Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla



BEATU HILARY JANUSZEWSKI
KARMELITAN POLLAKK MARTRI TAN-NAZI F’DACHAU

P. Hilary JanuszewskiNhar it-13 ta’ Ġunju 1999, il-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II, għolla għall-ġieħ ta’ l-artali, 104 vittmi maqtula min-Nazi. Fosthom hemm persunaġġ Karmelitan: P. Hilary Januszewski, li miet nhar il-25 ta’ Marzu 1945. Dan m’huwiex l-ewwel Karmelitan magħruf bħala Martri taż-żminijiet orribbli tan-Nazzjonal Soċjaliżmu, taħt il-ħakma ta’ Hitler. Insibu wkoll lill-Beatu Titu Brandsma, Patri Karmelitan Olandiż li nittamaw li fi żmien qarib il-Papa jiddikjarah qaddis. Dan ġie arrestat fost l-oħrajn għax ipprova jeħles grupp ta’ tfal Lhud minn taħt id-dwiefer tan-Nażi. Hemm ukoll soru Karmelitana Skalza, Ġermaniża ta’ nisel Lhudi, li għadha kemm ġiet iddikjarata qaddisa;din m’hi ħadd ħlif Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein).Ma’ dawn il-qaddisin li jixhdul-preżenza tal-Knisja fit-tbatija ta’ l-Olokawst, hemm ħafna Karmelitani oħra li ħallew ħajjithom fil-kampijiet tal-konċentrament. Insibu fost l-oħrajn lil P. Leon Michail Koza, P. Szymon Buszta, P. Bruno Makowski u oħrajn ukoll li għalkemm ħarġu ħajjin mill-kampijiet, baqgħu iġarrbu tul ħajjithom kollha tbatija fiżika u psikoloġika.

Nhar is-16 ta’ Lulju 1942, kmieni mas-sebħ, dawn il-Karmelitani kollha li kienu fil-kamp ta’ Dachau, qabel ma ħarġu jaħdmu x-xogħol sfurzat, iċċelebraw flimkien bil-moħbi is-Solennità tal-Madonna tal-Karmnu u għal darb’oħra ntefgħu taħt il-ħarsien tagħha ta’ Omm. Ma kenitx ironika ċ-ċelebrazzjoni tagħhom f’dik it-tbatija, għax il-Karmelitani dejjem ħassew qrib tagħhom lil dik l-Omm tant maħbuba fil-mumenti ta’ qtiegħ il-qalb. Fi kliem il-Papa Pawli VI, li fehem tassew l-ispiritwalità Marjana tal-Karmelu, hija Marija li tmexxina fl-iljieli mudlama u ddaħħalna fid-dawl ta’ dejjem. Il-Labtu Karmelitan, huwa s-sinjal ta’ din il-preżenza qawwija ta’ Marija magħna.

P. Hilary Januszewski twieled nhar il-11 ta’ Ġunju 1907 fi Krajenki, il-Polonja. Il-ġenituri tiegħu, Martin u Marianne, tawh edukazzjoni nisranija. Huwa kellu jitlaq l-istudju tiegħu minħabba l-problemi ekonomiċi li daħlet fihom il-familja tiegħu. Aktar tard fi Krakow, huwa kellu opportunità li jkompli l-istudji tiegħu permezz tal-korrispondenza, u f’Settembru ta’ l-1927 ingħaqad ma’ l-Ordni Karmelitan. Huwa għamel il-Professjoni tiegħu fl-Ordni nhar it-30 ta’ Diċembru 1928 u wara li ħejja ruħu akkademikament għall-ordinazzjoni presbiterali ntbagħat Ruma biex ikompli l-ispeċjaliżżazzjoni fit-Teoloġija. Fil-Kulleġġ Internazzjonali ta' Sant'Albert, li l-Ordni għandu f’Ruma, huwa ltaqa’ ma’ Karmelitani magħrufa għall-għerf u l-qdusija tagħhom, fosthom lil Xiberta, Brenninger u Esteve. P. Kilian Healy, li aktar 'il quddiem kien magħżul Ġeneral ta’ l-Ordni ta’ x-xhieda tiegħu fuq P. Hilary u ddeskrivih bħala reliġjuż prudenti, iħobb is-silenzju kif titlob minnu r-Regula Karmelitana, iħobb l-istudju u xempju ta’ ħajja interjuri u spiritwali awtentika.

Lura fil-Polonja, huwa ġie mlaħħaq Professur tat-Teoloġija Dommatika u ta’ l-Istorja tal-Knisja fi Krakow u fl-1939 intagħżel bħala Pirjol tal-komunità Karmelitana ta' l-istess belt. Huwa ntefa’ għax-xogħol ta’ ristrutturazzjoni tal-komunità, iżda l-okkupazzjoni Nażista ħasdet ix-xewqat u l-ambizzjonijiet qaddisa li kellu. Fil-fatt fis-sena 1939 il-Ġermanja okkupat il-Polonja. Ħalliet warajha diżastru sħiħ, deportazzjoniet ta’ komunitajiet Lhud u wkoll ta’ saċerdoti u reliġjużi li ħaduha kontra dan l-abbiż mill-awtorità politka.

L-ifran tal-Lager ta’ Dachau li fihom kienu jaħarqu l-mejtinNhar it-18 ta’ Settembru ta’ l-istess sena n-Nażi arrestaw il-komunitajiet Lhud u wkoll ta’ saċerdoti u reliġjużi li ħaduha kontra dan l-abbuż mill-awtorità politika. Nhar it-18 ta’ Settembru ta’ l-istess sena n-Nażi arrestaw il-komunità ta’ Krakow. F’dan il-waqt P. Hilary beda juri l-frott tal-qdusija moħbija tiegħu. Huwa offra ruħu lill-Gestapo biex jiġi arrestat minfiok P. Konoba li kien anzjan marradi. Huwa qeda dmirijietu ta’ nisrani u ta’ Pirjol tal-komunità tiegħu. Huwa spiċċa fil-ħabs ta’ Montelupi fi Krakow u wara li ġerrewh minn kamp ta’ konċentrament għal ieħor, spiċċa fil-Lager ta’ Dachau.

Il-ħajja fil-kamp kienrt waħda ħarxa u inumana, kif jixhdu d-diversi ritratti u films li ilna naraw u li għadhom iwaħħxuna sa’ llum. Minkejja dan kollu l-bnedmin għadhom jaħqru lil xulxin fi qtil u vjolenza bla sens. F’moħħna għadhom l-ismijiet ta’ Hiroshima, Rwanda, Verdun, Vjetnam, Albanija, Kosovo u l-Iraq. F’dan kollu forsi toħroġ minn qalbna dik il-mistoqsija li toqros fil-laħam il-ħaj: Fejn hu Alla? Alla għandu ħabta jiskot fit-tbatija tagħna l-bnedmin. Imma ma jieqafx hemm, ibati magħna, kif bata magħna fi Kristu Msallab, minxur ma’ salib. U llum ukoll huwa jimla’ b’dan l-ispirtu tiegħu lil dawk li jagħżilhom bħala xhieda li Hu għadu magħna. P. Hilary Januszewski huwa wieħed minn dawk ix-xhieda. Waqt li s-suldati kienu jaħqru bla ħniena lill-ħabsin, P. Hilary kien juri l-imħabba u l-karità nisranija ma kull min jiltaqa’ miegħu.

Is-sena 1945, kellha tkun għalih is-sena li juri l-erojiċità u l-virtujiet insara tal-fidi, it-tama u l-imħabba. Kien hemm xnigħat li l-gwerra waslet biex tispiċċa, iżda Dachau kien l-aħħar Lager li nħeles mill-Amerikani. Kien hemm f’dan il-Kamp ta’ konċentrament, ħafna morda bit-typhoide, marda li toqtol u tittieħed faċilment. Għalhekk dawk morda ġew mitfugħin u magħluqin bla ħniena fis-sala nru. 25 waqt li s-Il-kamp ta’ Dachau fil-Ġermanjasuldati ħallew lis-saċerdoti jieħdu ħsieb dawn il-morda. Mas-saċerdoti li offrew ruħhom għal din il-biċċa xogħol kien hemm P. Hilary. Qabel telaq biex jagħti ħajtu għal ħutu morda huwa qal lil sieħbu P. Bernard Czaplinski, li wara sar Isqof ta’ Chelm: “Inti taf li jiena m’inix sejjer noħroġ ħaj minn hemm ġew…” Fil-fatt huwa dam biss 21 ġurnata jieħu ħsieb il-morda għax ittieħed hu stess mill-istess marda u ħalla ħajtu għal ħutu fuq l-eżempju ta’ Kristu li qalilna: “M’hemmx imħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li jiena ngħidilkom”. Ftit tal-jiem wara fil-Lager daħlu s-suldati Amerikani u ħelsu lill-priġunieri ħajjin. Meta marru fis-sala 25, sabu mijiet ta’ iġsma ta’ nies mejta bil-marda tat-typhoide mgeddsin fuq xulxin.

Il-Ġeneral ta’ l-Ordni Karmelitan, P. Josrph Chalmers, fl-ittra li bagħat lill-Ordni kollu għall-okkażjoni tal-Beatifikazzjoni ta’ ħuna P.Hilary iħeġġiġna sabiex aħna lkoll inkunu bħal dan il- Beatu, persuni ta’ talb u għaqda m’Alla ħalli fid-dinja ta’ madwarna maħnuqa u mifnija minn tant vjolenza u tbatija nkunu xhieda ta’ l-imħabba u l-preżenza t’Alla fostna, li bit-tbatija u l-mewt ta’ Ibnu Ġesù Kristu, rebaħ il-mewt tagħna u tana l-qawwa li nibnu dinja aħjar, sabiħa kif ħalaqha Hu għall-ġid u l-imħabba tagħna l-bnedmin.

Charlo' Camilleri, O.Carm.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage