Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


5. SEBĦ ĠDID: IS-SORIJIET KARMELITANI,
IL-BEATU ĠWANN SORETH

mill-Beatu Titu Brandsma, O.Carm.

Fil-qosor:
It-Twaqqif tas-Sorijiet Karmelitani jżid il-għadd tal-Kontemplattivi
Franġiska d’Amboise u l-Monasteru tagħha xempju ta’ Osservanza
Tifsir tar-Regula – Is-Solitudni fiċ-Cella Interjuri u Esterjuri
Tliet suġġett tal-meditazzjoni
Il-Meditazzjoni fuq il-Kotba Mqaddsa u kotba Spiritwali
Il-Meditazzjoni fuqna nfusna
Hajja Spiritwali Sistemata
Il-Ħtieġa tat-Talb
Il-Ġawhra Prezzjuża

It-Twaqqif tas-Sorijiet Karmelitani jżid il-għadd
tal-Kontemplattivi

L-Abbati Trithemius Benedittin, isejjaħ lill-Beatu Ġwann Soreth: “Mera tal-ħajja monastika, ġieħ u glorja ta’ l-Ordni Karmelitan, riformatur li rari għad jidhru bħalu fil-ġejjieni, bniedem mogħti kollu kemm hu għal Alla u biex imexxi ‘l quddiem l-Ordni tiegħu fil-kontemplazzjoni u t-talb.

Fis-sena 1451, meta Soreth intgħażel Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan, il-Majjistru Rolando Briso, Dumnikan, mar jgħati l-ogħla tifħir lil Soreth. Sejjaħlu l-aktar saċerdot denn fil-Knisja ta’ Alla. Min-naħa tiegħu Patri Brugman, Franġiskan, għalkemm kien iħobb ħafna l-Ordni tiegħu Serafiku, ma naqasx jistqarr li “Patri Soreth huwa mexxj kbir, dawl u gwida mhux biss għall-Ordni tiegħu, iżda għall-Ordnijiet Mendikanti kollha”. Idur imbagħad lejn Alla u jgħidlu: “O Alla ta’ dejjem, kemm nixtieq li l-Ordni tal-Franġiskani Minuri rċieva mill-ħniena tiegħek mexxej bħal dan! Kemm kieku l-affarijiet kienu jimxu ‘l quddiem! Kemm kieku l-Ordni għażiż tiegħi kien jikber u jixtered!”

U tabilħaqq, Soreth kien il-mibgħut ta’ Alla fis-siegħa diffiċli li l-Ordni Karmelitan kien għaddej minnha. Fuq kollox huwa kien magħżul minn Alla biex jagħti bidu u ħajja fl-Ordni Karmelitan lir-reliġjużi nisa. Kien hu l-fundatur ta’ l-istituzzjoni tas-Sorijiet Karmelitani. Santa Tereża tgħid li Alla dejjem jagħti grazzji speċjali lill-fundaturi ta’ l-Ordnijiet. Hu dmir tagħhom li jgħaddu lill-oħrajn ħafna ġid spiritwali. Iżda, jekk huma stess ma jkunux mogħnija u mimlija b’dan il-ġid kotran ta’ grazzji, kif jistgħu jaqsmuh ma dawk li jridu jmexxu u jgħinu?

Ta’ min hawnhekk jistaqsi jekk Soreth kellux xi ħsieb ieħor barra minn dak ta’ grupp ġdid ta’ nies biex jaqsam fil-grazzji u l-privileġġi kollha ta’ l-Ordni Karmelitan? Le ma kellux u l-istorja ssaħħaħ kliemi. Ma kienx biex l-Ordni joktor dejjem iżjed fl-għadd, iżda biss biex eluf ta’ nisa jkunu jistgħu jaqsmu f’dak li kienu jgawdu eluf ta’ rġiel fi ħdan l-Ordni.

Ħadd ma jista’ jiċħad li minħabba l-kuntatt mad-dinja l-Ordni ma kienx tilef ħafna mill-fervur li kellu fil-bidu, minkejja li min kien imexxih ħadd ma kien jisbqu fi żmienu u minkejja li l-Ordni kellu fi ħdanu ħafna reliġjużi ta’ ħajja qaddisa. Qdusithom ma kinetx għadha magħrufa, iżda ntweriet maż-żmien u l-Knisja wettqitha. Fil-Portugall kien hemm il-Beatu Nonju li kellu waħda minn uliedu miżżewġa għand familja rjali ta’ Braganza. Wara li romol, hu daħal Fra fil-Karmelu ta’ Lisbona. Fl-Italja kien hemm Anġlu Wistin Mazzinghi, ir-riformatur ewlieni tal-Karmelu Taljan, kif ukoll il-Beatu Bartilmew Fanti u l-Beatu Battista ta’ Mantova, it-tnejn kellhom parti ewlenija fir-riforma Karmelitana ta’ l-Italja ta’ fuq. Kien hemm ukoll il-Beati Avertan u Romeo, pellegrini twajba li mietu ‘l bogħod minn arthom u huma miqjumin bħala Qddisin f’Lucca; u l-Beatu Ġakomin, Fra, xempju tal-għaġeb ta’ l-ubbidjenza. Iżda l-lista ma kienet tispiċċa qatt li kieku kelli nagħti l-ismijiet ta’ dawk kollha li għexu f’dak iż-żmien u li baqgħu mfakkra għall-qdusija tagħhom.

Nistgħu ngħidu li, min-naħa l-waħda kienet il-qdusija ta’ ħafna mill-membri tiegħu li qalgħet lill-Ordni grazzji u favuri ġodda mingħand Alla, u min-naħa l-oħra li t-twaqqif tas-Sorijiet kien rigal mogħti lill-Ordni mir-rieda għal kollox ħielsa ta’ Alla. Il-Beatu Ġwann Soreth kellu ħafna għal qalbu dan it-twaqqif għaliex is-sorijiet b’ħajja kontemplattiva aktar stretta, setgħu jissupplixxu lill-Ordni għal dak li l-Patrijiet, minħabba fil-ħajja attiva tagħhom fid-dinja, ħidma li baqgħet dejjem tiżdied, ma ngħidx li nsew għal kollox iżda li xi ftit jew wisq warrbu fil-ġenb, għalkemm il-ħajja kontemplattiva kienet il-karatteristika ewlenija ta’ l-Ordni.

Bil-membri ġodda li daħlu fl-Ordni, il-Karmelu mhux biss żdied fil-għadd, iżda wkoll żdiedet fih minnufih, b’ferħ kbir, il-ħajja spiritwali Karmelitana. U kien kbir il-għadd ta’ l-aspiranti ġodda; għadd kbir ta’ nisa twajba ngħaqdu mal-Patrijiet biex isaħħu dejjem aktar l-element kontemplattiv mitlub mill-vokazzjoni Karmelitana. B’daqshekk ma rridux ngħidu li l-Patrijiet ħallew il-kontemplazzjoni bil-ferħ kollu li ġġib magħha u għaddewha għal kollox lis-Sorijiet. Ħajjet il-Beatu Soreth stess turi l-maqlub. Bħal qabel, il-kontemplazzjoni tal-liġi ta’ Alla baqgħet l-għan ewlieni ta’ l-Ordni, iżda bla dubju ta’ xejn iż-żjieda fil-ħajja attiva kienet ta’ spiss tħalli lill-Patrijiet ftit ħin għall-kontemplazzjoni u taljenahom mill-ideal hekk għoli tal-milja tal-kontemplazzjoni.

It-twaqqif tas-Sorijiet Karmelitani (tal-Klawsura) bħala t-Tieni Ordni fil-Karmelu, li minn dak inhar ‘l quddiem kellu jħaddan fih reliġjużi rġiel u nisa, kien bħal rahan li l-ewwel u l-ogħla għan ta’ l-Ordni kien ta’ min jagħmel ħiltu kollha biex jiksbu. Is-Sorijiet ma’ kellhomx jissuplixxu biss għal dak li l-Patrijiet, minħabba t-taħbit u t-toqol tax-xogħol pastorali fost il-poplu, aktarx li nsew, iżda wkoll li jwettqu xi ħaġa iżjed. Dmirhom kien li jsaħħu u jikkonfermaw l-kariżma ta’ l-Ordni u jagħmluha tilma aktar minn qatt qabel.

Billi kienu aktar maqtugħin mid-dinja (għax klawsura), huma setgħu jagħtu ruħhom b’ħeffa akbar lil Alla u Hu, min-naħa tiegħu, jippremjahom ta’ l-isforsi tagħhom. Dawn is-sorijiet kienu biex ngħid hekk, il-kuruna u l-glorja ta’ l-Ordni, għaliex urew bid-dieher li l-aktar ħaġa qaddisa f’din l-art, il-kontemplazzjoni ta’ Alla, kienet xi ħaġa proprja tal-Karmelu. Kienu grupp ta’ nisa ta’ enerġija kbira li jqisu l-vokazzjoni tagħhom bħal dik ta’ Marija oħra fis-skiet tal-monasteru, dik Marija (tal-Vanġelu) li għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.

B’hekk mhux talli ssewwa nuqqas kbir u mtela vojt ta’ ħtieġa, iżda talli wkoll kien hemm qligħ li jixraq li jitniżżel bil-miktub, għaliex l-Ordni nissel issa mill-ġdid is-sejħa proprja tiegħu fil-biċċa l-kbira tal-membri. L-aħjar ħaġa hi li wieħed iħares lejn l-affarijiet mil-lat pożittiv, u jsejjaħ iċ-ċertezza tal-kisba tal-għan ta’ l-Ordni, ukoll jekk minn għadd limitat tal-imseħbin tiegħu, qligħ ta’ valur tassew kbir.

Għalhekk, nagħtu merħba lis-Sorijiet Karmelitani ta’ Geldern u tal-monasteri kollha li ġew wara, b’ferħ bla qies. Sfilata twila twila ta’ dawn is-Sorijiet tgħaddi minn quddiem għajnejna u nistħajluha bħala armata kbira ta’ suldati rebbiħin, għaliex huma rnexxielhom jilħqu l-għan ewlieni ta’ l-Ordni Karmelitan. Flimkien magħhom inħossuna aktar qawwijin u fiż-żgur; nistgħu nixterdu magħhom mad-dinja kollha, billi naqsmu magħhom l-istess ideal. Ġeneralment, il-Patrijiet huma mitluba li jżommu ħajja t-tifkira ta’ dan l-ideal fil-qalb u r-ruħ tas-Sorijiet. Min-naħa l-oħra, l-eżempju tas-Sorijiet għandu jqanqal lill-patrijiet biex iħabirku aktar biex jilħqu l-istess ideal, għax hu komuni għat-tnejn. Jekk l-Iskrittura Mqaddsa tgħid li l-aħwa, meta jgħinu lil xulxin, iħossuhom qawwijin bħal belt imdawra bis-swar; mela kemm għandu jħossu qawwi l-Ordni, kemm għandhom iħossuhom qawwijin l-aħwa Karmelitani, issa li qegħdin jaraw ma’ ġenbhom, min mindu twaqqaf il-monasteru ta’ Geldern, dan l-eżerċtu bla għadd ta’ Sorijiet! Nistħajjel il-viżjoni tal-Profeta Eliżew għaddejja minn quddiem għajnejja, nistħajjilni qed nara l-Ordni mdawwar u magħluq minn eżerċitu bla għadd ta’ suldati armati li jneħħuli kull biża’ li l-ispirtu ta’ din id-dinja għad xi darba ikaxkar miegħu lil dawn ir-reliġjużi.

Franġiska d’Amboise u l-Monasteru tagħha xempju ta’
Osservanza

Il-monasteru ta’ Geldern ma damx waħdu żmien twil. Wara ftit infetħu bosta monasteri u djar reliġjużi kemm fil-Belġju u kemm fil-Provinċji tan-naħa ta’ Fuq ta’ l-Olanda u tat-Tramuntana ta’ Franza. Ftit aktar tard, ukoll fl-Italja u fi Spanja. Okkażjoni tassew tajba, kif il-Mulej jippermetti ta’ spiss meta jitwaqqaf xi Ordni, ingħatat lill-Karmelitani fin-naħa ta’ Fuq ta’ Franza. Kienet dik tad-dħul fl-Ordni ta’ mara ta’ ħajja qaddisa, Franġiska Ambouse, Dukessa tal-Brettanja (Franza), li wara l-mewt bikrija ta’ żewġha ċaħdet għal kull imħabba tad-dinja u ngħatat kollha kemm hi għall-Mulej. Id-dħul tagħha fil-Karmelu ġibed attenzjoni kbira lejn l-Ordni u għamlu magħruf fi mkejjen oħra.

Alla laqqa’ lil Franġiska mal-Beatu Ġwann Soreth u dawn iż-żewġ erwieħ qaddisa mill-ewwel fehmu lil xulxin, Minkejja kull oppożizzjoni, ukoll mill-familja rjali, hija daħlet fl-Ordni u rċeviet il-velu minn idejn Soreth. L-eżempju tagħha ġibed ‘il ħafna oħrajn u fi żmien qasir il-komunità li laqgħet lil d’Amboise hekk kibret li kellu jinfetaħ monasteru ieħor f’Les Couets, qrib Nantes. Wara ftit taż-żmien, b’ordni tal-Papa, hi saret Superjura ta’ dak il-monasteru. Minħabba f’dik l-ordni u għalhekk biss hija aċċettat it-tmexxija tiegħu. Taħtha, dan il-monasteru sar magħruf għall-virtù erojka tiegħu u Alla ppremjaħ b’ħafna esperjenzi mistiċi. Għal żmien twil dam meqjus bħala l-prototip jew il-kampjun tal-monasteri Karmelitani. U mhux biss matul ħajjet Franġiska, iżda wkoll għal ħafna snin wara baqa’ jżomm l-isem tajjeb tiegħu. Fi żminijiet aktar imwaħħra, meta Santa Tereża ġiha f’moħħha li tagħmel l-osservanza tar-Regula aktar stretta, kif tikteb hi f’wieħed mill-kotba tagħha, kellha f’rasha li żżur wieħed mill-monasteri tat-Tramuntana ta’ l-Ewropa fejn kien hemm aktar osservanza tar-Regula u li kien qed jiffjorixxi b’mod tal-għaġeb. Hemm min jaħseb li hija kienet qiegħda tirreferi għall-monasteru ta’ Nantes li kien immexxi mill-Beata Franġiska d’Amboise.

Tifsir tar-Regula – Is-Solitudni fiċ-Cella Interjuri u Esterjuri

Il-Beatu Ġwann Soreth, bħala għajnuna għar-riforma li kien qed jipprova jwettaq, kiteb espożizzjoni tar-Regula kif kienet ġiet immitigata mill-ġdid fis-sena 1413. Ta’ min ikun jaf li hu waqqaf is-Sorijiet Karmelitani skond din ir-Regula mitigata u li kienet l-osservanza ta’ din ir-Regula li wasslet lis-Sorijiet fl-ogħla quċċata tal-ħajja mistika u għall-qdusija l-aktar kbira. F’xi kapitli nistgħu naraw x’kellu l-aktar f’moħħu meta huwa waqqaf dawk is-Sorijiet.

L-ewwel ħaġa li tolqotna hi t-tifħir bix-xaba’ li hu jagħti lis-solitudni u s-siwi kbir tal-qgħad fiċ-ċella għall-qdusija tagħna nfusna. Mill-kelma Latina “coelum”, huwa juri kif ir-reliġjuż, bir-rapport tiegħu kollu ħeġġa ma’ Alla fis-skiet taċ-ċella jasal biex jerfa’ moħħu lejn il-Mulej. Mill-ewwel jagħmel distinzjoni bejn ċella interna u esterna. Din ta’ l-aħħar isservi ta’ mezz biex nikkomunikaw kemm hu possibbli ma’ Alla u nagħarfu l-preżenza tiegħu. Iżid li ċ-ċella tiswa żgur mhux biss biex iż-żommna mbegħdin mid-dinja u n-nuqqasijiet tagħha, iżda fuq kollox biex tressaqna aktar lejn Alla, tagħtina s-sliem u s-serħan tal-qalb u aħna nintelqu għal kollox f’idejh.

Tliet suġġett tal-meditazzjoni

Il-mod ta’ kif wieħed għandu jittratta l-kontemplazzjoni, li għaliha l-ħajja fiċ-ċella għandha l-ewwelnett tkun iddedikata, hu ta’ min jagħti kasu sew.

Qabel xejn wieħed għandu jfittex li jitgħaxxaq bin-Natura, imbagħad jaqra silta mill-Kotba Mqaddsa u fl-aħħar jidħol daħla fih innifsu u jgħarbel ħajtu. Dawn it-tliet ħwejjeġ mhux bil-fors għandu jqishom bħallikieku ħaġa waħda, iżda iżjed bħala suġġetti li jistħoqqilhom trattament kull wieħed għalih matul il-ħinijiet diversi tal-meditazzjoni. Kull tant biss għandhom jitqiesu fir-rabta li hemm bejniethom.

L-ewwel ħaġa li jqegħdilna quddiem għajnejna l-Beatu Soreth hija l-ammirazzjoni tal-ħwejjeġ tal-għaġeb li għamel Alla. Jekk aħna nqanqlu fina dan is-sens ta’ ammirazzjoni, ma jistax jonqos li ma tiġiniex f’moħħna l-mistoqsija dwar il-pjanijiet mistura ta’ Alla, għaliex ħalaq dawn l-affarijiet kollha. Nippruvaw imbagħad ngħarblu l-problema u billi nħaddmu moħħna, mir-riflesjonijiet li aħna ngħamlu, biex niġbdu konklużjonijiet u b’hekk aħna ngħarfu l-għan u r-raġuni tal-ħolqien kollu.

Il-Meditazzjoni fuq il-Kotba Mqaddsa u kotba Spiritwali

It-tieni forma ta’ meditazzjoni hija l-qari tal-Kotba Mqaddsa u ta’ kotba spiritwali. Il-Beatu Soreth isemmi sitt passi jew tarġiet diversi li rridu nagħmlu jew nitilgħu biex nistgħu nogħlew fil-qdusija.

(a) L-ewwelnett għandna naqraw biex nagħarfu s-sewwa u biex inkabbru t-tagħrif tagħna tal-ħwejjeġ tas-sema. Il-ġibda għal dan it-tagħrif għandha tqanqalna biex naqraw l-Iskrittura Mqaddsa u kotba oħra li jedifikawna.

(b) Naqraw mhux biss biex inkunu nafu, iżda biex is-sewwa jidħol fina u jaħdem fuq moħħna, billi noqogħdu naħsbu fuq dak li naqraw u niżnuh sewwa. B’hekk il-qari ma jkunx tagħrif fieragħ, imma bħal qawwa li tgħollina ‘l fuq u twiżinna.

(c) Is-sewwa m’għandux biss idawlilna moħħna u jissodisfa l-kurżità tagħna, iżda jagħtina dik il-qawwa li toħroġna mill-egħluq tagħna nfusna u terfagħna ‘l fuq.

(d) Ir-raba’ pass jew tarġa hija li ma nibqgħux ma nagħmlu xejn, iżda li naqilbu moħħna billi naħsbu u nerġgħu naħsbu fuq dak li nkunu qrajna u ngħaqqduh ma dak li nkunu qrajna jew smajna qabel. B’hekk huwa jsir ħaġa ħajja u sħiħa u jagħti ċerta tmexxija lill-egħmejjel tagħna.

(e) Wara li nkunu assimiljajna jew għamilna ħaġa waħda magħna dak li nkunu qrajna, ngħamluh mill-ġdid is-suġġett tal-kontemplazzjoni tagħna biex hekk insibu l-hena fil-kisba tas-sewwa.

(f) Din ix-xorta ta’ kontemplazzjoni għandha tqajjem imħabbitna għal-liġijiet ta’ Alla, tagħtina għarfien profond ta’ dawk l-istess liġijiet u timliena bil-grazzja ta’ Alla, biex ninġibdu lejh u nwettqu dawk l-affarijiet li, għalkemm m’aħniex obligati għalihom, huma ta’ ġieħ u glorja għal Alla. Għalhekk għandna nagħmluhom jekk tabilħaqq inħobbuh.

Din l-imħabba għall-Liġi ta’ Alla u għall-glorja tiegħu jirnexxilha fl-aħħar tliġġem il-passjonijiet tagħna biex, iżjed ħielsa u inqas imxekkla mill-ġibdiet ħżiena tagħna, aħna nkunu nistgħu ningħaqdu ma’ Alla u naqdu lilu biss.

Il-Meditazzjoni fuqna nfusna

It-tielet forma ta’ meditazzjoni, l-eżami tagħna nfusna, titfisser ukoll b’sitt passi jew tarġiet.

(a) L-ewwelnett, tibda dejjem b’ħarsa lejn żewġ aspetti, wieħed intern u ieħor estern. Jeħtieġ li jkollna l-kuxjenza safja għal kollox biex inkunu dejjem lesti li nagħtu kont ‘l Alla ta’ l-egħmejjel tagħna. Fil-ħajja mbagħad esterna, għandna nfittxu li nkunu ta’ eżempju tajjeb għall-proxxmu tagħna. Lilna Alla qegħedna fost ħutna l-bmedmin l-oħra biex nirsistu flimkien ħalli nilħqu l-ideal għoli li huwa qiegħed quddiemna. Iżda, jekk aħna ma nħarsux b’għira qaddisa s-safa tal-kuxjenza tagħna ma nistgħux nimmeritaw internament.

(b) It-tieni ħaġa hi li nagħarfu lilna nfusna perfettament. Ma nkunux nafu biss x’aħna nagħmlu, iżda wkoll għaliex qegħdin nagħmlu dak l-egħmil. Ukoll, liema huma l-ġibdiet tagħna u fejn huma jistgħu jwassluna. Jeħtieġ li l-ġibdiet mistura noħorġuhom fil-beraħ ta’ moħħna u fuq kollox nagħarfu sewwa l-iskop tax-xejra tagħhom. Dan l-għarfien tagħna nfusna, tal-fond għammieq ta’ qalbna, huwa tabilħaqq diffiċli imma meħtieġ ferm.

(c) Hu dan l-għarfien li jiffissalna t-triq li għandna naqbdu f’ħajjitna u li minnha għandna ngħaddu biex nagħmlu progress bl-akbar ħeffa. Dan hu t-tielet pass jew tarġa tal-meditazzjoni tagħna. Is-suċċessi kif ukoll it-telfiet li nġarrbu għandna nimmeditaw fuqhom, biex jirnexxielna fl-aħħar infasslu l-aqwa pjan ta’ suċċess għal ħajjitna. Dak li nkunu bi ħsiebna nagħmlu ma nħalluhx għal dak il-waqt li fih inħossuna mnebbħin, iżda nippjanawh minn qabel, saħansitra ħajjitna kollha, biex hekk inkunu żguri mir-rebħa. Ħafna nies jaħdmu u jistinkaw biex jiksbu ħafna ħwejjeġ li forsi jidhru ta’ valur f’għajnejn il-bnedmin, filwaqt li ma jkollhomx ħerqa li jfittxu xinhu mitlub minnhom għall-ġid tagħhom stess biex jimxu aktar ‘il quddiem.

(d) Ir-raba’ pass għandu jkun ħarsa ġewwinija tagħna nfusna biex naslu biex nagħarfu iżjed u iżjed aħjar dak li dħalna għalih meta għażilna din il-ħajja reliġjuża li qegħdin ngħixu bil-wegħdiet li għamilna u bl-ubbidjenza tagħna lejn is-superjuri. Dak li dħalna għalih għandu jiġi dejjem qabel dak li aħna nagħmlu minn rajna u għax irridu. Haġa minn ewl id-dinja, m’għandniex nillimitaw ruħna għal dak li aħna obligati biss. L-imħabba għanda tħeġġiġna biex nagħmlu iżjed minn hekk, iżda dak li nagħmlu minn jeddna m’għandu qatt isir bi ħsara ta’ dmirna.

(e) Fil-ħames lok għandna bejn wieħed u ieħor twissija. M’hemmx għalfejn ngħidu, illi f’dawk il-meditazzjonijiet li huma r-riżultat ta’ daqqa ta’ għajn mill-ġdid ta’ ħajjitna, m’għandniex nintremew iżżejjed billi nitilfu kull stima tagħna nfusna, għax b’hekk malajr naqtgħu qalbna milli niksbu l-għan tagħna. Min-naħa l-oħra, lanqas m’għandu jkollna stima żejda tagħna nfusna u nippruvaw niksbu żżejjed. Hemm riskju fuq kull naħa, u għalhekk għandna nieħdu t-triq tan-nofs.

(f) Il-beatu Ġwann Soreth jagħlaq b’osservazzjoni oħra, is-sitt tarġa. Hija dik li għandna nżommu għajnena miftuħa għal dak biss li nkunu qegħdin nagħmlu dak il-ħin u li nagħlqu għajnejna għal kull ħaġa oħra, biex ma jiġrilniex li nabbandunaw dak li nkunu qegħdin nagħmlu bl-iskuża ta’ xi xogħol ieħor ta’ ġid.

Hajja Spiritwali Sistemata

Minn dak li għedna, meħud mit-tifsir tar-Regula, jidher ċar li l-Beatu Ġwann Soreth kellu mod sistematiku ħafna ta’ kif jitħarreġ fil-virtù u ta’ kif jitlob. Dan kien jaqbel għal kollox maż-żmien li għix fih u ma l-iskola li kien jirrappreżenta. Kien hemm min staqsa jekk Santa Tereża, fil-kitba meraviljuża tagħha dwar “It-Triq tal-Perfezzjoni” u “Il-Kastell Interjuri”, kenitx b’xi mod influwenzata mill-iskola Olandiża tad-“Devotio Moderna” li tisħaq ħafna fuq it-talb metodiku u t-taħriġ sistematiku tal-virtù, fl-“Exercitia” tagħha. Jien ngħid li iva, iżda ħarsti timraħ aktar il-bogħod mill-kitba ta’ Thomas a’ Kempis, Zerboldt von Zutphen u Garcia de Cisneros. Wisq naħseb li tiddependi mill-kitba tal-Beatu Ġwann Soreth minħabba fl-influwenza kbira li kellu fl-Ordni. Żgur li l-mistiċiżmu tiegħu huwa marbut sewwa ma’ dak tad-“Devotio Moderna”. Hu jagħmel enfażi kbira fuq il-qdusija attiva u t-taħriġ tal-virtù. B’hekk juri kemm kien tabilħaqq bniedem ta’ żmienu u tal-pajjiż li ħadem fih għall-ġid ta’ l-Ordni. Iżda fil-kas tagħna, ir-rabta li naraw bejn Soreth u Santa Tereża fit-tagħlim tagħhom dwar il-ħtieġa ta’ mod aktar metodiku fit-talb, hija sinjal li l-Qaddisa ta’ Avila bniet fuq is-sisien ta’ Ġwann Soreth, jiġifieri fuq dak li hu kien jisħaq kemm jiflaħ fir-riforma u fit-twaqqif tas-Sorijiet Karmelitani.

Il-Ħtieġa tat-Talb

Fit-tifsir tar-Regula, Soreth daħħal kapitlu sħiħ fuq it-talb. Fih huwa jirrikkmanda t-taħriġ tal-virtù kif ukoll it-tħejjija u t-taħriġ tat-talb. Jitkellem minn kif għandna nibnu l-ħajja spiritwali tagħna; nibnuha b’pass ta’ nemla u meqjus, biex is-sisien tagħha jkunu sodi u ma jċedu qatt. Jiċħad l-idea li s-sigħat tat-talb għandhom ikunu bħal oasijiet fid-deżert tal-ħajja. Bil-maqlub, isostni b’ħiltu kollha li t-talb għandu jkun minsuġ f’ħajjitna, infilsat fina, biex talbna jkun xhieda ta’ ħajjitna u minnaħa l-oħra, ħajjitna tkun xhieda tat-talb sinċier tagħna.

Qabel ma nibdew nitolbu, għandna nfittxu l-ewwelnett li moħħna jkun miġbur jew aħjar f’dak l-istat mixtieq u mitlub mit-talb. Għalhekk ir-Regula tgħid li għandna qabel xejn nikkontemplaw il-Liġijiet ta’ Alla u ħajjitna stess biex niksbu dak l-istat meħtieġ qabel ma nibdew nitolbu. Imbagħad nimmeditaw fuq is-suġġett li nkunu għażilna biex jiddomina t-talb tagħna. Dan l-istess ħsieb insibuh imtenni ninn Soreth, meta huwa jitkellem mill-armi spiritwali.

Soreth isemmi l-episodju bibliku ta’ meta David kellu jneħħi l-korazza li kien tah Sawl għax ma kienx tħarreġ biha. Iżid li din hija r-raġuni għaliex ir-Regula tridna li nkunu dejjem mehdijin f’xi xogħol, spiritwali jew materjali, biex inħarrġu l-fakultajiet kollha tagħna. B’eżempju huwa jsemmi żewġ persunaġġi l-aktar għolja li l-veru Karmelitan għandu dejjem izomm quddiem għajnejh: il-Madonna u l-Profeta Elija.

Il-Ġawhra Prezzjuża

Fit-taqsima dwar il-Kapitlu ta’ kull ġimgħa [ara Regula n.15], il-Beatu Ġwann Soreth ixebbah it-taħriġ tar-Regula mal-ħaġra prezzjuża tal-Vanġelu li xorta tibqa’ ta’ valur għalkemm imżebilħa minn xi wħud. Eżempju ieħor bibliku hu dak tal-parabbola tat-teżor moħbi li n-neguzjant għaqli jbiegħ kull ma jkollu biex ikun jista’ jixtri l-għalqa li jkun fiha dak it-teżor. Meta Soreth japplika dan it-teżor għal Kristu, jgħid li bħalma n-neguzjant irid, wara li jixtri l-għalqa, jħaffer biex isib it-teżor, hekk ukoll aħna rridu nidħlu dejjem iżjed fina nfusna biex insibu ‘l Kristu u ngħixu miegħu.

Ir-Regula Karmelitana hi bħal dik il-ġawhra prezzjuża. Għalhekk għandna nagħmlu minn kollox biex nosservawha. Biex imbagħad insibu t-teżor, irridu nħaffru billi ngħixu ħajja qaddisa kemm jista’ jkun. Din il-ħajja għandha bżonn ta’ l-għajnuna, tan-nutriment, biex tikber u togħla dejjem iżjed ‘il fuq. Dan hija tiksbu permezz tat-taħriġ bla waqfien tal-virtù. Fid-dawl jgħammex ta’ dawn il-virtijiet, ġmiel il-ħaġra prezzjuża jidher jilma iżjed.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage