitx la kemm tegħlibha. Għal xejn l-Aħwa ta’ Marija wrewhom ir-rikkmandazzjonijiet tal-Papa, ta’ l-Isqfijiet u ta’ dinjitarji oħra tal-Knisja favur l-Ordni.

F’din il-qagħda hekk imwiegħra San Xmin Stock reġa’ rrikorra għand Marija, u ma tqarraqx bit-tama tiegħu fiha. Kif seta’ jkun xort’oħra? Fis-16 ta’ Lulju 1251, hija dehret lill-Ġeneral ta’ l-Ordni, li kien qiegħed f’Cambridge. Il-lejl kien daħal sewwa u hu, bħas-soltu, kien għarkobbtejh jitlob quddiem statwa tal-Madonna. Minn fommu kienet ħierġa bil-ħerqa kollha t-talba devota tal-Flos Carmeli. Hu kien qiegħed jitlob lill-Madonna privileġġ għall-Ordni. Bi tweġiba għat-talb ħerqan tiegħu, hija dehret liebsa ta’ Karmelitana u wrietu l-Labtu bħala rahan tal-ħarsien speċjala tagħha. Żiedet tgħidlu li kull min imut b’dak il-Labtu fuqu ma jġarrabx in-nar ta’ dejjem.

Għal din id-dehra l-Qaddis ried itir bil-ferħ. Il-Labtu ta’ l-Ordni li, sa dak inhar kien sinjal ta’ devozzjoni lejn Marija, issa sar ukoll rahan tal-ħarsien speċjali tagħha.

Hekk kif saret magħrufa din il-wegħda l-qagħda ta’ l-Ordni ma dametx ma tbiddlet mil-lejl għan-nhar. In-nies kienu bil-pika bejniethom biex ifittxu jilbsu mill-aktar fis il-Labtu tal-Karmnu ħalli jinsatru bih matul ħajjithom jew imutu mlibbsin bih. Huma kienu żguri li permezz tiegħu jiksbu wkoll l-għajnuna ġeneruża ta’ Ommna Marija. Għalhekk, dak iż-żmien id-devozzjoni lejn il-Madonna ma setgħetx ma tagħmilx passi ta’ ġgant. Konferma aqwa minn din tal-karattru marjan ta’ l-Ordni Karmelitan bilkemm wieħed jista’ jimmaġina.Għaldaqstant l-Ordni Karmelitan beda jitqies bħala Ordni Marjan per eċċellenza, superjuri għal kull Ordni Marjan ieħor.

Ħaġa minn ewl id-dinja t-titlu Marjan ta’ l-Ordni beda jsir aktar magħruf u rikonoxxut, speċjalment fl-Olanda, fejn ir-reliġjużi Karmelitani kienu msejħin l-“Aħwa ta’ Marija”. U mhux biss il-Karmelitani Olandiżi, imma kollha kemm huma l-imseħbin ta’ l-Ordni Karmelitan x’aktarx jew kważi dejjem ingħatalhom dan l-isem. Kien dan it-titlu glorjuż il-kawża li l-Ordni xtered b’ħeffa kbira, filwaqt li għadd kbir ta’ sekulari kienu jfittxu l-labtu biex ikollhom sehem mill-privileġġi li bihom kien mogħni. Billi fl-Ordni Karmelitan l-iskapular jissuplixxi għal-libsa kollha, il-karatteristika marjana tiegħu bdiet kull ma tmur tinxteħet dejjem iżjed fuq l-Ordni.

Marija meqjuma aktarx bħala Omm Alla

Jeħtieġ, għalhekk, li ngħarblu għal waqt wieħed in-natura tad-devozzjoni lejn Marija. Fl-Ordni Karmelitan għandha karatteristika għal kollox tagħha. Bħalma fl-Ordni ta’ San Franġisk ta’ Assisi tispikka l-qima lejn it-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija, fl-Ordni tagħna tleqq fuq kollox il-qima lejn Marija taħt it-titlu ta’ Omm Alla. Diġa l-Meternità divina kienet iffigurata taħt is-sħaba li dehret fuq il-Karmelu; taħt l-isem ta’ Omm Alla kienet Marija meqjuma fl-Ordni u bih minn dejjem kienu jitolbuha r-reliġjużi Karmelitani. Meta l-ewwel imseħbin ta’ l-Ordni, minn fuq l-għolja fejn kienu, tefgħu ħarsithom lejn il-pajjiż ta’ taħthom, l-ewwel ma laqtetilhom għajnejhom kienet Nażaret. Dik il-belt ċkejkna fakkrithom fiż-żjara ta’ l-anġlu lil Marija u t-twettiq tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu. Il-kontemplazzjoni ta’ dan il-misteru wasslithom biex iħaddnu żewġ devozzjonijiet marjani, biex jimitaw lil Marija f’żewġ virtujiet tagħha, li pass wara ieħor iwasslu għall-għaqda magħha aktar mill-qrib. Nistgħu naraw l-istess ħaġa fl-Imitazzjoni ta’ Kristu fl-14 u l-15-il seklu, li mbagħad fis-seklu 16 wasslet għall-għaqda aktar mill-qrib ma’ Kristu. Ma nistgħux naħsbu fl-imitazzjoni mingħajr ma naħsbu fl-għaqda, kif lanqas fl-għaqda mingħajr ma naħsbu fl-imitazzjoni. It-tnejn jidħlu f’xulxin, iżda għal xi żmien l-ewwel waħda kienet iżjed tagħti fil-għajn, filwaqt li f’xi żmien ieħor tat-tieni ngħatat aktar attenzjoni. Ikun aħjar li kieku wieħed jarahom magħqudin flimkien f’armonija waħda.

Marija quddiemna bħala l-mudell tagħna

L-imitazzjoni ta’ Marija, l-ogħla fost il-kreaturi kollha, mogħtija lilna bħala mudell minn Alla nnifsu, turina lil Marija bħala mudell tal-virtujiet kollha. Hija l-mera li fiha għandna dejjem naraw lilna nfusna, hija l-omm li l-ulied għandhom ifittxu li jkunu jixbhu dejjem aktar.

F’ġabra ta’ manuskritti antiki ta’ l-ewwel żminijiet ta’ l-Ordni, miġmugħa mill-Karmelitan Filippu Ribot, Spanjol, ppubblikati fil-bidu tas-seklu 16, insibu trattat li jolqtok fuq din l-imitazzjoni Marjana. Kemm huma antiki dawn il-manuskitti ma nistgħux ngħidu sewwa. Zgur li huma eqdem minn tmiem is-seklu 14, meta diġà kienu magħdudin bħala antiki. Patri Gabriel Wessels jgħid bla tlaqlieq li huma tal-Karmelitan magħruf Ingliż, Ġwann Baconthorpe, li għix għal bidu tas-seklu 14.

L-awtur jagħtina abbozz qasir tar-Regula ta’ l-Ordni u jikkonkludi li l-Karmelitan, biex josserva r-Regula, biżżejjed li jħares lejn Marija; hija l-eżempju li fuqu hu għandu jimxi. Fil-fehma tiegħu, l-Ordni bir-raġun kollu jġib l-isem ta’ Aħwa tal-Madonna, ladarba hija pprattikat qabilna dak kollu li hu ordnat fir-Regula. Imbagħad ifaħħar l-ubbidjenza, is-safa u l-faqar appostoliku tagħha. L-istess bħalma tamar ir-Regula ta’ l-Ordni, hi għażlet li tgħammar f’postijiet ‘il bogħod mill-agħa tad-dinja: fis-solitudni tad-dwejra ta’ Nażaret, fl-għar imwarrab ta’ Betlem, fil-faqar ta’ l-Eġittu. Dwar l-osservanza tas-silenzju, jinnota kemm hu ftit il-kliem imlissen minn Marija li nsibu mniżżel fl-Iskrittura. U jibqa’ sejjer b’sensiela ta’ eżempji. Xi drabi x-xbihat li jagħti huma xi ftit imġebbdin, iżda t-tagħlim li jiġbed minnhom jaqbel mal-kliem u l-ispirtu tar-Regula. L-għan tiegħu li jqiegħed quddiem għajnejn il-Karmelitani dawn il-fatti kollha ta’ ħajjet Marija, mhux ħlief biex juri li meta huma josservaw ir-Regula bir-reqqa kollha, ikunu qed jimxu fuq il-passi ta’ Ommhom l-għażiża.

Marija fina bħallikieku tgħix bina

Hemm ukoll ħsieb ieħor aktar profond fid-devozzjoni Karmelitana lejn il-Madonna. Tabilħaqq huwa msejjes fuq ta’ qabel, u ma nistgħux ngħidu li ma kienx magħruf fl-ewwel żminijiet ta’ l-istorja ta’ l-Ordni, għalkemm ingħata aktar importanza iżjed tard. Min-naħa tiegħi, jogħġobni nsejjaħlu l-għaqda ma’ Marija. Jekk irridu li ħajjitna tkun taqbel ma’ dik ta’ Marija biex isħaħ ikun l-hena tagħna fl-għaqda ma’ Alla, irridu nimxu fuq l-eżempju tal-Madonna u nkunu qisna hi. Irridu nħallu ‘l Marija tgħix fina u mhux wieqfa barra ħdejn bieb qalbna. Hajjet ir-reliġjuż Karmelitan għandha tkun hekk ta’ xebh wieħed mal-Madonna, illi hu jkun qed jgħix ma’, bi, fi, u għal Marija.

Fiż-żminijiet tan-nofs, l-ewwel perjodu ta’ l-istorja ta’ l-Ordni, insibu ġa mxerred dan il-ħsieb taħt l-isem ta’ servi ta’ Marija. Anzi, f’dak iż-żmien, kien jintuża wkoll isem eħrex, dak ta’ skjavi. Fis-seklu 18, San Grignon de Montfort ġibed mill-ġdid l-attenzjoni lejn din id-devozzjoni Marjana hekk qawwija. Huwa kiteb trattat fuq il-Vera Devozzjoni lejn il-Madonna, li baqa’ mhux magħruf matul ħajtu kif ukoll għal żmien twil wara mewtu. Kien biss fis-sena 1842 li nstab, ġie ppubblikat u mxerred mad-dinja kollha. Fih tagħlim mill-isbaħ dwar il-ħajja Marjana, iżda xejn ġdid. Mhux talli dak l-istess tagħlim kien diġà jeżisti fiż-żminijiet tan-nofs, iżda talli wkoll fiż-żminijiet ta’ wara ġie żviluppat tajjeb ferm mill-iskola mistika tal-Karmelu. Dawk in-nies li m’għandhomx ħlief kliem ta’ foħrija għat-trattat tal-Vera Devozzjoni lejn Marija ta’ San Grignon de Montfort, huma stess jammettu li l-Qaddis kellu bħala mudell kittieb magħruf tat-teoloġija mistika Karmelitana, il-Provinċjal tal-Karmelitani ta’ l-Olanda: Mikiel ta’ Santu Wistin (Ballaert). Dan l-awtur tas-seklu sbatax ippubblika t-trattat tiegħu fuq il-Vera Devozzjoni lejn il-Madonna sentejn qabel ma twieled San Grignon de Montfort. U matul ħajjet il-qaddis, xogħol il-Karmelitan ġie maqlub u stampat bil-Latin u bl-Olandiż.

Huwa (Ballaert) jara f’Marija l-Medjatriċi tal-grazzji kollha u jgħid li, bħalma l-grazzja ta’ Alla jew ta’ l-Ispirtu s-Santu, mogħtija lil dawk li huma lesti li jilqgħuha, tagħmilhom attivi u tixgħel fihom il-ħajja ta’ Alla hekk ukoll il-grazzja li naqilgħu permezz ta’ Marija u l-ispirtu tagħha, jixegħlu fina ħajja tassew Marjana. Irid li l-ispirtu ta’ Marija jgħammar fina biex aħna nkunu nistgħu ngħixu f’dan l-ispirtu. Bħalma aħna għandna ngħixu f’Alla, naħdmu u nħabirku fih, ngħixu u mmutu fih, hekk ukoll nistgħu ngħixu f’Marija minħabba fl-għaqda intima ta’ Marija ma’ Alla u minħabba fl-għażla tagħha bħala Medjatriċi tal-grazzji kollha.

Il-Karmelitan Marija ieħor

Sabiħa kemm hi sabiħa l-għamla tad-devozzjoni lejn il-Madonna li jiddeskrivi Patri Mikiel ta’ Santu Wistin fix-xoġħlijiet tiegħu, b’danakollu hemm għamla oħra iżjed ħajja ta’ dik id-devozzjoni fit-tradizzjoni tal-Karmelu. Patri Mikiel, fit-trattat li semmejna, jagħti xi ħjiel tagħha, iżda ma jiżviluppahiex. Għalhekk, biex niskandaljaw il-fond għammieq ta’ l-iskola tal-Karmelu, jeħtieġ naraw l-aqwa karatteristiċi tagħha. Insiru nixbħu lil Marija, billi fuq kollox nagħrfuha bħala l-kreatura li kisbet l-ogħla perfezzjoni li qatt bniedem seta’ jilħaq megħjun mill-grazzja ta’ Alla. Aħna wkoll nistgħu b’xi mod naslu għal din il-perfezzjoni, jekk aħna nfasslu ħajjitna fuq Marija u ningħaqdu magħha. Dan għandu jkun l-għan tad-devozzjoni tagħna lejn il-Madonna, li aħna nsiru bħal omm oħra ta’ Alla, li Alla jitnissel ukoll fina u jitwieled minna. Il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni wriena kemm il-bniedem huwa għażiż għal Alla, u kemm Alla jrid li l-bniedem isir ħaġa waħda miegħu. Dan il-misteru jġibilna quddiem għajnena t-tnissil minn dejjem ta’ l-Iben mill-Missier bħala raġuni ewlenija ta’ dan il-misteru ta’ Mħabba. Fit-tliet quddisiet tal-Milied, l-ewwel infakkru t-twelid ta’ Ġesù mill-Missier, imbagħad twelidu mill-Imqaddsa Verġni Marija u fl-aħħar it-twelid ta’ Alla fina. Dan ma jsirx għal xejn, iżda biex aħna nifhmu li dawk it-tliet modi tat-twelid huma rivelazzjoni ta’ l-imħabba waħdanija u bla tmiem ta’ Alla. Għalina l-Milied għandu jkun kuljum u dejjem. M’għandna qatt ninsew li dawk it-tliet modi tat-twelid huma bħal tliet fażijiet ta’ proċess wieħed kbir ta’ mħabba.

Marija hija bint Alla l-Missier, Omm Alla l-Iben, u għarusa ta’ Alla l-Ispirtu s-Santu. Fiha twettqu dawk it-tliet modi ta’ twelid li semmejna. Għalhekk għandna mitgħallmu minnha kif aħna wkoll nistgħu nwettquhom, għax aħna wkoll intgħażilna mit-Trinità Qaddisa biex inkunu tempji tagħha u jkollna sehem mill-privileġġi li nammiraw f’Marija; lilna wkoll Alla jrid jagħnina bihom. Jekk inħarsu lejn il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni f’dan id-dawl, jiena nagħżel li nsejjaħlu “ġabra fil-qosor tat-tagħlim mistiku Karmelitan u ta’ l-istess ħajja spiritwali tal-Karmelu”.

Ġirasol fi ġnien il-Karmelu

Id-devozzjoni lejn il-Madonna hija waħda mill-isbaħ ward ta’ ġnien il-Karmelu. Nagħżel li nsejħilha ġirasol, għaliex tiżboq lill-oħrajn kollha fl-għoli tagħha. Imwieżna minn zokk twil mimli weraq aħdar, hija saħansitra togħla ‘l fuq mill-istess weraq.

Hija karatteristika ta’ din il-warda li ddur dejjem lejn ix-xemx u li wkoll tixbaħha fid-dehra tagħha. Hija warda ordinarja, tista’ tikber f’kull ġnien u ssebbħu. Twila u b’saħħitha, hija xxenxel egħruqha fil-fond bħal siġra. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għad-devozzjoni lejn il-Madonna, m’hemm ebda devozzjoni oħra isbaħ minnha. Fl-għadd tal-petali torja, u l-weraq ħadrani tagħha, nistgħu naraw il-kotra kbira ta’ grazzji li bihom hija mogħnija din id-devozzjoni. Il-warda nnifisha tirrappreżenta ruħ il-bniedem maħluqa fuq ix-xbiha ta’ Alla biex tassorbixxi fiha d-dawl xemxi tal-ħniena ta’ Alla. Mela huma bħal żewġt ixmux li d-dawl ta’ waħda jiddi f’ta’ l-oħra, waħda tixħet raġġi ta’ dawl bla qies u l-oħra tassorbixxi dak id-dawl, tixgħel bih u tibda tilma bħal xemx oħra. Hekk tissaħħar mir-raġġi tax-xemx li jiddu fuqha, ix-xemx divina, li ma tkunx tiflaħ titwarrab minnha, imma trid tgħix biss għaliha u biha. Hekk kienet Marija bħal din il-warda. Bħalha aħna wkoll, għax ward miż-żerriegħa tagħha, ngħollu l-blanzuni tagħna lejn ix-xemx, dak Alla li niżel f’Marija, u hu jitfa’ fuqna wkoll ir-raġġi tad-dawl u s-sħana tiegħu.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage