Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla




ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

L-PAPA BENEDITTU XVI

LILL-ARĊISQOF TA’ FIRENZE

F’GĦELUQ L-400 SENA MILL-MEWT TA’

SANTA MARIJA MADDALENA DE’ PAZZI

Lill-Maħbub ħija
Is-Sinjur Kardinal Ennio Antonelli
Arċisqof ta’ Firenze

Fl-okkażjoni ta’ għeluq l-400 sena mill-mewt ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, b’ferħ kbir ningħaqad ma’ l-għażiża Knisja Fjorentina, li tixtieq tfakkar lil din il-bint illustri tagħha u li hija għażiża għaliha l-aktar minħabba li hi xempju ta’ dik l-imħabba ħajja li teħodna għad-dimensjoni mistika essenzjali ta’ kull ħajja nisranija. Waqt li b’imħabba nsellem Lilek, Sinjur Kardinal, u lill-Komunità kollha tad-djoċesi, inrodd ħajr lil Alla għad-don ta’ din il-qaddisa li kull nisel iħossha qrib tiegħu, b’mod partikulari, għaliex taf twassal imħabba mħeġġa għal Kristu u għall-Knisja.

Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, twieldet ġewwa Firenze nhar it-2 ta’ April 1566 u ġiet mgħammda fil-fonti ta’ “San Giovanni s-sabiħ” bl-isem ta’ Katerina. Sa minn tfulitha wriet sensibilità partikulari lejn il-ħajja sopranaturali u ħassitha miġbuda lejn it-taħdit intimu ma’ Alla. Kif kienet titlob id-drawwa ta’ dak iż-żmien għat-tfajliet ta’ nisel nobbli, ingħatat l-edukazzjoni mill-Cavalieresse di Malta. Kien fil-monasteru tagħhom li nhar il-25 ta’ Marzu 1576 irċeviet l-Ewwel Tqarbina. Bil-kemm kienu laħqu għaddew ftit jiem minn dakinhar li ma fittxitx li tingħata għal kollox lill-Mulej bil-wegħda tal-verġinità. Lura d-dar, daħlet aktar fil-fond tal-mixja tat-talb bl-għajnuna tal-Patrijiet ġiżwiti li kienu jżuru l-palazz tal-familja. F’dan l-ambjent li għalkemm nistgħu insejħulu nisrani, ma kienx biżżejjed tajjeb biex jgħinha tixbah iktar mill-qrib lill-Għarus tagħha Msallab, b’ħila kbira rnexxielha ma tħallix l-eżiġenzi tal-ħajja tad-dinja ifixkluha. F’dan il-kuntest hija mmaturat fid-deċiżjoni li tħalli d-dinja sabiex tidħol fil-Karmelu ta’ Santa Maria degli Angeli, f’Borgo san Frediano, fejn nhar it-30 ta’ Jannar 1583 xiddet fuqha l-libsa tal-Karmelu u ħadet l-isem ta’ swor Marija Maddalena. F’Marzu ta’ l-1584, ħakmitha marda gravi, u għalhekk talbet li tagħmel il-professjoni qabel iż-żmien.  Għaldaqstant, nhar is-27 ta’ Mejju, festa tat-Trinità, is-sorijiet ġarrewha bis-sodda lejn il-kor, fejn għamlet il-professjoni tal-voti tal-kastità, faqar u ubbidjenza lil Alla, għal dejjem.

Sa minn dakinhar, fil-ħajja ta’ Santa Marija Maddalena, beda staġun mistiku l-aktar qawwi li minħabba fih il-qaddisa kisbet il-fama ta’ estatika kbira. Ħamsa huma l-manuskritti li fihom il-Karmelitani ta’ Santa Maria degli Angeli ġabru l-esperjenzi straordinarji ta’ din oħthom iż-żgħira. Wara “L-Erbgħin Jum” tas-Sajf ta’ l-1584, insibu “Ktieb it-Taħdit”, il-manuskritt ta’ l-ewwel nofs tas-sena  ta’ wara. L-ogħla grad ta’ għerf mistiku, li Alla ta lil swor Marija Maddalena fuqu nnifsu, insibuh miġbur fi “Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tnebbiħ”. Dan jixhed għal tmint’ijiem ta’ estażi mill-isbaħ li jibdew mill-Vġili ta’ Għid il-ħamsin u jkomplu sal-festa tat-Trinità tas-sena 1585. Din l-esperjenza qawwija għamlitha possibli, għal din it-tfajla ta’ 19-il sena, li timraħ fuq il-misteru sħiħ tas-salvazzjoni, ibda’ mill-Inkarnazzjoni tal-Verb fil-ġuf ta’ Marija u spiċċa fl-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-Pentekoste. Wara dawn ġew ħames snin twal ta’ tisfija interjuri.  Marija Maddalena de’ Pazzi titkellem fuq din l-esperjenza fi “Ktieb it-Tiġrib”. F’dan iż-żmien ta’ tiġrib, il-Verb Għarus tagħha, neħħielha s-sentiment tal-grazzja u ħalliha bħal Danjel fil-fossa ta’ l-iljuni, qalb ħafna provi u tentazzjonijiet kbar. Huwa f’dan il-kuntest li jidħol l-impenn imħeġġeġ tagħha għat-tiġdid tal-Knisja.  Wara s-Sajf ta’ l-1586 iddew fuqha dwal mis-sema li wrewha f’liema stat kienet tinsab din il-Knisja fiż-żmien ta’ wara l-Konċilju ta’ Trentu. Bħal Katerina ta’ Siena hija ħassitha “mġiegħlha” tikteb xi ittri biex tqanqal fil-Papa, fil-Kardinali tal-Kurja, fl-Arċisqof tagħha u f’persunaġġi ekkleżjastiċi oħrajn, l-impenn serju għat-“Tiġdid tal-Knisja”, kif jgħid l-isem tal-manuskritt li jiġbor fih dawn l-ittri. Huma tnax-il ittra, iddettati waqt l-estażi, u li għalkemm forsi qatt ma ntbagħtu, xorta waħda jibqgħu xhieda tal-ħeġġa tagħha għall-iSponsa Verbi.

F’Għid il-ħamsin ta’ l-1590 spiċċa dan it-tiġrib iebes. Għaldaqstant issa setgħet tingħata b’ruħha u ġisimha għall-qadi tal-komunità, l-aktar fil-formazzjoni tan-novizzi. Swor Marija Maddalena ingħatat il-grazzja li tgħix l-għaqda ma’ Alla b’mod iktar ġewwieni, hekk li saret punt ta’ riferiment għall-komunità kollha, li sa llum għadha tqisha bħala “omm”.  L-imħabba msoffija, li kienet tħabbat ġewwa qalbha, fetħitha għax-xewqa li ssir tixbah b’mod sħiħ lil Kristu, Għarus tagħha, hekk li miegħu riedet taqsam “it-tbatija għerja” tas-salib. L-aħħar tliet snin ta’ ħajjitha kienu għaliha Kalvarju mimli tbatijiet.  Il-mard tas-sider beda jagħmel tiegħu: Swor Marija Maddalena kellha tirtira bil-mod il-mod mill-ħajja attiva fil-komunità biex togħdos dejjem aktar fit-“tbatija għerja għall-imħabba ta’ Alla”. Sal-mewt hija sabet ruħha magħkusa minn tbatijiet kiefra kemm fil-ġisem kif ukoll fir-ruħ. Mietet il-ġimgħa 25 ta’ Mejju 1607 għall-ħabta tat-tlieta ta’ wara nofsinhar, waqt li ferħ mhux tas-soltu beda jinħass fil-monasteru kollu.

Kienu għadhom ma għaddewx għoxrin sena mill-mewt, meta l-Papa Fjorentin Urbanu VIII iddikjaraha beata.  Kien imbagħad il-Papa Klement IX li niżżilha fir-Reġistru tal-Qaddisin nhar it-28 ta’ April 1669. ġisimha, li għadu sħiħ sa’ llum, jiġbed lejh pellegrinaġġi spissi. Illum, il-monasteru li fih il-qaddisa għexet jilqa’ fih is-Seminarju Arċiveskovili ta’ Firenze li jweġġaħha bħala l-Patruna tiegħu.  Iċ-ċella li fiha mietet ġiet mibdula f’kappella li fis-skiet tagħha għadha tinħass il-preżenza tagħha.

Santa Marija Maddalena de’ Pazzi tibqa’ preżenza spiritwali ta’ ispirazzjoni għas-sorijiet Karmelitani ta’ l-Antika Osservanza.  Huma jaraw fiha dik “oħthom” li mxiet bis-sħiħ fit-triq ta’ l-għaqda ma’ Alla li tittrasforma r-ruħ u li turihom lil Marija “il-kewkba” tal-mixja lejn il-perfezzjoni.  Din il-qaddisa hija għal kulħadd, l-aktar għas-saċerdoti li lejhom dejjem kellha imħabba kbira, għalliema tal-ħajja spiritwali.

Nittama bis-sħiħ li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-ġublew ta’ tifkira tal-mewt tagħha jkunu strument li bih tkun aktar magħrufa din il-figura kollha dawl, li turi lil kulħadd id-dinjità u s-sbuħija tas-sejħa nisranija. Hekk kif f’ħajjitha, kienet issejjaħ lil ħutha, bid-daqq tal-qniepen u b’leħen qawwi: “Ejjew ħa tħobbu l-Imħabba!”, hekk issa din il-Mistika kbira, minn Firenze, mis-Seminarju tagħha, mill-monasteri Karmelitani li jispiraw ruħhom minnha, twassal leħinha fil-Knisja kollha, biex tħabbar il-bxara ta’ l-imħabba ta’ Alla lill-bnedmin maħluqa minnu.

B’dan l-awgurju, nafda Lilek, Maħbub ħija u lill-Knisja li tinsab ġewwa Firenze, taħt il-ħarsien ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, waqt li minn qalbi nagħti lil kulħadd Barka Appostolika speċjali.

Mill-Vatikan, 29 ta’ April 2007

Benedittu XVI


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage