PersonaġġiQaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla8. TNISSIL ĠDID MIZ-ZOKK IL-QADIM mill-Beatu Titu Brandsma, O.Carm.
Ġwanni ta’ San Sansun, Mistiku ġdid ta’ l-Osservanza l-Antika Wara li l-Ordni nqasam f’żewġ fergħat għall-aħħar tas-seklu 16, naturalment qamu xi differenzi żgħar bejn iż-żewġ fergħat u kull fergħa żviluppat f’linji differenti. Iżda minn kmieni tas-seklu sbatax insibu li dawn id-differenzi tnaqqsu ħafna minħabba r-riforma interna li saret fil-Karmelitani Kalzati li ħeġġet l-ispirtu antik b’mod meraviljuż u tat prova li anke b’xi mitigazzjonijiet tar-Regula, l-ispirtu Karmelitan jista’ jibqa’ ħaj u jiffjorixxi. Hija grazzja ċara tal-Providenza li ftit wara l-qsim ta’ l-Ordni, bagħtet bniedem fil-fergħa ta’ l-Antika Osservanza li sar ir-ruħ ta’ riforma ġdida u li ġie mgħolli minn Alla tant fil-għoli tal-ħajja mistika tal-Karmelu, li hu meqjus flimkien ma’ S. Tereża u d-Duttur Mistiku, S. Ġwann tas-Salib, bħala kittieb mistiku. L-ewwel wieħed li kiteb, ħajtu, Patri Donazjanu, jgħid: “Alla ippredestinah fil-ħwejjeġ tal-ħajja interna biex ikun fjamma tħeġġeġ ta’ l-osservanza żgħira tagħna.” Karmelitan ta’ l-Antika Osservanza, Geronimo ta’ l-Omm t’Alla, li ippubblika ġabra mix-xogħlijiet mistiċi tiegħu, isejjaħlu temoin autorise, awtur ta’ awtorità tal-mistika Karmelitana. Barra minn dan. Henry Bremond li jiddedika paġni sbieħ tax-xogħol tiegħu, Le Sentiment religieux en France, isejjaħlu un de nos mystiques les plus sublimes, “wieħed mill-akbar mistiċi tagħna.” Sa ċertu punt nistgħu ngħidu li f’dan il-kamp kien qisu S. Ġwann tas-Salib ta’ l-Osservanza Antika. Fost wieħed mill-aqwa xogħlijiet li ħareġ mit-tagħlim tal-Għolja tal-Karmelu, huwa wieħed mill-ħafna xogħlijiet tiegħu, li jittratta dwar il-veru spirtu tal-Karmnu. Tabilħaqq, kellhom ikunu t-tliet irġiel magħrufa li Alla laqqa’ flimkien għall-bidu tas-seklu sbatax fil-kunvent ta’ Rennes, li taw ħajja fl-Ordni l-qadim. Propjament kien il-Pirjol Pietru Behouth li ta bidu għar-riforma, fis-sena 1604. Aktar tard bl-isem ta’ strictior observantia, osservanza aktar stretta, xterdet bil-ħeffa. Patri Filippu Thibault, l-ewwel bħala sotto-pirjol, u wara bħala suċċessur ta’ Behourth, bħala pirjol ta’ Rennes, tah l-appoġġ tiegħu kollu. Iżda r-ruħ tal-moviment kien fil-fatt l-ajk għama, Ġwanni ta’ S. Sansun, li daħal fil-kunvent ta’ Rennes fis-sena 1612, u miet hemm fis-sena 1636. Ġwanni ta’ S. Sansun, jew kif kien jismu qabel Jean du Moulin, għama meta kien għadu tfal minħabba l-mard. Hu kiber f’faqar kbir, sakemm fl-aħħar sab kenn fil-kunvent tal-Karmelitani f’ Pariġi. Biex ipatt, hu kien ta’ sikwit idoqq l-orgni u tant kien sar idoqq tajjeb li n-nies kienet tieħu pjaċir toqgħod tisimgħu. Hu kien twajjeb ħafna, iżda qatt ma għadda minn ras ħadd li jidħol fl-Ordni. Kellu ġa 35 sena meta stqarr ix-xewqa tiegħu li jirċievi l-libsa Karmelitana lil Patri Mattew Pinault, patri żagħżugħ li kien għadu kemm spiċċa l-istudji tiegħu f’Pariġi u kien se jarġa’ lura fil-monasteru ta’ Dol fil-Bretanja. Hu ġie aċċettat f’Dol fis-sena 1606 u wasal f’ Rennes fis-sena 1612. Il-Pirjol, P. Filippu Thibault, kien sema’ ħafna dwar il-ħajja ta’ virtù u talb ogħli ta’ dan l-ajk u għaldaqstant xtaqu li jkun iċ-ċentru ta’ din ir-riforma ġdida biex tiżdied l-imħabba ta’ Alla u ta’ l-Ordni. B’danakollu Fra Ġwanni ħassu stramb. Kienet ħaġa tassew rari li ajk ikun imexxi fl-affarijiet spiritwali. Min-naħa l-oħra, ma kienx istruwit tajjeb u peress li kien għama kien diffiċli għalih li jitgħallem mill-kotba. Xi minn daqqiet kien jaqrawlu xi ħaġa; iżda ma tantx kien tajjeb biex imexxi lil ħaddieħor, sakemm Alla stess ma kienx qed imexxih Hu. Biex jipprova l-ispirtu li kien imexxih, il-Pirjol ordnalu jiddeskrivi kif kien jitlob. Ir-risposta kienet ta’ l-għaġeb daqs ta’ S. Teresa għall-istess mistoqsija, kif insibu miktub fil-ktieb tal-ħajja taħha. L-istess titlu jurina kemm kien ‘il quddiem fl-ideja tat-talb, “Kif is-suġġett jintilef fl-oġġett”. L-Osservanza aktar stretta tinfirex ma’ ħafna Provinċji Hu kellu d-don speċjali li jħeġġeġ lin-novizzi u l-patrijiet bl-entużjażmu għall-idejali kbar ta’ l-Ordni u biex jgħallimhom jitolbu u jimmeditaw. Iċ-ċirku ta’ dawk interessati beda jikber u jikber. Superjuri mill-kunventi l-oħra, nies magħrufa kemm minn fost il-kleru kif ukoll mil-lajċi kienu jieħdu pjaċir jitkellmu ma’ dan l-ajk twajjeb dwar il-ħwejjeġ spiritwali, saħansitra kienu jżuru l-kunvent espressament għal dan il-għan. Il-presenza tiegħu fil-kunvent, u fuq kollox l-okkupazzjoni mħeġġa għall-ħwejjeġ ta’ Alla, kellha influwenza ta’ l-għaġeb u fi żmien qasir il-kunvent ta’ Rennes sar il-mudell ta’ l-osservanza stretta. Il-qawwa u l-isem tajjeb ta’ dan il-kunvent firxu r-riforma fil-kunventi l-oħra, l-ewwel fi Franza, u mbagħad fl-Olanda, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Irlanda u l-Polonja, sakemm kważi l-Ordni kollu beda jirriforma ruħu. Izda r-raġuni għaliex qed insemmuh m’hijiex tant biex nitkellmu dwar ħajtu, imma l-aktar biex insiru nafu x’kien iqis bħala l-ispirtu ta’ l-Ordni u x’għandna, skond it-tagħlim tiegħu, inqisu bħala l-idejal tiegħu. Kulħadd Imsejjaħ għall-Ħajja Mistika Tolqotna mil-ewwel kif dan l-ajk għama, jgħallem b’enfasi kbira, li aħna lkoll aħna msejħa għall-ħajja mistika; li l-ħajja mistika, l-għaqda intima ma’ Alla, l-esperjenza ta’ Alla, it-tgawdija ta’ Alla, hija xi ħaġa li Alla jagħti lill-bniedem hawn f’din id-dinja, jiġifieri jtiha lil ħafna jekk ikunu disponibbli u ma jpoġġu l-ebda limiti jew ostakli għall-imħabba Tiegħu. Dawk li daħlu fl-Ordni ta’ l-Għolja tal-Karmelu għandhom iżommu quddiem għajnejhom li Alla jsejħilhom biex igawdu mill-preżenza Tiegħu anke f’din il-ħajja; Hu jridna nikkontemplawH, li nintilfu fiH; u nqisu dan bħala l-ewwel u l-ogħla obbligu u ma nippermettu qatt li jew l-istudju, inkella x-xogħol jew id-dmirijiet iġegħluna nwarrbuh fil-ġenb. Hu jagħmel enfasi kbira dwar dan. Min-naħa l-oħra, hu jagħraf il-bżonn ta’ l-istudju, tal-predikazzjoni u d-dmirijiet l-oħra pastorali. Iżda dawn għandhom ikunu ibbażati fuq kontemplazzjoni aktar għolja. Għaldaqstant, hu kien irid li l-membri żgħażagħ ta’ l-Ordni jkunu mmexxija fit-triq tal-kontemplazzjoni biex imkabbra u mqawwija b’din, ma jitilfu qatt id-drawwa tal-konteplazzjoni. B’dan il-mod ix-xogħol kollu li jagħmlu jkun imsaħħaħ bl-għaqda l-aktar intima ma’ Alla. Bil-qawwa kollha hu jiċħad l-opinjoni li l-ħajja mistika (li ma tikkonsistix prinċipalment fid-dehriet, viżjonijiet, stigmata u li tinqata’ mill-art, iżda sempliċiment li naraw ‘l Alla quddiemna, magħna u fina, li nkunu mħeġġa mill-imħabba lejĦ, li nagħrfu n-nar ta’ l-imħabba divina fina u li nkunu rridu flimkien ma’ Alla li tkun tixgħel fina u tikkunsmana) ma tħoddx għalina, mhijiex għal kull wieħed minna. Naturalment, hu jħalli l-għotja u l-kobor ta’ din il-grazzja f’idejn Alla. Hu ma jridx li nqisu l-ħajja mistika bħala xi ħaġa li nistgħu nagħmlu aħna. Hija, u tibqa’ dejjem, grazzja ta’ Alla. Iżda Alla għamel in-natura tagħna disponibbli għaliha. Hu ma jridx li ma nagħtux każ ta’ din id-disponibilità, li nittraskuraw milli niżviluppawha, u li nwarrbu kull ostaklu li ma jħallihiex taħdem fina. Kontra din il-preparazzjoni negattiva hu jqiegħed il-preparazzjoni aktar pożittiva tal-prattika kontinwa tal-virtù. Hawn huwa ċar kemm huwa jaqbel, min-naħa l-waħda ma’ S. Teresa u min-naħa l-oħra ma’ Ruusbroec; ċertament li t-tnejn influwenzawh. Id-Devotio Moderna addattata minn Geert Groote mill-ħsieb oriġinali u l-aktar nobbli ta’ Ruusbroec kienet f’dan l-aspett addattata wkoll minn S. Tereża. Dan hu aktar veru fl-opinjoni li l-bniedem ma għandux jibqa’ passiv u jħalli kollox f’idejn Alla iżda li l-ħidma kontinwa tal-prattika tal-virtù u l-qdusija hija l-ewwel preparazzjoni indispensabbli għall-gradi aktar għolja tal-ħajja. L-Ordni tagħna jixbaħ lill-klassi ta’ l-iskola fejn nitgħallmu l-prattika tal-virtù, jew familia kbira fejn il-membri jaħdmu flimkien biex jilħqu skop wieħed b’aktar faċilità milli kieku kull wieħed jaħdem għal rasu. Fil-ħajja spiritwali, bħalma fil-ħajja ta’ kuljum, ma nistgħux ngħaddu mingħajr it-tagħlim tas-surmastrijiet jew ta’ dawk li jmexxuna. Huwa rari li Alla ma jużax l-għajnuna umana ta’ xi komunità jew Ordni biex jgħolli l-magħżulin Tieħu għall-qdusija. Din hija r-raġuni ta’ l-importanza li jkun hemm skejjel tal-mistika fil-Knisja, kull waħda bit-tradizzjonijiet tagħha u t-toroq tagħha, iżda li kollha għandhom il-bidu ċentrali li hu Alla u jwasslu għall-istess għan, li hu Alla. Alla jrid li fin-natura jkun hawn ħafna affarijiet sbieħ u differenti. Hekk ukoll fil-ħajja spiritwali Hu jrid li jkun hemm differenzi, addattati għat–talenti differenti u l-forom għonja li permezz tagħhom Hu jqassam il-grazzji Tiegħu. Għaldaqstant ukoll fl-għerf infinit Tiegħu hu qajjem l-Ordni Karmelitan u fawwru bil-grazzji Tiegħu. Ix-xogħol tiegħu kellu jkun it-twaqqif ta’ skola tal-ħajja mistika, bil-karatteristika spejali tiegħu li s-superjuri ta’ l-Ordni kellhom iħarsu biex l-Ordni jkun jista’ jwettaq il-vokazzjoni partikulari tiegħu. Meta Alla jħawwel fil-ġnien tal-Karmelu ix-xtieli biex jiftħù għaliH bħal fjuri; meta Hu jsejjaħ fl-Ordni daqstant żgħażagħ fl-aħjar tagħhom, kollhom entużjażmu, allura Hu jrid li l-Ordni jieħu ħsieb dawn l-erwieħ. Fra Ġwann imbagħad jistqarr bil-miftuħ, li hu jixtieq minn qalbu, ixandar il-ġmiel ta’ l-għerf ta’ Alla, li jixtieq jagħmel mal-bniedem ferm aktar milli jagħmel, iżda li jiġi mfixkel mill-ostakli li jpoġġi l-bniedem stess u ta’ spiss minħabba n-nuqqas ta’ disposiżżjoni tiegħu. B’ danakollu, għal dak li jaf jirrispetta, l-għerf ta’ Alla huwa meraviljuż. Huwa jimla lill-magħżulin bit-teżori, bil-ġmiel, bir-rigali tiegħu. Hu jimliehom u jippremjahom bit-tgawdija sħiħa tiegħu. Inqas ma jaħsbu fuqha, aktar jieħdu sehem minnha. Il-biċċa l-kbira ma jaħsbux fiha, jew inkella joffru ħajjithom lil Alla elf darba. Fil-fatt, huma ġa jgħixu kważi barra minnhom infushom, mitlufin f’Alla. U ġisimhom isir suġġett għall-ispirtu tagħhom. Forma speċjali ta’ talb, “L-aspirazzjoni” Biex jintlaħaq dan il-għan, il-venerabbli ajk, jinsisti wkoll fuq it-talb u l-meditazzjoni, f’ forma ta’ talb li nistgħu nsejħulha l-frott kontinwu u permamenti tat- talb. Hendrik Herp, id-dixxiplu Franġiskan ta Ruusbroec, uża għall-ewwel darba l-kelma li Ġwanni ta’ S. Sansun addatta mbagħad fit-tagħlim tiegħu, mhux bħala xi ħaġa ġdida fiha nfisha, iżda li qatt ma ngħatalha l-importanza tagħha f’dan is-sens. Ġwanni ta’ S. Sansun għamel tiegħu din il-forma ta’ talb li taqbel perfettament mat-tradizzjonijiet tar-reliġjużi antiki u wkoll ta’ l-eremiti tal-Karmelu. Fid-diskors tiegħu ma’ l-Abbati Iżakk, Cassiano jitkellem dwar l-użu tal-ġakulatorji u l-aspirazzjonijiet. Il-Ven. Ġwanni ta’ S. Sansun żviluppa din il-prattika b’mod li jista’ jissejjaħ tabilħaqq ta’ mgħallem. Hu jgħallimna s-sbuħija sħiħa ta’ din ix-xorta ta’ talb u daħħalha fl-użu. Hu jsejħilha flimkien ma’ Henrik Herp, toegeesting, elevazzjoni, jew “aspirazzjoni” u jagħti lill-aħħar kelma tifsir partikolari. Huwa eżerċizzju li jiddependi minna u fl-istess ħin huwa maħsub biex jagħmilna ferm kapaċi biex nipparteċipaw mill-abbundanza ta’ grazzji li jiġu mogħtija għax jizviluppa ħafna fina d-disponibilità għall-grazzja u jiftaħ għal kollox qalbna għal Alla. Mhuwiex sempliċiment djalogu ta’ mħabba; huwa biss il-bidu u l-ewwel pass. Huwa titjira lejn Alla, huwa vampa mill-fjamma ta’ l-imħabba u l-ħeġġa ta’ qalbna. Huwa sforz ripetut biex ningħaqdu kemm nistgħu mill-qrib ma’ Alla, jew aħjar, biex nirriformaw ruħna f’Alla u nikkonformaw ruħna Miegħu. Huwa imbuttatura, xewqa, li nintilfu f’Alla u Alla ma jwarrabniex. Huwa jaċċettana għandu u nsiru spirtu wieħed, nimtlew bl-ispirtu Tiegħu, ngħixu l-ħajja Tiegħu. X’ħaġa tal-għaġeb! Nixxenqu għal Alla għax aħna mimlija bl-ispirtu Tiegħu, biH innifsu. U għax aħna mimlija biH, aktar nixxenqu li nimtlew; aħna nfittxuh u Hu jimliena dejjem aktar. Dan l-eserċizzju jiżboq kull intelliġenza, jiżboq kull turija ta’ mħabba, huwa mmirat direttament lejn Alla u m’għandux skop ieħor ħlief li jkun ħaġa waħda Miegħu. Billi l-intellett u l-imħabba huma l-bażi ta’ din “l-ispirazzjoni”, allura jibda minn hemm, b’danakollu dak li jkun la jaħseb fl-intellett u lanqas fl-imħabba, iżda biss fil-frott li se jiġbor, l-għaqda. B’danakollu huwa eżerċizzju li jikber u għalhekk insibu ħafna gradi fiħ. L-ewwel grad huwa li nissagrifikaw lilna nfusna u l-ħolqien kollu għal Alla. Meta nagħmlu dan l-aħjar ikun li din l-offerta niġbruha bi ħsieb wieħed: illi kollox huwa Tiegħu, mingħajr ma noqogħdu niddistingwu xi ħaġa partikulari mill-ħolqien. Irridu naraw ‘l Alla, mhux lill-krejatura; il-kreatura biss sakemm tgħinna biex naslu għand Alla. It-tieni grad huwa talba għad-doni Tiegħu, biex Hu li huwa kapaċi jtihom, ikun jista’ jtihom; biex Hu li huwa tant għani u qawwi jxerred dan il-ġmiel. It-tielet grad li nsiru nixbhu kemm jista’ jkun lil Alla billi nħobbuh bil-qawwa u nkunu nixtiequ li kullħadd jaċċetta din l-imħabba u jitħeġġeġ biha. L-aħħar grad huwa l-għaqda perfetta tagħna nfusna ma’ Alla. Dan jinkludi l-gradi l-oħra kollha, iżda f’livell aktar għoli. Dan kollu xejn mhi ħaġa faċli. Għaldaqstant, l-ajk jifhem li mhux se nirnexxu f’daqqa, iżda jitlob li jkollna ħafna paċenzja. Bil-mod jirnexxielna. L-eżerċizzju jista’, biex ngħidu hekk, isir dejjem b’ħeġġa akbar, sakemm fl-aħħar jizviluppa f’xi ħaġa bħallikieku li naraw direttament u nifhmu lil Alla u tant nieħdu kunfidenza li jsir it-tieni natura. L-immaġini jispiċċaw; u ngħaddu minn fuq kull ħaġa direttament għand Alla. Irridu noqogħdu attenti li ma ninsistux iżżejjed fuq dan tant li neskludu l-umanità ta’ Kristu fit-titjira ‘l fuq tagħna lejn Alla. Huwa jibqa’ dejjem l-Interċessur tagħna, il-Medjatur tagħna. B’konnessjoni ma’ l-għaqda ma’ Alla fil-qalb ta’ ruħna, il-Venerabbli Ġwanni jħobb jitkellem l-aktar dwar il-kontemplazzjoni li tgħaddi, tiżboq u tintrefa’ fuq kollox, li skond l-espressjoni tiegħu ddaħħal is-suġġett sewwa fl-oġġett, tgħaqqad perfettament is-suġġett ma’ l-oġġett, li wieħed ikollu pussess assolut fuq l-ieħor. F’dan huwa jara bidla ta’ l-għaġeb. Ir-ruħ tintilef f’Alla. Il-Fehma, it-telfa totali tagħha huwa l-ogħla għan tagħha. Hija tinduna li ssir taf lill-Għoli billi ma tagħrafx dak li taf. Ħafna drabi hija ma tistax titkellem dwarha, lanqas issib kliem biex tesprimi dak li tixtieq tgħid li kellha titkellem jew kellha tikkomunika xi ħaġa minn dak li ma jitfissiex bil-kliem. Hekk jiġri lir-ruħ illi tara d-dawl u d-dlam fl-istess ħin. Għaldaqstant, dawk li jiġu mogħtija minn Alla l-akbar għerf, jitkellmu bi kliem li ma jiftiehemx, u jkunu jifhmuhom biss dawk li jkunu mgħollija għall-istess għoli. Min-naħa, l-oħra, nies bħal dawn ma jkunux iħobbu jitkellmu differenti ma’ l-oħrajn, sakemm Alla ma jkunx irid hekk. Il-veri dixxipli ta’ l-iskola Karmelitama għandhom ikunu miġbura fihom infushom fi grad għoli, biex isibu u jiltaqgħu ma’ Alla fill-qalbanett ta’ ruħhom. Hemm Alla jmur jiltaqa’ magħhom. Hu jikber fihom permezz tal-meditazzjoni li jagħmlu fuqu u l-imħabba li juru lejH. Hu jikber fil-qiegħnett ta’ l-eżistenza tagħhom sakemm ma jkunux jistgħu jaħbuH aktar u Hu ma jkunx irid jibqa’ moħbi fihom aktar. Ġwanni ta’ S. Sansun iġedded hawn it-teorija tax-scintilla animae, ix-xrara tar-ruħ, tal-qofol jew ġabra ta’ kollox fi kliem sempliċi, li minnu kollox jiżviluppa u jsir magħruf fil-għana kollu tiegħu, iżda li għandna nżommu quddiem għajnejna bħala l-bażi u l-ewwel ġabra. Fil-parti l-aktar ta’ ġewwa, profonda u essenzjali tagħna, Alla hu l-eżistenza ta’ l-eżistenza tagħna, il-ħajja tal-ħajja tagħna, ir-raġuni ta’ l-eżistenza tagħna u ta’ dak kollu li nagħmlu jew nistgħu nagħmlu. Hemm Alla huwa bħal xrara fir-ruħ tagħna. Hu qabbad nar fina – nar li jdawwal u jsaħħan, nar li jrid iħeġġeġ. Meta nisimgħu lil Ġwanni ta’ S. Sansun jitkellem mit-tagħlim tal-Karmelu u nagħrfu l-ispirtu tat-tieni riforma, nimtlew bil-ferħ. Allura naslu biex naqsmu l-abbiss li jidher qed jitwessa’ u fil-fatt jitwessa’, skond x’uħud, li jaqsam iż-żewġ osservanzi. Imbagħad nifmu li fuq kull naħa ta’ l-abbiss il-boskijiet għandhom il-ġmiel tagħhom, li l-għasafar jgħannu fuq kull naħa u li l-għana tagħhom ifakkarna f’Alla. Naraw is-siġar li jmilu lejn xulxin miż-żewġ naħħiet ta’ l-abbiss u l-friegħi tagħhom jitħabbu f’xulxin. Mill-għoli m’hemmx abbissi u l-bniedem biss tad-dinja jieqaf għal mument quddiem il-qasma. Aktar ma’ jogħla `l fuq, aktar jidher jidjieq f’għajnejh l-abbiss. U meta jikbru ġwenħajh imbagħad itir minn fergħa għal oħra sakemm jaqsam il-fondoq u għalieh huwa l-uniku u l-istess bosk sabieħ, fejn l-għasafar jgħannu l-uniku u l-istess għana biex ifaħħru lil Alla. B’surmast bħal Ġwanni ta’ S. Sansun f’riforma li tagħha kien u għadu r-ruħ, aħna m’aħniex friegħi li tilfu n-natura vera taz-zokk il-qadim, iżda fina z-zokk il-qadim jista’ jagħti l-ħajja ġdida, kif għamel fih. L-għannej għama ta’ Rennes, Ġwanni ta’ S. Sansun, jgħanni bħala l-għannej imnebbaħ; S. Ġwann tas-Salib, għanna fl-oskurità ta’ Toledo. |