Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


7. “ID-DUTTUR MISTIKU” MARJAN

mill-Beatu Titu Brandsma, O.Carm.

Fil-qosor:
Mhux sinjal ta’ oppożizzjoni, iżda ta’ għaqda
Mistiku Marjan: Il-ħajja tiegħu kienet tassew Marjana
Marija, l-ideal tar-ruħ
Immaġni Marjani: Tieqa li minnha jgħaddi d-dawl tax-xemx
Taħt dellha
Inkarnazzjoni oħra
L-Għaqda li fiha l-ħaġra prezzjuża
Żwieġ spiritwali
L-Hena kbir li nagħrfu l-misteru ta’ l-inkarnazzjoni
L-Eżempju tal-ħajja ta’ Marija: Erba’ ġrajjiet

Mhux sinjal ta’ oppożizzjoni, iżda ta’ għaqda

Huwa ta’ ferħ kbir għalija, Karmelitan tal-fergħa mitigata, li nista’ nieħu parti fil-kor ta’ tifħir kantat biex jingħata unur lil San Ġwann tas-Salib, li flimkien ma’ Santa Tereża, irriforma l-Ordni tagħna. Ninsab kuntent b’din l-okkażżjoni fejn għandi l-opportunità li nżid il-qatra tiegħu ta’ glorja; li nkun l-interpretu ta’ dak li jien ċert kull Karmelitan ta’ l-osservanza mitigata jara f’dan l-eroj tal-Karmelu msejjaħ minn Alla, biex irodd lura l-ġmiel antik tiegħu, biex dan il-ġmiel, il-ġmiel tad-doni mistiċi tal-grazzja, jkunu jiddu aktar.

Tabilħaqq aħna ma nħarsux lejh bħal pirjol tal-kunvent ta’ l-Antika Osservanza ta’ Segovia, bħala sinjal ta’ oppożizzjoni, iżda aktar bħala dak li jgħaqqad, li jgħaqqadna flimkien. Il-fatt li aħna nissejħu Karmelitani ta’ l-Antika Osservanza jista’ jagħti l-impressjoni li aħna niddisprezzaw it-tagħlim tiegħu, li mhux bi ħsiebna nimxu warajh. Hija ħasra li nippreferixxu l-kontradizzjoni aktar mill-ftehim. Saħansitra fi żmien li għex San Ġwann kienu ħafna dawk ir-reliġjużi Karmelitani li għalkemm ma aċċettawx ir-riforma kienu jammirawh u jimitawh tant li hu stess kien ifaħħarhom.

Sa ċertu punt id-dispensi mogħtija mill-Papiet mir-Regula l-antika kienu kawża li l-Ordni tilef xi ftit mill-ispirtu tiegħu, għalkemm ma kinux imissu l-ispirtu ta’ dak li hu essenzjali. Qaddisin, Beati u Venerabbli, kemm irġiel kif ukoll nisa, taw prova li l-ispirtu tal-Karmelu sata’ jibqa’ ħaj minkejja dawn id-dispensi. Mhux l-ittra, iżda l-ispirtu jagħti l-ħajja. Biex inqawwu dak l-ispirtu nilqgħu t-tagħlim ta’ Santa Tereża u San Ġwann tas-Salib b’imħabba ta’ ulied. Aħna, aktar mill-fergħa riformata, għandna bżonn nistudjaw u nixtarru t-tagħlim tagħhom u nħalluh jikber fil-ħajja u fl-għemil tagħna. Aħna nħobbuhom u nimxu fuq il-passi tagħhom fil-borra kiesħa ta’ din id-dinja; insaħħnu lilna nfusna meta s-sħana tagħna ma tkunx biżżejjed biex ma tħalliniex ninġazzaw fil-kesħa xxoqq il-għadam tat-Tramuntana tat-taħbit tad-dinja.

Mistiku Marjan: Il-ħajja tiegħu kienet tassew Marjana

Inħossni tassew ixxurtjat li għandi din l-okkażżjoni li nitkellem dwar il-Madonna fis-sistema mistiku ta’ S. Ġwann tas-Salib u nuri kif id-dutrina mistika tiegħu toqgħod tajjeb fil-kwadru tat-tagħlim ta’ l-Aħwa tal-Madonna tal-Karmnu.

S. Ġwann tas-Salib, flimkien ma’ S. Tereża, irriforma l-Ordni ta’ l-Għolja tal-Karmelu, u reġġgħu lura għall-istat ta’ qabel. Ngħid bla tlaqlieq li ma kienx ikollhom jedd għal dan it-titlu ta’ riformaturi, li kieku l-Madonna ma ħallietx il-marka tagħha fil-ħajja u d-dutrina tagħhom.

Marija, l-ideal tar-ruħ

Skond S. Ġwann tas-Salib, il-Madonna hija l-ideal tar-ruħ li tħabrek biex tersaq ‘il fuq lejn Alla, u li Alla jiġbed lejH. Iżda hija hi hekk f’aktar minn aspett wieħed. Mhux dejjem jispjega ruħu bl-istess qawwa.

B’mod speċjali hu jfaħħarha għall-fatt li hi, li tabilħaqq hija msejħa mill-anġlu “mimlija bl-Ispirtu s-Santu”, dejjem ħalliet lilha nfisha tkun immexxija mill-Ispirtu s-Santu, ideal li għandna nfittxu fl-intimità tagħna ma’ Alla, għalkemm tista’ tkun diffiċli u għalkemm ikunu ftit dawk li jagħrfu u jsegwu l-ispirazzjonijiet ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Bħala eżempju ta’ ruħ li dejjem imxiet fuq l-aspirazzjonijiet ta’ l-Ispirtu s-Santu, huwa jsemmi fl-istess kapitlu l-eżempju tal-Madonna “la gloriosa” il-glorjuża, Omm Alla. Mill-bidunett ta’ l-eżistenza tagħha hi ġiet mgħollija għal dan l-istat. Qatt ma kellha f’moħħha xi immaġni ta’ kreatura oħra li setgħet tbegħdha minn Alla, u għaldaqstant, qatt ma ġiet impressjonata b’ħaġa bħal din. Il-mottiv tagħha kien dejjem l-Ispirtu s-Santu.

Patri Gabrijel ta’ Santa Marija Maddalena, isemmi wkoll dan il-kliem fl-artiklu tiegħu L’Union Trasformante, fir-rivista sabiħa li titratta dwar il-mistika La Vie Spirituelle, fejn huwa jikteb dwar id-Duttur ġdid tal-Knisja: “Tabilħaqq, hija hi għalih, ħaġa tassew raġonevoli, l-ideal tar-ruħ li tixtieq tilħaq il-quċċata ta’ l-Għolja tal-Karmelu. Huwa ma qalx ħafna kliem dwarha, iżda l-ftit li kiteb dwarha juri li hu kien iqisha bħala l-mudell tip tar-ruħ li qed tfittex l-hena ta’ dik l-għaqda, li għaliha bħala awtur iddedika ħajtu biex jgħallem fuqha. Erwieħ oħra jfittxu dan l-ideal fi grat inqas.

Immaġni Marjani: Tieqa li minnha jgħaddi d-dawl tax-xemx

Ta’ spiss il-qaddis juża l-immaġni li ġeneralment jistgħu jiġu applikati għall-Madonna. Huwa kważi impossibli li ma kellux f’moħħu lill-Omm Imqaddsa f’dawn il-ħwejjeġ. Anke kieku ma kienx il-każ, b’danakollu l-użu, u għaldaqstant l-addattament ta’ dawn l-immaġni jittimbraw il-mistika tiegħu bħala mistika ta’ karatru Marjan. Huwa impossibbli li nitkellmu fuq dawn l-immaġni kollha f’dan il-ftit spazju. Irrid, b’danakollu, niġbed l-attenzjoni tagħkom għal uħud minnhom l-aktar importanti.

Paragun għall-qalb il-qaddis li kien jagħmel biex ifisser il-bżonn li nkunu disponibbli u safja biex inkunu nistgħu nieħdu sehem mill-grazzja ta’ Alla, u anke biex nipparteċipaw min-natura divina, hija l-immaġni tat-tieqa li minnha jgħaddi d-dawl tax-xemx. Il-pitturi tal-Belġju, il-patrija ta’ Memlins, ta’ Quinten Matays, għamlu użu kbir minn din l-immaġni permezz tal-minjaturi tal-għaġeb tagħhom. L-ebda kreatura ma xorbot b’safa akbar id-dawl divin li ġie f’din id-dinja; l-ebda kreatura aktar mill-Madonna ma raddietha lura mingħajr l-inqas tebgħa jew tikmixa u saret ħaġa waħda ma’ Alla. Fil-figura li kienet tant għall-qalb S. Ġwann tas-Salib, Marija tidher quddiem l-għajnejn tal-menti tagħna bħala l-ikbar mudell ta’ kollox; anzi aktar, bħala l-ewwel ħġieġa mingħajr tebgħa li tatna lid-dawl tad-dinja. Għaliha, aktar milli għal xi ħadd ieħor, nistgħu napplikaw il-kliem ta’ S. Ġwann tas-Salib, meta jispjega l-parteċipazzjoni divina fil-ħajja mistika: “Hija tant intima din il-partecipazzjoni maħluqa, meta Alla jagħti dan il-favur kbir u għoli, li r-ruħ u dak kollu li hu Alla jsiru ħaġa waħda permezz ta’ ħolqien ġdid parteċipat. Ir-ruħ tkun qisha aktar Alla milli ruħ, anzi hija Alla, permezz ta’ din il-parteċipazzjoni, għalkemm l-eżistenza naturali tagħha, minkejja l-ħolqien ġdid, tibqa’ differenti mill-essenza ta’ Alla daqs kemm kienet qabel, bħalma ħġieġa, għalkemm tibda tleqq minħabba r-raġġi tax-xemx, b’danakollu tibqa’ żżomm l-essenza tagħha, differenti mir-raġġ li jgħaddi minnha.” Hu jispjega aħjar din l-immaġni b’tali mod li nistgħu napplikawha aktar direttament lill-Imqaddsa Verġni Marija. Jekk il-ħġieġa tkun nadifa u mingħajr tebgħa, ir-raġġ tax-xemx jgħamilha tleqq u jbiddilha b’tali mod li tkun qisha l-istess dawl u bħallikieku qed tagħti d-dawl. Din hija r-raġuni għaliex il-Madonna kien xerqilha li ssir Omm Alla; għaliex hija ma poġġiet l-ebda xkiel biex Alla jgħammar fiha. Bħall-Madonna rridu nassorbu d-dawl divin.

Bla dubju din hi l-għażla divina. S. Ġwann jgħid band’oħra: Il-ħġieġa ma tistax ma tħallix id-dawl ileqq fuqha. Peress li hija ċara, hija tiġi mixgħula passivament trid jew ma tridx. Iżda jżid jgħid li għalkemm aħna ma nistgħux nobligaw lil Alla, jew nimpeduh li jagħmel ċerti affarijiet, huwa dmir tar-ruħ li tkun disponibbli, li tneħħi minnha kull tebgħa.

Taħt dellha

Fl-ispjegazzjoni ta’ figura oħra, il-fjamma ħajja ta’ l-imħabba, S. Ġwann ipoġġi lill-Madonna kemm jista’ jkun fiċ-ċentru ta’ l-immaġni. Meta jitkellem mid-dwal ileqqu u jiddu ta’ Alla fina, kif dak id-dawl jgħaddi minn ġo fina bħalma jgħaddi minn ġo ħġieġa, fil-parteċipazzjoni tagħna mill-kwalitajiet u x-xogħol ta’ Alla, jgħid li din il-figura għandha aspett ieħor: li ddellel. Biex nifhnu sewwa, hu jgħid, li ddellel tfisser li tgħatti bid-dell, li tipproteġi, tiffavorixxi, għotja mimlija grazzja. Meta ngħidu li xi ħadd għatta lil ħaddieħor bid-dell tiegħu, dan ifisser li dak li d-dell tiegħu jgħatti lill-ieħor huwa lest li jħarsu u jidħol għalih. Għalhekk l-Arkanġlu Gabrijel sejjaħ il-grazzja speċjali li ngħatat lill-Madonna fil-konċepiment ta’ l-Iben ta’ Alla dell, meta qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek.”

Biex nifhmu xi tfisser li Alla jixħet id-dell tiegħu, jew idellel, hemm bżonn niftakru li kull oġġett jitfa’ d-dell tiegħu skond il-forma u s-sura tiegħu. Mela, id-dell li tagħmel il-lampa tas-sbuħija ta’ Alla ikun sbuħija oħra, skond il-għamla u l-kwalità tas-sbuħija ta’ Alla; hekk ukoll id-dell li tagħti lampa tal-qawwa ta’ Alla, jkun qawwa oħra eċċ. Jew fi kliem ieħor, dawn id-dellijiet kollha jkunu s-sbuħija ta’ Alla, il-qawwa ta’ Alla, eċċ., infishom, iżda fid-dell, għax ir-ruħ ma tistax tifhem għal kollox hawn f’din id-dinja. Iżda billi d-dell jaqbel ma’ l-essenza ta’ l-istess eżistenza ta’ Alla, għax tabilħaqq huwa Alla nnifsu, għaldaqstant ir-ruħ tagħraf fid-dell is-sbuħija immensa ta’ Alla. B’dan il-mod nistgħu ngħidu li r-ruħ hija bħall-Madonna, li fuqha niżel l-Ispirtu s-Santu bil-qawwa Tiegħu kollha u li l-qawwa ta’ l-aktar Għoli ddellet fuqha b’mod l-aktar perfett.

Inkarnazzjoni oħra

Għall-aħħar ta’ dan il-kummentarju S. Ġwann jittratta l-immaġni ta’ l-Inkarnazzjoni fil-Madonna biex juri l-għaqda l-aktar intima ta’ Alla mar-ruħ, fejn jispjega l-kliem tar-ruħ fl-imħabba ta’ Alla: “Fejn int tgħix bil-moħbi”. Dan ifisser jgħid S. Ġwann li Alla jgħix fil-moħbi fiha minħabba li din it-tgħanniqa ħelwa ssir fil-qalba ta’ ruħha.

Ikun hawnhekk li l-Ispirtu s-Santu, biex ngħidu hekk, ilaqqa’ lill-Għarus ma’ l-Għarusa, biex ikunu jistgħu jitgħannqu. F’din it-tgħannieqa Hu jistrieħ fiha. Hu ma jinsabx hemm mingħajr ma tkun taf biH ir-ruħ, iżda jgħammar hemm moħbi mix-xitan li ma jistax jidħol fix-xena ta’ din it-tgħannieqa, u moħbi mill-bniedem li ma jistax jifhem, li l-moħħ tiegħu ma jistax jifhem it-tifsira tagħha. O kemm hija ħienja dik ir-ruħ li tħoss dejjem lil Alla jgħammar fiha, u jistrieħ fiha. Dan iġagħlha li tħalli kollox, li taħrab kulma għandu x’jaqsam mal-bnedmin u li tgħix f’silenzju l-aktar profond li ma tmurx tiddisturba bl-anqas moviment jew ħoss il-mistrieħ tal-Maħbub tagħha. Ġeneralment, Hu joqgħod hemm, bħallikieku rieqed, mgħannaq ma’ l-Għarusa Tiegħu fil-ġewwieni tar-ruħ, u hi taf sewwa biH u ġeneralment ferħana. Li kieku kellu jkun dejjem imqajjem, u kontinwament jitfa’ fuqha d-dawl u l-imħabba Tiegħu, dan kien ikun ġa ħajja ta’ glorja għaliha. U jekk l-istat ta’ nofs qawmien, fejn l-Għarus ibexxaq biss għajnejH, iqalleb lir-ruħ b’tant qawwa, x’jiġrilha jekk fiha u għaliha kellu joqgħod perfettament imqajjem? Propjament hawn għandna immaġni doppja. L-immaġni ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben t’Alla fina, u l-mistrieħ divin Tiegħu fina jidħlu f’xulxin. L-immaġni tad-dell, imqiegħda ma’ ġenb din, ma jħallu l-ebda dubju li l-immaġni esterna ta’ l-irqad m’hijiex ħaġ’oħra ħlief figura li hu jgħammar aktar intimament fina.

L-Għaqda li fiha l-ħaġra prezzjuża

Din tidher aktar ċar fil-kummentarju tal-“Kantiku Spiritwali” meta jpoġġi kontra xulxin, il-ħabi ta’ l-Għarus fi ħdan il-Missier u s-sejba Tiegħu mill-Għarusa, meta Hu jorqod f’ħoġorha bil-qawwa tad-dell Tiegħu. “Maħbub tiegħi,” issejjaħ l-għarusa lill-maħbub tagħha, “Maħbub tiegħi, fejn inħbejt?” “O Għarusa” jgħid S. Ġwann tas-Salib, “l-Għarus tiegħek huwa t-teżor moħbi fil-għalqa ta’ ruħek, teżor li biex jakkwistah in-neguzjant għaqli biegħ kulma kellu!”

Hija ħaġa raġunata li tirrinunzja għall-interessi kollha privati tiegħek jekk tirċievi dan it-teżor; li titbiegħed mill-ħlejjaq kollha, u twarrab lilek innifsek biex tinħeba fil-qalba ta’ ruħek. Hemm int tagħlaq il-bieb, jiġifieri, twarrab ir-rieda tiegħek mill-ħlejjaq kollha u titlob lill-Missier fil-moħbi. Moħbija b’dan il-mod flimkien ma’ l-Għarus tiegħek inti tħoss il-preżenza Tiegħu fil-moħbi, tgawdi u żżiegħel bih fil-moħbi u tifraħ Miegħu li qegħdin fil-moħbi, jiġifieri ‘l fuq minn kulma jistgħu jilħqu s-sensi u ‘l fuq minn kull ma l-ilsien jista’ jitkellem dwaru. Ejja, mela, ruħ maħbuba, issa li taf li l-maħbub li qed tfittex jinsab fik; kun bil-għaqal u ibqa’ moħbija Miegħu u inti tħossu u tgħannqu bl-akbar imħabba. Mhux ħaġa kbira li S. Ġwann, kull meta jitkellem mir-rigali ta’ Alla - Alla jqassam eluf minn dawn, jgħid - jagħmel enfasi kbira fuq l-Inkarnazzjoni ta’ Alla. Hemm qiegħed kollox, hemm jinsab l-ideal ta’ l-għaqda tagħna mistika ma’ Alla. U l-mudell tagħna, jew aħjar l-Omm tagħna, f’dan il-każ hija Marija.

Il-ħwejjeġ l-oħra kollha, jgħid S. Ġwann, Alla għamilhom biex ngħidu hekk, biex ikun għamilhom. F’Ibnu, iżda, ra kollox u żejjinhom bis-sbuħija u l-imħabba Tiegħu. Permezz ta’ l-Inkarnazzjoni tahom eżistenza sopranaturali u għollihom, flimkien mal-bniedem għall-glorja ta’ Alla. Permezz tal-ġmiel ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ Ibnu u l-qawmien Tiegħu mill-mewt skond il-ġisem il-Missier mhux biss għolla l-ħlejjaq kollha iżda libbishom ukoll bis-sbuħija u d-dinjità. Meta tikkontempla dan is-sigriet ir-ruħ tħossha minfuda mill-imħabba.

Żwieġ spiritwali

Hawn S. Ġwann juri biċ-ċar li meta l-Għarus jistrieħ fl-għarusa tiegħu, ikun qed jiċċelebra l-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni Tiegħu. Huwa possibbli mingħajr ma nsemmu isimha li nqisu aktar biċ-ċar lill-Madonna bħala favorita fost il-beati mqaddsa mistiċi kollha, il-mudell ta’ dawk kollha li qed ifittxu l-għaqda ma’ Alla? Huwa japplika għall-għarusa dak kollu li aħna kollna ħeġġa napplikaw għall-Madonna: Hi hija l-ġnien magħluq, riservat għall-Għarus biss Hortus conclusus,soror mea sponsa. Hemm hi tgħannaq biss lilu; u tingħaqad intimament Miegħu, man-natura Tiegħu mingħajr ebda ħsieb. Dan isir biss fiż-żwieġ spiritwali, li hu t-tgħannieqa ta’ Alla mar-ruħ.

F’din l-għaqda, jkompli jgħid il-qaddis, dak li jiġi mogħti huwa Alla nnifsu, li jagħti lilu nnifsu lir-ruħ, fl-istess waqt li jreġġagħha lura għal sbuħija bla qies. It-tnejn isiru ħaġa waħda, bħalma, u hawn jerġa’ lura għall-figura, l-ħġieġa u r-raġġ ta’ dawl li jgħaddi minnha huma ħaġa waħda.

L-Hena kbir li nagħrfu l-misteru ta’ l-inkarnazzjoni

Ma għandna qatt ninsewha: S. Ġwann jerġa’ lura u ta’ spiss għall-misteru bla qies ta’ l-inkarnazzjoni. “Dan it-tagħrif,” jgħid, “mhuwiex l-inqas parti tal-hena tal-ġenna.” U jikkwota kliem Alla stess: “Din hija l-ħajja ta’ dejjem, li nagħrfu Lilek, l-uniku Alla veru, flimkien ma’ l-Iben Tiegħek li inti bgħatt, Ġesù Kristu.” Ikun biżżejjed li nispjegaw kif S. Ġwann jiddeskrivi aktar il-ħolqien mill-ġdid tar-ruħ f’Alla. Hija tinsab f’Alla u Alla fiha, billi jieħu l-ħila Tiegħu minnha.

Jekk xi ħadd għadu jiddubita jekk l-applikazzjoni li għamilna ta’ dawn il-kwotazzjonijiet hijiex tajba; jekk San Ġwann rax verament lill-Madonna fl-ideat mistiċi tiegħu bħala l-immaġni tar-ruħ fl-għaqda l-aktar intima tagħha ma’ Alla, ħa jiftaħ il-ktieb tal-poeżiji tiegħu fejn id-Duttur Mistiku għandu l-kantiku tal-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni. Hemm il-Madonna tiġi ippreżentata lilna bħala l-medjatriċi, li għaliha u fiha l-Iben ta’ Alla nnifsu bħala Għarus jiżżewweġ lill-għarusa Tiegħu, lill-bniedem li jippermettilu jipparteċipa min-natura tiegħu. Mhux biss Hu waħdu iżda t-Trinità Mqaddsa kollha, tinżel tgħammar flimkien ma’ l-Iben fil-qalb tal-bniedem li jiftaħ qalbu għal Alla u jiddisponi ruħu għaliH. Konferma aktar kompleta u sabiħa tal-karattru Marjan tal-mistiċiżmu ta’ S. Ġwann tas-Salib ma nistgħux nixtiequ. Ma niddisprezzawx, mela, speċjalment aħna l-Karmelitani, din il-konferma. Marija, Ommna, il-glorja tagħha hija l-eżempju tagħna, il-mudell tagħna, meta Alla jagħżilna wkoll għall-favuri divini Tiegħu. L-isplendur tal-majestà Tagħha jiddiskrivih S. Ġwann tas-Salib b’tali mod anke meta bilkemm isemmiha. Imdawwla minnu, hija tiddi għalina bħal dik il-warda mistika, li l-fwieħa tagħha tinfirex mal-ġnien tal-knisja, biex aħna nistgħu nirripetu dak li nkantaw ta’ spiss fl-Uffiċċju Divin - li aħna nersqu lejHa bil-fwieħa tal-ħlewwa tagħha. Bħan-naħal aħna ntiru lejn din il-warda mistika biex nammiraw is-sbuħija tal-ħajja mistika fl-ogħla grad tagħha, jiġifieri Alla, li sar bniedem fiha, biex Hu jkun jista’ jitwieled ukoll fina li nappartjenu lilha.

Ma għandniex inħarsu dejjem lejn il-lejl oskur li fih idaħħalna S. Ġwann. Id-dawl qed jiddi fil-bogħod u ġa qed jidher minn ġos-swidija. Miegħu nkantaw il-kliem ta’ l-għarusa: Flores apparuerunt, “Il-fjuri ġa qed jiftħu”. Ma nistgħux, anzi rari jirnexxilna, noqogħdu fil-kontemplazzjoni ta’ dak li ma nistgħux nimmaġinaw, ta’ dak li ma jidhirx; għaldaqstant Alla, li jixtieq isaffina u jeħlisna minn dak kollu li jista’ jbegħdna minnu, isaffina u jaqlagħna mill-għeruq, anke jekk iweġġagħna. Is-salib hu mqiegħed fis-sħab bħala sinjal tar-rebħa. L-Għarus jiftaħ idejH biex jagħfasna ma’ sidru u jingħata kollu kemm hu lilna. Ma ġenbu tinsab Marija, Ommna, bl-għajta ta’ ferħ fuq fommha, “Araw, Dak li hu qawwi, għamel miegħi ħwejjeġ kbar. Dak li għamel miegħi u żejjinni bih, jagħmel magħkom u jagħtikom, jekk intom timxu warajja, jekk intom tkunu ulied tiegħi.”

Forsi tkun battalja, tista’ tiswilna ħafna. S. Ġwann jgħid li preċiżament dik hija r-raġuni għaliex hu u l-aħwa tiegħu jridu jsegwu lil Ġesù bis-salib tiegħu, imneżżgħin minn kollox, saħansitra minnhom infushom, għax huma msejħin biex ikunu l-Aħwa tal-Madonna tal-Karmnu, jiġifieri msejħin biex ikunu fost dawk li huma msejħin b’mod partikolari minnha, u huma magħquda b’mod partikolari fost uliedha.

Meta S. Ġwann jgħidilna, speċjalment fil-bidu, li ma nistgħux noqogħdu kontinwament fil-kontemplazzjoni, allura r-ruħ għandha f’dawk il-ħinijiet tfittex li l-ħsibijiet, l-atti, l-egħmejjel tajba u kull ma tagħmel tindirizzahom għall-ħsibijiet tajba u l-meditazzjoni, biex hekk minnhom tikseb aktar fervur qaddis u vantaġġ akbar. Iżda fuq kollox għandha tirrikorri għall-ħajja, il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù Kristu, biex titgħallem timita l-ħajja Tiegħu; biex titgħallem iċċedi f’kollox, fl-atti u fl-egħmejjel, fil-ħajja u fil-mewt. F’min nistgħu nsibu kumpanija aħjar jekk mhux f’Marija, li żammet il-kliem kollu ta’ Ġesù f’qalbha u qagħdet, meta kien qed imut, taħt il-għuda tas-salib? S. Ġwann jurina dan hu stess meta jgħid li r-ruħ li ma tfittex xejn ħlief it-twettieq perfett tal-liġi t’Alla u li ġġorr is-salib ta’ Kristu tkun veru Tabernaklu, li jkollu ġo fih il-vera Manna, lil Kristu nnifsu. Ma nistgħux inbiddlu dan il-kliem u ngħidu: Hu jkun Marija oħra, imsejħa ta’ kuljum, u bil-ħaqq kollu, l-Arka tal-Għaqda l-Ġdida?

X’imkien ieħor fil-kitba tiegħu wkoll, S. Ġwann tas-salib iwissina li ma nistgħux nogħlew u nibqgħu dejjem fl-ogħla grad tal-ħajja mistika, iżda għal darb’oħra hu jpoġġi lill-Madonna bħala l-immaġni ta’ l-għaqda tagħna f’dawn il-gradi. Hija tkun ukoll ma’ ġenbna, tgħidilna x’għandna nagħmlu meta ninżlu aktar ‘l isfel. “Meta tispiċċa l-kontemplazzjoni,” jgħidilna l-imgħallem qaddis (u jżid jgħid li dan jiġri ta’ spiss, għax ma hemm l-ebda qaddis li ġie mogħti l-grazzja tal-kontemplazzjoni u t-talb permanenti) “ma nagħmlu xejn ħażin li nerġgħu nduru għal Kristu. Għall-kuntrarju, jkun ta’ vantaġġ li wieħed jitgħallem jimita l-virtujiet ta’ Kristu u jixrob mill-ispirtu Tiegħu. Hawn jinsab il-ħsieb tat-talb.” Hu jwissina biex ma nkunux hekk vojta minn kull immaġinazzjoni li ninsew saħansitra l-Inkarnazzjoni wkoll.

L-għaqda ma’ Alla għandha l-frott tagħha u tirrikjedi ċerti dispożizzjonijiet. Tidher ħaġa stramba kif S. Ġwann tas-Salib, li kif jidher ċar, dejjem ħares lejn il-Madonna fl-aqwa tal-glorja tagħha, qatt ma jurihilna fit-triq li twassal għall-għaqda Mistika, iżda fil-glorja ta’ l-imħabba tagħha; fl-effett, biex ngħidu hekk tal-għaqda tagħha ma’ Alla, fix-xebħ tagħha Lilu.

L-Eżempju tal-ħajja ta’ Marija: Erba’ ġrajjiet

Hija tagħtina lil Alla, jew l-immaġni ta’ Alla, inkella l-frott tal-Fidwa Tiegħu. S. Ġwann isemmi erba’ ġrajjiet fil-ħajja tal-Madonna biex jurina dan. L-ewwelnett, hu jsemmi ż-żjara tal-Madonna lill-qariba tagħha Eliżabetta, l-ewwel att ta’ mħabba wara l-konċipiment ta’ l-Iben ta’ Alla, l-ewwel dija ta’ l-għaqda tagħha miegħu, l-ewwel għemil tal-ħajja attiva tagħha.

Darb’oħra jippreżentalna lill-Madonna fil-festa tat-tieġ ta’ Kana, fejn, imqanqla mill-imħabba, hija sempliċiment tgħarraf lil Ġesù x’kien naqas u tħalli l-bqija f’idejh. Hawn l-istess, insibu t-turija ta’ mħabba, dija ta’ l-għaqda miegħu. Li kienet tħalli wkoll li dak l-inbid jiġi mxerred ukoll għalina, l-inbid li jagħmilna għarajjes!

Għal darb’oħra S. Ġwann jippreżentalna lill-Madonna bħala l-Omm tad-Duluri, taqsam it-tbatijiet ma’ Binha Ġesù. Jaħseb li hawnhekk hawn bżonn ta’ spjegazzjoni, għaliex skond il-pjan sħiħ tiegħu huwa jqis lill-Madonna magħmula mill-imħabba maħluqa mill-ġdid, bħal dik ta’ l-anġli li, jgħid hu, jafu sewwa bil-ħwejjeġ li jġibu s-sofferenzi, u b’danakollu ma jħossux tbatijiet. Iżda jkompli jgħid li Alla xi minn daqqiet jagħmel eċċezzjoni f’dan u jħalli lill-erwieħ ibatu tassew, biex iżidilhom il-merti tagħhom, iħeġġiġhom fl-imħabba, jew għal xi raġuni oħra. Hekk għamel mal-Madonna, l-Omm u Verġni, billi Hu ried li Marija taqsam Miegħu fl-opra abbundanti tal-Fidwa għall-ġid tagħna u biex tkun il-mudell.

Fl-aħħarnett huwa joħodna - u kif jista’ jkun mod ieħor? - fiċ-Ċenaklu, fejn l-Appostli u Marija kienu flimkien u fejn bħala riżultat tat-talb tagħhom Magħha niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu fil-figura ta’ ilsna tan-nar. Huwa jitkellem mill-Appostli fiċ-Ċenaklu, li kienu qed jitolbu u jipperseveraw fit-talb flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù. Ejjew nitolbu aħna wkoll flimkien ma’ Marija għall-istess Spirtu. Jalla Hi mhux biss tħarisna u tmexxina fil-ħajja tagħna, bħalma għamlet f’S. Ġwann; jalla mhux biss tkun f’moħħna bħalma kienet f’S. Ġwann, iżda jalla ġġiegħlna nifmu dak li S. Ġwann jgħidilna fuqha: illi hija għalina, anke fl-għaqda l-aktar intima ma’ Alla, il-mudell u l-Medjatriċi li tista’ taqlagħlna l-grazzja li Alla jsir bniedem fir-ruħ tagħna wkoll, isir ħaġa waħda magħna, l-Iben etern tal-Missier, permezz tal-għixien meraviljuż tat-Trinità Qaddisa, għajn ta’ hena u mħabba.

S. Ġwann tas-Salib jipprova jwassalna fil-quċċata tal-ħajja mistika permezz tal-lejl mudlam, tal-lejl nieqes mill-immaġinazzjoni tal-ħolqien kollu mneżżgħin mill-ħlejjaq kollha biex ikun jista’ jiddi fina l-uniku dawl li l-għamara ta’ Alla fina timlina bih.

Hu jdawwarna bid-dlam, iżda fl-istess waqt jixgħel fina dawl l-aktar ċar. Aħna mmexxija minnu, id-dixxipli tiegħu. Biex nużaw figura ta’ Ruusbroec, aħna sirna lanterni ħajja f’lejl mudlam. Id-dawl ta’ Alla jimlina u jdawwalna, u fl-istess waqt jagħmilna nirrifflettu d-dawl. Aħna “nġorru lil Kristu”. Li konna nħarsu lejn id-dwal kollha tad-dinja bħala dlam, biex nagħrfu d-dawl etern u nħallu dan id-dawl jirriffletti minna!


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage