Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


6. SANTA TEREŻA: IL-PROGRESS FIL-ĦAJJA MISTIKA

mill-Beatu Titu Brandsma, O.Carm.

Fil-qosor:
It-Tagħlim ta’ Santa Tereża
L-aħħar Erba’ Gradi tal-Ħajja Mistika
Il-Ħtieġa tal-Ġabra biex insibu ‘l Alla
L-Armonija bejn in-Naturali u s-Sopranaturali
Il-Kastell tad-Djamanti
Ġmiel Ruħna li ma jitfissirx u l-indifferenza tagħna ta’ min jitħassarha
It-Talb Affettiv imsejjes fuq it-Taħriġ ta’ l-Intellett
Il-Filosofija Sħiħa ta’ Santa Tereża: L-Isforzi Meħtieġa
Ħarsa pożittiva lejn il-Ħajja Spiritwali: Qawmien wara l-Mewt
Alla ħerqan li jgħinna – Ċess Spiritwali
Marija l-Mudell tagħna fil-ksib ta’ l-Ewwel Grad tal-Ħajja Mistika: It-Twelid ta’ Alla ġewwa Fina

It-Tagħlim ta’ Santa Tereża

Fl-okkażjoni tat-tielet ċentunarju mill-mewt ta’ Santa Tereża, il-Ġeneral tal-Ġiżwiti, Patri Martin, li f’dak iż-żmien kien professur f’Università ta’ Salamanca, niseġ tabilħaqq paniġirku mill-isbaħ fuq il-Qaddisa. Mhux biss damm it-tifħir ta’ din il-Qaddisa kbira ta’ Avila, żina u foħrija ta’ Spanja, imma wera wkoll it-taqsim tat-tagħlim tagħha. Dan id-diskors, maqlub f’ħafna lsna, ġie msejjaħ fit-traduzzjoni bil-Ġermaniż: “Trattat dettaljat fuq it-tagħlim mistiku ta’ Santa Tereża u fl-istess ħin stampa li ssaħħrek bi ġmielha ta’ ruħ kbira”. L-istess diskors sab ruħu fl-edizzjoni l-ġdida tax-xogħol klassiku ta’ Ribera fuq il-ħajja ta’ Santa Tereża: “Vida de Santa Teresa de Jesus”, ippublikat f’Barċellona fl-1908. Qiegħed bħala daħla għall-ħajja mistika u t-tagħlim mistiku ta’ din il-qaddisa.

Fil-fehma tal-Ġeneral li semmejna, l-ewwel tliet swali tal-“Kastell Interjuri” (ta’ Santa Tereża), huma x’aktarx ta’ karattru axxetiku, filwaqt li l-erbgħa l-oħra huma erba’ gradi tal-ħajja mistika. Dwar dawn ta’ l-aħħar jgħid hekk: “Fit-talb ta’ ġabra fuq stedina bil-ħlewwa tar-Ragħaj Divin, il-qawwiet jew il-fakultajiet tal-persuna jħossuhom bħallikieku miġbudin sewwa sew lejn iċ-ċentru tar-ruħ. F’dan l-istat huma jistgħu u għandhom iwieġbu għal dik is-sejħa divina. Fit-talb silenzjuz imbagħad huma jintrefgħu lejn il-Mulej, u tant ikun kbir il-ferħ li jġarrbu fil-preżenza tal-Maħbub tagħhom, li jitgħollew fi stat ta’ estasi fejn kull ħidma tagħhom naturali tibqa mgħaġġba. Din l-għaqda ma’ Alla traqqad lir-ruħ fir-raqda ta’ sliem u mħabba u, f’dak l-istat, hi ma tkunx tista’ taħseb aktar f’xi mezz li bih tkun tista’ tifred lilha nnifisha minn dan il-waqfien u mistrieħ f’Alla. Għalhekk ir-ruħ, billi bħallikieku ddub u tinħall f’Alla, tmut għad-dinja u għaliha nnifisha f’dan it-tieġ spiritwali tagħha m’Alla li jsir fis-sitt sala. Fis-seba’ sala, imbagħad, hija tibda ħajja ġdida, billi tingħata kollha kemm hi għas-servizz ta’ l-għarus tagħha tas-sema li miegħu hija magħquda b’rabta ta’ mħabba li ma tnħallx.” Ħalli nispjegaw dawn l-erba’ gradi ftit ieħor.

L-aħħar Erba’ Gradi tal-Ħajja Mistika

L-ewwelnett, fir-raba’ sala tal-Kastell (“Kastell Interjuri”), Santa Tereża titkellem mill-ġabra u mill-ħtieġa tas-sejbien ta’ Alla fiċ-ċentru tar-ruħ, dak Alla li jgħammar fina. Jeħtieġ li tinkiseb miegħu għaqda l-aktar perfetta. Skond din il-Qaddisa, dik il-ġabra twassal għal stat ta’ kwiet u kuntentizza, imma wkoll ta’ jasar b’dak li tara r-ruħ fiha nnifisha. Wara l-ġabra, hija tilmaħ, bħala l-aqwa ġid, il-Maħbub tagħha, dak li jgħammar fir-ruħ u li m’għandux jitfittex band’oħra. L-għarfien tal-kisba u tal-preżenza tiegħu jimlew lir-ruħ b’ferħ sieket li jassar il-qawwiet tagħha u jitfgħu l-attenzjoni kollha fuq Alla.

Fil-ħames sala, il-fakultajiet tar-ruħ jidhru bħallikieku mhux milħuqa minn impressjonijiet li ħwejjeġ oħra barranin għal Alla jkunu jridu jwettqu fuqhom. Huma jidhru bħallikieku maqtugħin għal kollox mill-ħajja esterna u mogħtijin biss għall-kontemplazzjoni ta’ dak li huwa ogħla minn kull ħaġ’oħra u jrid il-kontemplazzjoni tagħhom kollha lejħ. Jidhru bħallikieku qegħdin f’raqda spiritwali fejn ir-ruħ toħlom biss bil-Maħbub tagħha. Għalkemm impressjonijiet differenti tad-dinja esterna jippruvaw ifixklu u jisfrattaw din ir-raqda, u għalkemm ir-ruħ xi drabi tistenbah minn din il-ħolma, b’danakollu xorta waħda ma tantx tista’ tintlaħaq minn dawk l-impressjonijiet kollha u tagħmel ħilitha biex terġa’ tidħol f’dik in-nagħsa ħelwa u biex tingħata kollha kemm hi għall-kontemplazzjoni tal-Maħbub tagħha. Spiss dik ir-raqda spiritwali tegħleb qawwiet ir-ruħ u dawn, minnaħa tagħhom, ma jkunux jistgħu jokkupaw ruħhom iżjed f’affarijiet tad-dinja jew iqumu minn dik in-nagħsa.

Fis-sitt palazz, ir-ruħ hija mitlufa għal kollox fil-kontemplazzjoni, titpaxxa bl-oġġett ta’ mħabbitha. Għad-dinja qisha mejta u minsija. Tinxteħet imbagħad fi ħdan il-Maħbub tagħha u titgħarsu. Tkun trid toqgħod biss miegħu, għaliex ma tħossx l-ebda ġibda għad-dinja, la trid taraha u lanqas tisma iżjed biha. Alla huwa l-ġid waħdieni tagħha, u fih hija ssib il-mistrieħ tagħha. Fl-għarfien tal-għaqda tagħha miegħu, ir-ruħ hija hekk ferħana li ma tkun trid qatt iżjed tinfired minnu. Wara li l-fedeltà tagħha tkun ġiet ippruvata, il-Maħbub jgħaqqad imħabbitha ma’ mħabbtu u jiċċelebra mar-ruħ l-għaqda taż-żwieġ spiritwali.

Fis-seba’ sala, ir-ruħ tgħix biss fil- u bil-Maħbub tagħha. Hija tat lilha nnifisha kollha kemm hi lill-Għarus tagħha u hija bħal għodda mħejjija f’idejn Alla, la titlaq idejh u lanqas terġa’ lura miż-żwieġ tagħha anki jekk stess ikollha kuntatti mad-dinja. Hija qamet għal ħajja ġdida, ħajja li fiha dak li hu naturali u dak li hu sopranaturali jitwaħħdu b’mod tal-għaġeb. Xejn ma jista’ jifred ir-ruħ mill-kontemplazzjoni tal-Maħbub tagħha, li lilu tqim fiha nnifisha u tħaddan b’espressjonijiet ta’ mħabba. Lilu tara f’kull ħaġa, u lir-rieda tiegħu tfaħħar u tagħti kull ġieħ. F’kelma waħda, tgħix miegħu f’għaqda intima u mhux biss tat ruħha lilu, imma miġbuda minn imħabbtu, żgur li qatt ma terġa’ titwarrab minnu.

Ġabra u skiet, ngħas u rqad spiritwali, ħajja u mewt, qawmien u ħajja ġdida infuża minn Alla - dawn huma l-erba’ gradi tal-ħajja mistika kif imfissra minn Santa Tereża f’erba’ stati psikoloġiċi li jiġu wara xulxin, kull wieħed minnhom iżid l-għaqda intima ma’ Alla.

Il-Ħtieġa tal-Ġabra biex insibu ‘l Alla

Il-kwadru tal-ħajja mistika li tagħti Santa Tereża huwa bħal xi ħaġa li tiżviluppa fir-ruħ, skond il-ħila naturali tagħha, sa ma l-qawwiet tal-bniedem fl-aħħar jitwettqu. Kien Alla li nissilhom fil-bniedem u jitwettqu meta r-ruħ tagħraf li hija tista’ tilħaq dak il-grad għoli ta’ perfezzjoni, u għalhekk, terħi lilha nnifisha kollha kemm hi f’idejn il-Mulej li hu biss jista’ jerfagħha għall-ogħla dinjità. Għal dan kollu Alla ma jitlob xejn mir-ruħ għajr li tagħmel ir-rieda tiegħu u xewqatu, tafda fih u fih biss issib il-hena tagħha. Lilu togħġbu l-imħabba sistematika, u din hi l-imħabba li hu stess jitlob mir-ruħ. Ma jipprojbix l-imħabba ta’ ħwejjeġ maħluqa, imma jrid li r-ruħ tħobb lilu fuq kull ħaġa oħra, u l-oħrajn kollha fih u bih u miegħu biss.

Billi l-imħabba x’aktarx għandha mill-pinnur, Alla jitlob l-ewwel ir-ruħ biex tidħol daħla fiha nnifisha u tikkontemplah bħallikieku jgħix fiċ-ċentru ta’ qalbha.

Huwa jkun qiegħed hemm wieqaf fil-bieb ta’ dik is-sala ta’ ġewwa nett, iħabbat u jitlob lir-ruħ biex tmur għandu u mhux toqgħod tiġġerra fis-swali ta’ fuq barra bħallikieku hu, il-Mistieden, ma kienx fil-qrib. Jeħtieġ li hi tinsa u twarrab kollox u tingħaqad miegħu f’dik it-taqsima ta’ ġewwa nett. Jekk hija tidħol, imbagħad tkun tista’ tifli kollox u minn hemm tgħaddi u ddur il-kastell kollu. Kollox imbagħad isir tar-ruħ bħalma kollox huwa ta’ Alla.

Mela l-ħajja mistika hija pjan sistematiku, arranġament tal-fakultajiet tar-ruħ fil-kisba ta’ l-oġġett tat-tagħrif u mħabba. Billi Alla, l-awtur ta’ kull hena u ferħ, huwa l-ogħla u l-aktar oġġett li jissodisfa dak it-tagħrif u mħabba, skond il-liġi ta’ l-imħabba għandu jiġi hu l-ewwel. Li hekk għandu jkun, jirriżulta mhux biss mill-perfezzjoni infinita u qatt miżbuqa ta’ l-essenza u n-natura ta’ Essri Divin fih innifsu, iżda wkoll għaliex dak kollu li nafu u mħobbu jiddependi minnu. Alla huwa l-ħallieq u dak li jżomm sħiħ il-ħolqien kollu. Għalhekk ħidmietu tasal sa fuqna, imma mkien mhu hekk qribna daqs meta jkun fina. Għalhekk, hawnhekk għandna l-ewwelnett nippruvaw insibuh u narawh.

L-Armonija bejn in-Naturali u s-Sopranaturali

Hawnhekk ukoll teżisti armonija tal-għaġeb bejn dak li hu naturali u dak li hu sopranaturali, bejn il-ħajja tal-grazzja u l-ħajja mistika, xmara soprabbondanti tal-grazzja. Alla, biex ngħid hekk, ikabbar il-ħlejqa tiegħu u jgħolliha għall-ogħla perfezzjoni. Billi l-proċess isir pass pass, għalhekk ma tkunx ħaġa tqila għan-natura tal-bniedem. Min-naħa l-oħra, billi fl-istess ħin ir-ruħ titgħolla ferm ‘il fuq mill-qawwiet tan-natura, għalhekk tkun teħtieġ il-grazzja t’Alla li hi biss tista’ terfagħha f’dak l-għoli u tmexxi lin-natura lejn ideal imwaqqaf minn Alla. B’danakollu, għolja kemm hi għolja din il-perfezzjoni fuq qawwiet in-natura, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija ħidma tan-natura, jiġifieri t-twettiq ta’ dik il-possibbilta’ li Alla jqiegħed fir-ruh, għalkemm il-mezz waħdieni biex setgħet titwettaq mhux għajr intervent immedjat ta’ Alla.

Il-Kastell tad-Djamanti

Santa Tereża fil-kastell tad-djamanti li tara fir-ruħ, tqiegħed ix-xemx bħala l-għajn li ddawwal is-sala ta’ ġewwa nett. Ir-raġġi tagħha jaslu wkoll sas-swali bla għadd tal-qrib, iżda bilkemm jinfiltraw f’dawk ta’ fuq in-naħa ta’ barra, għax imtappnin b’kull xorta ta’ xkiel.

Id-dawl qawwi li jkun ġej mis-sala ċentrali jġegħilna niftħu għajnejna u nersqu lejn is-swali ta’ ġewwa biex naraw ċar id-dawl fil-leħħa kollha tiegħu u niddawlu b’dijietu. Huwa sewwa sew hawnhekk li Santa Tereża titkellem kemm mix-xbiha tad-dawl bir-raġġi tiegħu ħerġin mill-fond tar-ruħ u kemm mit-taħbit u s-serħan tal-Mulej biex ir-ruħ tidħol fis-sala ta’ ġewwa nett. Fis-swali tan-naħa ta’ barra mdawrin mill-kastell, is-sejħa bilkemm tinstema’, iżda hieni l-bniedem li meta jisma’ l-leħen, iwieġeb għas-sejħa. Dik l-ewwel grazzja hija bħal messaġġier li jġorr l-aħbar ta’ abbundanza dejjem iżjed ta’ grazzja mingħajr hedu.

Bħala l-ewwel grazzja, Santa Tereża ssemmi l-ħila tar-ruħ li tilmaħ lill-Għarus tagħha riesaq lejha u li tagħraf leħnu. Bl-ebda mod ieħor ma tista’ r-ruħ tikseb din il-grazzja jekk mhux bil-ġabra. Għalkemm jista’ jkun minnu li l-ewwel smigħ u l-ewwel ħars ikunu ġejjin minn Alla, huma grazzja tiegħu, għax hu minnufih idawwal b’dawlu lir-ruħ u jsemmagħha leħnu, b’danakollu hi trid twieġeb għal dik l-istedina u tinħall minn kull irbit li s’issa kien ixekkilha. Trid togħrok sewwa għajnejha biex tara iktar ċar u aħjar dak li Alla għoġbu diġa juri fis-swali ta’ fuq barra lil dawk li għandhom għajnejn biex jaraw u widnejn biex jisimgħu. Alla jista’ u jrid ijassar u jorbot lir-ruħ. L-għaxqa tiegħu hi li din tistrieħ u tintelaq fih, iżda mhux qabel ma hi jkun irnexxielha tinqata’ minn dak kollu li jorbotha mad-dinja fis-swali ta’ fuq barra u tqiegħed lilha nnifisha taħt ir-raġġi qawwija tax-xemx li fid-deskrizzjoni ta’ Santa Tereża, għandhom il-qawwa li jippenetraw kull ħaġa li taqa’ taħthom.

Ġmiel Ruħna li ma jitfissirx u l-indifferenza tagħna ta’ min jitħassarha

Santa Tereża titkellem fuq ġmiel ruħna u l-indifferenza tagħna lejha mas-sorijiet tagħha bla taħriġ, b’mod l-aktar sempliċi. Tgħidilhom: “Inqisu lil ruħna bħallikieku kastell magħmul minn djamant wieħed, jew minn kristall pur, b’ħafna swali. Tabilħaqq, ħuti jien jidhirli li r-ruħ mhi xejn inqas minn ġenna li fiha Alla, kif jgħid hu stess, isib il-għaxqa tiegħu. M’hemm xejn ma’ xiex nista’ nxebbaħ il-ġmiel kbir u l-kobor tal-għaġeb tar-ruħ. Jilħqilna kemm jilħqilna, bilkemm nistgħu naslu biex nifmuha, bħalma ma nistgħux nifhmu lil Alla. Il-Mulej stess jgħid li ħalaqna xbiha tiegħu, huwa biżżejjed għalina biex nagħrfu minn kliemu d-dinjità u l-ġmiel kbir ta’ dan il-kastell ta’ ruħna. Għandu jisgħobbina u nistħu mhux ftit li, bi ħtija tagħna stess, ma nifhmux lilna nfusna u nagħrfu min aħna. Rari li nħabblu rasna bl-għana li jista’ jkollha r-ruħ jew b’min igħammar fiha jonkella x’valur għandha. Immaġinaw dan il-kastell, kif diġa għedt, jiġifieri bħallikieku miżgħud bi swali li xi wħud minnhom qegħdin fuq, oħrajn isfel u oħrajn fil-ġnub. Huwa sewwa sew fiċ-ċentru, fit-taqsima l-aktar ‘il ġewwa ta’ dawn is-swali kollha li tinsab is-sala l-aktar importanti, għax hemmhekk jiġru l-aktar ħwejjeġ sigrieta bejn Alla u r-ruħ. Jeħtieġ li toqogħdu attenti għal din is-sala”.

Aktar il-quddiem, hija tikteb hekk: “Nerġgħu lura għall-kastell tagħna ta’ ġmiel u ta’ kobor li ma bħalu, u naraw kif nistgħu nidħlu fih. Dak li se ngħid issa jidher bħallikieku bla sens, għaliex jekk il-kastell huwa r-ruħ, mela hija ħaġa ċara li m’hemmx ħtieġa li r-ruħ tidħol fih, għaliex ir-ruħ u l-kastell huma l-istess ħaġa, bħalma huwa bla sens li tistieden persuna tidħol f’kamra li diġa’ qegħda fiha. Imma kunu afu li hemm differenza kbira bejn mod u ieħor ta’ preżenza. Ħafna erwieħ qegħdin biss wara l-ħitan ta’ barra, fejn hemm il-kamriera. Huma ma jippruvawx jidħlu fil-kastell u għalhekk, la jafu x’hemm moħbi f’dak il-post ta’ preġju, la jafu min igħammar fih, l-anqas kif inhuma s-swali tiegħu. Bla dubju, intom diġa’ qrajtu f’xi kotba tat-talb it-twissija li tingħata lir-ruħ biex tinġabar fiha nnifisha. Mela, sewwa, dak il-parir jaqbel sewwa sew ma dak li jien għedt: il-ġabra”.

Nista’ nissokta b’siltiet meħudin mill-kitba ta’ Santa Tereża, iżda dawn l-eżempji li semmejtilkom, misjubin fl-ewwel kapitlu tal-“Kastell Interjuri” tagħna, juruna ċar u tond li t-temi ta’ din il-Qaddisa fuq il-ħajja mistika huma msejsin fuq it-tagħlim: li Alla ħalaq ruħ il-bniedem fuq ix-xbiha u immaġini tiegħu u hu jgħajjixha u jmantniha, kif ukoll li hu stess igħammar fil-kamra ta’ ġewwa nett tagħna. Għaldaqstant ir-ruħ għandha tagħmel l-ewwel pass fit-trq tal-ġabra biex tmur tiltaqa’ miegħu, Hu, minn ġewwa nett tagħha, qiegħed jistedinha biex tagħmel dan il-pass ħalli jħaddanha u jgħaqqadha miegħu.

It-Talb Affettiv imsejjes fuq it-Taħriġ ta’ l-Intellett

Hekk kif wieħed jiftaħ il-ktieb ta’ Santa Tereża (“Il-Kastell Interjuri”), mill-ewwel jintebaħ bl-istima kbira li kellha din il-Qaddisa lejn il-meditazzjoni immaġinattiva u intellettwali, għalkemm kienet tħobb taraha wieqfa għal xi ħin biex tkun alternata minn atti ta’ mħabba u gratitudni. Hija tammetti li jista’ jkun hemm waqtiet li r-ruħ, permezz tal-meditazzjoni immaġinattiva, titkebbes u timtela b’imħabba kbira. Iżda twissi bla tlaqliq li wkoll meta Alla jagħni lir-ruħ b’atti ta’ mħabba u gratitudni, ta’ ammirazzjoni u hena, il-meditazzjoni immaġinattiva u intellettwali kif ukoll il-kontemplazzjoni attiva m’għandhomx jitwarbu, għax x’aktarx huma jkunu li jqanqlu r-rieda, li minnha nitkellmu aktar ‘il quddiem.

Il-Filosofija Sħiħa ta’ Santa Tereża: L-Isforzi Meħtieġa

Jekk wieħed jaqra x-xogħlijiet ta’ Santa Tereża, jara b’għajnejh kemm tabilħaqq ir-raġuni u l-proċess loġiku għandhom post għoli fit-tagħlim ta’ din il-Qaddisa. Kemm tagħmel paraguni biex tagħti ħjiel tal-ħwejjeġ l-aktar sublimi lis-sorijiet tagħha. Fis-sewwa, hija tammetti u tistqarr in-nuqqas ta’ ħila tagħha biex tfiehem id-doni ta’ Alla li jġib miegħu l-kurrent mistiku tal-grazzja. B’għoġba kbira, hija tgħid li f’waqt wieħed ta’ dawl mogħti minn Alla, ir-ruħ titgħallem aktar milli titgħallem f’għadd ta’ snin ta’ meditazzjoni u kontemplazzjoni attiva. B’danakollu, Santa Tereża qatt ma tħalli barra t-talb kontemplattiv, jiġifieri l-meditazzjoni barra t-talb u l-kontemplazzjoni attiva. Tapprezza wkoll ferm u dejjem it-tmexxija ta’ direttur għaref. It-tagħlim tagħha mhuwiex dak tal-Kwijetiżmu. Hija dejjem tisħaq fuq it-taħriġ tal-virtujiet ukoll fl-ogħla stati tal-kontemplazzjoni mistika u fl-aktar għaqda intima ma’ Alla. Trid li mhux biss nisfurzaw biex nitilgħu t-tliet tarġiet li jqarrbuna lejn Alla, it-tliet passi fi triq it-taħriġ tal-virtù, iżda li l-isforz tagħna jissokta sa l-aħħar.

Santa Tereża tħares lejn dan l-isforz, l-ewwel bħala l-aħjar tħejjija u wkoll bħala prova tad-disponibbilita tagħna, it-tieni bħala tiżjin meħtieġ tar-ruħ li bi privileġġ ġiet magħżula bħala Għarusa tal-Mulej, u t-tielet bħala l-frott imwiegħed ta’ l-intimità tagħna ma’ Alla. Minnu, li hija ssemmi wkoll il-virtujiet infużi u l-ħidma tagħna taħt il-pressjoni irreżistibbli tal-grazzja ta’ Alla; iżda minnu wkoll li mhux darba u tnejn hija twissi kontra d-delużjoni u tgħid ċar u tond li ebda virtù ma tista’ tkun ċerta sa kemm ma tkunx ipprattikata u ppruvata b’atti voluntarji jew ġejjin minn rajna. Trid li ma jitneħħa xejn mill-ordni naturali minħabba l-għajxien ta’ Alla fir-ruħ, imma biss tisfija dejjem akbar li tkun tidher ukoll fl-effetti tal-fakultajiet differenti tagħna. Tassew l-effetti ta’ l-immaġinazzjoni u tal-memorja u saħansitra dawk tad-dehen u r-rieda huma mpittra ‘l hawn u ‘l hinn bħala xi ħaġa zejda li ddejqek. Fil-fatt huma mxebbha mat-taħbit qawwi ta’ ġwienaħ friefet il-lejl u mal-qbiż ta’ annimali selvaġġi li jwaqqfu l-mixi tagħna u jhedduna li jaħbtu għalina biex ma jħalluniex nidħlu fil-kastell misterjuż. Iżda din hija kwistjoni ta’ l-effetti bla lġiem ta’ dawn il-fakultajiet. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm armonija bejniethom.

Mela, il-ġabra hija l-ewwel ħaġa. Ukoll fl-ogħla stati tal-ħajja mistika nsibu l-iżvilupp tan-natura f’armonija liema bħalha. Sa fis-sema jkun hemm armonija fl-għaqda ta’ bejn il-ġisem u r-ruħ. F’ dawk l-ogħla stati, fejn ikun hemm għaqda ma’ Alla, u fejn hemm armonija l-aktar perfetta bejn dak li hu divin u dak li hu uman, l-estasi - l-entużjażmu - il-viżjonijiet huma ħwejjeġ aċċidentali. Minnu li dawn huma xhieda tal-għaqda tar-ruħ ma’ Alla, iżda la huma l-ewwel ħtieġa u l-anqas l-essenzjali. L-essenzjali hija l-ħajja ta’ għaqda ma’ Alla, il-qawmien spiritwali, ħajja ġdida wara l-mewt tal-ħajja l-imgħoddija.

Ħarsa pożittiva lejn il-Ħajja Spiritwali: Qawmien wara l-Mewt

Biex wieħed jasal għal din il-ħajja ta’ għaqda ma’ Alla, irid iterraq fit-tul. Fil-bida, huwa u jagħmel ħiltu biex jinġabar, isib li jkollu jissielet bil-qawwa kollha kontra n-natura. Hemm ħafna x’irid jitmewwet fina qabel ma’ Alla jkun jista’ jgħammar fina bil-liberta’ kollha u mingħajr xkiel. Hemm ħajja li fl-ewwel gradi tagħha ma jixirqilhiex isem ieħor għajr dak ta’ mewt. Iżda Santa Tereża ma tarax it-triq tal-għaqda bħal waħda negattiva għal kollox, imma bħala passaġġ għal ħajja ġdida. F’dak l-istess waqt li mmewtu fina dak kollu li jxekkel is-saltna ta’ Alla, il-ġennien divin ixerred fuqna ż-żerriegħa tiegħu tal-virtujiet, u aħna min-naħa tagħna rridu nħawluha fil-ġnien ta’ qalbna u nieħdu ħsiebha. ‘Il quddiem, imbagħad, meta titla’ x-xemx, jinbet il-ward f’dak il-ġnien b’sinjal ta’ Rebbiegħa ġdida li seħħet ġewwa fina. Il-biċċa l-kbira tal-kura u tat-tisqija tħallew f’idejna. Mhux inneħħu biss il-ħaxix ħażin, imma rridu wkoll inħawlu u nsaqqu.

Alla ħerqan li jgħinna – Ċess Spiritwali

Il-ġennien il-kbir ma jonqosx li jgħinna. Skond Santa Tereża, huwa jgħaddi l-ilma tal-grazzja tiegħu matul diversi gandotti u kanali sal-ġnien ta’ qalbna u jibgħatilna bix-xaba’ x-xita f’waqtha. B’hekk jaqsam magħna x-xogħol ta’ jdejna, it-tisqija. Figura oħra ta’ din il-ħidma tagħna, li tagħti l-Qaddisa, hija dik ta’ Ċess Spiritwali misjuba fi trattat tal-Medju Evu. Tgħid li rridu nilagħbu logħba Ċess Spiritwali mal-Maħbub ta’ qalbna u nirbħulu billi niċċekkmejtjawjh. Iżżid, li hu ma’ jkunx jista’ jiżgiċċa mill-mossi tagħna u min-naħa l-oħra, lanqas hu ma jrid jevitahom. B’hekk hija trid tgħallimna li, għalkemm għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nirbħu billi nilagħbu tajjeb, il-logħba kollha kienet maħsuba minn qabel li nkunu aħna li, fl-aħħar, niċċekmejtjaw lis-sultan u nirbħu. Iżjed ma tilgħab tajjeb ir-reġina, il-modestja tagħna, iżjed ir-re jinqabad malajr.

Għaldaqstant, għalkemm il-mistiċiżmu ta’ Santa Tereża jiddeskrivi b’mod sublimi l-għaqda ħelwa tagħna ma’ Alla, iżda mill-banda l-oħra huwa reali u prattiku.

Marija l-Mudell tagħna fil-ksib ta’ l-Ewwel Grad tal-Ħajja Mistika: It-Twelid ta’ Alla ġewwa Fina

Ngħaddu issa għall-aħħar ħsieb, Alla, li jaħdem u jgħammar fina, huwa l-bidu tal-ħajja mistika. F’ħidmietu għandna naraw l-issuktar tal-ħolqien, bħalma din il-ħidma hija l-issuktar tar-rivelazzjoni tat-tnissil minn dejjem ta’ l-Iben mill-Missier u ta’ l-Ispirtu s-Santu mill-Missier u mill-Iben. L-għarfien tal-preżenza ta’ Alla fina, l-għajxien fina tat-Trinità Qaddisa, irid jistembaħ u jqum mill-ġdid fil-ħajja tagħna. Jeħtieġ li Alla jerġa’ jgħammar fina, jitwieled fina għal darb’oħra. L-Iben ta’ Alla ħa n-natura tagħna ma’ dik ta’ Alla. Jeħtieġ li ninagħqdu ma’ Kristu u fih, miegħu u bih, ninagħqdu mat-Trinità Qaddisa.

L-ebda kreatura ma kellha sehem fil-grazzja fi grat ogħli minn Marija. Hi, Ommna, hija l-mudell ta’ kif Alla jeħtieġ li jerġa jitwieled fina. Min-naħa l-waħda rridu nħarsu lejna nfusna bħala uliedha, għaliex binha huwa ħuna; u, min-naħa l-oħra hija tgħallimna kif innisslu lil Kristu u kif inżommuh ġewwa fina.

Flimkien ma’ Santa Tereża, ejjew ngħidu wara Marija: Ecce ancilla Domini, fiat mihi secundum verbum tuum: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek”.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage