Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


9. SANTA TEREŻINA TIĠBED ID-DINJA LEJN IL-KARMELU

mill-Beatu Titu Brandsma, O.Carm.

Fil-qosor:
Karatteristiċi tal-ħajja tagħha
Il-prattika tal-preżenza ta’ Alla
L-imħabba tagħha lejn Alla
L-umiltà u s-sempliċità tagħha
It-tama tagħha f’Alla
Is-siwi tal-ħwejjeġ “żgħar”
Il-konformità mar-rieda t’Alla
Marija: l-ideal tagħha
L-ewwl punt: l-appostolat tat-talb
L-appostolat tat-talb qabel Santa Tereżina: il-kbira Santa Tereża
Marija Madalena de’ Pazzi: mudell ieħor ta’ l-appostolat tat-talb
Il-kunventi kontemplattivi bħala għajnuna lill-missjonijiet
Għandna nimitaw lill-Fjur iċ-Ċkejken
It-tieni punt: l-appostolat tagħha jkompli wara l-mewt

Fi żmienna, għajnejn id-dinja huma mdawrin lejn il-Karmelu aktar minn qatt qabel. F’dan il-ġnien fetaħ fjur ta’ ġmiel li jsaħħar, tant li numru bla għadd ta’ nies qabdu t-triq li twassal hemm, ħerqana li joqogħdu f’dik l-hena fejn iwarrdu fjuri daqshekk ħelwin. Huma jiflu mill-ġdid is-sigrieti ta’ din is-sbuħija u għal darba oħra jistaqsu f’hiex jikkonsisti l-ġmiel tal-Karmelu. Dan il-fjur ġibed l-attenzjoni lejn tant fjuri oħrajn hekk li d-dinja mtliet bl-ammirazzjoni lejn il-Karmelu, u ma’ kullimkien twaqqfu kunventi ġodda ħalli d-dinja timtela b’dawk is-santwarji fejn wieħed jista’ jgħix ħajja daqshekk qaddisa.

Qiegħed ngħid għall-fjur ta’ Lisieux, iċ-Ċkejkna Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes, li isimha dar mad-dinja kollha, li l-ġrajja ta’ ħajjitha ġiet maqluba fl-ilsna kollha, li ġiet imsejħa minn Alla biex tkompli tkattar il-glorja tal-Karmelu.

Karatteristiċi tal-ħajja tagħha

Huwa kważi impossibbli tiddeskrivi fi ftit minuti ħajja hekk mimlija b’sinjali ta’ komunikazzjoni ma’ Alla, bil-virtù u b’tiswib hekk kotran ta’ grazzja. Minkejja dan, se nipprova ngħid fil-qosor liema huma l-elementi l-aktar karatteristiċi tal-ħajja tagħha, li fl-istess waqt juruha bħala wieħed mill-eżempji l-aktar sbieħ u elokwenti ta’ l-iskola tal-Karmelu.

Il-prattika tal-preżenza ta’ Alla

M’hemmx dubju li fl-ewwel post insibu x-xewqa tagħha li tirrelata ma’ Alla, li tgħix ħajja ogħla għalih u bih. Hija tifhem sewwa sew li Alla l-ħaj, li jimla s-sema u l-art u fl-istess ħin jgħammar fil-qalb ta’ qalbna, għandu jkun l-oġġett ta’ ħsibijietna u mħabbitna. L-iktar ħaġa li tolqotna fil-ħajja tagħha għalhekk huwa l-fatt li għexet fil-preżenza ta’ Alla. Hija tista’ tassew ittenni kliem Elija l-Profeta: “Ħaj il-Mulej, li jiena nservi quddiemu”. Biex issaħħaħ dan f’moħħha hija kkultivat il-qima lejn il-Wiċċ Imqaddes, żiditu bħala parti minn isimha, u pinġietu. Ma kienx hemm mezz aħjar, mhux biss biex tara lil Alla bħala bniedem, imma biex permezz ta’ l-Umanità tiegħu togħla sad-Divinità, u tgħix fi ħdan it-Trinità kif kien għex Hu sa minn dejjem.

L-imħabba tagħha lejn Alla

Bħala riżultat ta’ din il-kontemplazzjoni ta’ Alla, l-imħabba ta’ Alla tfawwarha b’qawwa li ma tiflaħx għaliha. L-ispirtu tagħha ġie msejjaħ spirtu ta’ mħabba, u hekk hu. M’hijiex, imma, xewqa għamja, imma mħabba ġejja minn kontemplazzjoni intellettwali, minn għarfien li kisbet bil-fidi. Hija tridna nikkontemplaw bla heda l-għemejjel ta’ Alla u nilmħu s-sinjali ta’ mħabbtu sabiex nibqgħu sħaħ fl-imħabba tagħna lejh. Ta’ min jinnota li, kollha ħeġġa, hija tammira n-natura u l-ġmiel tal-ħolqien, tithenna bis-sbuħija tal-fjuri, bil-glorja ta’ sema mimli kwiekeb, imma fl-istess waqt, tixtieqna inħallu dawn kollha wara ftit biex bihom naslu għand Alla. Huma mezz, mhux għan fihom infushom.

L-umiltà u s-sempliċità tagħha

Mill-ħajja tagħha mgħajjxa quddiem il-Wiċċ ta’ Alla, u mill-imħabba u l-istagħġib tagħha quddiem il-qawwa u l-maestà tiegħu, toħroġ idea oħra li ssib posta tajjeb ħafna fil-ħsieb ta’ l-Ordni. Qiegħed nifhem l-idea tax-xejn tagħha meta mqabbla ma’ Alla, l-għarfien meraviljuż taċ-ċokon u n-nuqqas ta’ siwi tagħha, l-umiltà tagħha u l-fatt li kienet tqis lilha nfisha bħala biss tifla. Din l-idea spiss insibuha fil-qaddisin ta’ l-Ordni li ġew qabilha, għax is-sempliċità u l-umiltà huma l-kwalitajiet speċjali ta’ l-Ordni. Kemm saħaq fuqhom il-Beatu Ġwanni Soreth! Il-Kardinal Gasquet fi ftit kliem juri dawk il-karatteristiċi li jiddistingwu l-Ordni tal-Karmelu minn ordnijiet oħrajn: Semplices et sinceri. Tabilħaqq, il-ħajja taċ-ċkejkna Santa Tereża tagħti ċertu piż u saħħa lil din il-frażi. Diversi kittieba spiritwali Karmelitani spiss jgħidu – ħaġa li tant taqbel ma’ l-ispirtu tagħna – li l-Ordni tagħna mhuwiex imsejjaħ biex jagħmel ħwejjeġ kbar, biex jissemma’, imma biex ikun maħbub u jiġbed lin-nies billi jagħmel sewwa l-ħwejjeġ ordinarji, mingħajr ħafna tpaċpiċ jew storbju; biex jgħix f’ċertu qtugħ mid-dinja għal u ma’ Alla aktar milli għall- u mal-bnedmin; biex jagħti valur aktar lil dak li jixtieq Alla milli lil dak li l-bniedem iżomm fil-għoli. L-ewwel ħtieġa li titlob l-iskola tal-Karmelu hija daħla siekta fina nfusna sabiex ngħixu f’Alla u miegħu. Minn din il-kontemplazzjoni jinbet dak is-sens ta’ ċokon u ta’ tixjin, modestja u sempliċità. “Jekk ma terġgħux issiru bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet”. Fil-kolletta tal-quddiesa tal-Fjur Ċkejken (3 ta’ Ottubru) il-Knisja ssemmi ċar u tond dawn il-kliem tal-Mulej, ħalli bl-għajnuna ta’ Santa Tereżina nkunu nistgħu inqiegħdu dawn il-pedamenti diffiċli imma meħtieġa biex fuqhom tinbena l-qdusija tagħna.

It-tama tagħha f’Alla

Wieħed mill-paradossi ta’ ħajjet Santa Tereżina huwa li, fil-waqt li hija tiċċekken u tagħraf id-dgħufija tagħha, hija tistrieħ fuq l-għajnuna ta’ Dak li bis-saħħa tiegħu tista’ tidħol għal kull ħaġa. It-tama u l-fiduċja tagħha huma ta’ l-għaġeb.

Is-siwi tal-ħwejjeġ “żgħar”

Paradoss ieħor huwa li hija tibdel fi ħwejjeġ kbar u f’merti l-ħwejjeġ l-iktar żgħar tal-ħajja ta’ kuljum, billi toqgħod attenta għalihom u billi tarahom b’għajnejn Alla. Hija u tgħix ħajja mill-aktar ordinarja, bla ma tiġbed l-inqas attenzjoni, hija tagħraf tagħmel minn ħajjitha sensiela ta’ għemejjel qalbiena ta’ virtù u tgħix kontinwament mhedija b’Alla. Fi qbil perfett ma’ dan kollu ninnutaw it-telqa sħiħa taċ-ċkejkna Santa Tereża f’idejn Alla. Din tidher bħala ħaġa waħda ma’ l-għarfien li għandha taċ-ċokon u x-xejn tagħha.

Il-konformità mar-rieda t’Alla

Tereża toqgħod kalma f’idejn Alla u tintelaq għal kollox għal dak li tiddisponi l-providenza tiegħu. Hija tagħmel l-almu tagħha sabiex tkun konformi mar-rieda ta’ Alla. F’din il-ħaġa kellha eżempju sabiħ fl-Ordni tagħha stess fil-persuna ta’ Santa Marija Madalena de Pazzi, u hija kienet tħobb timmedita dwarha. Din il-qaddisa, waħda mill-akbar glorji ta’ l-Ordni tagħna, hekk mgħollija ’l fuq fil-kontemplazzjoni mistika, fuq kollox fil-kontemplazzjoni tat-Trinità Qaddisa, kienet dejjem tirrepeti: “Din hi r-rieda ta’ Alla”. Din għaliha kienet l-aħħar kelma. Iċ-ċkejkna Tereża kienet tixbahha. Hija kienet konvinta sew u soda fil-persważjoni li l-ħajja spiritwali hija ħaġa impossibbli mingħajr mortifikazzjoni. Biss għaċ-ċkejkna Tereża ma kienx hemm opportunità aħjar biex timmortifika ruħha milli tilqa’ kull ħaġa minn idejn Alla hekk kif jibgħatha Hu. Konformità kontinwa bħal din mhix daqshekk ħafifa, imma din hi r-raġuni għaliex hija l-mezz l-aktar xieraq biex nimmortifikaw irwieħna u niċħdu lilna nfusna. Hija warrbet għal kollox ir-rieda tagħha u qatt ma riedet tagħtiha r-riħ. Ix-xbieha tal-warda li twaqqa’ l-petali tagħha kellha seħer partikulari għaliha. Hija riedet tinża’ mill-weraq kollha tagħha, tqaċċat il-petali kollha tagħha u tferrixhom fil-mogħdija tal-Mulej. Huwa kellu jgħaddi minn dik it-triq; hija riedet bħallikieku tisfurzah biex jiġi u jaqtgħalha x-xewqa li kellha għaż-żjara tiegħu. Waħda mill-massimi preferiti tagħha kienet: “Jekk togħġbu fedelment fil-ħwejjeġ iż-żgħar, Huwa jkun marbut hekk li ma jkunx jista’ jagħmel ħaġa oħra ħlief jgħinkom f’dawk li huma iktar importanti”. Hija riedet tkun fjur ta’ Ġesù, mhux biex tgħaddi ż-żmien titbandal fuq iz-zokk tagħha, imma biex tinqata’ minn Ġesù, biex tmut għalih quddiem għajnejh, biex tixxerred fil-mogħdija tiegħu u tintrifes. Hija laħħmet regula oħra ta’ ħajja f’din il-ġakulatorja jew aspirazzjoni: “Jien nibża’ minn ħaġa waħda, li nżomm ir-rieda tiegħi. Ħudha, Mulej, għaliex jiena nagħżel biss dak li tagħżel Int”.

Marija: l-ideal tagħha

Bħala l-ħames kwalità tal-karattru tagħha nixtieq insemmi li l-ideal tagħha fit-“Triq iċ-Ċkejkna” kienet il-Madonna. Kellha żewġ kelmiet ta’ Marija stampati sewwa fil-memorja tagħha: Ecce ancilla Domini - “Ara l-qaddejja tal-Mulej”. Sa minn żgħożitha kellha qima mħeġġa, bħal dik tat-tfal, lejn Marija. L-istatwa tagħha kienet imqiegħda quddiemha fil-kamra ċkejkna li kellha f’dar missierha, u dehrilha bħallikieku tbissmitilha. Hija daħlet fl-Ordni tal-Karmelu biex tkun bintha u biex timitaha l-aktar fl-għaqda tagħha mal-Mulej. Tereżina xtaqet li ħajjitha tkun bħall-ħajja tal-Madonna, li kienet ordinarja, u kienet tikkonsisti biss f’sensiela ta’ għemejjel l-aktar komuni tal-ħajja ta’ kuljum. Jekk Alla tgħaxxaq tant bl-umiltà tal-Madonna hekk li xtaq jinżel fi ħdanha, ma kienx se jonqos li jħares ’l isfel lejha u jitgħaxxaq biha, kieku fittxet li ssir tixbah imqar ftit lil Marija. Marija qagħdet mingħajr riserva għal dak li Alla xtaq li jsir permezz tagħha: “Ara l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skond kelmtek”. Hekk iċ-ċkejkna Tereża ngħatat kollha kemm hi lil Alla, ħerqana li togħġob lilu biss, li tafdah, li tkun tiegħu biss. Bħall-Madonna, li ma tfixklitx meta San Ġużepp ma fehemx fiex kienet tinsab, imma ħalliet it-tifsira ta’ dan il-misteru f’idejn Alla, hekk iċ-ċkejkna Tereża ħalliet kollox f’idejn Alla b’fiduċja bla tarf.

Alla niżel fiha wkoll, u hija wkoll rat lil Alla jorqod fi ħdanha. Hija wkoll riedet idduq l-għaqda ma’ Alla bl-istess delikatezza li biha Marija gawdiet din l-istess hena. Imma hekk kif l-inżul ta’ Alla f’Marija mbuttaha mill-ewwel biex tagħmel att ta’ umiltà billi żżur lil Eliżabetta, hekk Tereżina riedet li l-għaqda tagħha ma’ Alla u t-telqa tagħha f’idejh jidhru f’għemejjel umli ta’ mħabba. Għalhekk kienet tieħu pjaċir tisma’ lill-Madonna mfaħħra l-aktar bħala l-eżempju tal-virtujiet kollha. Xi tridha l-Madonna l-ammirazzjoni tagħna jekk ma nimitawhiex u ma nwiġbux għall-grazzja kbira li tana Alla meta tahielna biex tkun għalina eżempju u protettriċi? Tereżina, għalhekk, qagħdet flimkien mat-tfajjel Ġesù, li miegħu kienet tħossha ħaġa waħda, f’idejn l-Omm Verġni. Biex tfisser dan kienet tuża xbihat l-aktar semplici: “Meta lbiesi jkun żmattat minħabba l-logħob, u xagħri jitħabbel, il-Madonna tiġi tirranġani, tqiegħed fjura f’xagħri u hekk inkun nista’ mmur għand Ġesù”.

L-ewwl punt: l-appostolat tat-talb

Fl-aħħar nett, hemm żewġ punti fil-ħajja taċ-ċkejkna Tereża li jistħoqqilhom attenzjoni speċjali u jiddistingwuha bħala waħda mir-rappreżentanti maħbubin tal-Karmelu.

Il-mistiċiżmu ta’ l-iskola tal-Karmelu ma kienx ikun jista’ jitqies bħala mistiċiżmu tassew li kieku ma kienx appostoliku bil-mod partikulari tiegħu. Santa Tereża ta’ Lisieux turina t-tifsira vera ta’ l-appostolat ta’ l-iskola tal-Karmelu. “Nixtieq kieku nkun missjunarja”, tgħid hi, “nixtieq li kieku kont missjunarja mill-ħolqien sa l-aħħar tad-dinja. Irrid kieku nxandar l-Evanġelju fil-kontinenti kollha f’daqqa, saħansitra sa l-iktar gżejjer imbiegħda. Fuq kollox nixtieq il-martirju. Tortura waħda ma tissodisfanix, ma tkunx biżżejjed għalija. Irrid inbatihom kollha. Iftaħ, O Ġesù, il-ktieb tal-ħajja fejn hemm miktubin l-għemejjel tal-qaddisin: nixtieq kieku għamilthom kollha kemm huma għalik”. Imbagħad, imma, tiftakar li Alla kien qiegħed isejħilha minn triq oħra sabiex tagħmel l-appostolat. Bħala ħidma tal-grazzja ta’ Alla l-appostolat jeħtieġ li jidher bħala x-xogħol tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu li tiegħu Alla huwa r-ras u r-ruħ, li tiegħu aħna l-membri, mogħtija l-ħajja minn Alla. Mhux ilkoll kemm huma għandhom l-istess dmir. L-imħabba hija l-muftieħ li fetaħ il-bieb lil Santa Tereżina għas-sejħa tal-Karmelu fl-appostolat. “Jiena fhimt”, tgħid, “li jekk il-Knisja għandha ġisem, magħmul minn organi differenti, l-ewwel u l-iktar organu meħtieġ ma jistax jonqos. Rajt li dan il-ġisem irid ukoll qalb taqbad bl-imħabba. Fhimt li l-imħabba biss tħaddem lill-membri, li jekk l-imħabba kellha tintefa’, l-appostli ma kinux ixandru iktar l-Evanġelju, il-martri kienu joqgħodu lura milli jxerrdu demmhom. Fhimt li l-imħabba tiġbor fiha l-vokazzjonijiet kollha. Il-vokazzjoni tiegħi hi l-imħabba. Sibt il-post tiegħi fil-Knisja. Jien se nkun l-imħabba. Hekk inkun kollox. Hekk il-ħoma tiegħi seħħet tassew”.

L-appostolat tat-talb qabel Santa Tereżina: il-kbira Santa Tereża

Il-vokazzjoni li tant saħħret liċ-ċkejkna Tereża ma kinetx tagħha biss, anke jekk bil-kemm qatt kien hemm xi hadd li fehemha tajjeb daqsha. Il-kbira Santa Tereża ta’ Avila kienet ġà fissret din is-sejħa lis-sorijiet tagħha meta waqqfet l-ewwel kunvent tar-riforma. “Imxekkla milli nġib ’il quddiem, kif kont nixtieq, il-glorja ta’ Alla, ridt nagħmel dak il-ftit li stajt nagħmel, jiġifieri nsegwi l-kunsilli evanġeliċi bl-aħjar mod li stajt, u nwassal lil dawn il-ftit sorijiet li hawn hawnhekk biex jagħmlu l-istess, fiduċjuża fit-tjieba kbira ta’ Alla li qatt ma jonqos li jgħin lil dawk li huma determinati li jħallu kollox għalih, fil-waqt li nittama li mehdija fit-talb għad-difensuri tal-Knisja, għall-predikaturi u d-dutturi li jiddefenduha, inkunu nistgħu nagħmlu dak kollu li hu fis-setgħa tagħna biex ngħinu lill-Mulej li ġie daqshekk immaqdar. O ħuti għeżież fi Kristu, għinuni nitlob ħerqana lil Alla għal dan l-għan, għaliex għal dan ġabarkom hawn; din hi s-sejħa tagħkom, dan hu x-xogħol tagħkom; dawn xewqatkom; għal dan għandkom ixxerrdu dmugħkom u tindirizzaw talbietkom. Meta t-talb, ix-xewqat, il-flaġellazzjonijiet u s-sawm tagħkom ma jkunux għal dan il-għan, ftakru li ma tkunux qegħdin timmiraw lejn l-iskop u twettqu dak li għalih Alla ġabarkom hawn flimkien”.

Hawnhekk naraw li Santa Tereża mhux biss irrikkmandat lis-sorijiet tagħha l-appostolat tat-talb, imma ħallietulhom bħala l-vokazzjoni tagħhom.

Marija Madalena de’ Pazzi: mudell ieħor ta’ l-appostolat tat-talb

Biex inġib eżempju mill-Ordni ta’ l-Antika Osservanza, niġbed l-attenzjoni tagħkom lejn il-mistika kbira Taljana, Santa Marija Madalena de’ Pazzi, tal-monasteru ta’ Firenze. Nixtieq kieku kelli l-okkażjoni li nitkellem iktar fit-tul dwar il-ħajja spiritwali u l-kitbiet mistiċi tagħha, imma ż-żmien ma jippermettilniex dan. Hawnhekk ngħid, imma, li l-vokazzjoni tagħha fuq kollox kienet li titlob u tagħmel penitenza għat-tiġdid ta’ kull qasam fil-Knisja: reliġjużi, saċerdoti, lajċi, u wkoll eretiċi u pagani. Kienet tgħid: “Nixtieq noffrilek, O Alla tiegħi, il-ħlejjaq kollha kategorija kategorija. Mhux li kelli l-ħila niġbor lill-infidili kollha ħalli nwassalhom fi ħdan il-Knisja tiegħek! Nitlobha ssaffihom mill-infedeltajiet tagħhom, biex tagħtihom ħajja ġdida”. It-talb tagħha lil Alla għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ mifdija bis-Sagrifiċċju Qaddis tal-Kalvarju kien ifur f’ilsna tan-nar u b’aċċenti mħeġġa.

Il-kunventi kontemplattivi bħala għajnuna lill-missjonijiet

Il-Fjur Ċkejken ħolom li jirbaħ lid-dinja għal Alla, u biex din il-ħolma sseħħ, daħal f’monasteru fejn kien maqtugħ sewwa mid-dinja, u mbagħad għajjat, imqanqal bil-hena, li l-ħoma tiegħu saret realtà. Huwa biss min daħal ’il ġewwa fis-sigrieti tal-grazzja ta’ Alla li jista’ jifhem dan; min jifhem li meta nitolbu l-grazzja ta’ Alla u noffru ħajjitna f’għaqda mas-sagrifiċċju tal-Kalvarju, Alla jagħti l-grazzja tiegħu. Huwa f’dan li tikkonsisti l-parti l-aktar importanti tal-kura pastorali tal-ħidma missjunarja. Din hija l-għaqda l-aktar meraviljuża u intima tal-ħajja attiva ma’ dik kontemplattiva, mhux f’persuna waħda, imma fil-Ġisem mistiku li tiegħu aħna lkoll membri. Għandna għax nifirħu li l-għaqda tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu ġġedded anke dak l-stil ta’ ħajja l-aktar maqtugħ, separat mid-dinja u mogħti għall-qadi ta’ Alla, sabiex jagħmel mid-dinja art tajba għall-ħidma missjunarja, minn fejn din tista’ terda’ sugu ġdid tal-grazzja ta’ Alla. Dan il-ħsieb wassal għat-twaqqif ta’ monasteri Karmelitani anke fil-pajjiżi missjunarji. Dawn is-sorijiet jagħmlu sagrifiċċju akbar minn kull sagrifiċċju ieħor billi jħallu art twelidhom u l-klima tagħhom u jsellmu darba għal dejjem lill-ġenituri tagħhom, lil qrabathom u lil ħbiebhom. Din l-idea ħajret liċ-ċkejkna Tereża biex tmur l-Indoċina. “Hawn”, tgħidilna, “jiena maħbuba, u dan l-affett huwa għażiż ħafna għalija. Imma hu sewwa sew għalhekk li jien noħlom b’monasteru fejn ħadd ma jkun jafni, fejn ikolli nsofri wkoll l-eżilju tal-qalb. Nixtieq immur Hanoi, biex inbati ħafna għat-twajjeb Mulej. Nixtieq immur hemm biex inkun waħdi, biex ma jkolli ebda faraġ, lanqas hena waħdanija f’wiċċ id-dinja”.

Barra minn hekk, il-preżenza ta’ dawn il-monasteri fil-missjonijiet iżżomm ħajja l-idea tas-siwi ta’ l-appostolat tat-talb, kemm għal dawk li jipprattikawh kif ukoll għal dawk li jibqgħu barra. Hija ħaġa li tnissel ammirazzjoni meta tara kif il-missjunarji nfushom jikkompetu bejniethom biex iwaqqfu monasteri Karmelitani: kif Papiet u Isqfijiet jinsistu fuq il-ħtieġa li jinbnew djar bħal dawn; kif il-Papa, biex iġib ’il quddiem dan il-ħsieb, għamel lil Santa Tereżina Patruna tal-ħidma missjunarja kollha kif ukoll tal-ħidma għall-għaqda tal-Knejjes.

Għandna nimitaw lill-Fjur iċ-Ċkejken

Dan għandu jwassal lil dawk kollha li huma msejħin għall-ħajja spiritwali fil-Karmelu, imma l-aktar lil dawk li issa ma jistgħux iktar jieħdu sehem attiv fl-appostolat tal-Knisja, biex jaraw fil-kontemplazzjoni l-aħjar sehem ta’ l-Ordni, u jimbuttahom biex isegwu l-ħajja kontemplattiva bl-iktar mod strett possibbli, biex isejħu l-barka indispensabbli ta’ Alla fuq il-ħidma ta’ l-oħrajn.

Mill-monasteru ċkejken ta’ Lisieux Santa Tereżina xandret “it-Triq iċ-Ċkejkna” billi tiknes il-kurituri u taħsel il-platti, tnaddaf l-oratorju u taħdem fil-ġnien, tieħu ħsieb il-morda u tgħin lil dawk fil-bżonn, bl-istudju f’waqtu u l-qari ta’ dak li l-moħħ jeħtieġ għall-iżvilupp tiegħu. Hekk hi rebħet lid-dinja. M’hemmx x’wieħed jiskanta għall-fatt li dan il-kunċett tal-ħajja interjuri ta’ l-iskola tal-Karmelu, mfisser fi Storja ta’ Ruħ, ġibed eluf ta’ nies lejn il-Karmelu, u li f’dan iż-żmien ta’ tant taħbit u ta’ ħajja mgħaġġla Santa Tereżina togħla ’l fuq, bħal fanal fil-baħar imqalleb.

It-tieni punt: l-appostolat tagħha jkompli wara l-mewt

Meta nħarsu ’l fuq mill-imwieġ tal-Baħar Mediterran, spiss imqalleb, lejn il-Karmel, li jogħla ’l fuq seren fi sbuħija liema bħalha bħala post ta’ kenn u rifuġju, id-dehra taċ-ċkejkna Tereża tagħmlilna sinjal biex ninżlu l-art hemmhekk u nieħdu l-mistrieħ tagħna. Imbagħad hija idha li ddoqq il qniepen tal-kappella siekta tiegħu sabiex tistedinna nitolbu magħha.

L-istorja tirrakkonta kif San Alwiġi, Re ta’ Franza, meta kien il-kruċjata, ġie maħkum minn riħ qawwi f’riġlejn il-Karmel u sema’ l-qniepen tiegħu idoqqu, isejħu ’l-irħieb għat-talb ta’ bil-lejl; kif hu niżel ix-xatt u ngħaqad mal-patrijiet fit-talb tagħhom. Meta ġie biex jitlaq ħa ħames irħieb miegħu biex iwaqqfu kunvent fil-belt kapitali tiegħu.

Intom ukoll tinsabu maħkumin minn riħ qawwi fi triqitkom lejn l-Art Imqaddsa, is-saltna ta’ Alla fid-dinja. Jien daqqejtilkom il-qniepen tal-Karmelu sabiex tisimgħu l-ilħna li jitkellmu dwar it-talb u l-appostolat, dwar it-talb fuq il-ġnub ta’ dik il-Muntanja Mqaddsa. Inżlu intom ukoll ix-xatt għal waqt wieħed ħalli tingħaqdu ma’ din it-talba u tieħdu lura magħkom l-ispirtu tal-Karmelu, biex teħduh fil-kapitali ta’ saltnatkom, is-saltna ta’ ħsibijietkom, iċ-ċentru ta’ ħajjitkom.

Santa Tereża ta’ Lisieux qalet li wara mewtha kellha xxerred il-ward fuq l-art. Ta’ xiex hija xbieha l-warda jekk mhux ta’ l-imħabba ta’ Alla, li għalih riedet tkun warda, warda li twaqqa’ l-petali tagħha tul it-triq ta’ Alla madwar id-dinja?

Il-Karmel huwa muntanja ta’ siġar u fjuri. B’idejhom mimlija ulied il-Karmelu jferrxu dawn il-fjuri fuq id-dinja. Din ix-xbieha ta’ Santa Tereżina hija komuni ħafna. Il-Qaddisa tferrex ’l hawn u ’l hemm fuq id-dinja l-fjuri li tirċievi minn id il-Madonna, il-Medjatriċi tal-Grazzji Kollha. U dan huwa t-tieni punt ta’ min jagħti kasu fil-ħajja tal-Fjur Ċkejken: il-kontinwazzjoni ta’ l-attività tagħha wara l-mewt.

Fil-prefazju tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu naqraw it-tifsira tas-sħaba ċkejkna li Elija ra tielgħa mill-baħar meta kien fuq il-Karmel: “Int li fis-sħaba ċkejkna tielgħa mill-baħar ħabbart minn qabel ix-Xebba bla Tebgħa Marija lil Elija l-Profeta, u ridt li tingħata qima lilha minn ulied il-profeti”. Elija lemaħha, u miegħu aħna lkoll inħarsu lejha. Għandha jdejha mimlijin bil-fjuri u hi ġġorr lill-Binha Divin, l-għajn ta’ kull sbuħija u grazzja. L-ewwel qtar tax-xita feddejja, ward ta’ grazzja divina, jinżlu fuq dawk li jitolbu.

F’riġlejn Marija, Omm il-Karmelu, flimkien ma’ Santa Tereżina, nara jitolbu għarkubbtejhom lil dawk il-ħafna rġiel u nisa qaddisa u mbierka li kienu tassew il-fjuri tal-Karmelu tul is-sekli li ġew qabel. Il-fjuri ta’ l-eżempji tagħhom jinżlu fuqna bħax-xita. Jeħtieġ imma li dawn jiġu mħawlin mill-ġdid fil-ġnien ta’ ruħna.

Fi żminijietna stess, Sta Tereżina, “il-Fjur ċkejken”, hi magħżula biex tagħmel dik ix-xita iżjed kotrana minn qatt qabel. J’Alla tagħtina minn id l-Omm tal-Karmelu, mill-Muntanja mqaddsa, il-ward li neħtieġu għall-ġnien ta’ ruħna. L-ispirtu doppju tal-Profeta tal-Karmelu jimla l-ġnien ta’ qlubna bil-fwejjaħ tiegħu. U li kien Alla jimxi fil-ħlewwa ta’ dan il-ġnien.

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla”.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage