Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


SAN ĠORĠ PRECA U
L-MISTERI TAR-RUŻARJU TAD-DAWL

Knisja l-antika ta' S.Venera fl-okkazjoni tal-kanonizzazzjoni ta' San Ġorġ Precakitba ta'
John Formosa, SDC
Anthony Cilia, O.Carm.

Daħla

Nhar is-16 ta’ Ottubru tas-sena 2002, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II, kien ta bidu għall-25 sena tal-Pontifikat tiegħu, billi nieda l-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae (RVM), li fiha ħabbar is-Sena tar-Rużarju (minn Ottubru 2002 sa Ottubru 2003), u offra lill-Knisja ħames misteri ġodda dwar il-ħajja pubblika ta’ Ġesù, barra l-ħmistax-il Misteru tar-Rużarju li diġà ken hemm… il-“Misteri tad-Dawl”.

It-tnedija ta’ din l-Ittra Appostolika, u iżjed u iżjed id-dħul ta’ dawn il-ħames misteri ġodda, qanqlu ħafna għagħa fost l-insara kattoliċi. Tant hu hekk, li bosta mill-meżżi tal-komunikazzjoni kienu xeħtu l-attenzjoni tagħhom fuq id-dħul tal-misteri l-ġodda aktar milli fuq it-tagħlim ewlieni ta’ l-istess RVM. Ħafna ġurnalisti kkummentaw li “il-ħsieb tal-Papa dwar dawn il-misteri l-ġodda seta’ ġieh mill-kitba ta’ qassis Malti, Dun Ġorġ Preca, li l-istess Qdusija Tiegħu kien għamlu beatu fis-sena 2001”. [cfr. The Guardian, tas-16 ta’Ottubru 2002; The Wanderer (USA), The Tablet, Catholic Herald, Catholic Times (UK), The Catholic Weekly (Australia), u l-ġurnal elettroniku Daily Spirit (USA)].

Ma nafux minfejn il-Qdusija Tiegħu twebbel biex daħħal dawn il-misteri ġodda. B’dankollu, jekk inwarrbu xi nuqqas ta’ qbil żgħir, il-ħames misteri l-ġodda li offra l-Papa, huma kważi kważi l-istess bħal dawk li kien issuġġerixxa Dun Ġorġ fl-1957! Il-fatt li l-Qdusija Tiegħu, lil dawn il-misteri ġodda dwar il-ħajja pubblika ta’ Ġesù sejħilhom “il-Misteri tad-Dawl” bħal ma kien semmiehom San Ġorġ, ukoll għokor xi ftit l-għajnejn!

Jekk nammettu li dawn il-Misteri tad-Dawl jafu l-bidu tagħhom lil San Ġorġ Preca, allura sewwa li nistaqsu: Kif kien li dawn il-misteri waslu f’idejn il-Qdusija Tiegħu l-Papa biex huwa daħħalhom fl-Ittra Appostolika dwar ir-Rużarju? Kien hemm ħafna xeħtiet, iżda x’aktarx li l-iżjed li toqrob lejn is-sewwa hija dik li l-Papa seta’ sab dak it-tagħrif fuq l-internet. Dan minħabba li xi websajts bl-ilsien ingliż, sa minn qabel it-tnedija ta’ l-Ittra Apostolika RVM, kienu semmew dawn il-Misteri tad-Dawl, x’aktarx mitbugħa minn xi Malti li kien xorob mill-għajn spiritwali ta' Dun Ġorġ. Għalkemm m’għandniex provi ċari, il-misteri dwar il-ħajja pubblika ta’ Ġesù sabu post xieraq fit-tagħlim tal-Knisja, u ser ikunu aċċettati u jkunu ta’ għajnuna fil-meditazzjoni għal miljuni ta’ kattoliċi fid-dinja kollha.

Il-Misteri tad-Dawl u San Ġorġ Preca

Is-Soċjetà mwaqqfa minn Dun Ġorġ għalqet 50 sena mit-twaqqif tagħha fl-1957. Dun Ġorg ma riedx li jsiru xi festi esterni; xtaq biss li f’dik is-sena s-soċji kollha jersqu iżjed qrib lejn Alla. Kien għalhekk li kien ġie mitbugħ il-ktieb Kollokwji ma’ Alla – 60 taħdita li fihom tidher sewwa l-imħabba kbira tiegħu lejn il-Ħallieq. Barra minn dawn it-taħditiet, kien f’dik l-istess sena li Dun Ġorġ kien ħareġ bil-ħsieb li jżid ħames misteri tar-Rużarju oħra dwar il-ħajja pubblika ta’ Ġesù. Dak iż-żmien, dawn il-misteri kienu biss għall-użu privat tal-membri tas-Soċjetà, l-istess bħalma kien ried għall-Kollokwji.

Xi wħud mid-dixxipli tiegħu li kienu jgħixu f’dak iż-żmien, qalu li Dun Ġorġ kien ħabbar il-Misteri tad-Dawl għall-ewwel darba, waqt waħda mil-laqgħat ta’ nhar ta’ Erbgħa. Ma kienx qal jekk sabhomx f’xi ktieb jew jekk kinux twieldu fi ħsiebu! Meta kien joħroġ b’xi ħaġa ġdida, lis-soċji kien imdorri jgħidilhom: “Ara x’sibt għalikom illum!!….”. Imma dak inhar ma kienx qalilhom hekk, u allura jidher li l-ħsieb tal-Misteri tad-Dawl kien ġej minnu. L-istess xhieda jtennu li dik il-lejla, wara li kien spjega l-ħtieġa tal-meditazzjoni fuq il-ħajja kollha ta’ Ġesù, u li r-Rużarju kien xi ftit nieqes f’din il-ħaġa, huwa stqarr kemm kienu għoġbuh u kemm kien ħassu ferħan li jimmedita fuq dawn il-misteri “ġodda” tal-ħajja pubblika ta’ dak li kien qal: “Jiena d-Dawl tad-Dinja” (Ġw. 8, 12).

Il-Misteri tad-Dawl li Dun Ġorġ kien issuġġerixxa, dehru fil-pubbliku għall-ewwel darba f’artiklu msemmi Id-Devozzjoni ta’ Dun Ġorġ lejn ir-Rużarju li kien ġie ppublikat fir-rivsita Dun Ġorġ, nru.5, Lulju-Diċembru 1973. Reġgħu dehru fl-1987 meta Vincent Caruana (1812-1998), membru tas-Soċjetà, ippublika ktejjeb bl-isem Ġesù Kristu - Alla – Bniedem – Feddej. Episodji mill-Evanġelu f’għamla ta’ Rużarju fuq idea oriġinali ta’ Dun Ġorġ Preca, Ed. PEG Ltd., Marsa, Malta. Fid-Daħla tiegħu Caruana semma l-Misteri tad-Dawl u qal li dawn “kienu ġew imxandrin u mħabbrin għall-ewwel darba mill-Qaddej ta’ Alla Dun Ġorġ Preca”.

Hekk il-Misteri tad-Dawl ma baqgħux biss għall-użu privat tal-membri tas-Soċjetà, imma xterrdu fost l-insara mhux biss f’Malta imma wkoll f’inħawi oħra tad-dinja. Xi wħud, forsi mnebbħin mit-tagħlim ta’ Dun Ġorġ, saħansitra daħħlu dawn il-Misteri fil-websajts tagħhom iddedikati għar-Rużarju.

Il-Misteri tad-Dawl skond Dun Ġorġ u skond il-Papa

Skond Dun Ġorġ:
1) Meta s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, wara li tgħammed fil-Ġurdan, ġie meħud fid-deżert.
2) Meta s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu wera bil-kelma u l-mirakli, li hu veru Alla.
3) Meta s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu għallem il-Beatitudnijiet fuq il-muntanja.
4) Meta s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu ttrasfigura ruħu fuq il-muntanja.
5) Meta s-Sinjur tagħna Ġesù Kristu għamel l-aħħar Ċena ma’ l-Appostli.

Skond il-Papa:
1) Meta Sidna Ġesù Kristu tgħammed fix-xmara l-Ġordan.
2) Meta Sidna Ġesù Kristu wera min hu fit-tieġ ta’ Kana.
3) Meta Sidna Ġesù Kristu ħabbar is-Saltna ta’ Alla u sejjaħ għall-indiema.
4) Meta Sidna Ġesù Kristu tbiddel quddiem l-Appostli fuq il-muntanja Tabor.
5) Meta Sidna Ġesù Kristu waqqaf l-Ewkaristija, tifkira tal-Misteru ta' l-Għid.

Meta jiġu mqabblin, jidher xebħ kbir bejn il-Misteri tad-Dawl li ħoloq Dun Ġorġ fl-1957, u dawk tal-QT Ġwanni Pawlu II. Tassew li hemm xi differenzi, imma dawn mhumiex kbar daqskemm jistgħu jidhru.
● Fl-ewwel misteru, wara l-Magħmudija ta’ Ġesù, Dun Ġorġ iżid it-tluq lejn id-deżert, fejn Ġesù dam iħejji ruħu għal erbgħin jum qabel beda l-missjoni pubblika tiegħu. Min kien jaf tajjeb lil Dun Ġorġ, malajr jifhem l-għaliex huwa kien żied din il-ġrajja mill-ħajja ta’ Ġesù. Fil-bidu, huwa kien kiteb dawn il-misteri għad-dixxipli tiegħu; b’hekk ried jurihom il-ħtieġa ta’ tħejjija tajba għall-missjoni tagħhom għax-xandir tal-Kelma (ta’ Alla).
● Fit-tieni misteru, Dun Ġorġ jissuġġerixxi meditazzjoni fuq kif Ġesù juri lilu nnifsu bħala Alla bil-kelma u l-mirakli. Il-Qdusija Tiegħu jagħżel miraklu wieħed li kellu dak l-iskop, dak tat-tieġ ta’ Kana (Ġw. 2, 11).
● Fit-tielet misteru, Dun Ġorġ jagħżel lil Ġesù li jgħallem l-Beatitudni msejħin “il-Kostituzzjoni” tal-Knisja li Ġesù waqqaf. Ħadd ma jista’ jiċħad li bit-tħabbira tal-Beatitudni Ġesù kien qiegħed iħabbar ukoll is-Saltna ta’ Alla u li kien qed jistieden lill-bnedmin kollha għal bidla fil-ħajja spiritwali.
● Ir-raba’ u l-ħames misteri juru l-istess ġrajjiet mill-ħajja ta’ Ġesù, kemm min-naħa ta’ Dun Ġorġ kif ukoll mill-Papa.

Dwar meta għandhom jintużaw għall-meditazzjoni, kemm Dun Ġorġ kif ukoll il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħidu li posthom għandu jkun bejn il-Misteri tal-Ferħ u dawk tat-Tbatija. Ma jaqblux biss dwar il-jum. Fil-waqt li l-Beatu jipproponi l-jum tat-Tnejn (flok il-Misteri tal-Ferħ, li jibdew isiru l-jum tal-Ħadd), il-Papa ssuġġerixxa jum il-Ħamis, li fil-verità huwa jum iżjed adattat minħabba li huwa jum ġeneralment iddedikat għat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija. Huwa wkoll xieraq li l-Misteri tal-Ferħ, li jolqtu wkoll il-ġrajjiet ewlenin ta’ ħajjet Marija, jitħallew għas-Sibt, il-jum iddedikat lill-Madonna.

Barra mill-Misteri tad-Dawl, fir-RVM insibu wkoll ħsibijiet li jixbhu lil dawk li kien jippriedka Dun Ġorġ.
● Il-Papa jirreferi għall-ħtieġa li ssir waqfa qasira fis-skiet wara li jingħad il-misteru għall-kontemplazzjoni u l-meditazzjoni (cfr. RVM, 31). Dun Ġorġ mhux biss kien jagħmel hekk huwa stess, imma kien iħeġġeġ lil min jisimgħu biex jagħmlu hekk huma wkoll.
● San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid li r-Rużarju huwa “skola ta’ tagħlim” speċjalment minħabba l-meditazzjoni tal-misteri. Ta’ min jinnota li l-Papa jsejjaħ lir-Rużarju bħala “skola ta’ Marija” (cfr. RVM, 1, 3, 15, 34).
● Fl-ittra Appostolika RVM (cfr. 35), il-Papa jistieden biex wara li tingħad il-Glorja lill-Missier… issir talba bħala tmiem għal kull misteru. Bl-istess ħsieb, Dun Ġorġ kien kiteb bosta talbiet lill-Verġni Marija u dwar il-virtujiet li għandhom x’jaqsmu mal-misteri, biex jingħadu qabel ma tingħad il-Missierna.

Għeluq

Matul ħajtu San Ġorġ Preca ħadem ħafna biex jingħad iżjed ir-Rużarju. Billi kien devot kbir tal-Verġni Marija, kien igħid din it-talba marjana mibnija fuq il-ħajja ta’ Kristu Ġesù, b’ħeġġa liema bħalha. Kien iħeġġeġ lil kull min jisimgħu biex jitolbu hekk huma wkoll, u saħansitra kiteb ħafna drabi fuq kemm tiswa u kemm hija ta’ ħtieġa din it-talba. Ix-xebh li nsibu kemm fit-tagħlim tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-Ittra Appostolika RVM, kif ukoll f’dak ta’ San Ġorġ Preca, juri tajjeb ħafna l-qdusija ta’ dan il-Qaddis Karmelitan; spiritwalità li ħarġet ’l hemm minn xtut pajjiż twelidu u xterdet fil-Knisja Universali.

(Ħajr lil Patri Karm A. Ferrante, O.Carm., li qaleb dan l-artiklu f'ilsinna mit-Taljan.)


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage