Personaġġi

Karmelitani Maltin



PATRI GERMÁN MAMANI CONDORI, O.Carm.

P. Germán Mamani Condori, O.Carm.Fis-sigħat bikrin tat-2 ta’ Mejju 2007 ħadna l-aħbar li P. Germán Mamani Condori, tal-Kummissarjat Provinċjali tagħna tal-Bolivja, kien għadu kemm miet fl-età ta’ 37 sena. F’La Paz kienu xi d-9.00 ta’ filgħaxija tat-Tlieta, l-1 ta’ Mejju.

Germán twieled f’Chahuira Pampa, La Paz, il-Bolivja, nhar id-29 ta’ Mejju 1969. Kien l-iżgħar fost ħamest aħwa. Studja fl-iskola primarja tal-komunità fejn twieled u kompla l-iskola sekondarja fl-eqreb raħal principali, Acachaci. Huwa resaq lejn il-Kristjaneżmu bil-ħidma tas-sorijiet ta’ Marija Immakulata (imsejħa tal-Grotta ta’ Lourdes) fil-belt ta’ La Paz u tgħammed meta kien ġa adult. Kienu dawn l-istess sorijiet li ħajruh jidħol fis-seminarju djocesan, l-ewwel fil-belt ta’ Sucre u wara f’La Paz, il-kapitali tal-Bolivja, fejn kompla l-istudji filosofiċi u teologiċi.

Germán talab li jidba formalment esperjenza magħna l-Karmelitani f’Diċembru ta’ l-1996. F’Jannar ta’ l-1997 huwa telaq għal Graciosa, Paraná, il-Brażil, sabiex jibda n-novizzjat fil-Kummissarjat Provinċjali ta’ Paraná. Fil-11 ta’ Jannar 1998 Germán għamel l-ewwel professjoni fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl fil-belt ta’ El Alto, fil-Bolivja, u mbagħad kompla l-istudji tiegħu fil-belt ta’ La Paz. Fis-sena 2000 Germán intbagħat f’Curitiba, il-Brażil, fejn barra li għamel korsijiet ta’ preparazzjoni biex jaħdem fil-formazzjoni, ħadem wkoll fid-dar li l-Kummissarjat ta’ Paraná għandu għal persuni alkoħoliċi. Għamel il-professjoni solenni nhar il-11 ta’ Frar tal-2001 fil-knisja tagħna ta’ Santu Rokku f’Tarija, il-Bolivja, u ftit jiem wara ġie ordnat djaknu fil-knisja tagħna ta’ Villa Fatrima, La Paz. L-aħħar fażi tal-preparazzjoni tiegħu għall-presbiterat Germán għamilha f’Lima, il-Perù, fil-parroċċa li l-Kummissarjat tal-Perù għandu f’José Galvez. Ġie ordnat saċerdot fis-16 ta’ Frar ta’ l-2002 fil-knisja parrokkjali tagħna tal-Madonna ta’ Fatima f’La Paz.

Fil-Kapitlu tal-Kummissarjat tal-Bolivja li sar fl-2005 Patri Germán intgħażel bħala l-ewwel kunsillier tal-Kummissarjat. Fl-istess Kapitlu kien inħatar pirjol tal-komunità ta’ La Paz, ekonomu tal-Kummissarjat u direttur tal-formazzjoni. F’Marzu ta’ l-2006 inħatar ukoll kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima f’La Paz. Huwa kien reliġjuż sempliċi u kwiet u qeda b’dedikazzjoni kbira x-xogħol li ġie afdat f’idejh.

Fil-bidu ta’ din is-sena saħħet Patri Germán bdiet sejra lura f’daqqa u nstab li kien marid serjament u li ma kienx hemm tama ta’ fejqan. Huwa miet fl-isptar ġenerali ta’ La Paz. Il-funerl sarlu fil-knisja parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima f’La Paz nhar il-Ħamis, 3 ta’ Mejju 2007. Il-Quddiesa tmexxiet mill-Isqof Awżiljarju ta’ La Paz u l-omelija saret mill-Kummissarju Provinċjali, Patri Garvin Grech. Wara saret id-difna fiċ-Ċimiterju Ġenerali ta’ La Paz.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage