Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


S. MARIJA MADDALENA DE’ PAZZI (1607-2007)

"L-Imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf" (Ef 3:19)

Ittra tal-Pirjol Ġenerali Joseph Chalmers lill-Familja Karmelitana fl-okkażjoni tar-IV ċentinarju mill-mewt ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi.

Nota: Il-Kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi ġew mitbugħa bl-ilsien Taljan f’din l-edizzjoni:  Fulvio Nardoni, Tutte le opere di Santa Maria Maddalena de’ Pazzi dai manoscritti oriġinali, 7 voll., Firenze: Centro Internazionale del Libro, 1960-1966.
Minn din l-edizzjoni ħarġet dik Ingliża: The Complete Works of Saint Mary Magdalen de’ Pazzi, Carmelite and Mystic (1566-1607), 5 vols., translated by the Very Rev. Gabriel Pausback, Fatima: Blessed Nuno House, 1969-1973.
Bil-Malti għad ma għandniex edizzjoni tal-kitbiet ta’ din il-qaddisa. Għaldaqstant qegħdin nagħtu isem bil-Malti l-kitbiet kkwotati fl-ittra:
Libro de’ Quaranta Giorni - Ktieb l-Erbgħin Jum
Libro de’ Colloqui
, parte prima - Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti
Libro de’ Colloqui, parte seconda - Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti
Libro delle Revelatione e Intelligentie - Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil
Libro de’ la Probatione
, parte prima - Ktieb it-Tiġrib, l-ewwel parti
Libro de’ la Probatione, parte seconda - Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti
Libro de’ la Renovatione della Chiesa - Ktieb it-Tiġdid tal-Knisja
Ammaestramenti - Tagħlim

Għeżież Aħwa fil-Karmelu,

1. Fl-ittra li ktibt erba’ snin ilu, jiġifieri fl-2002, biex infakkar għeluq il-550 anniversarju tal-Bulla Papali Cum nulla miktuba mill-Papa Nikola V, jiena fakkartkom li sa’ minn dakinhar ta’ l-għarfien uffiċċjali tal-ħajja Karmelitana fost in-nisa, il-Karmelu ta lill-Knisja numru kbir ta’ nisa li kkonsagraw ruħhom għall-qadi ta’ Alla u tal-proxxmu f’ħajja hienja ta’ talb u xhieda għal dik l-imħabba divina li titlob minna li ningħataw kollna kemm aħna lil Alla.  Fost il-ħafna eżempji sbieħ li semmejt, mill-ħajja klawstrali, ktibt fil-qosor fuq Santa Marija Maddalena de’ Pazzi.[1]  Fil-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet li f’din is-sena 2007 qegħdin jiċċelebraw ir-raba’ ċentinarju mill-mewt tagħha, li seħħet nhar il-25 ta’ Mejju 1607, nixtieq nerġa’ naqbad ir-riflessjonijiet li għamilt dakinhar u waqt li nidħol aktar fil-fond tagħhom, u niżviluppa xi temi li joħorġu mill-għana li jinsab fl-esperjenza u t-tagħlim tagħha.[2]

L-Estatika Fjorentina

2. Fl-istorja tal-mistika Nisranija ftit hemm individwi li, f’ħajja daqshekk qasira, għamlu, bħal Santa Marija Maddalena, esperjenza ta’ daqstant fenomeni mistiċi.  Ħarsa ħafifa lejn l-kitbiet miġbura mis-sorijiet fil-manuskritti li llum aħna nsejħulhom l-opri, u li jiddeskrivu l-estażijiet u r-rapimenti tal-qaddisa, turina li Maddalena de’ Pazzi
·  tirċievi l-pjagi inviżibbli,
·  Santu Wistin jiktbilha fuq qalbha “Verbum Caro factum est”,
·  tirċievi bews u tħaddin minn Ġesù u minn Alla l-Missier,
·  taqla’ d-doni tal-bidla ta’ qalbha ma’ dawk tal-Verġni Marija u ta’ Ġesú, li mingħandu wkoll tirċievi l-kuruna tax-xewk (li tagħha tibqa’ ġġorr it-tbatija misterjuża). 
· Drabi oħra hija tirċievi mingħand Ġesù d-doni tas-“siġill tal-passjoni” u ċ-ċurkett bħala siġill taż-żwieġ mistiku tagħha miegħu. 

Fil-qosor nistgħu ngħidu li ħajjitha hija miżgħuda b’dehriet, estażijiet u rapimenti, bħal donnhom drammi liturġiċi, u li xi drabi kienu jkunu akkumpanjati minn tbatija u tiġrib kbar.  Fost l-istudjużi li għarblu dawn il-fatti, kien hemm ukoll min qagħad jgħoddhom u sab li f’ħajjitha, din il-qaddisa, kellha madwar 429 esperjenza straordinarja!

3. Hawnhekk mhux se noqgħod nidħol fuq kif dawn seħħew jew fuq jekk dawn humiex esperjenzi awtentiċi. Lanqas ma jiena se noqgħod ngħarbel il-fenomenu tal-kliem jew il-mod kif din il-qaddisa kienet iġġib ruħha waqt dawn l-esperjenzi.  Wisq inqas se noqgħod nifli l-impressjonijiet li ħadu s-sorijiet li raw dawn il-fenomeni jseħħu.  Nixtieq iżda nieqaf ftit fuq il-fatt li fil-fażi ċentrali ta’ dawn l-esperjenzi mistiċi, (qiegħed nirreferi hawnhekk għall-esperjenzi tas-sena 1585, miġburin fil-Ktieb It-Taħdit u fi Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil) toħroġ ċara viżjoni sħiħa tal-misteru Nisrani mibni fuq il-persuna ta’ Kristu batut u mqajjem mill-mewt.  Din il-viżjoni sħiħa ta’ dan il-misteru nifhmuha aktar bis-sħiħ jekk nagħtu każ tad-dehra tat-tnax-il kanal.  Il-biċċa l-kbira ta’ l-istudjużi huma tal-fehma li din id-dehra tirrapreżenta l-istorja tas-salvazzjoni u li Marija Maddalena lemħitha fl-aħħar mument tagħha, jiġifieri fil-preżenza ta’ “Kristu li hu maqtul u li qiegħed għal dejjem jaħdem” fi ħdan il-Missier.  Din ix-xbieha teħodna għal dak li nsibu fil-ktieb ta’ l-Apokalissi, fid-dehra tal-ħaruf.[3]  Fil-“ħaruf maqtul”, Marija Maddalena tara u taqra mill-ġdid l-istorja kollha tas-salvazzjoni, li tibda mill-għotja dejjiema tal-Persuni tat-Trinità Qaddisa, u li tkompli fl-Inkarnazzjoni tal-Verb, fil-misteru wieħed tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien tiegħu, u li tibqa’ sejra fiż-żmien, fil-ħajja tal-Knisja sat-tieni miġja ta’ Kristu.

Viżjoni ta’ ħajja mibnija fuq Alla u fuq Kristu

4. F’dan il-kuntest nindunaw li l-mixja spiritwali tal-qaddisa, mhux biss turi l-esperjenza personali tagħha, imma toffri skema duttrinali msejsa fuq viżjoni  qawwija ta’ ħajja mibnija fuq Alla u fuq Kristu.

5. Fil-fatt, il-kontemplazzjoni tat-Trinità Qaddisa bħala “nar li jħeġġeġ”, twassal lill-qaddisa biex tifhem li l-imħabba ta’ Alla tinsab wara l-misteru tal-ħolqien tal-bniedem.  Maddalena tagħraf li din l-imħabba tinsab ukoll fil-mixja tal-ħajja tal-bniedem fuq din l-art u li tibqa’ dejjem miegħu sa’ l-aħħar taż-żmien.  Minn dan joħroġ li l-viżjoni tal-ħajja spiritwali tiżvolġi f’żewġ xeni: l-ewwel waħda toħroġna barra miż-żmien, u t-tieni waħda ddaħħalna fiż-żmien.  Fl-ewwel waħda minn dawn ix-xeni, li teħodna fl-eternità, Maddalena tilmaħ bħal “kunsill”, jew “taħdita” bejn it-Tliet Persuni li flimkien jiddiskutu l-ħolqien ta’ dak kollu li jeżisti u li joħroġ minn ħdanhom bħala għotja kollha mħabba.  Minn dan il-kunsill divin, iseħħ il-ħolqien ta’ l-anġli u mbagħad b’ħeġġa ta’ mħabba, il-ħolqien tal-bniedem fi stat ta’ “innoċenza l-aktar kbira biex Alla jkun jista’ jsawwab fih id-doni tiegħu”.[4]  Il-bniedem iżda ma jweġibx għal dan il-“kunsill divin”.  Hawnhekk tiftaħ it-tieni xena, fiż-żmien.  Il-bniedem, minħabba d-dnub tiegħu, isir “inkapaċi li jifhem lil Alla u li jilqa’ fih id-doni tiegħu”.[5]  Minħabba f’hekk, fi ħdan it-Trinità, iqum “kunsill ġdid ta’ umiltà u mħabba” u wkoll “kunsill kollu mħabba”, li jrid jeħles lill-bniedem mill-jasar tad-dnub u jroddlu “doni għolja u grazzji”. B’hekk lill-ħlejqa li tgħix fil-fedeltà u lill-“kulħadd skond l-opra ta’ Alla” tingħatalhom il-kapaċità li jikkomunikaw ma’ Alla, permezz ta’ l-Inkarnazzjoni tal-Verb u ta’ l-offerta kiefra tiegħu fuq is-salib.[6]

F’dan id-dawl, il-qaddisa tħares lejn il-mixja spiritwali bħala ħolqien mill-ġdid tagħha nnifisha fi Kristu magħmul bniedem “pont u taraġ” ta’ salvazzjoni.[7] Waqt li nużaw espressjoni tipika tal-lingwaġġ maddalenjan, ngħidu li fil-fatt, biex naslu għall-ħajja jeħtiġilna ngħaddu mill-“Verb magħmul bniedem”.  Fih biss il-mixja tagħna lura lejn Alla sseħħ tassew fina bil-ferħ u ma tibqax biss possibiltà.  “Min ħmhuwiex liebes b’din l-umanità [ta’ Kristu] billi jimitah u jipparteċipa mill-merti tiegħu, ma jistax jidħol fil-ħajja ta’ dejjem”.[8]7. Tajjeb insemmu hawnhekk li l-qaddisa tagħna (bħal mistiċi oħra) issostni li l-Verb kien isir bniedem ukoll kieku l-bniedem ma’ dinibx.  U dan hija ssostnih minħabba l-milja ta’ l-imħabba ta’ dak “il-kunsill etern” li jinsab taħt il-ħolqien.[9]  Il-qaddisa tkompli tagħmel enfażi fuq dan billi turi li l-Verb libes l-umanità tagħna biex jeħlisna mill-ħtija. Huwa wriena dan ukoll fl-ogħla espressjoni ta’ mħabba li wera lejna fil-passjoni u fis-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib.[10] Id-demm ta’ Kristu, simbolu tax-xhieda tal-ħeġġa ta’ mħabbtu għalina,[11] huwa l-mezz mogħti lill-bniedem biex jeħles mid-dnub u jasal għat-trasformazzjoni f’Alla.  Id-demm fil-fatt huwa “il-libsa tal-Verb magħmul bniedem”, li biha wkoll ir-ruħ jeħtiġilha tinsatar.[12]  Fit-tema tal-“magħsar divin”, li nsibuha ta’ spiss fl-estażijiet u r-rapimenti tal-qaddisa, il-passjoni, is-Salib, il-mewt, u d-demm ta’ Kristu jidhru bħala l-post li fih il-bniedem jissawwar mill-ġdid f’sura aħjar u aktar perfetta minn dik oriġinali.  Din is-sura l-ġdida tisboq is-sura ta’ l-anġli.[13]

Il-kunflitt bejn żewġ imħabbiet

8. Tixbiha li tidher spiss fil-ġrajja ta’ l-estażijiet ta’ Marija Maddalena hija dik klassika tal-kunflitt bejn żewġ imħabbiet: l-imħabba tagħna nfusna u l-imħabba ta’ Alla.[14]  F’dan il-kunflitt, l-arma li tagħti r-rebħa hija “s-safa fiha nnifisha” li “tista’ tinkiseb bl-umiltà u t-tixjin tagħna nfusna” jew b’dak iċ-ċokon li jagħmilhielna possibbli li ninżlu “fil-qiegħ nett tax-xejn tagħna”, hemmhekk fejn l-Ispirtu ta’ Alla jistrieħ fl-imħabba u jingħata lil Alla.  Iktar milli b’safa tal-ġisem, qegħdin nitkellmu minn atteġġjament eżistenzjali li “jinkiseb billi wieħed ma jkun xejn, ma jifhem xejn, ma jkun jaf xejn, ma jieqaf f’xejn u ma jkun irid xejn.  Huwa meħtieġ li r-ruħ, li trid tikseb din is-safa, tkun mejta għal kollox u ma tagħtix każ tagħha nnifisha, hekk li ma tkun trid l-ebda fehma, għarfien, jew rieda.  Il-qaddisa tkompli tiddeskrivilna dan bit-tixbiha tal-forn tan-nar iħaġġeġ.  Hija tirrakkonta kif “f’daqqa waħda ħassejtni magħquda ma’ Alla, u kont mibdula tant fih li ħriġt mis-sensi kollha tal-ġisem ma kont qegħda nħoss xejn, bħallikieku kont mejta.  Naħseb li, kieku f’dak il-ħin kienu jqegħduni f’forn ta’ nar iħaġġeġ, biex niġi maħruqa, ma kont inħoss xejn.  Ma kontx naf inix mejta jew ħajja, jekk kontx fir-ruħ jew fil-ġisem, fl-art jew fis-sema.  Kont qegħdha nara biss lil Alla msebbaħ fih innifsu, iħobb lilu nnifsu bis-safa, jagħraf lilu nnifsu kollu kemm hu, u infinitament jilqa’ lilu nnifsu”; “ma kont qegħdha nsib xejn minni nnifsi, imma kont qegħdha nara lili nnifsi f’Alla, mingħajr ma nara lili nnifsi, imma lil Alla waħdu”.[15] U “kont qegħdha nara li r-rieda tiegħi tant hija magħquda u mwaħħda mar-rieda ta’ Alla, li jiena ma rrid xejn minni nnifsi”.  Il-qaddisa tkompli tirrakkonta b’mod paradossali li f’dan l-istat: “Jiena nkun hienja wkoll anke jekk Alla jkun irid li nitlef ruħi”.[16]

Is-sellum ta’ l-imħabbiet

9. Għaldaqstant, il-mutur li jħaddem il-mixja tal-bidla f’dan il-ħolqien ġdid sa ma l-bniedem jerġa’ lura għand Alla u jasal għad-divinizzazjoni, huwa l-imħabba. Il-qaddisa tgħid li “rridu nerġgħu lura għand Alla mit-triq ta’ l-imħabba għax ġejna maħluqin minn Alla bl-imħabba”.[17]  Hija l-imħabba li tmexxi kull pass u dak kollu li jseħħ kemm fl-istorja tal-bniedem u tas-salvazzjoni.  Hija t-triq ta’ l-imħabba li timmarka l-mixi ’l quddiem fit-triq lura lejn Alla. Din it-triq twassalna biex ngħixu bis-sħiħ fl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu: “ma jistax ikun hemm waħda mingħajr l-oħra”.[18]

10. Kollha kemm hi maħtufa mill-imħabba u mitlufa fiha, il-Mistika Karmelitana tgħarbel il-qawwa u l-effetti li din l-imħabba tnissel fir-ruħ.  Fil-ħeġġa ta’ mħabbitha, hija tistieden u timbotta lill-erwieħ (l-aktar dawk ta’ l-ikkonsagrati) biex jingħataw għal din l-imħabba.  Hawnhekk hija toffrilna xi taqsim.[19]

11. Fi Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, il-qaddisa tiżviluppa tema li tfihem dik li nsejħulha “triq ta’ l-imħabba”: is-sellum ta’ l-imħabbiet.  Hija taqsam dan is-sellum f’żewġ settijiet ta’ skaluni li jfissru daqstant tipi ta’ mħabba: erbgħa minnhom għandhom valur ta’ tisfija u l-erbgħa l-oħra huma ta’ valur mistiku.

12. Fl-ewwel sett insibu dawn il-forom ta’ mħabba bieżla,  bla sabar, batuta u mistrieħa.  L-imħabba bieżla (jew aħajr, l-imħabba li taħdem) hija l-ewwel skaluna li nibqgħu fiha sakemm nitilgħu aktar ’il fuq. Din tidher li hija t-tarġa tal-persuni attivi.  Min jgħix fiha iżda malajr  jitħawwad u jitnikket meta jiġi li jonqsu xi ħaġa, għax fil-fatt, f’dan l-istadju tal-ħajja tar-ruħ, ma jkunx hemm imħabba għal Alla fih innifsu, imma għal dak li jista’ jikseb minnu.  L-imħabba bla sabar, hija tarġa għola, imma ’l bogħod mill-perefzzjoni għax la hija soda u lanqas stabbli. F’din it-tarġa r-ruħ titqarras meta tara oħrajn iktar ’il quddiem minnha fil-ħajja ta’ perfezzjoni u għalhekk ma tistmax lil min hu aktar perfett, ma tagħtix każ ta’ min jinsab fl-istess tarġa tagħha u tistmerr lil min għadu fil-bidu tal-ħajja spiritwali.  Fil-mixja  tal-perfezzjoni ma għandhiex kwiet, dejjem moħħha fejn se tieqaf, fejn se tasal, liema triq se taqbad, hijiex sejra l-ġenna jew l-infern.  Din l-imħabba hija nieqsa mit-telqa f’idejn Alla u għalhekk ma tikkwieta b’xejn u taqa’ f’ħafna nuqqasijiet.  Lanqas l-imħabba batuta ma hija perfetta, għax min jinsab f’din it-tarġa, jaqa f’niket kbir u jsewwed qalbu meta jonqsu s-sentiment.  Jaħseb li jistħoqqlu l-infern u jsewwed qalbu mhux għax imqanqal mill-imħabba ta’ Alla imma għax ma jridx ibati.  F’dawn it-tarġiet, waqt li nagħtu każ tad-dgħjufija tagħna ta’ bnedmin li aħna, kull wieħed u waħda minna rridu nfittxu li ma nerġgħux lura, li ma naqgħux fil-bruda, iżda li npoġġu lilna nfusna fl-imħabba mistrieħa, jew aħjar, l-imħabba mitluqa f’idejn Alla.  Din hija l-aħħar tarġa li rridu naslu fiha: “imħabba kollha serħan f’kollox, b’mod li xejn ma tkun trid, xejn ma’ trid tikseb, u xejn ma tixtieq.  Ma taspira għall-ebda perfezzjoni, ma tieqaf fl-ebda don, ma toqgħodx tikkalkula u la f’liema stat ta’ perfezzjoni tista’ tasal, wisq anqas f’liema wieħed kienet qabel, jew f’liema wieħed tinsab fil-preżent. Imma quddiemha għandha l-ġieħ ta’ Alla”.

13. Fit-tieni grupp hemm l-imħabba għażżiena, ansjuża, imxebbgħa u mejta. Dawn isibu ruħhom fihom l-erwieħ kontemplativi.  L-imħabba għażżiena hija dik ta’ min jgħammar fil-kontemplazzjoni ta’ Alla li huwa tjubija perfetta, kobor infinit u għerf profond.  Waqt li r-ruħ tara li Alla jitlob ħafna mill-bniedem, tagħraf ukoll li hi ma hija xejn u li ma għandhiex ħila twieġeb għal tant kobor.  Ir-ruħ, maħkuma minn din l-imħabba “titgħażżen” waqt li mill-fond ta’ ruħha tikkunsidra l-perfezzjonijiet bla qjies ta’ Alla u tħalli lilu jaħdem għal kollox fiha.  Dan huwa għażż li jagħti l-frott, għax iġib ħwejjeġ kbar fir-ruħ.  Hija l-imħabba ansjuża li tnissel fil-qalb dik ix-xewqa mħeġġa u ma taqta’ xejn għall-għarfien ta’ Alla.  Iżda din l-imħabba mhijiex perfetta, għax fiha r-ruħ għadha tixtieq.  L-imħabba mxebbgħa titnissel fir-ruħ meta din tifraħ f’Alla, titgħaxxaq fih u tmexxi lejh kollox, hekk li dak kollu li tagħmel jibda’ fih u fih jintemm.  Imma dan il-gost tar-ruħ imxebbgħa iżomm lir-ruħ milli tasal għall-perfezzjoni ta’ l-imħabba. Din tasal għaliha biss meta r-ruħ tirċievi mingħand Alla d-don ta’ l-imħabba mejta.  Fil-fatt “l-aħħar imħabba hija mejta, għax din la tixtieq, la trid, la tistenna u lanqas tfittex xejn.  Imma dan tagħmlu għax ir-ruħ li għandha fiha din l-imħabba, ma tixtieqx li tgħaraf, li tifhem u li dduq lil Alla minħabba li tinsab fi stat ta’ telqa mejta f’idejn Alla.  Hija ma trid xejn, ma taf xejn u ma’ tista’ tagħmel xejn.  Din ir-ruħ ixxejjen lilha nnifisha kemm jekk jgħidulha li hi Alla u kemm jekk jgħidulha li hi xitan”.[20]

14. Dan is-sellum ta’ l-imħabbiet iwassal lir-ruħ biex tgħammar fl-imħabba safja.  Huwa f’din l-imħabba li r-ruħ tiġġedded għal kollox: “b’dik l-imħabba safja, ir-ruħ tasal li tkun bħal Alla nnifsu, billi tieħu sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla”.[21]  L-għaqda ma’ Alla, li minnha jiddependi l-hena tal-bniedem,[22] jitlob minna tisfija mill-qiegħ u sħiħa.  Dan il-proċess ta’ tisfija jwassal lill-bniedem għall-ħelsien u għal xebħ ma’ Alla, l-aktar permezz ta’ dik l-umiltà kollha mħabba li tagħmilna “xejn”. Hawnhekk, il-ħidma ta’ Alla fil-bniedem tweġġa’ għax hu jsaffi u jdawwal.  Kull ma hu mistenni mir-ruħ f’dan l-istat huwa li hi tilqa’ din il-ħidma ta’ Alla b’umiltà u telqa sħiħa.[23]

15. Għalkemm f’dan il-proċess ta’ tisfija, il-qawwiet tar-ruħ jisktu, ma jfissirx li huma mietu.  Għaldaqstant ir-ruħ ma tkunx passiva għal kollox.  Hawnhekk il-qaddisa tirreferi għar-rwol tal-virtujiet.  Bil-virtujiet kardinali, li hija xi drabi tfissirhom bil-lingwaġġ ta’ San Tumas ta’ Akwinu, ir-ruħ tersaq lejn Alla;[24] bit-taħriġ fil-virtujiet teologali, ir-ruħ titwaħħad miegħu b’mod dirett u sħiħ.[25]  Hekk, ir-ruħ, imsoffija u mnaddfa, mhux talli tingħaqad u tinbidel f’Alla iżda ssir Alla ieħor, billi tieħu sehem fin-natura ta’ Alla.[26]

Teoloġija ta’ l-imħabba

16. Għaldaqstant, f’kelma waħda, fl-estasi u fl-irfigħ ta’ l-ispirtu ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, insibu teoloġija ta’ l-imħabba.  Din it-teoloġija ma tiħux il-forma ta’ taħdit ħiereġ mill-moħħ, imma teoloġija li tixrob mill-għixien u mill-kontemplazzjoni miksuba mill-pjagi ta’ Kristu: “ħiereġ mill-Kustat ta’ Kristu, anzi fil-Qalb rajt forn kbir ta’ mħabba, li l-ħin kollu kien jitfa’ s-sajjetti u permezz tal-leħħiet kollha nar ħerġin minnu, dan il-forn kien jidħol fir-ruħ tal-magħżulin ta’ Alla.  Il-kobor u l-għana ta’ dik ir-ruħ li kienet tirċievi dan kollu, kif ukoll l-imħabba li Alla kien inissel fiha,  kienu daqshekk għolja li r-ruħ bdiet twieġeb għal din l-imħabba t’Alla billi tħobb lil Alla b’imħabba safja.”[27]  Hawn tinsab it-teoloġija ta’ l-imħabba safja: “rajt” – tgħidilna l-qaddisa f’wieħed mill-aktar mumenti għolja ta’ l-esperjenza tagħha – “lill-Ispirtu s-Santu – biex ngħidu hekk, għax hu ma jiċċaqlaqx minn fejn hu qiegħed - bħal donnu jiċċaqlaq il-ħin kollu, u rajt li kien qiegħed il-ħin kollu jsawwab leħħiet, vleġeġ u sajjetti ta’ mħabba safja fi qlub il-bnedmin”.[28]

Il-preżenza ta’ Marija Verġni

17. F’din il-mixja ta’ Santa Marija Maddalena, insibu l-preżenza partikulari ta’ Marija Verġni bħala strument ta’ l-għaġeb fil-proġett ta’ Alla fl-istorja tas-salvazzjoni.  Maddalena tiddeskrivi l-ħajja intima ta’ Marija u t-turija f’ħajjitha ta’ qdusija li ma hawnx bħalha. Hija tgħid li Marija hija: “l-ikbar qaddisa li qatt kien hemm fl-imgħoddi, issa u f’li ġej”.[29]  Titkellem ukoll fuq it-Tnissil tagħha bla Tebgħa, fuq il-maternità divina u spiritwali tagħha u fuq li hija l-medjatriċi tal-grazzji li nirċievu mingħand Alla.[30]  Għalina l-Verġni Mbierka hija “xemx u kewkba”, faraġ, mistrieħ u tama.[31]  Marija Maddalena tesprimi dan kollu bi kliem bħal “Mamà l-aktar qaddisa”, “Omm l-aktar maħbuba” u “Omm l-aktar ħelwa” ta’ Kristu u tagħna.[32]

18. Hija u tħares lejn Marija Mnissla bla Tebgħa, Marija Maddalena, – bħalma dejjem għamlu l-Karmelitani sa mis-seklu XIV – mhux biss tinseġ l-ogħla tifħir għall-verġinità ta’ Marija, imma tikkontempla t-tifsira usa u evanġelika tas-safa.  Is-safa tfisser l-umiltà, iċ-ċaħda tagħna nfusna, it-telqa f’idejn Alla u l-għarfien tax-xejn tagħna quddiem l-Aktar Għoli.  Hija u tikkontempla lill-Marija l-Aktar Safja, il-qaddisa bħal donnha tintilef, għax tara fiha l-mudell tas-safa axxetika u kontemplattiva li tħejjiha għall-għaqda l-aktar għolja mal-Mulej.[33]  Fis-siltiet “Marjani” ta’ Marija Maddalena nsibu li spiss hija tirreferi għall-Verġni Marija bħala “sieħba tas-Salvatur” u minħabba f’hekk hija wkoll l-omm tad-duluri, mhux biss “kollha kemm hi mnikkta”, imma wkoll “mimlija bit-tama” u “mimlija bl-għaġeb” fil-misteri tas-sebħ ta’ Kristu. [34]

19. Hija tfisser, bi kliem l-aktar ħelu, l-għaqda ta’ mħabba li torbot lill-Omm ma’ l-Iben divin.[35]  Barra minn hekk, tgħid li Marija taqdi għalina r-rwol importanti ta’ Għajnuna, Avukata u Medjatriċi tal-grazzji.  Hija “firxa ta’ baħar  ta’ grazzji”, “dawl tal-ġens tal-bnedmin”, “xemx u kewkba [li fihom insibu] l-fiduċja u t-tama tagħna”.[36]

20. Fuq kollox, il-qaddisa tħares lejn il-Madonna fil-post li għandha fil-monasteru tagħha, li ssejjaħlu: “d-dar ta’ Marija”[37].  Fil-monasteru, Marija hija l-mexxejja l-aktar żgura li tmexxina fl-osservanza tar-Regula[38] u fil-mixja tagħna lejn Alla: “Bħalma l-Maġi kienu mmexxija mill-kewkba, hekk aħna fuq din l-art, immexxija mill-kewkba Marija. Hija ma teħodniex fl-għarix, imma fl-għaqda sħiħa ma’ Alla”.[39]

21. F’kelma waħda, waqt li kittieba spiritwali oħra fi żmienha, kienu jinsistu li fl-għaqda li tgħaddi bejn ir-ruħ u Alla, l-ebda ħlejqa oħra ma kienet tidħol bejniethom, saħansitra l-anqas l-Umanità ta’ Kristu, Marija Maddalena titkellem fuq il-preżenza ta’ Marija u tasal biex tħoss preżenti ħdejha lill-Verġni Omm waqt iż-żwieġ mistiku.

Ir-rabta bejn l-esperjenza spiritwali u l-Kelma ta’ Alla

22. Tema oħra nteressanti, fil-kitbiet ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi hija dik tar-rabta bejn l-esperjenza mistika u l-Kelma ta’ Alla.  Minn dak li hemm miktub fir-rakkonti ta’ l-estasi, jidher ċar li l-għajn ta’ l-esperjenza mistika tal-qaddisa ta’ Firenze, hija u tibqa’ r-relazzjoni ħajja ma’ Kristu li jingħata lilna fil-Kelma u fis-Sagrament.

23. Fil-fatt, ħafna mill-esatsi tagħha jseħħu wara li hi tkun ħadet sehem fit-Tqarbin, li kienet tħoss li huwa s-sagrament ta’ l-imħabba.   Aħna u nqallbu l-paġni li jirrakkuntaw il-kliem li l-qaddisa lissnet waqt it-taħdit tagħha ma’ Alla, nindunaw li fommha jwarrad bi kwotazzjonijiet bibliċi, u wkoll li hija midħla sewwa tal-Kotba Mqaddsa għax “lejl u nhar kienet tishar fil-liġi tal-Mulej”.  Nintebħu wkoll li “is-siltiet tal-Kotba Mqaddsa li jerfgħuha lejn Alla huma dawk li jinsabu mqassmin fil-Brevjar u mill-Missal, għas-sena liturġika”.  Il-Kelma ta’ Alla, milqugħa jum wara jum fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija “għalhekk iddawwal sewwa l-ħajja kollha tagħha b’mod sħiħ”.[40]

24. Biex idduq “il-ħafna kliem ħelu tal-Verità qadima u ġdida... u daqstant ieħor il-frott ħelu meħud mill-ġnien ħelu tal-Kotba Mqaddsa, ir-ruħ trid twaħħal għajnejha fuq il-ħaruf maqtul fuq is-salib”.[41]  Din l-istess ħarsa twassalna biex nindunaw b’post ieħor li fih tidher il-Kelma ta’ Alla: l-opri tiegħu, il-ħlejjaq kollha, il-kosmos kollu kemm hu.  Marija Maddalena tgħidilna li dan il-“ktieb” huwa miktub “biċċa bid-deheb u biċċa b’kulur aħmar, li għalija hu d-demm tal-Ħaruf”.[42]  Għaldaqstant, għall-qaddisa, ir-ruħ li tilqa’ l-Kelma ta’ Alla rivelata fil-Bibbja u tinqata’ mill-kontemplazzjoni ta’ l-għeġubijiet li l-Għerf ta’ Alla wettaq fil-ħlejjaq tidher bħala “bluha [li] ma tħobbx, ma tafx, ma tagħrafx u mhux talli ma tifhimx lil dan l-għerf imma lanqas biss jaqgħalha f’rasha x’jista’ qatt ikun dan l-għerf”.[43]

25. Hekk il-Kelma ta’ Alla, milqugħa kull fejn hi turi ruħha u interjorizzata f’qiegħ il-qalb, issir għall-qaddisa, l-ikel ta’ kuljum li bih titmantna ħalli titqawwa fil-mixja tagħha lejn il-laqgħa mal-Verb innifsu. “Ma hemmx bżonn li dan l-ikel tar-ruħ ikun xi kelma li toħroġ minn fommok, għax inti nnifsek inżilt timxi magħna”.[44]  Il-kelma tiegħek għandna ngħożżuha għax għalina hija don li jiddefendina: “Hekk jagħmel il-Verb li beda [...] jagħtina armi biex niddefendu lilna nfusna u nattakkaw l-għadu bil-kelma kollha għerf u għolja tiegħu”.[45]  Din il-kelma twieġeb għal kull sitwazzjoni u tipprovdi d-dawl meħtieġ.[46]  Għaldaqstant, il-Kelma ta’ Alla hija l-fus li fuqu żżomm il-ħajja kollha tagħna. Li wieħed jilqa’ u jagħmel tiegħu din il-Kelma jfisser li jagħmel esperjenza ta’ Alla, għax “waqt li tixxandrilna u waqt li nisimgħuha, hekk kif ħarġet minn fomm Ġesù l-Verb magħmul Bniedem, il-kelma ta’ Alla, tagħtina u tgħaqqadna ma’ dak li minnu ħarġet, jiġifieri, ma’ Ġesù”.[47] “Min jgħożż fih il-kelma ta’ Alla, jaqbad lil Alla li huwa akbar minnu”.[48] Għaldaqstant, “b’liema qima, sinċerità, devozzjoni u umiltà għandna nisimgħu kliemek Mulej!”[49]

26. Dan il-mod ta’ kif qieħed jilqa’ u jagħmel tiegħu “il-kliem tal-Verb”, mhijiex għall-qaddisa xi triq li kulħadd jaqbadha għal rasu kif irid u kif jogħġbu, imma triq li naqbduha flimkien ma’ oħrajn hekk li naslu biex “ninħabbu flimkien”.[50]   Kif tinsisti l-qaddisa fid-dehra tat-tnax-il kanal, il-Kelma ta’ Alla hija dejjem rivelazzjoni tal-ħidma tas-salvazzjoni li tmexxina mis-smigħ tal-Kelma għax-xandir tagħha b’impenn.[51]

Għall-Knisja kollha

27. Il-konsumazzjoni fl-imħabba twassal lill-Maddalena biex tkun trid li kulħadd jagħraf dik “l-Imħabba mhux maħbuba”, u li hija “ħajja kollha ħlewwa u ta’ min iħobbha li tagħti l-ħajja”.[52]  Ta’ min ifakkar hawnhekk dak li darba għamlet f’nofs ta’ lejl.  Hija ħarġet tiġri u qabdet iddoqq il-qniepen tal-monasteru hija u tgħajjat: “Ejjew ħa tħobbu l-Imħabba”.  Jidher ċar hawnhekk l-aspett appostoliku li mbagħad wassal lill-qaddisa biex tixtieq ir-riforma tal-Knisja u t-tixrid tagħha mad-dinja kollha.

28. Fil-fatt, Marija Maddalena tikkontempla l-“misteru” tal-knisja bix-xbieha tal-ġisem Mistiku, użata minn San Pawl.  Taħt l-influenza tal-Missirijiet tal-Knisja, hija ssejjaħ il-Knisja għarusa,[53] verġni u omm għammiela,[54] u tuża wkoll żewġ xbihat oħra ta’ l-għaġeb biex tfisser il-mixja tal-fidi li l-Knisja tagħmel fuq l-art: il-baħar li fih jgħumu ħafna ħlejjaq,[55] u l-vapur li jgħum f’wiċċ ix-xmara tat-tjubija ta’ Alla.[56]  Il-qaddisa tikkontempla l-Knisja imnissla mill-Verb u misqija d-demm ta’ Kristu.[57]  Fuq kollox imma, il-qaddisa tara l-Knisja bħala “ġnien saqwi”, imħawwel mill-Ispirtu s-Santu u li fin-nofs tiegħu hemm “siġra sabiħa ħafna”[58] li hija l-Verb magħmul bniedem.

29. Il-qaddisa tħobb b’imħabba tal-ġenn lil din “l-Għarusa tal-Verb”, din l-omm b’saħħitha li titma lil uliedha u tittrassformahom.  Għalhekk ma felħitx tara quddiem għajnejha d-dekadenza ta’ żmienha.  Imsejħa mill-Mulej “biex iġġedded bid-demm il-ġisem tal-Knisja mqaddsa”[59], hija mill-ewwel taħseb biex tilqa’ x-xita tad-demm u l-merti ta’ Kristu, biex flimkien ma’ Ġesù tagħti l-ħajja lill-Knisja billi toffri “il-qtar infinit tad-demm [imxerred mill-Verb] b’tant abbundanza meta ġie flaġellat mal-kolonna”. Hija tgħidlu li “hekk kif inti xerridtu mill-membri kollha ta’ ġismek, jiena noffrihulek għall-membri kollha tal-Knisja mqaddsa, li tagħha inti r-Ras u li l-ħlejjaq huma membri tiegħek.”[60]  B’għajnejha kollha dieqa hija tara l-ħażen li fi żmienha kien qiegħed jixtered fil-Knisja. Għalhekk hija tikteb ittri mħeġġa, li llum jiffurmaw il-ktieb imsejjaħ: It-Tiġdid tal-Knisja.  Qawwija l-kliem li tindirizza lill-eretiċi,[61] imħeġġa l-kundanna ta’ l-infedeltà li twassalna biex niċħdu lil Kristu.[62]  It-tbatija tagħha iżda tidher l-aktar meta tara l-ħażen ta’ dawk li jinsabu fl-għoli: is-saċerdoti u r-reliġjużi.[63]

30. Kontra “l-ħafna ħażen u d-dnubiet ma jaqtgħu xejn” li hemm fil-Knisja, kif ukoll kontra “l-intiena u l-ħmieġ” li jkerrħu u jħarbtu l-ġnien tal-Knisja,[64] insibu, fl-ittri qawwija tal-qaddisa, stedina kontinwa biex  “ilkoll nimpenjaw irwieħna ħalli nerġgħu naraw miżmum sewwa l-ġnien tal-Knisja Mqaddsa! Biex immorru nsaqquh bid-Demm ta’ Kristu Msallab, u nxerrdu, b’xewqa li nreġġgħu lura l-erwieħ għand Alla,  nida ta’ dmugħ li flimkien ma’ l-għarusa jsejħu lill-Għarus ħa jiġi fil-ġnien tiegħu biex jaħsad il-frott tiegħu”.[65]

31. Meta wieħed jaqra l-ħafna ittri li l-qaddisa bagħtet lil diversi persuni, ibda’ mill-Papa u l-Kardinali,  u spiċċa fl-isqfijiet u personalitajiet oħra, jinduna li hemm kunċett ċar ħafna: it-tiġdid tal-Knisja iseħħ jekk huwa mqanqal mill-imħabba li twassalna biex radikalment nerġgħu lura lejn Kristu. Ma dan tissieħeb l-imħabba għall-Knisja fl-umiltà u fl-ubbidjenza għall-ġerarkija: “hemm bżonn li din l-opra [tat-tiġdid] isseħħ għall-imħabba u b’imħabba, hekk li b’dan il-mod, b’imħabba  titwettaq din l-opra daqshekk kbira u tant għal qalb ta’ Alla.  Jinġabar flimkien u jiġġedded il-ġisem sabiħ tal-Knisja Mqaddsa”.[66]  Iżda biex iseħħ dan kollu, huwa meħtieġ li min jidħol għal dan it-tiġdid fl-imħabba, ikollu s-safa tal-qalb, li “m’ hija xejn ħlief li ma jkollok l-ebda ħsieb, xewqa, jew l-iċken intenzjoni kontra dak li hu sewwa u xieraq”.[67] Dan jitlob minna li jkollna tassew imħabba għal Alla, għal Kristu Msallab, u għall-erwieħ.  Kien minħabba din is-salvazzjoni ta’ l-erwieħ, waħda mill-punti fundamentali tat-“tiġdid” tal-Knisja, li Maria Madddalena kienet lesta li “tbati l-martirju kull ħin u kull mument”[68] għax “is-salvazzjoni ta’ l-erwieħ hija tant għall-qalb ta’ Alla li għaliha rridu nkunu lesti nissaportu kull tbatija”.[69]

32. Fl-aħħar ta’ min isemmi kif il-qaddisa, fl-ittri li kitbet fuq it-tiġdid tal-Knisja, tixpruna u tqanqal lil min jaqrahom, b’lingwaġġ partikulari mimli xbihat qawwija u magħqud b’argumenti li jikkonvinċu.  Il-proġett ta’ Santa Marija Maddalena, li jissuġġerixxi t-tiġdid bl-imħabba, m’huwiex xi utopija maqtugħa mill-art, imma kontemplazzjoni profetika ta’ dak li hija tassew il-Knisja: rifless ta’ l-imħabba ta’ Kristu lejn il-ġens tal-bnedmin.

Il-ħajja Reliġjuża

33. Fl-aħħarnett jiswa’ wkoll niftakru kif il-qaddisa fehmet tgħix il-ħajja reliġjuża.  Mhux darba jew tnejn, hija tieqaf tikkunsidra u tiddeskrivi t-triq id-dejqa jew it-trejqa li hija tixbiha l-mixja tal-ħajja reliġjuża.  Ħdejn it-triq komuni tal-lajċi, il-ħajja reliġjuża hija “trejqa aktar iebsa u dejqa minn dik komuni, u ftit huma dawk li jimxu fiha... Iżda għaliex hija trejqa, hija tqassar it-triq, hekk li r-ruħ [li] timxi fiha tasal aktar malajr għand Alla”.[70]  Il-qaddisa tħobb b’ħeġġa kbira l-ħajja reliġjuża, u tħobb b’ħeġġa akbar is-sejħa Karmelitana għax fihom tara li r-ruħ għandha “l-ogħla vokazzjoni li qatt jista’ jkollha”, jiġifieri li tkun Għarusa ta’ Kristu.  Hija tqis din is-sejħa bħala għajn ta’ qdusija u ferħ sa minn din l-art.  Għal Santa Marija Maddalena de’ Pazzi, il-ħajja reliġjuża hija “ġenna kollha għaxqa, ġnien ta’ Alla u ħabba ta’ l-għajnejn l-aktar safja tiegħu”.[71]

34. Hija żżomm fl-għoli r-regoli u l-voti, tgħanni b’mod qawwi il-“qaddis u ftit magħruf faqar”,[72] il-“faqar ruxxan”, għax il-professjoni ta’ dan il-vot tagħmel lir-ruħ doċli għall-Ispirtu u lesta għas-sema.  Tgħanni wkoll għana ta’ tifħir lill-ubbidjenza u lill-kastità bħala l-post fejn il-maħbub Verb, li jiġi “jgħammar f’dik il-komunità reliġjuża li fiha hemm il-veru għixien osservanti”.[73]  F’dan il-kuntest, il-komunità reliġjuża mhux biss issir port u kenn fil-baħar imqalleb tad-dinja, imma sema ċkejken fuq l-art, għax fejn ikun hemm Ġesù hemm tinsab il-ġenna.[74]  B’hekk, ir-reliġjuż, li postu huwa fil-qalba tal-ġisem Mistiku ta’ Kristu, ikun eqreb lejn l-għejjun tal-ħajja u lejn il-grazzja li permezz tagħha jitqaddes u jqaddes.[75]

35. Ir-rakkont li jgħidilna kif il-qaddisa kienet tieħu ħsieb in-novizzi u kif kienet iġġib ruħha mas-sorijiet ħutha fil-monasteru, kif ukoll, il-ħafna paġni tal-“kitbiet” tagħha, ipinġulna lill-Maddalena bħala x-xandara ta’ l-“imħabba ta’ l-aħwa”.  Hija l-ħin kollu ssejjaħ lis-sorijiet għall-għixien ta’ l-imħabba bejniethom.  Fi żmien bħal dak li fih għexet il-qaddisa, l-enfażi kienet issir fuq ir-relazzjoni individwali ta’ kull persuna ma’ Alla.  Fil-ħsieb tal-qaddisa naraw iżda li hemm daqstant enfażi fuq il-kontemplazzjoni ta’ “Alla fil-ħlejjaq”.  Dan kien ifisser fil-prattika, id-disponibilità li biha wieħed jingħata lill-proxxmu bħala prova awtentika ta’ l-awtentiċità ta’ l-imħabba lejn Alla.  Minn dan il-ħsieb joħorġu s-sejħat kontinwi tal-qaddisa għall-għixien tal-ħajja ta’ l-aħwa: “Aħna ngħixu f’għaqda, aħna nipprofessaw l-għaqda, aħna nitħaddtu flimkien, magħqudin bejnietna”.[76]  Il-qaddisa ssejjaħ lill-komunità kollha tal-monasteru biex tgħanni “bil-leħen għoli u sabiħ ta’ l-imħabba ta’ Alla, l-għanja ta’ l-imħabba ta’ xulxin”.[77]  Fil-ħajja tagħha wkoll ninnutaw li hija kienet tieqaf mill-mumenti li fihom kienet tkun mitlufa f’estasi, biex tagħmel atti ta’ mħabba ma ħutha.  Minn dan hija turina li mingħajr l-imħabba tal-ħajja ta’ l-aħwa xejn ma tiswa’ l-esperjenza tal-ħajja nisranija.  B’dan nifhmu mela għaliex il-qaddisa tinsisti li saħansitra “il-bewsa mistika trid tingħata bix-xofftejn ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu, bil-kontemplazzjoni u l-azzjoni”.[78]  Hekk il-qaddisa tgħinna niskopru s-sintesi armonjuża ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.

Illum

36. Nagħlaq dawn il-ħsibijiet tiegħi, b’din il-mistoqsija: illum x’baqa’ validu minn din l-esperjenza spiritwali ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi? Ma niċħadx li l-mod ta’ kif fl-imgħoddi ġiet ippreżentata din il-qaddisa, huwa ’il bogħod ħafna mis-sensibilità tagħna.  Sa mill-ewwel bijografiji tagħha, hija dejjem ġiet murija bħala qaddisa straordinarja u mhux komuni.   Jeħtieġ li nwarrbu għal ftit l-aspetti kulturali ta’ żmienha u wkoll il-fenomeni mistiċi li mmarkaw il-ħajja kollha tagħha, biex infittxu l-veru valur tal-kontenut ta’ l-esperjenza tagħha ta’ ħajja kontemplativa.  Hija – hekk kif inhi marbuta mat-tifħir u l-adorazzjoni, mal-kontemplazzjoni kollha ħlewwa - tidher bħala persuna li għexet fil-konkret ħajja teoloġika fl-esperjenza ta’ l-għaqda ma’ Alla.  F’dan is-sens, il-messaġġ li llum nistgħu nieħdu għalina mill-“għixien” ta’ din l-esperjenza maddalenjana huwa dwar il-ħtieġa li naħarbu tipi ta’ spiritwalità mibnija żżejjed fuq il-psikoloġija jew maqsumin f’elf devozzjoni li ma jiswew għal xejn.

37. Dak kollu li għedna hawnhekk iwassalna biex nifhmu aktar kif il-qaddisa xorbot bil-mod il-mod l-ispirtu ta’ Kristu msallab u mqajjem mill-mewt. Dan hi għamlitu għax kienet dejjem disponibbli għal dak kollu li Kristu wettaq għas-salvazzjoni tagħna.  B’hekk hija saret kanal ta’ mħabba u mtliet bl-istess frott ta’ Alla fis-sehem li hija għandha fil-misteru tas-salvazzjoni u tal-fidwa tad-dinja.  Marija Maddalena tqiegħed il-ħajja tagħha safja ta’ talb fil-“qalb tal-Knisja” u twaħħadha ma’ l-“iva” ta’ Ġesù u ta’ Marija.  Id-disponibilità kontemplativa, fil-qaddisa fjorentina, issarfet f’esperjenza awtentika tas-salib għall-ġid tal-Knisja u tad-dinja.  Huwa dan li d-dinja u l-Knisja jistennew minna l-Karmelitani llum, aħna li aħna irġiel u nisa ta’ kontemplazzjoni u fraternità.

38. Mhumiex ftit dawk l-elementi, li jsawwru l-esperjenza tal-qaddisa tagħna, li jistgħu jwieġbu għall-ispirazzjonijiet u l-ħtiġijiet  tat-teoloġija u ta’ l-ispiritwalità.  Hawnhekk sejjer nipproponi xi wħud minnhom, hekk kif jiena narahom jilmgħu fl-esperjenza ħajja ta’ din il-qaddisa: 
·  it-tiġdid ta’ kull nisrani, mibni iktar fuq il-bidla ġewwinija milli fuq bdil  ta’ forom minn barra;
·  l-għaqda sħiħa bejn il-kunċetti ta’ Knisja, pnewmatoloġija u kristoloġija, evanġelizzazjoni u ċelebrazzjoni tal-misteri tal-fidi;
·  l-għarfien tal-ħajja reliġjuża bħala xirka ta’ mħabba, dinamiżmu mimli fedeltà u xebħ ma’ Kristu fl-Ispirtu, li timxi id f’id ma’ l-esperjenza Knisja bħala sinjal u ħabbâra tal-ħajja ta’ koinonia perfetta li għad trid tiġi;
·  iż-żwieġ hieni bejn il-liturġija, il-kontemplazzjoni u l-ħajja;
·  l-għaqda bejn l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu;
·  ir-rispett lejn il-kariżmi u l-personalità differenti ta’ kull dixxiplu;
·  il-preżenza ta’ Marija fil-ħajja spiritwali f’dipendenza mill-kobor ta’ Kristu;
·  l-għarfien tas-salvazzjoni li jiġi mis-smiegħ tal-Kelma ta’ Alla;
·  l-“illum” tal-misteru tas-salvazzjoni;
·  il-valur salvifiku taċ-ċelebrazzjoni liturġika;
·  u fl-aħħar it-tensjoni eskatoloġika li tqiegħed fiċ-ċentru ta’ kollox lil Kristu batut u li jinsab “fi ħdan il-Missier”
·  flimkien mas-salvazzjoni li ġejja mill-“kunsill” trinitarju li jiġbor f’għaqda waħda ta’ mħabba l-istorja kollha ta’ kull ma kien, kull ma hu u kull ma għad irid jiġi.

39.    Forsi l-iktar punt validu għalina llum, li nsibuh ukoll fl-esperjenza u fit-tagħlim tal-qaddisa, huwa meta hija tasal, mit-triq tal-kontemplazzjoni kollha ħlewwa, għall-veru profondità tal-misteru ta’ Alla li jaħkimha u li joħroġ fiha dawk is-sinjali veri u li jibqgħu tal-qdusija, u li jżommu fiż-żgur il-mixja tal-fidi, tat-tama u ta’ l-imħabba tal-Knisja, poplu ta’ Alla u ġisem ta’ Kristu.

Joseph Chalmers, O.Carm.,

14 ta’ Novembru 2006
Festa tal-Qaddisin Karmelitani Kollha


[1] Cfr J. CHALMERS, F’Art il-Karmelu, Ruma 2002, nn. 27-32.
[2] Il-kitbiet tal-qaddisa huma kkwotati skond in-numerazzjoni tal-paġni fl-edizzjoni mitbugħa minn:  F. NARDONI, Tutte le opere di Santa Maria Maddalena de’ Pazzi, 7 voll., Firenze 1960-1966. Xi drabi ħsibt li jkun tajjeb li nissimplifika l-lingwaġġ biex jinftiehm aħjar. Għal studju aktar fil-fond ara dawn l-istudji li fuqhom jiena mxejt f’dan li ktibt: E. ANCILLI, S. Maria Maddalena de’ Pazzi: estasi, dottrina, influsso, Ruma 1967; C. CATENA, S. Maria Maddalena de’ Pazzi carmelitana: orientamenti spirituali ed ambiente in cui visse, Ruma 1966; B. SECONDIN, S. Maria Maddalena de’ Pazzi: esperienza e dottrina, Roma 1974; B. PAPASOGLI - B. SECONDIN, La parabola delle due spose: vita di S. Maria Maddalena de’Pazzi, Torino 1976; A. VERBRUGGHE, The image of the Trinity in the Works of St. M. M. de’ Pazzi, Ruma 1984; P. MOSCHETTI - B. SECONDIN, Maddalena de’ Pazzi: mistica dell’amore, Milan 1992.
[3] Id-dehra nsibuha fi  Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 145-170.
[4] Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 159-160.
[5] Ibid, p. 161.
[6] Ara Ibid, p. 162.
[7] Ara Ktieb l-Erbgħin Jum, p. 148; Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 358.
[8] Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 129
[9] Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 227; Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 86.
[10] Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 292-293; it-tieni parti, p. 320; Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 80, 162; Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 140, eċċ.
[11] Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 379.
[12] Ibid, p. 22.
[13] Ara Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 285.
[14] Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 161ff.
[15] Ktieb l-Erbgħin Jum, p. 203.
[16] Ibid, p. 99.
[17] Ktieb it-Tiġrib, l-ewwel parti, p. 228.
[18] Ibid, it-tieni parti, p. 179.
[19] Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 24, 187; Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 191ff, eċċ.
[20] Ktieb it-Taħdit u t-Tidwil, p. 207-211.
[21] Ktieb l-Erbgħin Jum, p. 103.
[22] Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 286-7; it-tieni parti, p. 42.
[23] Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 42; Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 378-9; eċċ.
[24] Ara Ktieb it-Tiġrib, l-ewwel parti, p. 253.
[25] Ara Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 307-308.
[26] Ara Ibid, p. 208-209.
[27] Ktieb l-Erbgħin Jum,  p. 104.
[28] Ara wkoll l-esperjenza ta’ l-irfigħ fl-ispirtu fit-Trinità li l-qaddisa kellha fl-1593 fi Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 225-226.
[29] Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 54.
[30] Ara Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 124; it-tieni parti, p. 255; Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p 86 ff., eċċ.
[31] Ara Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 217
[32] Bħal eżempju ara Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 197-198.
[33] Ara Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 344-346; it-tieni parti, p. 18, 124-125; eċċ
[34] Ara Ibid., p. 397.
[35] Ara Ktieb it-Tiġrib, l-ewwel parti, p. 147-148; Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 363.
[36] Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 363; ara wkoll l-ewwel parti, p. 216; Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 66, 252.
[37] Ktieb it-Tiġrib, l-ewwel parti, p. 89-94, 108-115.
[38] Ara Ibid., p. 40-41.
[39] Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 355, 324; 352 ff.
[40] Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 15-17.
[41] Ibid., p. 120.
[42] Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 108.
[43] Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 278.
[44] Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 68-69.
[45] Ibid., p. 69
[46] Ara Ibid., p. 68-70, 75.
[47] Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 435.
[48] Ibid., p. 262.
[49] Ibid, it-tieni parti, p. 398.
[50] Ibid, it-tieni parti, p. 113, l-ewwel parti, p. 393.
[51] Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 131-170.
[52] Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 99-100.
[53] Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 276-277, 329; Ktieb it-Tiġdid tal-Knisja, p. 106.
[54] Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 370-371.
[55] Ibid., p. 249-250.
[56] Ktieb l-Erbgħin Jum, p. 190-191.
[57] Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 124-125.
[58] Ibid., p. 70; Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 100-101, 104.
[59] Ktieb it-Tiġdid tal-Knisja, p. 43.
[60] Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 107.
[61] Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 266-267.
[62] Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 107.
[63] Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 44, 102-103, 176; Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil,p. 151 ’il quddiem.
[64] Ktieb it-Tiġdid tal-Knisja, pp. 55-56, 92.
[65] Ibid., p. 99.
[66] Ibid., p. 89; Ara wkoll p. 62, 78-79.
[67] Ibid., p. 55-56.
[68] Ktieb it-Taħdit, it-tieni parti, p. 360.
[69] Tagħlim, XXXVIII, f’ Tutte le opere, vol. 7, p. 280-281.
[70] Ktieb it-Taħdit, l-ewwel parti, p. 209.
[71] Tagħlim, I, f’Tutte le Opere, vol. 7, p. 216.
[72] Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 38.
[73] Ibid., p. 210 u 208.
[74] Ktieb ir-Rivelazzjonijiet u t-Tidwil, p. 165-166.
[75] Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 37.
[76] Ibid., p. 178.
[77] Ibidem.
[78] Ktieb it-Tiġrib, it-tieni parti, p. 204.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage