PersonaġġiQaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla SANT’ALBERT TA’ TRAPANI Albert minn ċkunitu wera ħajra kbira għat-tagħlim u għall-ħajja miġbura. Talab u staqsa nies tar-ruħ biex jitkixxef u jara x’inhi r-rieda ta’ Alla. Fl-aħħar qatagħha li jsir Karmelitan. Billi diġa’ kien midħla tal-knisja tal-Karmelitani, il-patrijiet kienu jafuh sewwa u laqgħuh fosthom b’idejhom miftuħa. Għadda żmien twil jistudja taħt l-aqwa għalliema Karmelitani li dak iż-żmien kienu miġbura fil-kunvent ta’ Trapani, fejn ġieli kienu jgħixu mal-mitejn reliġjuż. Albertu kien jitħarreġ ukoll f’ħafna għamliet ta’ tgħakkis billi kien jilbes iċ-ċilizzju, jorqod fuq il-qiegħa ta’ l-art, iħallat il-morr ma’ l-ikel u jsum ta’ spiss. Barra minn hekk kien igħaddi sigħat twal jishar fit-talb. Għalkemm kien lest mill-istudji kollha li kienet titlob il-liġi tal-Knisja, beża’ jersaq lejn l-Isqof biex jagħmlu saċerdot. Kien daħħalha f’moħħu li ma jistħoqqlux dan il-ġieħ. Is-superjuri kellhom fehma oħra, u Albertu qagħad għar-rieda tagħhom. Malli sar saċerdot beda jaħdem bla heda, jippriedka u jgħallem kemm il-kbar u kemm lit-tfal. B’għamilu wettaq malajr il-ħolma li kellha ommu qabel ma twieled, meta kienet rat li qed tagħti lid-dinja torċa li bdiet tixgħel u ddawwal minn kulfejn tgħaddi. L-isem ta’ Albertu malajr bada jixxandar ma’ Sqallija kollha. Messina, Palermo, Agrigento, Corleone u bliet u rħula oħra kienu jitolbu biex Albertu jmur igħallem u jppriedka fil-belt tagħhom. Meta kien f’Messina, din il-belt sabet ruħha assedjata mir-Re Roberto ta’ Napli. Waqa’ ġuħ kbir fuq il-belt. In-nies kienu f’tarf ta’ rewwixta kbira. Ħadd ma kien jaf x’jaqbad jagħmel. Kien jitlob bla heda biex Alla jeħles il-belt ta’ Messina. Ġabar folla ta’ nies ħdejn il-baħar u mexxiehom f’talb imħeġġeġ lejn Alla. B’għaġeb kbir ta’ kulħadd dehru tliet xwieni fuq ix-xefaq li rnexxielhom igħaddu minn taħt għajnejn l-għedewwa u daħlu f’Messina b’tagħbija kbira ta’ qamħ u ikel ieħor. Wara kulħadd fisser din il-ġrajja bħala grazzja kbira maqlugħa bit-talb ta’ Albertu. F’Agriġento kienet faret ix-xmara Platano u ħafna nies kienu qegħdin jegħrqu. Albertu li, nzerta f’dik il-belt, daħal għalihom u salva ħafna mill-għarqa. Xi Lhud meta raw il-qdusija tiegħu riedu jħaddnu r-reliġjon nisranija. Fil-fatt il-patri kellu ġibda kbira lejn il-Lhud u kien jieħu pjaċir igħallimhom it-tagħlim nisrani u jurihom kif Kristu kien il-Messija li huma kienu għadhom jistennew.
Ftit jiem wara s-saċerdoti ta’ Messina u ġemgħa kbira ta’ devoti minn kull naħa nġabru biex jagħtu l-aħħar qima lil Albertu ta’ l-Abati. Imma nqalgħet daqsxejn ta’ tilwima bejn is-saċerdoti u n-nies li kien hemm. Is-saċerdoti riedu jagħmlulu l-quddiesa tal-mejtin fil-waqt li n-nies riedu li ssir il-quddiesa li soltu titqaddes lill-qaddisin. It-tilwima ntemmet meta mill-għoli tal-knisja nstemgħu ilħna misterjużi li bdew ikantaw il-quddiesa msejħa “Os Justi”, jiġifieri dik li soltu titqaddes lill-qaddisin konfessuri! Albertu ġie mxandar qaddis mill-Papa Sistu IV, u l-Ġeneral tal-Ordni Karmelitan, Nicola Audet, amar li fil-knejjes kollha tal-Karmnu jkun hemm xbiha ta’ dan il-qaddis. Santa Tereża ta’ Ġesù kellha qima kbira lejn Sant’Albert li kien meqjus patrun ta’ diversi bliet fi Sqallija, fosthom il-belt ta’ twelidu – Trapani. Fil-festa tiegħu jitbierek l-ilma biex bit-talb ta’ dan il-qaddis, il-morda jkollhom il-fejqan mid-deni. Il-festa ta’ Sant’Albert issir fis-7 ta’ Awissu. NB: Min jixtieq ikun jaf aktar dwar dan il-qaddis għandu jżur il-websajt ta’ l-Ordni Karmelitan. |