PersonaġġiQaddisin, Beati u Qaddejja t'AllaSAN ĠORĠ PRECA (1880-1962) kitba ta' Anthony Cilia, O.Carm. Daħla
Dun Ġorġ Preca miet fil-bidu tas-snin sittin (26 ta’ Lulju 1962), lejlet il-Konċilju Vatikan II, żmien li ġab miegħu arja ġdida fil-Knisja. Minn dan il-Konċilju l-lajċi ngħataw l-istat li tassew kien jixirqilhom. Dun Ġorġ kien il-pijunier ta’ l-appostolat tal-lajċi aktar minn ħamsin sena qabel il-Konċilju! Fiż-żernieq tas-seklu għoxrin, Dun Ġorġ ta bidu, forsi bla ma qatt immaġina l-kobor tagħha, għal opra ta’ siwi bla qies, l-aktar fil-Knisja ta’ Malta. Kien iż-żmien li fih bdiet tissawwar is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, magħrufa bħala MUSEUM, li huma l-ewwel ittra tal-kelmiet: “Magister, Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus”, b’ilsienna: “Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju”. Il-qagħda soċjo-reliġjuża Is-Soċjetà tal-MUSEUM kienet imwaqqfa fi żmien kruċjali tal-ħajja soċjali u politika tal-gżejjer tagħna. Għal aktar minn 100 sena Malta kienet kolonja ta’ l-imperu Brittaniku; il-qagħda tagħha f’nofs il-Mediterran kienet tagħtiha importanza strateġika mhux ftit. Fil-portijiet tagħha kienet għaddejja ħidma kbira, speċjalment fit-tarzna, bix-xogħol fuq il-vapuri. Madanakollu l-livell tal-ħajja tal-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni kien tassew baxx; l’analfabetizmu kien xi ħaġa komuni u l-ftit skejjel li kien hawn kienu jilqgħu biss numru żgħir ta’ żgħażagħ. Għalkemm il-popolazzjoni kważi kollha kienet taqdi d-doveri spiritwali tagħha u n-numru tal-vokazzjonijiet reliġjużi kien numeruż, il-ħajja reliġjuża tal-poplu Malti kienet limitata l-aktar għal atti esterjuri ta’ qima, u ħafna drabi dawn kienu jieħdu karattru superstizzjuż. Il-festa tal-belt jew raħal kienet il-qofol tal-ħajja reliġjuża kollha. L-għeruq tal-fidi u t-tagħlim tal-poplu ma kienux fondi, biex hekk ikunu jistgħu jilqgħu għal kull tfixkil li seta’ jinqala’. It-tagħlim tal-katekiżmu fil-parroċċi kien responsabbiltà tal-qassisin. Il-lajċi ftit li xejn kellhom x’jagħmlu jew x’jgħidu, u dan l-aktar minħabba li ħafna drabi ma kellhomx il-preparazzjoni meħtieġa. Minħabba f’hekk beda jinħass il-bżonn ta’ xi għaqda li taħdem b’mod sistematiku fil-qasam tal-formazzjoni nisranija. Dun Ġorġ, li kien il-bniedem ta’ Alla li jara fil-bogħod, mhux biss induna b’dan il-bżonn imma wkoll fittex li jagħmel xi ħaġa. Fil-ħsieb profetiku tiegħu, li għadda f’diversi aspetti lill-Konċilju Vatikan II, huwa fehem tajjeb is-sehem importanti li l-lajċi jistgħu jagħtu fil-missjoni tal-Knisja. Dan il-prinċipju, hekk ġdid u oriġinali fil-bidu tas-seklu għoxrin, kellu jkun ikkonfermat solennement fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja (n.33) u fid-Digriet dwar l-Appostolat tal-Lajċi tal-Konċilju Vatikan II. Il-bidu tal-MUSEUM Fil-bidu ta’ l-1907 (ezattament 100 sena ilu), ftit xhur wara l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu (22 ta’ Diċembru 1906), iż-żagħżugħ Dun Ġorġ ta bidu għall-appostolat tiegħu billi ġabar madwaru grupp żgħir ta’ ġuvintur fl-aħjar tagħhom. Bil-mod il-mod huwa żera’ f’qalbhom prinċipji nsara sodi, nissel fihom il-biża’ ta’ Alla u l-imħabba bla qies li għandu lejn il-bnedmin, u xettel fihom il-ħeġġa għall-evanġelizzazjoni ta’ ħuthom il-Maltin. Hekk huma taw bidu tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. Bħal kull soċjetà oħra, il-bidu ma kienx faċli u d-diffikultajiet ma naqsux. Infatti kien hemm min għajnu għokritu minnhom u ma setax jifhem il-missjoni tagħhom, u dan mhux biss fost l-istess lajċi imma wkoll fil-qasam ekkleżjastiku. Għal dak iż-żmien il-proposta ta’ Dun Ġorġ kienet avvanzata wisq. Fil-fatt kellhom jgħaddu 25 sena għall-ewwel vera approvazzjoni min-naħa ta’ l-Isqof. Biex iwettqu l-ħidma sfieqa tagħhom, afdata lilhom mill-fundatur, iż-żgħażagħ magħżulin minn Dun Ġorġ kellhom ikunu nies ta’ sagrifiċċju, mimlijin imħabba lejn il-proxxmu u mħejjija b’għarfien tajjeb tat-tagħlim nisrani. Il-programm ta’ formazzjoni, adattat għall-ħajja sekulari tagħhom, fost l-oħrajn kien jitlob laqgħa ta’ siegħa kull filgħaxija biex fiha jinżlu fil-fond tat-tagħlim tal-Kelma ta’ Alla, tat-teoloġija u ta’ l-istorja tal-Knisja.
Sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija qieset bħala xi ħaġa fundamentali tal-kariżma tagħha, l-edukazzjoni reliġjuża tat-tfal subien u bniet, ġuvintur u tfajliet. Għal dan il-għan il-fundatur ħa ħsieb ukoll sabiex l-għalliema tiegħu jkunu mħarrġin fi prinċipji fundamentali tal-pedagogija. Fl-istess ħin is-Soċjetà ma kelliex tinsa’ l-membri inqas fortunati mħollijin f’idejhom. Fil-kitbiet tiegħu Dun Ġorġ ta’ spiss ifakkar lill-katekisti li l-għan prinċipali għandu jkun il-kura spiritwali ta’ l-individwu bla ma jitraskuraw il-bżonnijiet fiżiċi u affettivi tiegħu. L-ispiritwalità ta’ Dun Ġorġ Dun Ġorġ kellu l-kariżma tal-fundatur. Kien kapaċi jixrob minn diversi għejjun ta’ spiritwalità biex wara li jagħmlu tiegħu, imbagħad jgħaddih f’għamla ġdida lill-membri tas-Soċjetà tiegħu. Kitbietu juru li kien jaf tajjeb il-ħajja u t-tagħlim ta’ San Vinċenz de Paola, San Filippu Neri, San Alfons Maria de Leguori, San Franġisk t’Assisi, Sant’Ignazju ta’ Loyola, Santa Tereża ta’ Ġesù u San Ġwann tas-Salib. Fil-kreatività tiegħu kien jassimila l-ispirtu tagħhom u jwasslu fi kliem sempliċi, ħaj u oriġinali. Kien spiss jgħid: “Il-ħobż tiegħi nagħmlu mid-dqieq li nieħu mill-ixkejjer ta’ l-oħrajn. Fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jieħu mill-istess xkora: il-Vanġelu.” Dun Ġorġ kellu l-kariżma li jaqsam il-ħobż tal-Kelma ta’ Alla f’biċċiet żgħar hekk li kulħadd seta’ jogħmodhom bla tfixkil u jassimilahom għall-ġid ta’ ruħu.
Biex jaqdi l-missjoni tiegħu ħafna drabi kien imur fil-ħwienet tax-xorb u b’sinjal ta’ umiltà kbira kien ibus is-saqajn tan-nies. Ħafna minnhom kienu jkunu ħaddiema tat-tarzna, għadhom kemm spiċcaw mix-xogħol, li kienu jiltaqgħu hemm biex jixorbu tazza nbid qabel jinġabru d-dar mal-familja. In-nies min-naħa tagħha kienet tammirah u tiġri warajh biex tisma’ l-priedki tiegħu. Kien jikkonvinċi lil dak li jkun meta kien jitkellem fuq Alla, fuq Ġesù, fuq il-Madonna, fuq l-imħabba tal-proxxmu, fuq il-maħfra ta’ l-għedewwa u fuq il-mewt. Ma naqsux dawk li ma setgħux jifhmuh u jarawh stramb. Imma l-biċċa l-kbira tan-nies kienet tafda fih minħabba li kien sempliċi, awtentiku u bla interessi. Dun Ġorġ, l-Ordni Karmelitan u s-Soċjetà a) Ir-rabta tiegħu mall-Karmelitani Nistgħu ngħidu bla tlaqlieq li Dun Ġorġ trabba f’ambjent kollu kemm hu Karmelitan. Twieled fit-12 ta’ Frar 1880 minn ġenituri eżemplari u devoti. Il-familja Preca, ta’ disa’ aħwa, kienet tgħix il-belt Valletta fi Triq il-Punent, f’dar numru 53, ftit passi bogħod mis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu. Għalhekk ma jistax jonqos li sa minn ċkunitu, it-tfajjel Ġorġ ma bediex jixrob mill-ispiritwalità Karmelitana. F’dawk iż-żminijiet, aktar minn fi żminijietna, il-ġenituri kienu jħobbu jippreżentaw lit-trabi tagħhom lill-Madonna tal-Karmnu, biex hekk ipoġġuhom taħt il-ħarsien tagħha. Għalkemm m’għandna l-ebda xhieda, żgur li l-ġenituri ta’ Ġorġ mhux biss xtaqu li binhom ikollu l-protezzjoni u l-ħarsa ħelwa ta’ Marija, imma għamlu skond id-drawwa ta’ dak iż-żmien u lil binhom Ġorġ daħħluh fil-Familja Karmelitana bil-kitba fil-Labtu tal-Karmnu. Tant hu hekk li meta kiber, Dun Ġorġ spiss kien jirrakkonta l-interċessjoni tal-Madonna li ġrat fis-16 ta’ Lulju 1885, meta hu, ta’ ħames snin, kien salvat mill-għarqa waqt li missieru kien qiegħed jitlob fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt. Fil-ħajja nisranija tiegħu Dun Ġorġ qatt ma kien kuntent bil-ftit jew b’dak li kien biżżejjed. Minn ċkunitu dejjem libes il-Labtu, imma meta kiber ried jingħata b’aktar dedikazzjoni fl-għotja tiegħu lill-Madonna. Dan għamlu fil-21 ta’ Lulju 1918 meta nkiteb Terzjarju Karmelitan minn patri Ċirillu Ellul, O.Carm., fil-Knisja l-antika ta’ Santa Venera. Is-sena ta’ wara, fis-26 ta’ Settembru, quddiem patri Franku Ellul, O.Carm., Dun Ġorġ għamel il-professjoni tiegħu fejn għażel l-isem ta’ Franku (għall-beatu Franku ta’ Siena, Karmelitan, li qabel iddedika ħajtu għal Alla u għal Madonna, għex ħajja mill-agħar). Dun Ġorġ għażel l-isem ta’ dan il-beatu minħabba li kien iżomm lilu nnifsu bħala midneb kbir, karatteristika ta’ ħafna qaddisin. Kien jaf tajjeb il-ħajja tal-beatu Franku u fittex li jimitah fil-virtù tiegħu.
Kien iħossu verament membru tal-Familja Karmelitana tant li, diversi drabi, fil-kitbiet tiegħu kien jiffirma bħala Karmelitan billi juża’ l-isem ta’ Franku flok dak ta’ Ġorġ. Eżempju ċar ta’ dan huwa “Is-Salm ta’ patri Franku, Karmelitan”. F’okkazjoni oħra, meta ġie biex jikteb l-ktieb Il-Lapidarju, Dun Ġorġ jibda b’dawn il-kelmiet: “Jirrakkonta l-Awtur ta’ din l-opra msejħa Il-Lapidarju li fil-ħolm deherlu San Ġwann l-appostlu ta’ Kristu u qallu: ‘Inti reliġjuż Karmelitan u għalhekk inti wieħed minn l-aħwa ta’ Marija SS.ma dejjem verġni. …..’” Dun Ġorġ spiss kien iżur kunventi u knejjes Karmelitani biex jitlob fis-skiet jew jagħmel xi konferenza. Frott l-imħabba tieghu lejn il-Madonna tal-Karmnu bosta diretturi lokali tat-Terz Ordni kienu jistidnuh biex jagħmel konferenzi fiċ-ċentri tagħhom. Fl-1951, fiċ-ċelebrazzjonijiet tas-Seba’ Mitt Sena tal-Labtu tal-Karmnu, Dun Ġorġ ħadem bla serħan u id f’id mal-patrijiet Karmelitani. Bħala rikonoxximent għas-sehem kbir tiegħu fit-tixrid tad-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu, fl-1952 Dun Ġorġ kien affiljat ma’ l-Ordni Karmelitan (daqs li kieku kien wieħed mill-patrijiet) mill-Pirjol General, patri Kilian Lynch. Dun Ġorġ għex l-aħħar ftit snin ta’ ħajtu fil-parroċċa ta’ Santa Venera mmexxija mill-patrijiet Karmelitani. Ir-relazzjoni tiegħu mal-Karmelitani baqgħet kordjali sa l-aħħar. Qabel ma miet fid-dar li tinsab fi Triq il-Parroċċa, Dun Ġorġ kien assistit bis-sagramenti mill-kappillan, patri Kiljan Azzopardi, O.Carm. b) Dun Ġorġ u l-figuri ispiratriċi tal-Karmelu L’Ordni Karmelitan għandu bħala għan il-mixja tiegħu wara Ġesù Kristu permezz tal-kunsilli evanġeliċi u l-valuri fundamentali tal-kontemplazzjoni, il-farternità u l-qadi tal-poplu ta’ Alla, fuq l-eżempju tal-Profeta Elija u ta’ Marija. Il-Profeta Elija Elija huwa l-profeta solitarju b’għatx klubi għal Alla, u jgħix fil-preżenza tiegħu. Huwa l-mistiku li, wara vjaġġ twil u iebes, jitgħallem jaqra s-sinjali l-ġodda tal-preżenza ta’ Alla. Huwa l-bniedem kontemplattiv mimli b’ħeġġa taħraq għal Alla. Bħalu, il-Karmelitan huwa il-bniedem tad-deżert li jħaddan is-solitudni bħala mezz li twasslu biex jisma’ u jilqa’ l-Kelma ta’ Alla. Elija huwa il-profeta li jieħu sehem fil-ħajja tal-poplu: jiġġieled kontra l-allat foloz, imexxieh għall-fedeltà lejn l-uniku u veru Alla. Huwa juri solidarjetà mal-fqir u ma’ l-eżiljat u jiddefendi lil dawk li jbatu minħabba l-vjolenza u l-inġustizzja. (1 Slaten 17 – 2 Slaten 2) L-ispirtu tal-Profeta kien tassew ħaj f’Dun Ġorġ u dan kien jidher f’dak kollu li kien jagħmel. Huwa fittex li jkabbar fis-segwaċi tiegħu ħajja ta’ għaqda ma’ Alla u ta’ qadi lin-nies. It-talb kien il-punt ċentrali tal-ħidma tiegħu. Matul il-gurnata kien spiss jitwarrab biex jitlob. Kien kburi b’kunjomu “Preca”, kelma li ġejja mill-kelma latina “preces” li tfisser “talba”: “biex ma ninsiex li għandi nkun bniedem tat-talb”. Poġġa l-manwal tat-talb ta’ kuljum tas-segwaċi tiegħu taħt il-patroċinju tal-Profeta Elija u ried li barra it-tifkira ta’ l-20 ta’ Lulju (jum il-festa tiegħu), jiddedikaw kull ħames Ħadd tax-xahar lill-Profeta Elija. Bħall-Profeta Elija, il-qalb ta’ Dun Ġorġ kienet tħeġġeġ “għal Alla ta’ l-eżerċti” (1 Salaten 19,10). Ġerà ma’ Malta kollha biex jippriedka l-imħabba u l-ġustizzja ta’ Alla, u biex iħeġġeġ lil kulħadd għall-konverżjoni. Ried li Alla jkun magħruf u maħbub mill-poplu kollu. L-għan tas-Soċjetà u l-istess tifsira ta’ l-isem “MUSEUM”, jixbah u jfakkar fil-kliem tal-Profeta Elija “ħalli jkun jaf dan il-poplu li inti Mulej, Alla” (1 Slaten 18,37). Ma kien jgħejja qatt jgħin spiritwalment u materjalment lil dawk kollha li fittxewh fil-bżonnijiet tagħhom. Marija, Omm il-Karmelu Imkenna mill-Ispirtu tal-Mulej, Marija hija l-Verġni tal-qalb ġdida, il-“Verġni l-aktar safja” li tat wiċċ uman lill-Verb li sar bniedem. Hija l-Verġni kontemplattiva li tisma’, timmedita u żżomm f’qalbha l-ġrajjiet u l-Kelma tal-Mulej. Hija d-dixxiplu ta’ l-Għerf, li tfittex lil Ġesù – l-Għerf ta’ Alla – u tħallieh jedukaha u jiffurmaha biex ikun jista’ jgħammar f’qalb li tassew tixraqlu. Hekk Marija tagħraf il-“ħwejjeġ kbar” li Alla għamel magħha għall-fidwa ta’ l-umli u l-foqra. Fil-Verġni Marija, Omm Alla u mudell tal-Knisja, il-Karmelitani jsibu x-xbieha perfetta ta’ dak kollu li jixtiequ u jittamaw li jkunu. Huma jfittxu li jikbru fil-qdusija billi jimitaw lil Marija, mudell ta’ kull virtù u koperatriċi fl-istorja tal-fidwa. Wara li kristu kien ikkonċepit fih, Marija welditu, ħadet ħsiebu u taħt is-salib ħadet sehem miegħu fil-missjoni afdata lilu mill-Missier. Hija kkoperat fl-opra tal-Feddej, bl-ubbidjenza, bil-fidi, bit-tama u l-imħabba, biex tikseb mill-ġdid il-ħajja sopranturali għall-bnedmin kollha. Id-devozzjoni li Dun Ġorġ kellu lejn il-Vergni Mbierka ma kinitx ġejja minn sempliċi sentimentaliżmu jew twemmin bla bażi imma minn teoloġija soda, Kristoċentrika, li minnha wasal biex jagħraf il-kobor tagħha fil-pjan tal-fidwa. Imħeġġeġ minn din il-fidi qawwija ħadem kemm felaħ, bil-kelma u bil-kitba, biex ikabbar fil-poplu vera devozzjoni lejn Omm Alla. Kellu devozzjoni lejn il-Madonna taħt diversi titli, imma l-aktar lejn il-Madonna tar-Rużarju (ir-Rużarju), il-Verġni Immakulata (il-Medalja Merakuluża) u l-Madonna tal-Karmnu (il-Labtu).
Fl-1951, fl-okkazjoni tas-Seba’ Ċentinarju tal-Labtu, il-Papa Piju XII, fl-Ittra tiegħu lill-Karmelitani fisser din id-devozzjoni bħala sinjal ta’ konsagrazzjoni ta’ l-individwu lill-Verġni Marija. Dun Ġorġ tkellem proprju minn din “il-konsagrazzjoni” ħafna snin qabel. Meta waqqaf il-MUSEUM, ried li l-Ħadd fuq 16 ta’ Lulju, festa tal-Madonna tal-Karmnu, il-membri tas-Soċjetà jiltaqgħu biex jitkellmu fuq is-sitt virtujiet prinċipali ta’ Marija, biex hekk jimitawha u jiddedikaw lilhom infushom lilha. Għal Dun Ġorġ, aktar minn kull ħaġa oħra, il-Labtu tal-Karmnu jfisser libsa spiritwali, dik tal-virtujiet ta’ Marija, bħalma jgħid ir-rit il-ġdid tal-Labtu maħruġ mill-Ordni Karmelitan u mill-Ordni Karmelitan Skalz fl-1996. F’waħda mill-kitbiet tiegħu “Il-qaddisin ikellmuna”, meta jitkellem dwar il-viżjoni ta’ San Xmun Stock, Dun Ġorġ jmmaġina lill-qaddis jgħidilna: “Ilbsu lil Marija, intom li tħobbu lil Marija.” Bħala nisrani, u aktar bħala Terzjarju Karmelitan, Dun Ġorġ fehem tajjeb ħafna li d-dmir tiegħu ma kienx jikkonsisti biss li huwa jimita lill-Imqaddsa Verġni Marija, imma wkoll li jwassal l-imħabba materna tagħha lill-bnedmin kollha, l-aktar fir-rigal tal-Labtu tal-Karmnu. Ippriedka din id-devozzjoni bla serħan; permezz tal-Labtu daħħal mijiet ta’ nsara membri tal-Familja Karmelitana. Obbliga wkoll lill-membri tas-Soċjetà tiegħu biex jilbsuh dejjem (Regula para. 640) u ried li huma wkoll ikunu appostli tal-Labtu Mqaddes. Ħafna minnhom, fuq l-eżempju tal-fundatur, huma wkoll Terzjari Karmelitani. Fir-Regula (parag. 453) ħalla miktub li s-soċji responsabbli mis-sajdiet parrokkjali għandhom ifittxu li jxerrdu din id-devozzjoni bil-predikazzjoni u wkoll isieħbu fil-Familja Karmelitana permezz tal-Labtu lil dawk kollha li jieħdu sehem f’dawn is-sajdiet. Barra minn hekk ried li t-tfal kollha tal-MUSEUM, wara l-Ewwel Tqarbina tagħhom, ikunu miktubin fil-Labtu tal-Karmnu, u mqegħdin taħt il-protezzjoni materna ta’ dik li Alla nnifsu afdalha ’l Ibnu. Dun Ġorġ kien iben dehen tal-Karmelu mhux l-aktar għax kien Terzjarju Karmelitan jew inkella għax kien jilbes il-Labtu u jippriedka fuq il-Madonna, imma l-aktar minħabba li għex ħajja ta’ intimità u għaqda mal-Missier u fil-qadi ta’ ħutu l-bnedmin skond l-ispirtu tal-Profeta Elija u fuq l-eżempju tal-Verġni Marija. L-Appostolat u l-preżenza tas-Soċjetà Illum m’għadux aktar iż-żmien ta’ suspetti jew inkella ta’ rifjut tas-Soċjetà li waqqaf Dun Ġorġ, bħalma ġara fil-bidu tagħha. Għal kuntrarju! Huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd jekk ngħidu li ċ-ċentri tal-MUSEUM għall-bniet u għas-subien illum jinsabu kwazi f’kull belt jew raħal ta’ Malta u Għawdex. Id-dedikazzjoni tal-membri hija sħiħa (anke jekk matul ħajjithom iridu jaħdmu għall-għixien tagħhom u xi kultant biex iżommu lill-ġenituri jew qrabathom). Kull ċentru huwa tas-Soċjetà u għaldaqstant l-ispejjeż tax-xiri jew manteniment tagħhom jaqa’ ukoll fuq spallejhom. Il-formazzjoni tal-membri għadha, sal-gurnata tal-lum, skond ix-xewqa tal-fundatur, aġġornata skond iż-żmien. Il-Konċilju Vatikan II jitlob “li l-kjerċi kollha u l-ewwel is-saċerdoti u dawk kollha, bħad-djakni u l-katekisti, li jagħtu ruħhom leġittimament għax-xogħol tal-kelma, għandhom iżommu rwieħhom dejjem magħqudin ma’ l-Iskrittura permezz tal-qari ta’ spiss u ta’ studju tajjeb” (Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni divina n. 25). Digà mill-bidu, Dun Ġorġ ried li l-Bibbja tkun it-test fundamentali tal-formazzjoni tas-segwaċi tiegħu, mnejn jieħdu l-qawwa għall-fidi u l-ħajja spiritwali tagħhom. Infatti huma jitgħallmu testi bibliċi bl-amment, kapitli sħaħ, l-aktar mit-Testment il-Ġdid, u minnhom jagħmlu l-pedament tal-fidi tagħhom, tat-tagħlim li jagħtu fiċ-ċentri fejn jiltaqgħu, fil-postijiet tax-xogħol, fil-knejjes, u fis-sajdiet organizzati ma’ Malta u Għawdex kollha.
Il-ħidma tas-Soċjetà m’hijiex limitata biss għat-tagħlim tal-katekiżmu fid-diversi ċentri ta’ Malta u Għawdex. Illum hija tinsab preżenti wkoll fl-Awstralja, fis-Sudan, fil-Kenja, fl-Albanija, fil-Perù u fl-Ingilterra. Kemm f’Malta kif ukoll fis-Sudan hija tmexxi skola sekondarja kattolika. Bil-hidma ta’ dawn il-lajċi dedikati, is-Soċjetà tal-MUSEUM tat numru kbir ta’ vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali, u familji tassew eżemplari li fuqhom hi mibnija s-soċjetà Maltija. Konkluzzjoni Dun Ġorġ miet fl-1962 fl-età ta’ 82 sena, imma l-preżenza tiegħu u s-sehem kbir tas-Soċjetà mwaqqfa minnu għadhom jinħassu kważi fil-familji kollha ta’ Malta u Għawdex. Dun Ġorġ huwa l-qaddis ta’ żminijietna, anke jekk għex aktar minn ħamsin sena ilu. Huwa jibqa’ mfakkar għall-viżjoni profetika tiegħu. Il-limiti ta’ Dun Ġorġ ma kienux ftit, imma wieħed jibqa’ skantat kif irnexxielu jibda jdaħħal fil-Knisja ideat ġodda li madwar 60 sena wara ġew mitluba mill-Konċilju Vatikan II: l-importanza tal-Bibbja, l-użu ta’ l-ilsien Malti, is-sehem tal-lajċi fl-evanġelizzazzjoni u fil-Knisja, u l-metodu poplari fit-tagħlim tal-katekizmu. Għal dan kollu u għall-imħabba tiegħu lejn il-Karmelu, żgur li Dun Ġorġ jibqa’ jkun mudell ħaj fil-qalb tal-membri kollha tal-Familja Karmelitana, aktar u aktar issa li l-qdusija tiegħu ġiet rikonoxxuta mill-Knisja Kattolika u ppreżentatha bħala mudell lil dawk kollha li jisnabu fil-mixja tagħhom wara Kristu. |