NB: Dan l-artiklu nkiteb sitt snin ilu u kien ippubblikat fir-rivista tagħna l-patrijiet “Bejnietna Karmelitani” (nru.158, sena 2001, paġni 38-42) fl-okkażjoni tal-Beatifikazzjoni ta’ Dun Ġorġ, u juri s-sehem kbir li taw il-Karmelitani Maltin u barranin biex il-ħajja u l-qdusija tal-Beatu tagħna tinxtered mad-dinja kollha.
IL-BEATU ĠORĠ PRECA
FIR-RIVISTI KARMELITANI BARRANIN
Fid-9 ta' Mejju 2001, madwar 150,000 ruħ (kważi nofs il-popolazzjoni ta' Malta) inġabru fuq il-Fosos tal-Furjana biex flimkien mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II u l-mexxejja spiritwali u ċivili ta' dawn il-gżejjer jieħdu sehem fil-Beatifikazzjoni ta' l-ewwel tliet ħutna Maltin: Ġorġ Preca, Adeodata Pisani u Nazju Falzon. Ħajjithom tixhed li t-tlieta li huma, min b'mod u min b'ieħor, kellhom xi relazzjoni ma' l-Ordni Karmelitan. Fosthom, l-aktar li jispikka huwa l-Beatu Ġorġ Preca, Terzjarju Karmelitan u affiljat ma' l-Ordni tagħna għall-ħidma kbira tiegħu favur id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu. Bi tħejjija għall-beatifikazzjoni ta' dan ħuna, il-Kapitlu Provinċjali li sar fis-sena 2000 waqqaf Kummissjoni bl-għan li tmexxi 'l quddiem l-ispiritwalità ta' Dun Ġorġ u r-rabta tiegħu mal-Karmelu.
Bosta kienu l-attivitajiet organizzati minn din il-Kummissjoni. Fost l-oħrajn, għall-ħabta ta' Ottubru 2000, il-Kummissjoni talbitni nikteb artiklu qasir dwar Dun Ġorġ bil-ħsieb li dan ikun stampat f'żewġ fuljetti: wieħed bil-Malti biss u ieħor bl-Ingliz, bit-Taljan u bl-Ispanjol. Fil-waqt li l-ewwel fuljett sar biex jitqassam f’Malta, il-fuljett l-ieħor sar bil-ħsieb li jitqassam barra minn gżiritna. Fil-fatt dan il-fuljett kien mibgħut fid-djar kollha ta' l-Ordni tagħna (madwar 600) mal-ħarġa tac-CITOC nru 2, 2001, ftit ġimgħat qabel il-Beatifikazzjoni. Naħseb li jkun ta' interess għalina lkoll li nsiru nafu x'riżultati ħalliet din l-inizjattiva tal-Kummissjoni tagħna. Għaldaqstant, b'dan il-ħsieb, se nagħti ħarsa lejn ir-rivisti Karmelitani barranin (li waslu f'idejja) li taw prominenza lill-ġrajja Maltija.
• Provinċja Arago-Valentina f'Porto Rico
"Fundador de la Sociedad de la Doctrina Cristiana - El Beato Jorge Preca, Terciario Carmelita", fil-Flor del Carmelo, Junio 2001, p. 6.
Din ir-rivista ta' kull xahar għat-Terzjari Karmelitani f'Porto Rico ma setgħetx tonqos milli ġġib xi tagħrif dwar il-Beatu Malti. Ta' min jgħid li din is-sena, il-Knisja Portorikana, bħalna, kellha l-ewwel Beatu tagħha. Intant, f'din il-pubblikazzjoni ta' daqs A4 insibu paġna sħiħa dedikata lil Dun Ġorġ skond l-informazzjoni li dehret fil-fuljett ippubblikat mill-Kummissjoni Maltija. Ma' l-artiklu tidher ukoll stampa tal-Beatu.
• Provinċja Awstraljana
"Carmel Around the World: Blessed George Preca, Carmelite Tertiary and Founder of the Society of Christian Doctrine", fil-Carmel Contact, No. 51, April 2001, p. 3.
Il-Carmel Contact huwa fuljett ta' erba' faċċati. Għal daqstant wieħed ma jistenniex ħafna minn din il-pubblikazzjoni. Minkejja dan, hawn għandna nofs paġna dedikata lill-ġrajja tagħna u fiha tiġbor fil-qosor l-informazzjoni tal-fuljett u wkoll l-istampa li tinsab fl-ewwel paġna tat-trittiku.
"Beatification of Carmelite Tertiary Priest", f'The Vine, June 2001, p. 12.
F'din ir-rivista tat-Terzjarji Karmelitani Awstraljani, flimkien ma’ ritratt ta' Dun Ġorġ, insibu tagħrif fil-qosor dwar il-Beatifikazzjoni u l-ħajja tal-Beatu. Barra minn hekk, għandna wkoll informazzjoni dwar quddiesa li saret fis-17 ta' Ġunju fil-Katidral ta' Melbourne għall-komunità Maltija biex tfakkar din il-ġrajja.
• Provinċja Betika (Spanja)
"Beatificación de D. Jorge Preca, sacerdote y Terciario Carmelita (1880-1962)", fl-Escapulario del Carmen, n. 1255, Junio 2001, pp. 188-189.
Din id-darba l-artiklu li jimla żewġ paġni sħaħ ta' din ir-rivista ta' kull xahar huwa meħud mill-website ta' l-Ordni tagħna (www.ocarm.org/esp/gpesp.htm). Bażikament huwa l-artiklu tal-fuljett pubblikat mill-Kummissjoni Dun Ġorġ Preca imma aktar dettaljat. Il-kitba hija akkompanjata minn ħames ritratti, tlieta minnhom bil-kulur, meħudin mill-istess paġna web.
"Beatificación del Sacerdote Maltés, Jorge Preca (1880-1962), Terciario Carmelita y Apóstol del Escapulario", fis-Servicio Informativo - Carmelitas de la Bética, no. 3 (372), Marzo 2001, pp. 6-9.
L-Escapulario del Carmen hija rivista popolari fil-waqt li s-Servicio Informativo - Carmelitas de la Bética hija rivista interna tal-Provinċja. Għal darba oħra għandna riproduzzjoni ta' l-artiklu ppubblikat fil-website akkompanjat minn erba' ritratti. Minn dawn iż-żewġ artikli li semmejna jidher li l-Karmelitani tal-Provinċja Betika taw importanza kbira lill-Beatifikazzjoni ta' Dun Ġorġ.
• Provinċja ta' Katalunja (Spanja)
"Altres notícies: Dom Ġorġ Preca, Nou beat de la Família Carmelita", f'Catalunya Carmelitana, n. 28, 2001, p.47.
Il-fatt li t-tagħrif dwar Dun Ġorġ kien mogħti l-ewwel post f'din ir-rubrika ta' aħbarijiet jixhed l-importanza tagħha għall-patrijiet Katalani. Jidher li min kiteb l-informazzjoni dawr il-Beatu Ġorġ Preca għamel użu mit-tagħrif li jinsab fuq il-website ta' l-Ordni.
• Delegazzjoni Ġenerali fi Franza
"Le Carmel Dans Le Monde: Malte" u "Le Bienheureux Georges Preca", fi Près de la Source, N. 58, Avril-Juin 2001, pp. 31-32.
Wara li f'paġna 31 l-editur jagħti fil-qosor l-aħbar tal-beatifikazzjoni tat-tliet Maltin, jiddedika l-qoxra kollha ta' wara (daqs A4) biex jagħti tagħrif dwar Dun Ġorġ. L-artiklu m'għandu jakkompanjah l-ebda ritratt. Jidher li l-awtur ibbaża l-kitba tiegħu fuq il-fuljett tal-Kummissjoni, b'żidiet żgħar meħudin minn materjal ieħor.
• Provinċja Ġermanja Inferjuri
"Karmel international: Der Selige Georg Preca, Karmelit des Dritten Ordens", f'Karmel Echo, 3 / 2001, pp. 14-15.
Minkejja li f'dan l-artiklu ma jidher l-ebda ritratt ta' Dun Ġorġ b'danakollu l-preżentazzjoni tal-kontenut, traduzzjoni tal-fuljett pubblikat mill-Kummissjoni, għandu promimenza tajba.
• Provinċja Ġermanja Superjuri
"Der selige Georg Preca - Karmelit des Dritten Ordens", f'Karmel-Kontakt, Nr. 76, 2001, p.5.
Dan il-fuljett ta' tmien faċċati, f'daqs A4 u b'dehra tassew attraenti, jippreżenta fil-paġni tan-nofs il-ħajja ta' Dun Ġorġ skond il-fuljett Malti. Ma' l-artiklu, li hu mifrux fuq tliet kwarti ta' paġna, hemm ukoll ritratt bil-kulur tal-Beatu Karmelitan.
• Provinċja Indoneżjana
"Karmelitana: Beato Gregorius Preca, Tersiarian Karmel", f'Berita Karmel, No. 281, Mei 2001, pp. 7-8.
Żgur li Dun Ġorġ qatt ma basar li ismu u ħajtu kellhom jaslu saħansitra fl-Indoneżja! F'din ir-rivista għandna traduzzjoni fl-ilsien Indoneżjan minn P. Heru Purwanto, Provinċjal, ta' l-artiklu ppubblikat mill-Kummissjoni. Jakkompanja l-artiklu hemm l-istampa tal-faċċata ta' l-istess pubblikazzjoni.
• Provinċja Irlandiża
"Beatification of Third Order Member", fil-Carmelite Family, No. 10, 2001, pp. 9-10.
F'din ir-rivista għat-Terzjarji Karmelitani Irlandiżi, wieħed isib l-informazzjoni mibgħuta minn Malta mifruxa f'żewġ paġni. Ma' dan l-artiklu ma jidher l-ebda ritratt, iżda ta' min jgħid li madwar sena ilu l-istess rivista kienet diġà tat tagħrif ieħor dwar Dun Ġorġ.
• Provinċja Olandiża
"Berichten Uit de Internationale Orde: Malta, 8 mei 2001, Zaligverklaring van een lid van de Derde Orde", fl-Achter de Karmel, 2001/3, pp. 17-18.
F'din ir-rubrika ta' aħbarijiet internazzjonali dwar l-Ordni, l-editur ta' din ir-rivista jagħti tagħrif fil-qosor dwar Dun Ġorġ u jżejjen kitbietu b'żewġ ritratti ta' l-istess Beatu.
• Provinċja Taljana
"Don Giorgio Preca (1880-1962). Un nuovo beato della Famiglia Carmelitana", f'La Madonna del Carmine, n. 5-6, maggio-giugno 2001, pp. 24-29.
Dan l-artiklu, miktub minni, mifrux fuq sitt paġni, jitratta fil-qosor il-ħajja, l-appostolat u l-ispiritwalità ta' Dun Ġorġ u r-rabta tiegħu ma' l-Ordni Karmelitan. L-artiklu huwa mżewwaq bi tliet ritratti, tnejn minnhom bil-kulur. Din ir-rivista, li hija ppreżentata tajjeb ħafna u mxerrda ma' l-Italja kollha, għandha tiratura ta' 'l fuq minn 10,000 kopja!
• Provinċja Naplitana
"Don Giorgio Preca (1880-1962). Un nuovo beato della Famiglia Carmelitana", f'Vita Carmelitana, n. 5-6 maggio-giugno 2001, pp. 24-29.
Din ir-rivista, għalkemm b'isem differenti minn dik ta' qabilha, għandha l-istess kontenut u preżentazzjoni. Għaldaqstant fiha nsibu l-istess artiklu li jinsab f'La Madonna del Carmine.
F'din id-daqqa ta' għajn li tajt lejn l-importanza li taw ħutna l-Karmelitani mxerrdin mad-dinja lill-Beatifikazzjoni ta' Ġorġ Preca fir-rivisti tagħhom għandna ħjiel ta' kemm l-idea tal-Kummissjoni, li tistampa u tqassam ma' l-Ordni kollu tagħrif dwar il-Beatu tagħna b'diversi ilsna kienet tassew għaqlija. Prosit tassew, għax b'mod l-aktar sempliċi rnexxielna bħala Provinċja ngħollu fl-għoli dan id-don li Alla għoġbu jagħtina bħala Maltin u Karmelitani, hekk li ħafna bnedmin setgħu jħarsu lejh u "jagħtu glorja lil Missierna li hu fis-smewwiet." (Mt. 5,16)
Anthony Cilia, O.Carm.
Direttur taċ-Ċentru Internazzjonali ta'
l-Informazzjoni ta' l-Ordni Karmelitan (CITOC)
20 ta' Settembru 2001