PersonaġġiKarmelitani MaltinPATRI DWARD VELLA, O.Carm.
Fl-1950, meta kellu 34 sena, Patri Dward mar missjunarju fil-Perù. L-ewwel tliet snin għaddihom bħala kappillan fir-raħal ta’ Chucarapi, u mbagħad ingħaqad mal-komunità ta’ Arequipa għal tliet snin. Fl-1956 kien wieħed mill-patrijiet li fetħu l-missjoni tagħna fil-Bolivja. L-ewwel erbatax-il sena għaddiehom fil-parroċċa tagħna ta’ Villa Fatima, f’La Paz, il-belt kapitali Bolivjana, u mbagħad mill-1970 sa ma miet kien fil-kunvent ta’ San Roque, fil-belt ta’ Tarija. Kien diversi drabi pirjol u kappillan u għal ħmistax-il sena kien ukoll Kummissarju Provinċjali tal-Missjoni. F’Tarija Patri Dward kien figura prominenti, imfittex u maħbub minn kulħadd. Dan jurih il-fatt li fl-1978 inħatar Vigarju Ġenerali tad-Djoċesi ta’ Tarija, uffiċċju li qeda għal iktar minn għoxrin sena. Fl-1990, l-Isqof ta’ Tarija, Mons. Abel Costas Montaño, kien kiteb hekk dwaru: “Patri Dward hu saċerdot ta’ virtujiet mill-aqwa: jibrilla għat-tjubija, l-umiltà, il-karità u l-ġenerożità ...... f’qalbu u f’ruħu hu Bolivjan”. Fl-1993 ingħata l-ġieħ ta’ Iben Predilett u Ħabib Kbir ta’ Tarija. Huwa kien ukoll kappillan tal-Forzi Armati Bolivjani u fl-1995 ingħata l-grad ta’ Logotenent Kurunell. Għamel xogħol kbir ta’ promozzjoni umana u spiritwali fil-ħabs ta’ Tarija. Patri Dward baqa’ attiv ħafna sa f’età avanzata sew. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu l-forzi bdew iħalluh u kien sar dipendenti għal kollox. Huwa baqa’ sa l-aħħar fil-kunvent, ikkurat b’ħafna attenzjoni u mħabba minn ħutu l-patrijiet u bl-għajnuna ġeneruża tan-nies li għalihom kien iddedika ħajtu. Huwa miet fl-aħħar tas-sena, fil-31 ta’ Diċembru 2006, kmieni wara nofsinhar. Kien se jagħlaq wieħed u disgħin sena jumejn wara! Fl-1 ta’ Jannar 2007, l-għada li miet, sarlu funeral kbir fil-knisja ta’ San Roque u ndifen fil-qabar tal-patrijiet fiċ-ċimiterju ewlieni ta’ Tarija. F’Malta saret quddiesa funebri b’suffraġju għal ruħu fil-knisja parrokkjali tal-Balluta. Qaddes u għamel l-omelija l-Provinċjal, P. Alexander Vella, u kkonċelebraw miegħu diversi patrijiet tal-Provinċja u l-Provinċjal tat-Tereżjani, P. Victor Mallia.
|