Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla



50 SENA ILU MIETET IL-BEATA M. CROCIFISSA CURCIO

Fl-istess sena kienet bagħtet l-ewwel sorijiet

tagħha f'Kerċem, Għawdex.

Beata M. Crocifissa CurcioNhar it-13 ta’ Novembru 2005, il-Knisja Kattolika, permezz tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI, qatgħet warda oħra mill-ġnien tal-Karmelu, meta għolla għad-dinjità ta’ Beata lill Madre M. Crocifissa Curcio, Fundatriċi tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.

Twieldet f’Ispica, belt żgħira fil-provinċja ta’ Ragusa (Sqallija), fit-30 ta’ Jannar 1877. Bint in-Nobbli Salvatore Curcio u Concetta Franzò. Ġiet mogħtija l-isem ta’ Rosa u mgħamdha minn zijuha (ħu missierha) Don Antonio Curcio. Ta’ età żgħira, Rosa nkitbet fit-Terz Ordni Karmelitan. Mikluba għat-tagħlim u l-qari, kienet issib il-faraġ tagħha fil-librerija tal-familja, tqalleb u taqra l-kotba. L-aktar ktieb għal qalba kien dwar il-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, Karmelitana. Minn dan il-ktieb inġibdet lejn u saret tħobb il-Karmelu. Hija xtaqet tikseb esperjenza ta’ ħajja reliġjuża komunitarja sabiex ‘il quddiem twaqqaf kongregazzjoni Karmelitana ta’ ħajja attiva, li kien għad ma hemmx bħalha fi Sqallija.

Il-fedeltà tagħha għall-vokazzjoni Karmelitana swiet lil Rosa Curcio bosta tbatija u persekuzzjoni, iżda hi dejjem aċċettat kollox bi spirtu ta’ ubbidjenza u rabta sħiħa mar-rieda ta’ Alla. Fl-1923 Alla ried li ltaqgħet ma’ Patri Karmelitan ta’ nisel Olandiż iżda mwieled Ruma. Dan ir-reliġjuż, Patri Lorenzo Van Den Eerenbeent, kellu hu wkoll xewqa kbira li jwaqqaf grupp ta’ Terzjarji Karmelitani b’kariżma misjunarja. Għaldaqstant il-laqgħa tagħhom kienet tassew providenzjali.

Fis-17 ta’ Mejju 1925 il-Papa Piju XI kellu jikkanonizza lill-Beata Tereża tal-Bambin Ġesù, Karmelitana. Rosa xtaqet ħafna tkun preżenti għal din l-okkazjoni, bit-tama li l-Qaddisa Tereża taqlalha l-grazzja li twettaq l-ideal tagħha. Talbitha bil-ħerqa biex il-ħolma tagħha ssir realtà u wegħditha li timxi fuq l-ispirtu Karmelitan u ssemmi l-Kongregazzjoni tagħha għaliha. L-iskop ewlieni tal-ħidma tagħha kellu jkun li jagħti għajnuna edukattiva lil tfal orfni u foqra ta’ sess femminili.

Madre Crocifissa, Padre Lorenzo, xi sorijiet u tfal fl-1930Rosa Curcio mhux biss qalgħet il-grazzja li tkun preżenti għall-kanonizzazjoni tal-Beata Tereża tal-Bambin Ġesù imma wkoll li reġgħet iltaqgħet ma’ P. Lorenzo proprju fit-18 ta’ Mejju 1925, l-għada tal-Kanonizzazjoni. Flimkien huma marru jżuru dar ftit ‘il barra minn Ruma, f’Santa Marinella, li setgħet isservi għall-ewwel komunità. Rosa ħasset li din id-dar kienet ideali sabiex tagħti bidu għall-ħsieb tagħha. Għalhekk, fit-3 ta’ Lulju 1925, hi u tlieta mill-imseħbin tagħha telqu minn Sqallija u marru jgħixu f’din id-dar ta’ Santa Marinella. Fis-16 ta’ Lulju ta’ l-istess sena, l-Istitut ta’ Madre Crocifissa (isem Rosa ta’ reliġjuża) ġie affiljat ma’ l-Ordni Karmelitan mill-Pirjol Ġenerali Patri Elias Magannis.

Biż-żmien in-numru ta’ xebbiet li xtaqu jieħdu sehem fil-ħolma ta’ Madre Crocifissa beda jiżdied. Fil-knisja “delle Vittorie” saret l-ewwel Vestizzjoni Solenni ta’ dawk it-tfajliet li kellhom jiffurmaw, flimkien mal-Fundatriċi, il-pedament ta’ din il-Kongregazzjoni ġdida ta’ sorijiet missjunarji. Għall-okkażjoni kienu preżenti l-Prokuratur Ġenerali ta’ l-Ordni Karmelitan, Patri Uberto Duessen, minn Ruma, il-Provinċjal ta’ l-Olanda, Patri Cipriano Verbeek u patrijiet oħrajn minn Malta, fosthom Patri Bernard Farrugia, animatur kbir tal-vokazzjonijiet għall-familja l-ġdida.

In-nies ta’ Santa Marinella wkoll inġabret madwarhom. Magħhom ingħaqdu t-tfal orfni u abbandunati fejn ingħataw imħabba familjari. F’din id-dar ġie mqiegħed is-sisien tal-kunvent li kellu jkun il-Casa Madre tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Madre Curcio sofriet kull xorta ta’ taħbit, insulti, persekuzzjonijiet u taqtiegħ il-qalb, imma kienet ċerta li l-Mulej ried jinqeda biha biex tagħni lill-Knisja bit-twaqqif ta’ Kongregazzjoni Religjuża imsejsa fuq l-ispiritwalità Karmelitana. Frott tal-ħidma tagħha kienu l-ewwel fondazzjonijiet u sorijiet missjunarji fil-Brażil u f’Għawdex. F’Kerċem waslu għall-ewwel darba fl-1957 hekk li f’din is-sena s-sorijiet qed ifakkru l-50 anniversarju tal-peżenza tagħhom.

Is-Sorijiet Karmelitani f'KerċemMadre Crocifiss Curcio ħalliet din id-dinja fl-istess sena, eżattament fl-4 ta’ Lulju 1957. Mietet fil-kunvent ippreferit tagħha, f’Santa Marinella, imdawra minn sħabha s-sorijiet. L-aħbar tal-mewt xterdet ma’ l-inħawi kollha u kulħadd kellu fuq fommu kelma waħda: ‘mietet qaddisa’. Fit-3 ta’ Ottubru 1963, il-Kongregazzjoni ta’ Madre M. Crocifissa Curcio irċeviet id-Decretum Laudis mis-Sagra Kongregazzjoni tar-Reliġjużi u ġiet mgħollija għall-grad ta’ Dritt Pontifiċju.

Fis-snin ħamsin-sittin kienu bosta t-tfajliet Maltin u Għawdxin li bdew jingħaqdu ma’ dawn is-sorijiet tant li llum insibu mhux inqas minn 23 soru li qegħdin imxerdin ma’ diversi kunventi f’Għawdex, l-Italja, il-Kanada u l-Filippini. Inħeġġu lil dawk it-tfajliet li qed iħossu l-istess sejħa tal-Beata Crocifissa, li jaħdmu ma’ Kristu preżenti fil-persuna taż-żgħar u l-batuti, biex ma jaqtgħux qalbhom u jitkellmu ma’ xi waħda mis-sorijiet Karmelitani biex ikunu jafu aħjar x’toffri l-ħajja tal-Kongregazzjoni Missjunarja ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Min jixtieq aktar tagħrif jista’ jċempel 21556347 jew 21556469.

Anthony Cilia, O.Carm.
Marzu 2007

NB: Għal min jixtieq jaqra fit-tul dwar il-Beata M. Crocifissa Curcio u l-ewwel snin tal-Kongregazzjoni tagħha nissuġġerulu l-ktieb:
Qalb Għal Alla.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage