Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla



OMELIJA F’GĦELUQ IS-700 SENA MILL-MEWT
TA’ SANT ALBERT TA' TRAPANI

li saret minn Patri Jürgen Cucciardi, O.Carm., fil-5 ta’ Awissu 2007, fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu, il-Fgura.

Daħla

M’aħniex nitkellmu fuq ġrajja li seħħet il-bieraħ, jew li ġrat dan l-aħħar. M’huwiex l-ambjent tagħna, u forsi lanqas m’hija d-dinja tagħna. Il-mezzi ta’ komunikazzjoni li drajna bihom illum ma jeżistux. Il-messaġġ m’huwiex bħal tal-lum li jasal f’tebqa ta’ għajn. Madankollu, fi żmien daqshekk differenti minn tagħna, il-bniedem xorta waħda seta’ jagħmel suċċess. Iżda dan is-suċċess ma jitkejjilx bil-qisien tagħna tal-lum, lanqas b’xibirna, imma jitkejjel skond kemm jagħmel sens għall-għajnejn u għall-qalb ta’ Alla.

Albertu ta’ Trapani huwa bniedem li għalkemm għex u miet 700 sena ilu, għex ħajja ta’ suċċess fl-għajnejn ta’ Alla. Huwa għex fl-ewwel seklu ta’ l-Ordni Karmelitan, li matul din is-sena wkoll qegħdin infakkru t-800 sena mit-twelid tiegħu. Huwa l-Ispirtu ta’ Alla li, f’kull żmien, u fl-istess ħin fi żminijiet partikulari, iqajjem fil-Knisja forom ġodda ta’ ħajja li fiha wieħed jagħraf kif se jgħix il-ħajja nisranija tiegħu. Fil-fatt, ħafna drabi u b’ħafna manjieri (ara Lhud 1.1), il-Missirijiet qaddisa tal-Knisja stabbilew kif wieħed, hu min hu, u f’liema ordni hu, jew x’inhi s-sura ta’ ħajja reliġjuża li jkun għażel, għandu jgħix f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu (ara 2Kor 10,5), u lilu jaqdi bil-fedeltà, b’qalb safja u b’kuxjenza tajba (ara 1Tim 1,5).[1]

L-Armi Spiritwali

Ma nistgħux noqogħdu nintilfu fuq il-bijografija storika u leġġendarja tal-Qaddis ta’ Trapani. Biex nitfgħu dawl fuq din l-istess bijografija, nistgħu nħarsu lejn ir-Regola Karmelitana, li tgħinna nifhmu aħjar il-ħajja ta’ Sant’ Albert. Għax mhux ta’ b’xejn li dan il-qaddis jista’ jitqies bħala l-Karmelitan ideali, għax laħħam din ir-Regola fl-istess ħajja tiegħu.

Ir-Regola Karmelitana nkitbet fi żmien il-Kruċjati fl-Art Imqaddsa. Albertu ta’ Ġerusalemm, il-Patrijarka li kiteb l-għamla ta’ ħajja lill-eremiti tal-Karmel u ġabarhom f’komunità waħda, b’familjarità kbira mal-Kelma ta’ Alla, pinġa fil-kitba tiegħu lill-Karmelitan taħt il-libsa ta’ pellegrin li sejjer jitqabad fil-Kruċjata. U jekk sejjer jitqabad, bil-fors li huwa mlibbes b’armatura speċjali: bil-ħżiem u bit-tunika, bil-korazza, bit-tarka, bl-elmu u bix-xabla, simboli ta’ l-attributi ta’ Alla. Alla, li joħroġ jitqabad mal-poplu tiegħu kontra l-għedewwa tiegħu, ilibbes din l-armatura lill-bniedem. Fuq il-passi ta’ l-appostlu San Pawl, il-Patrijarka ta’ Ġerusalemm ta lil dawn l-armi tifsira spiritwali, u nixtieq li jiena wkoll inlibbes din l-armatura lil Albertu ta’ Trapani, għax permezz tagħha, huwa fittex u ħabrek [...] ħalli jkun jista’ jieqaf għat-tnassis ta’ l-għadu (ara Ef 6,11).[2]

Il-ħżiem u t-tunika: Ħażżmu ġenbejkom (ara Ef 6,14) bil-ħżiem tas-safa. Ħarsu sidirkom bi ħsibijiet qaddisa, għaliex hemm miktub: “ħsieb qaddis iħarsek” (Prov 2,11). [3]

Is-safa ma tfissirx li s-sesswalità fil-bniedem hija taboo. Imma tfisser l-għażla sħiħa ta’ Alla fil-ħajja tal-bniedem. Tfisser li dak li jagħmel Alla fl-imħabba tiegħu, jagħmlu l-bniedem ukoll. Għax Alla, biex jagħti espressjoni ħajja ta’ l-emozzjonijiet intimi tiegħu, iddeċieda li jgħaqqad lilu nnifsu b’mod intimu mal-poplu tiegħu. 4] Ħabb lill-bniedem, u jixtieq li l-bniedem iħobb b’din l-istess imħabba tiegħu. Jurina li fejn tidħol l-imħabba li tiġi minnu, la hemm u lanqas jista’ jkun hemm interessi personali. Il-leġġenda dwar il-ħajja ta’ Albertu turi li l-qaddis ta’ Trapani ried jagħżel lil Alla akkost ta’ kollox. Kien ġej mill-aqwa familji fi Sqallija. Kellu l-opportunità li l-istess ħakma ta’ Sqallija tgħaddi f’idejh. Lanqas m’aċċetta li jieħu għalih tfajla li ried jipproponielu missieru, biex il-flus jitħalltu mal-flus. Għalih dan ma kien ifisser xejn. Ħalla kollox, u għażel lil Alla. Alla biss seta’ jimla l-vojt fil-qalb tiegħu, bl-istess mod kif jista’ jimla l-qalb tiegħi u tiegħek, il-qalb ta’ kull bniedem.

Il-korazza: Ilbsu l-korazza tal-ġustizzja (ara Ef 6,14), biex tħobbu lill-Mulej Alla tagħkom b’qalbkom kollha, b’ruħkom kollha u b’saħħitkom kollha (ara Dt 6,5) u lil għajrkom bħalkom infuskom (ara Mt 19,19; 22,37 u 39). [5]

Il-qalb hija assoċjata ħafna ma’ l-emozzjonijiet u l-affettività fil-ħajja tal-bniedem. Nistgħu xi drabi nitilfu l-bilanċ u nħallu lil qalbna tiġri bina. L-istess ġustizzja, timplika fiha l-imħabba. Għax tassew, huwa Alla li ħalaq lill-bniedem sforz l-imħabba kbira tiegħu. Alla li m’huwa kapaċi jagħmel xejn aktar ħlief li jħobb, irid li l-bniedem jissieħeb f’din l-imħabba tiegħu, u għalhekk jistiednu sabiex iħobb lilu u lill-oħrajn. Imma x’paċenzja trid, u kemm hi ħaġa diffiċli biex tkun kapaċi tħobb bl-istess imħabba u bl-istess qalb ta’ Alla! Mill-ġdid, Albertu tmexxa mill-imħabba kollha ħniena ta’ Alla, ħabbu kemm felaħ, u fittex li jħobb lil ħutu u liċ-ċittadini ta’ pajjiżu bla interessi, bl-istess mod kif iħobb Alla.

It-tarka: F’kollox ħudu t-tarka tal-fidi, li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin (ara Ef 6,16), għax mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla (ara Lhud 11,6). [6]

Il-bniedem li jemmen f’Alla, jafda fih. Bit-tarka tal-fidi, in-nisrani mhux biss ikun kapaċi jibni reżistenza għal dak li jipprova jkissru, imma aktar minn hekk, jagħmlu aktar dipendenti minn Alla. Ngħaddu mis-sabiħ, u ngħaddu wkoll mill-ikrah tal-ħajja. Imma fl-aħħar mill-aħħar, irridu nkunu konvinti li Alla qiegħed hemm. Alla jinsab preżenti. Alla huwa ħaj fl-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna. Jekk tassew nemmnu f’Alla, nagħrfu li huwa dak li qiegħed imexxi t-tmun ta’ ħajjitna. U nemmnu wkoll li l-aħħar kelma hija dejjem il-kelma ta’ Alla. Għax nagħmlu x’nagħmlu, Alla kapaċi jidħol fil-ħajja ta’ l-umanità u tgħaddi tiegħu! Hekk għex Albertu. Ħalla ħajtu f’idejn Alla, li kapaċi jikteb dritt fuq linji mgħawwġin!

L-elmu: F’raskom ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni (ara Ef 6,17) biex tistennew is-salvazzjoni mingħand is-Salvatur waħdieni, li jsalva l-poplu tiegħu minn dnubietu (ara Mt 1,21).[7]

Il-bniedem li jistenna kollox mingħand Alla, għandu l-ħarsa tiegħu mdawwra lejh. Jistenna mingħandu dak li l-ulied jistennew li jirċievu mingħand il-ġenituri tagħhom. Huwa fuq din il-linja li r-Regola Karmelitana tgħaqqad is-salvazzjoni mal-virtù tat-tama. It-tama tas-salvazzjoni tipproteġi ras il-gwerrier nisrani. B’danakollu, dan l-elmu ma jgħattilniex għajnejna u widnejna, inkella, ma nkunux nistgħu nagħrfu r-realtà ta’ dak li qiegħed jiġri madwarna. It-tama tgħinna naqraw l-id ta’ Alla fl-istorja preżenti ta’ ħajjitna, bl-istess mod kif qraha Albertu, u kien profeta fi żmienu.

Ix-xabla: Ix-xabla ta’ l-Ispirtu, li hi l-Kelma ta’ Alla (ara Ef 6,17), ħa tgħammar bis-sħiħ (ara Kol 3,16) fuq fommkom u f’qalbkom (ara Rum 10,8). U kulma għandkom tagħmlu, agħmluh fil-Kelma tal-Mulej (ara Kol 3,17; 1Kor 10,31).[8]

Il-Kelma ta’ Alla, Kelma mdawwla mill-Ispirtu s-Santu, twassal lill-bniedem għall-kontemplazzjoni, għall-għaqda sħiħa miegħu. Fuq kollox, dan hu l-għan tal-ħajja nisranija, li ningħaqdu miegħu. Albertu kien bniedem li jisma’ b’mod attent il-Kelma ta’ Alla. Kien jitlob permezz tas-Salmi u tal-Kelma ta’ Alla. Għax kien jisma’ din il-Kelma, m’għejja qatt ixandar din l-istess Kelma. Ġera ma’ Sqallija kollha, biex iwassal l-Evanġelju mill-ġdid fl-art li kienet inħakmet mill-Musulmani. Huwa għaraf ix-xandir tal-Kelma ta’ Alla bħala sejħa Karmelitana għall-qadi tal-poplu ta’ Alla. Il-ħsieb, il-kliem u l-għemil tiegħu kienu mqanqlin u mmexxijin mill-Kelma ta’ Alla.

Għeluq

B’dan kollu quddiem għajnejna, nistgħu naraw tassew li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir. Imlibbes bl-armatura ta’ Alla, Albertu ta’ Trapani, waqaf sod, għamel suċċess. Rebaħ. Rebaħ lil Kristu, għax għaraf li l-Mulej innifsu, meta jerġa’ jiġi, iroddlu hu.[9] Huwa għalhekk li din is-sena qegħdin niċċelebraw is-700 anniversarju mill-mewt ta’ Sant’ Albert ta’ Trapani, mhux għax niċċelebraw il-mewt fiha nfisha, imma niċċelebraw il-ħajja dejjiema, dik li ma tintemm qatt, dik li lkoll kemm aħna mistednin għaliha fi Kristu Ġesù, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.


[1] Ir-Regola Karmelitana 2.
[2] Ibid. 16.
[3] Ibid. 16.
[4] ara Kees Waaijman, The Mystical Space of Carmel, Leuven 1999, 176.
[5] Ir-Regola Karmelitana 16.
[6] Ibid. 16.
[7] Ibid. 16.
[8] Ibid. 16.
[9] Ibid. 21.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage