Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla



SANTA MARIJA MADDALENA DE’ PAZZI

Santa Marija Maddalena de’ Pazzi (Kunvent tal-Karmnu, Mdina)
Marija Maddalena qabel ma daħlet soru Karmelitana kien jisimha Katerina. Minn ċkunitha dehret li kienet magħżula minn Alla biex tikber u timxi ‘l quddiem fil-qdusija. Ommha Marija u missierha Kamillu ferħu mhux ftit bit-twelid tagħha fit-2 ta’ April 1566. L-ewwel kliem li għallmu lil Katerina kienu: “Ġesù u Marija”, u malli kibret ftit tnisslet fiha ġibda kbira lejn ir-reliġjon. Kienet għadha tifla, Katerina kienet tmur tinħeba f’xi kamra, toqgħod għarkobbtejha u tgħaddi sigħat titlob bla ma tiċċaqlaq. Kellha qima kbira lejn il-Kredu msejjaħ ta’ San Atanasju, li jfisser tajjeb il-Fidi Nisranija rigward il-Misteru tat-Trinità. Kienet iżżomm dejjem ma’ ġemb qalbha kopja ta’ dan il-Kredu, u fis-sodda tal-mewt talbet lis-sorijiet sħabha jaqrawhulha.

Katerina kienet tħobb taħseb fuq it-tbatijiet ta’ Kristu Msallab. Darba meta kellha xi disa’ snin, biex tpatti għad-tbatijiet ta’ Kristu, bdiet issawwat lilha nfisha b’ħabel imdawwar bix-xewk. Għamlet kuruna b’għollieq u qegħditha fuq rasha. Il-qaddejja tad-dar ittendiet u kienet pronta tgħid kollox lil ommha. Malajr waqfu l-penitenzi kollha, imma Katerina baqgħet dejjem ħsiebha fi Kristu, u bilkemm kienet għalqet l-għaxar snin meta offrietlu xbubitha għal dejjem.

Missier Katerina, Kamillu, ġie maħtur Gvernatur ta’ Kortona fejn mar hu u l-familja kollha. Imma Katerina kellha tibqa’ f’Firenze. Kienet tieħu ħsiebha zijitha li kienet soru fil-monasteru ta’ San Ġwann tal-Kavallieri ta’ Malta. Damet hemm mas-sorijiet mas-sena u nofs u ħassitha li kienet qiesha l-ġenna, tipprova tagħmel kollox bħas-sorijiet l-oħra. Għalhekk meta l-ġenituri tagħha ġew lura minn Kortona sabuha li naqset xi ftit u kważi wiċċha bla kulur. Ħassew għalhekk id-dmir li jieħdu ħsiebha biex tissaħħaħ. Ħaduha f’dar fil-kampanja, għall-arja, u għamlu kull ma setgħu biex terġa’ f’saħħitha għalli kienet.

Santa Marija Maddalena de’ Pazzi (Knisja ta' S. Pawl Nawfragu, Valletta)Kif kienet id-drawwa ta’ dawk iż-żmenijiet, il-ġenituri ta’ Katerina, bħall-ġenituri l-oħra kollha, kienu fid-dmir li jsibu huma l-maħbub ta’ binthom. Għalhekk malli Katerina għalqet is-sittax-il sena riedu jsibulha żagħżugħ li jkun jixirqilha bħala żewġha. Imma Katerina ma riedet taf b’ħadd: “Lanqas jekk jaqtgħuli rasi ma niżżewweġ. Jien ta’ Kristu u ta’ Kristu biss”, kienet tgħid. Is-sur Kamillu tħabat ħafna ma’ bintu biex tbiddel il-fehma tagħha imma kollu kien ta’ xejn. Fl-aħħar, fuq il-parir tal-konfessur tiegħu, qal lil Katerina: “Jekk trid tmur soru jien imbierkek. Tkun magħmulha r-rieda ta’ Alla.”

Wara ftit tat-tħassib, Katerina għażlet li tidħol soru mal-Karmelitani ta’ Santa Marija ta’ l-Anġli f’Firenze. Ir-regola iebsa u l-imħabba lejn l-Ewkaristija li kien hemm f’dan il-monasteru ġibduha wisq. Malli rifset l-għatba tal-monasteru bidlet isimha f’Suor Marija Maddalena. Il-ferħ tagħha kien bla qies malli libset it-tonka ta’ Karmelitana, u dejjem kienet tgħid u ttenni: “Kunu ferħanin għax Ġesù ma jridx nies ta’ qalbhom sewda”. Ta’ spiss kienet tmur fil-kappella tan-novizzjat titlob u tgħid: “Oh imħabba, kemm huma ftit dawk li jħobbuk tassew.”

Meta għalqet is-sena tan-novizzjat, is-Superjura dehrilha li Suor Marija Maddalena ma kellhiex tagħmel il-professjoni imma riditha tistenna ftit tax-xhur aktar biex tkun tista’ tipprofessa ma’ sħabha. Imma ftit wara Suor Marija mardet marda qalila u ħasbuha li kienet sejra tmut, għalhekk għamlulha l-professjoni malajr. B’danakollu fieqet u ftit wara reġgħet bdiet bit-tgħakkis tagħha nnifisha li kienet imdorrija tagħmel. Waqt li kienet fil-kappella fix-xahar ta’ Ġunju 1584, ħasset xi ħaġa speċjali f’idejha, f’riġlejha u f’qalbha. Kristu Msallab ried jagħtiha l-ġrieħi li ġarrab fuq is-salib, biex tbati miegħu u bħalu. Ħajjitha għaddietha f’penitenzi kbar, imma kienet dejjem lesta li toqgħod għar-rieda tas-superjuri tagħha. Meta mbagħad is-superjuri ma ħallewhiex tagħmel xi penitenzi speċjali, dehrilha Ġesù u qalilha: “Marija, għax m’intix tagħmel dawk il-penitenzi?” Iżda Suor Marija Maddalena kienet pronta u weġbitu: “Sinjur, issa jien irrid nobdi lis-superjuri tiegħi, imbagħad meta nkun miegħek nobdi lilek”. Rawmet f’qalbha qima kbira lejn il-kliem ta’ l-Evanġelju: Verbum Caro Factum Est – Il-Kelma ta’ Alla Saret Bniedem, u spiss kienet tlissen dawn il-kelmiet ta’ fidi fl-Iben ta’ Alla magħmul Bniedem.

Santa Marija Maddalena de’ Pazzi (Knisja Parrokkjali, Zejtun)Suor Marija Maddalena de’ Pazzi għaddiet tiġrib kbir. Għal ħames snin ġarrbet tentazzjonijiet kbar, tfixkil fir-ruħ, dieqa kbira fil-ħwejjeġ ta’ Alla. Kien kollu ġej mix-xitan. Imma Marija Maddalena, imsaħħa b’fidi qawwija u sħiħa baqgħet twettaq sa l-inqas dmir tagħha, tafda dejjem f’Alla sakemm għoġbu jeħlisha minn dak it-tfixkil kbir. Wara dan it-tiġrib kollu, ġie l-ferħ u l-hena. F’viżjoni li kellha dehrilha Ġesù Kristu li għażilha bħala l-għarusa Tiegħu: dehritilha wkoll il-Madonna u tatha l-velu tagħha, xbiha tas-safa li biha kienet imżejna.

Din il-qaddisa ħadmet ferm biex fil-monasteru tagħha tixgħel fil-qlub tas-sorijiet l-imħabba u x-xewqa tal-qdusija. Għamlet ħafna twissijiet u ordnijiet li ġew milqugħa mis-sorijiet l-oħra biex jitħarġu aħjar f’kull għamla ta’ tjubija. Suor Marija Maddalena dak li kienet tgħid lil ħaddieħor l-ewwel kienet tagħmlu hi, u l-eżempju tal-ħajja tagħha safa’ ta’ mera għall-oħrajn. Qdiet diversi dmirijiet għall-ġid tal-monasteru tagħha. Is-sorijiet riedu jagħmluha superjura, imma hi bl-ebda mod ma riedet taċċetta.

Meta kienet majjistra tan-novizzi, semgħet leħen li jgħidilha li kienet waslet biex tħalli din l-art. Fil-fatt, ftit wara nxteħtet fis-sodda biex qatt ma tqum aktar. Għalkemm kellha wġigħ kbir qatt ma kienet tilmenta. Anzi kienet tgħid: “Irrid inbati għal Ġesù.” Fit-28 ta’ Mejju 1607, ruħha ttajret lejn Alla. Mietet imma ġisimha għadu sħiħ sal-lum fil-monasteru tas-sorijiet Karmelitani ta’ Firenze.

Għamlet mirakli kbar kemm f’Firenze u kemm ma’ l-Italja kollha, Franza, Spanja u l-Ġermanja. Ġiet imxandra bħala qaddisa fis-sena 1669. Il-Kavallieri ta’ Malta kellhom qima kbira lejn din il-qaddisa, tant li kienu jqiegħdu x-xbiha tagħha fuq ix-xwieni tagħhom l-aktar waqt xi ħbit ma’ l-għedewwa tal-baħar. Il-festa ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi ssir fil-25 ta’ Mejju.

NB: Min jixtieq ikun jaf aktar dwar din il-qaddisa għandu jżur il-websajt ta’ l-Ordni Karmelitan.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage