Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla



ALBERT TA’ TRAPANI - Bniedem ġust

Ittra tal-Pirjol Ġenerali Joseph Chalmers lill-Familja Karmelitana f’għeluq is-700 sena mill-mewt ta’ Sant'Albert ta’ Trapani.

Egħżież aħwa fil-Karmelu,

1. Din is-sena, il-familja reliġjuża tagħna tiċċelebra is-700 sena mill-mewt ta’ qaddis kbir ta’ l-Ordni: Sant'Albert ta’ Trapani.  Huwa twieled fis-seklu XIII mill-familja degli Abati fi Trapani (Sqallija), u baqa’ magħruf għall-ħeġġa tiegħu fil-qasam tal-predikazzjoni itineranti u wkoll għall-fama tal-mirakli li huwa għamel kemm f’ħajtu kif ukoll wara mewtu. Nafu li huwa mexxa l-ewwel provinċja ta’ l-Ordni, il-Provinċja ta’ Sqallija, bħala Provinċjal. Nafu wkoll li kien bniedem ta’ ċaħda, mimli b’imħabba mħeġġa għas-safa u t-talb, kif ukoll bniedem ta’ devozzjoni profonda u ħelwa lejn il-Madonna u Ġesù, li hu kien jikkontemplah fil-misteru tat-tfulija.[1]

2. Nixtiequ nfakkru li, wara l-mewt tiegħu f’Messina (Sqallija), li seħħet aktarx fl-1307, huwa kien l-ewwel wieħed li fl-Ordni ġie meqjum bħala qaddis. Għaldaqstant huwa kien meqjus bħala patrun u protettur, jew skond id-drawwa ta’ l-imgħoddi ngħatalu t-titlu ta’ “missier”; liema titlu ġie mogħti wkoll lil Sant’Anġlu ta’ Licata (Sqallija), qaddis ieħor ta’ żmienu.  Santa Tereża ta’ Ġesù u Santa Marija Maddalena de’ Pazzi kellhom devozzjoni kbira lejn Sant'Albert. Fl-istess waqt, hekk kif il-kult tiegħu xtered ma’ l-Ordni kollu, bdew jixterdu x-xbihat ta’ dan il-qaddis. Fl-ikonografija tiegħu Sant'Albert huwa jidher imdawwar b’xi simboli li juru l-karatteristiċi ta’ ħajtu: f’idejh il-ġilju, simbolu tal-ħajja safja tiegħu; taħt riġlejh ix-xitan qed jintrifes minnu, bħala sinjal tar-rebħa tiegħu fil-bidu tal-ħajja reliġjuża, fuq il-ġibdiet tal-ġisem; f’idejh ktieb miftuħ jew magħluq biex juri l-ħidma wiesgħa tiegħu bħala xandâr ta’ l-Evanġelju. F’idejh iżomm ukoll il-Kurċifiss jew lil Ġesù Bambin, b’sinjal tad-devozzjoni ħelwa li kellu lejn l-Umanità ta’ Kristu. Ħafna drabi wkoll, fix-xbihat tiegħu, lill-qaddis narawh waqt li qieghed jagħmel xi wieħed mill-mirakli msemmija fl-ewwel rakkonti miktuba ta’ ħajtu.

3. Waqt li fil-kunvent u fid-djoċesi ta’ Trapani[2], fil-Provinċja Taljana u fiċ-ċentru Internazzjonali ta’ Sant'Albert, f’Ruma, qegħdin jiġu organizzati ċelebrazzjonijiet xierqa biex ifakkru b’mod solenni is-700 sena mill-mewt ta’ Sant'Albert – nittama li komunitajiet u provinċji oħra ta’ l-Ordni jagħmlu l-istess biex dan il-qaddis jiġi mfakkar fil-familja spiritwali kollha tal-Karmelu – nixtieq, ħuti fil-Karmelu, bħala sehem tiegħi għal din l-okkażjoni, noffrilkom xi riflessjonijiet li ġewni waqt li bdejt naħseb dwar il-ħajja ta’ virtù u dwar il-ħidma appostolika ta’ dan il-qaddis tagħna. Dan se nagħmlu biex nagħmel enfażi fuq dawk l-elementi li jistgħu jiswew lilna bħala eżempju għalina llum.

4. Fil-fatt mil-lat storiku, skond dak li jingħad dwar ħajtu u ħidmietu, flimkien ma’ dak li joħroġ mill-qari attent u intelliġenti kemm tal-leġġendi li nibtu fiż-żminijiet tan-Nofs madwar il-figura ta’ dan il-qaddis, kif ukoll tal-karatteristiċi li jidhru fl-iżvilupp ta’ l-ikonografija tiegħu, nistgħu niġbru l-għana tal-personalità spiritwali tiegħu f’erbgħa punti fundamentali:
· Il-bniedem ta’ Alla,
· Ir-reliġjuż Karmelitan
· Ix-xandâr ta’ l-Evanġelju
· It-tawmaturgu li jagħmel il-ġid lill-poplu

Il-bniedem ta’ Alla

5. Il-leġġendi li jfakkru l-mirakli li seħħew bl-interċessjoni tal-qaddis jieqfu spiss fuq il-fatt li Albert wettaq dawn is-sinjali bħala “bniedem ta’ Alla” hekk li l-ħidma tiegħu tidher li ġejja kollha kemm hi mill-kariżma profetiku proprju tal-Karmelitani. Mhux hekk biss, iżda xi wħud minn dawn il-mirakli jidhru li huma ġesti tipikament ta’ bniedem milqut mill-grazzja u mqaddes mir-relazzjoni tiegħu profonda ma’ Alla.

6. F’dan id-dawl nistgħu nifhmu wkoll dak li nafu mill-ħajja tiegħu ta’ virtù bħala reliġjuż u dwar ir-rebħiet tiegħu fuq it-tentazzjonijiet. Minħabba dan, il-qima lejn Sant'Albert kienet fl-aqwa tagħha bejn is-sekli XVI u XVIII fl-ambjenti mqanqlin minn spirtu ta’ tiġdid u ta’ impenn lejn ħajja awtentikament kontemplattiva.

7. Fl-aħħarnett, il-fatt li hu “bniedem ta’ Alla”, huwa mera ħajja tal-bniedem ġust li nisimgħu dwaru fis-Salm 36,30-31: “Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf, u lsienu jgħid is-sewwa; il-liġi ta’ Alla tiegħu għal qalbu; il-passi tiegħu qatt ma jogħtru”.  Dan is-salm huwa marbut ħafna mat-tradizzjoni li tfakkar il-ġrajja tad-diskussjoni li qamet bejn il-kleru u l-popli qabel il-funeral tiegħu. Skond din it-tradizzjoni, li t-tifkira tagħha għadha ħajja fil-poplu, ħafna nies li kienu għall-funeral minħabba mqanqlin mill-imħabba u l-qima tagħhom lejn Albertu, riedu jiċċelebrawh bħala qaddis, waqt li l-kleru riedu jagħmlu bħalma jsir għal kulħadd: quddiesa b’suffraġju għal ruħu. F’nofs din id-diskussjoni sħuna li qamet bejn iż-żewġ naħat, jingħad li dehru xi anġli jtennu l-kant ta’ l-Os justi, jiġifieri l-antifona tad-dħul tal-quddiesa tal-konfessuri tal-fidi, qishom riedu jagħtu raġun lis-sensus fidelium waqt li jikkonfermaw il-fama tal-qdusija li kellu Albert.

8. Dan kollu jfakkar lilna l-Karmelitani li għandna nkunu tassew bnedmin ta’ Alla li nagħtu xhieda u nxandru b’ħajjitna, f’dinja sekularizzata u relativista, il-preżenza ewlenija ta’ Alla. Spiss, fil-mixja li għamilna wara l-Konċilju Vatikan II, irriflettejna fuq din ir-realtà fundamentali tas-sejħa tagħna. Il-frott ta’ dawn ir-riflessjonijiet huwa miġbur fil-Kostituzzjonijiet preżenti.  L-istediniet li għamlulna ż-żewġ papiet imweġġħa: Pawlu VI u Ġwanni Pawlu II, huma għalina ta’ faraġ fir-riflessjoni u fl-esperjenzi tal-“vjaġġ tagħna lejn it-tielet millenju”.

9. Nhar is-7 ta’ Ġunju 1965, Pawlu VI ħeġġeġ lil dawk li ħadu sehem fil-Kapitlu Ġenerali ta’ dik is-sena biex ikunu “l-ewwel u qabel kollox l-ispeċjalisti ta’ Alla: intelqu b’ġenerożità fit-triq ta’ l-imitazzjoni ta’ Kristu, fil-mixja mħeġġa u sinċiera ta’ l-ubbidjenza tiegħu, tal-faqar tiegħu, ta’ l-umiltà tiegħu u tal-ħajja verġinali tiegħu. Ġorru miegħu is-salib. Hekk biss tistgħu tkunu wkoll appostli tiegħu fit-triqat tad-dinja, fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, hemmhekk fejn intom tiġġieldu kuljum il-gwerer missjunarji, qaddisa u paċifiċi, ta’ l-Evanġelju, biex tgħollu l-familji u l-popli spiritwalment u soċjalment.  Intom tkunu, kif iridna l-Evanġelju, il-ħmira fl-għaġna, tkunu dawl imqiegħed fuq għolja, tkunu l-melħ ta’ l-art, il-musbieħ li jħeġġeġ u jdawwal, tkunu dawk li titolbu għall-poplu, li tidħlu għalih, dawk li titnehdu biex Alla jsawwab id-doni tiegħu fuq il-ġens tal-bnedmin…”.[3]  Ġwanni Pawlu II, fl-udjenza mogħtija lill-gremjali tal-Kapitlu ta’ l-1983, wera x-xewqa tiegħu li fostna jinbet “svilupp spiritwali qawwi” u li “tibqgħu marbutin mal-kariżma tagħkom li ssib l-għeruq tagħha fir-Rabta l-Qadima u li hija marbuta mal-figura kbira tal-Profeta Elija”.  Huwa mbagħad uriena x’joħroġ minn din il-kariżma: “Dan ifisser li intom għandkom tkunu bnedmin ta’ Alla, xhieda tat-traxxendenza divina, appostli tal-pjan ta’ Alla, għax tridu tkunu fid-dinja bħala dawk li jġorru lil Alla u l-imħabba tiegħu”.[4]

10. Waqt li nilqgħu s-sejħa biex nuru b’ħajjitna li Alla għandu l-ewwel post f’ħajjitna u li aħna ma aħniex biss bnedmin ta’ l-art imma wkoll tas-sema, aħna nħarsu lejn Sant'Albert u lejn dak il-wirt ta’ għana spiritwali li rċevejna kif ukoll lejn il-mixja ta’ l-Ordni fil-bidu tat-tielet millenju.  Dan kollu nistgħu nħarsu lejh fid-dawl ta’ karatteristika oħra li nsibuha fil-ħajja ta’ Sant'Albert u li mbagħad dehret fl-ikonografija tiegħu. It-tradizzjoni tgħidilna li hu ġie mogħti x-xorti li jżomm f’dirgħajh lil Ġesù Bambin.  L-għana ta’ din id-dehra tfakkarna fil-fus li fuqu ddur il-ħajja Karmelitana: li “nimxu wara Ġesù Kristu”,[5] fundament, norma u għan ta’ kull ħsieb, kelma u ħidma kemm ta’ kull Karmelitan kif ukoll ta’ kull komunità. Li tgħix fil-mixja wara Kristu jfisser li timxi fuq il-passi tiegħu, li timmedita l-Kelma tiegħu lejl u nhar. Ifisser li tgħarfu bħala Mulej u Feddej, Salvatur u ħellies, Bniedem ġdid u perfett. Ifisser li tissieħeb miegħu fil-ħidma tal-fidwa tal-ġens kollu tal-bnedmin, tal-fqar u ta’ l-umli. B’dan il-mod aħna stess insiru eżempju ta’ konsagrazzjoni lil Alla u eżempju ta’ talb biex nuru kullimkien li l-Missier jisma’ l-għajta tal-fqar. F’dan aħna nieħdu sehem mill-missjoni tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni.

Ir-reliġjuż Karmelitan

11. Fil-kunventi fejn Sant'Albert għadda ħajtu, baqgħet ħajja t-tifkira tal-mod li bih għex, l-iktar fil-qadi tiegħu bħala superjur provinċjali tal-Provinċja ta’ Sqallija.  Minn xi atti notarili nafu x’kien is-sehem tiegħu fil-ħajja tal-komunità, waqt li mit-tradizzjoni nafu bil-penitenzi ħorox u bl-istil ta’ ħajja ta’ ċaħda li l-qaddis għażel għalih flimkien ma’ l-impenn tat-talb li fih huwa kien jidħol fi djalogu ma jaqta’ xejn mal-Maħbub tiegħu, il-Mulej u Alla. Kien waqt dawn il-mumenti ta’ talb li hu ġie mogħni bi grazzji mistiċi partikulari.  Ħafna mill-għejjun li jirrakkuntaw ħajtu ma jonqsux li jfakkru s-safa tiegħu. U dan mhux biss meta jgħidulna li l-ġenituri tiegħu kkonsagrawh lill-Mulej, imma wkoll meta jirrakkuntawlna kif Sant'Albert warrab minn quddiemu stedina li għamlitlu tfajla għaż-żwieġ. Fiha Albertu ra it-tiġrib tax-xitan.  Fil-leġġendi li nibtu madwar il-persuna tiegħu, insibu ta’ spiss li huwa kellu devozzjoni mill-qalb lejn Omm il-Mulej.  Il-talba tal-kolletta fil-quddiesa għal jum il-festa tiegħu, nhar is-7 ta’ Awissu, tiġbor dawn l-elementi kollha u tistedinna biex insejħu ismu bħala qaddej fidil ta’ l-Imqaddsa Marija u mudell ta’ safa u talb.

12. Dwar id-dimensjoni marjana ta’ ħajtu, ma nistgħux nistennew li sejrin insibu f’Sant'Albert, dak li ġie żviluppat mill-Ordni fis-sekli li ġew warajh. Madanakollu, din il-ħajja marjana tiegħu, xorta twassalna biex nieqfu ftit fuq ir-relazzjoni tal-Karmelitani ma’ Marija fit-tieni nofs tas-seklu XIII, mhux biss bħala wliedha, imma ukoll bħala dawk li jimxu fuq il-passi ta’ Omm Alla.  Il-kitbiet li waslu għandna u li jmorru lura għal żmien Sant'Albert, juruna kif dawn iż-żewġ tipi ta’ kif wieħed jirrelata ma’ Marija jinbnew fuq il-kontemplazzjoni tal-Verġni Marija bħala s-Sinjura tal-Post, jiġifieri tal-Karmelu, hemm fejn intasbu l-ewwel Karmelitani.  Minn dan ħarġet dik ir-rabta, fis-sens fewdali, li għaqqdet lill-fidili ma’ Omm Kristu, is-Sid ta’ l-Art Imqaddsa “miksuba bit-tixrid ta’ demmu”.  Il-fatt li l-ewwel kappella kienet iddedikata lill-Madonna, kompla jsaħħaħ din ir-rabta magħha. Min-naħa l-waħda, il-Karmelitani kienu jqisu lil Marija bħala l-Patruna tagħhom, u min-naħa l-oħra wrew li l-Ordni ġie mwaqqaf għall-ġieħ u l-qadi tagħha. Dan il-mod li bih in-nisel tal-Karmelitani, li għexu fi żmien Sant'Albert, kienu jifhmu r-relazzjoni tagħhom ma’ Marija, iwassalna biex nikkontemplaw il-misteru ta’ Omm Alla, jiġifieri, il-misteru tal-maternità divina u spiritwali. Għaldaqstant, waqt li l-Karmelitani ikkunsidraw lil Marija bħala s-Sinjura tal-post u Patruna, huma waslu biex stqarrewha Omm l-Ordni.  Il-Karmelitani ta’ żmien Sant'Albert sostnew ukoll li Marija tinsab quddiem it-Tron ta’ Alla bħala Medjatriċi u Dispensatriċi tal-grazzji.  Marija hija dik li tieħu ħsieb uliedha, dejjem attenta għall-ħtiġijiet materjali u spiritwali, fiż-żmien u fl-eternità.  Dan il-ħsieb inissel fil-Karmelitani s-sens qawwi li aħna tagħha.

13. It-tieni aspett mill-ħajja Karmelitana ta’ Sant'Albert, hekk kif jidher ukoll mill-kolletta tal-quddiesa, huwa s-safa tiegħu.  Ma nistgħux ma nsemmux li fl-ikonografija tiegħu, lill-qaddis spiss insibuh iżomm f’idejh il-ġilju abjad, simbolu tas-safa. Diġà semmejna dak li t-tradizzjoni qaltilna dwar kif Sant'Albert għex il-kastità. Dawn il-ġrajja li waslu sa għandna joffrulna żewġ elementi fundamentali li jfissru ħafna għalina aħna u nippruvaw nieħdu eżempju minn Sant'Albert għal ħajjitna llum.

14. L-ewwel element huwa ċar ħafna u ma hemmx x’wieħed jiddiskuti dwaru.  Fil-ġrajja ta’ ħajtu, it-tradizzjoni popolari sostniet li Sant'Albert għażel b’mod sħiħ lil Alla. Din l-għażla radikali dehret fis-safa bħala espressjoni ta’ ħajja imdawwla u mlibbsa bil-virtù u s-sbuħija. Ix-xhieda ta’ ħajja safja, mgħixha mhux biss fuq livell fiżiku, imma wkoll bħala atteġġjament fundamentali li jmiss il-ħajja tal-qaddis, mhux biss twassal għaċ-ċaħda imma tissarraf fl-għażla sħiħa ta’ Alla. Bil-ħajja ta’ safa, dak li jkun, jilqa’ l-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla u jħallih jitlaħħam fis-sejħa umana u nisranija tiegħu, li tieħu forom differenti skond il-persuna li tkun.  Għal Albert il-forom li fihom tlaħħam il-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla għalih kienu l-ħajja reliġjuża u saċerdotali, li għalihom hu wieġeb b’qalb kbira u miftuħa. Maħtuf minn Alla, il-qaddis jingħata għall-qadi tiegħu b’tali mod li mhux biss jitneżża’ mill-ġid materjali li bih kien imdawwar, imma jħalli lil Alla jittrasformah u jagħmlu qaddej tiegħu biex jaqdi lill-aħwa. F’dan il-kuntest nistgħu nifhmu malajr kif is-safa li nikkontemplaw fil-ħajja ta’ Albert, fis-sens l-aktar profond tagħha, turi x-xebħ sħiħ tal-bniedem ma’ Kristu, xebħ li jwassal għal rabta sħiħa u sempliċi mar-rieda ta’ Alla. Hawnhekk ikun jidher ċar li l-bniedem għażel lil Alla b’mod sħiħ meta din l-għażla twasslu biex jagħti xhieda ta’ l-imħabba ta’ Alla billi hu nnifsu, fl-għixien tal-kmandamet ta’ l-imħabba nisranija, jsir mezz li minnu tgħaddi din l-imħabba.

15. Minbarra din it-tifsira għolja, murija fl-għażla radikali ta’ Alla, it-tifkira tas-safa tal-qaddis huwa marbut ma’ leġġendi li l-ħjiel tagħhom narawh fl-ikongrafija bikrija ta’ Sant'Albert.  Insemmu hawnhekk it-tiġrib li sab ma’ wiċċu l-qaddis meta tfajla sabiħa fittxet li tirbħu għaliha billi tfixklu fis-sejħa reliġjuża tiegħu. Il-leġġenda tkompli tgħidilna li l-qaddis ra fiha n-nasba tax-xitan li kien qiegħed isus warajh taħt id-dehra ta’ din it-tfajla.  Huwa rebaħ it-tentazzjoni meta ntefa’ taħt il-ħarsien ta’ Alla. Jekk naqraw dan ir-rakkont, jew inħarsu lejn il-pitturi li jirrakkuntawh, mil-lat superfiċjali, nistgħu naħsbu li dawn juru viżjoni pessimista tal-mara, jew saħansitra jiddisprezzawha billi jippreżentawha bħala għajn tad-dnub waqt li jaħbu d-dinjità u s-sbuħija spiritwali tagħha.  Iżda jekk niftakru f’dak li jgħidulna l-leġġendi dwar Sant'Albert, l-aktar fejn tidħol il-kura u l-attenzjoni lejn in-nisa, meta hu kien jgħinhom, jikkunslahom u jfejjaqhom mill-mard tal-ġisem u tar-ruħ, inkunu nistgħu nifhmu aħjar it-tifsira simbolika tal-ġrajja tat-tentazzjoni.  Kollox, saħansitra dak li hu l-aktar qaddis u sabiħ, jista’ jinbidel f’tiġrib u okkażjoni li bih nitbegħdu minn Alla, meta minħabba xi ħaġa jew oħra ma nwettqux ir-rieda ta’ Alla u ma ngħixux is-sejħa umana u nisranija tagħna.  F’dinja bħal ta’ llum, li ma tagħrafx is-siwi ta’ virtú  bħal dik tal-verġinità u l-kastità, dak li aħna nikkontemplaw fil-qaddis tagħna jgħina mhux biss biex ngħixu dawn il-valuri imma biex nipproponuhom b’mod pożittiv kemm lill-individwi kif ukoll lill-komunità nisranija.

16. It-tielet element imsemmi fil-kolletta tal-quddiesa hwa t-talb.  Il-leġġenda tirrakkonta kif kuljum, Sant'Albert, mhux biss kien fidil għat-talb tas-sigħat, imma ma kienx jistmerr jitlob is-Salmi kollha.  Għalkemm ma nistgħux ngħidu kemm dan huwa minnu, żgur li fil-qalba tiegħu ir-rakkont ma jridx jurina li Sant'Albert kien eżaġerat fejn jidħol it-talb, imma jeħodna lura għal dik il-forma ta’ talb użata fit-tradizzjoni monastika u li tirrifletti ruħha wkoll fil-Formula vitae mogħtija lilna bejn l-1206 u l-1214 mill-Patrijarka ta’ Ġerusalemm, Sant'Albert ta’ l-Avogadri. Iktar tard, din il-formula ġiet approvata bħala Regula, b’xi tibdil li sarilha fl-1247, mill-Papa Innoċenzu IV.  Fil-fatt, f’dak iż-żmien, it-talb kuljum tas-salmi u l-Liturġija tas-Sigħat kien marbut mat-tifsira għolja mogħtija lilhom bħala tweġiba għall-kmand li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu: jiġifieri biex jitolbu bla ma jaqtgħu, u mhux biss bħala tifħir lil Alla u talb f’isem il-Knisja.   Din id-drawwa kienet twassal biex dak li jkun jitgħallem bl-amment u jżomm f’moħħu t-testi bibliċi li kienu jiffurmaw kemm it-talb korali kif ukoll dak magħmul fis-solitudni. B’dan il-mod il-Bibbja kienet issir il-qalb tat-talb kemm tal-komunità kif ukoll ta’ l-individwi.

17. B’dan il-mod, il-Kelma ta’ Alla, moqrija, mismugħa u miżmuma fil-moħħ ta’ dak li jkun kienet tiġi milqugħa u interjorizzata b’mod li kienet tinbidel f’talb u kontemplazzjoni.  Il-Kelma tinfed il-qalb tal-bniedem u bil-mod il-mod timbuttah biex jinbidel u jsir ħaġa waħda ma’ Kristu Ġesù. B’dan il-mod, dak li jkun jibda’ jifhem dejjem aktar id-diversi sensi tat-testi bibliċi, jiġi mqanqal mill-Ispirtu biex jitlob u jwieġeb lil Alla, waqt li jgħix f’familjarità miegħu u fil-preżenza tiegħu. Fl-istess ħin, imqanqal mill-imħabba ta’ Alla, huwa jaqsam il-Bxara t-Tajba ma’ oħrajn.

18. Hawnhekk tajjeb ngħidu xi ħaġa dwar il-ġesti profetiċi mwettqa minn Albertu. Qiegħed nirreferi għal dak li wasslitilna t-tradizzjoni dwar il-fejqan tal-morda, it-tkeċċija tax-xjaten u l-bdil ta’ l-ilma salmastru f’ilma ġieri.  Dawn il-ġesti profetiċi huma possibli biss għal min jitmantna bil-Kelma ta’ Alla u jimmatura fid-dimensjoni kontemplativa tiegħu nnifsu. Ġesti bħal dawn nistennewhom minn min iltaqa’ b’mod qawwi ma’ Kristu u laqgħu f’ħajtu bħala l-Verb Divin magħmul bniedem biex jifdi lill-bniedem u jeħilsu minn kull forma ta’ jasar li ma tħallihx jgħix ta’ bniedem sħiħ. Din ir-riflessjoni li fetħitilna tieqa fuq il-mod kif Albertu kien jitlob, issir għalina l-Karmelitani xprun biex nagħtu iktar spazju lill-Kelma ta’ Alla f’ħajjitna waqt li nidħlu aktar b’ġenerożità fil-fond ta’ dak li skoprejna f’dawn l-aħħar snin fl-użu mill-ġdid, individwali u komunitarju, tal-lectio divina żviluppata f’diversi forom. Huwa ta’ faraġ li naraw li il-lectio divina qegħdha trabbi l-għeruq f’ħafna komunitajiet Karmelitani li jisimgħu l-Kelma u jikkonfrontaw ruħhom magħha waqt li jippruvaw jgħixuha bil-fedeltà, biex iħalluha tkabbarhom fl-għaqda u fit-trasformazzjoni tagħhom infushom skond ma jrid Alla. Huwa żgur li llum il-ħidma profetika tagħna trid titwieled mill-familjarità tagħna ma’ l-Iskrittura waqt li “lejl u nhar nixtarru l-liġi tal-Mulej”.[6]

Ix-xandâr ta’ l-Evanġelju

19. Aspett ieħor tal-karattru ta’ Sant'Albert huwa l-predikazzjoni. Dan l-aspett huwa kkonfermat mill-għejjun bijografiċi l-aktar qodma u tidher ukoll fil-pitturi li juru l-qaddis bil-ktieb u l-Kurċifiss f’idejh, simboli tal-kapaċità tiegħu li jikkomunika b’mod ħaj l-Evanġelju. Albertu jista’ jiġi kkunsidrat bħala mudell tal-predikazzjoni u l-evanġelizzazzjoni. Fil-fatt huwa baqa’ magħruf għall-ħin twil u l-enerġija li nefaq fil-ħidma tal-predikazzjoni. Tassew ta’ l-għaġeb kienet il-ħila tiegħu fil-mod kif ikellem lin-nies, lil dawk ukoll li kienu umli, bi stil sempliċi u ċar imma mhux nieqes mill-profondità.

20. Skond il-kostituzzjonijiet ta’ dak iż-żmien, biex reliġjuż seta’ jippriedka ried ikun għadda minn formazzjoni speċifika. Kif jidher mit-titlu Sacra Pagina, li kien jingħata lill-istudji fil-formazzjoni bi tħejjija għall-predikazzjoni, il-Kelma ta’ Alla kellha post ewlieni fil-formazzjoni. Nafu wkoll li f’dak iż-żmien kien hemm żewġ forom ta’ predikazzjoni: waħda dottrinali u li kienet tittratta l-kontenuti dommatiċi tal-fidi nisranija, u l-oħra popolari maħsuba għall-konverżjoni tal-persuni lejn Kristu u l-Evanġelju tiegħu. F’dan il-qasam ta’ min isemmi wkoll il-qaddis l-ieħor Sqalli, Anġlu ta’ Licata, predikatur ta’ fama, u li hu meqjus flimkien ma’ Sant'Albert bħala “missier” l-Ordni. Tajjeb ninnutaw li jeżisti kwadru fil-Kurja Ġeneralizja tad-Dumnikani li juri lil San Duminku, San Franġisk u Sant’Anġlu li jitħaddtu bejniethom fuq il-Kelma ta’ Alla.  Dan juri li f’dawn l-ewwel “missirijiet” għandna naraw mhux biss eżempju ta’ qdusija u għaqda ma’ Alla, imma wkoll mudelli tal-ħidma tal-predikazzjoni, meqjusa bħala sejħa tassew fil-qadi tal-poplu ta’ Alla.

21. Dak li jolqotna l-iktar imma aħna u naqraw il-leġġendi dwar il-predikazzjoni tal-qaddis tagħna, hija l-enfażi kontinwa fuq il-mirakli li kienu jwettqu ix-xandir ta’ l-Evanġelju. Dawn jinkludu il-fejqan lill-morda, l-għoti tad-dawl lill-għomja, u t-tkeċċija tax-xjaten. Dawn huma kollha riferimenti ċari għall-Evanġelju skond San Mark (Mk 16, 9-20) li jitkellem fuq l-egħġubijiet li kellhom isieħbu l-ħidma ta’ dawk mibgħutin biex ixandru l-Bxara t-Tajba. Il-qaddis predikatur mela, mhuwiex biss xandâr ta’ l-Evanġelju, imma dixxiplu tassew ta’ Kristu. Għalhekk, il-kelma tiegħu tħalli l-frott u tista’ tagħmel l-egħġubijiet fil-ħajja ta’ dawk li jismgħuha waqt li jiftħu qalbhom għall-aħbar ta’ l-Evanġelju.

22. Jekk ikollna niġbru fil-qosor it-tagħlim li joħroġ għalina llum mill-mod ta’ kif kien jippriedka Sant'Albert, ikollna nsemmu tliet elementi: a) Il-Kelma ta’ Alla bħala l-bażi u l-fus li fuqu tinbena l-ħidma tal-predikazzjoni, b) l-awtentiċità fl-għixien tagħna bħala dixxipli tal-Mulej, u c) disponibilità u kapaċità li noqgħodu attenti għall-bżonnijiet bażiċi tal-bnedmin li lilhom inxandru l-Kelma.  Il-kelma tagħna ma għandiex tkun kelma li twassal messaġġ kollu b’ideoloġiji, imma tmur fis-sod: kelma ta’ salvazzjoni, ta’ ħajja, ta’ tama u ta’ mħabba.

It-tawmaturgu li jagħmel il-ġid lill-poplu

23. L-aħħar karatteristika ta’ Sant'Albert hija dik li l-aktar jinsistu fuqha l-għejjun li jitkellmu dwar il-ħajja tiegħu: il-bijografiji u l-leġġendi popolari mxerrdin ma diversi nħawi ta’ Sqallija. Diġà għedna xi ħaġa dwar xi egħġubijiet li jingħad li għamel il-qaddis. Il-ħafna każi ta’ fejqan nistgħu nħarsu lejhom fid-dawl tal-kura kollha mħabba tal-qaddis li kien attent għall-ħtiġijiet tan-nies.

24. Ħafna drabi lejn dawn l-aħħar għexieren ta’ snin tas-seklu XX, smajna kemm-il darba, fil-laqgħat, esperjenzi u dokumenti, is-sejħa biex inħallu lilna nfusna niġu mċaqalqin mid-dinja tal-fqar u l-imwarrbin. Kemm-il darba ġejna msejħin biex ngħarblu lilna nfusna, kemm bħala ndividwi u kemm bħala komunitajiet, fid-dawl ta’ l-inġustizzja u l-vjolenza li, ftit jew wisq, huma mxerrdin, mad-dinja kollha.  Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi rridu nħarsu lejn il-ħidma tagħna ta’ l-evanġelizzazzjoni tal-poplu li fostu ngħixu.  Dak li nikkontemplaw fit-tawmaturgu Sqalli u benefattur tal-poplu, jurina li din is-sejħa mhijiex xi ħaġa ġdida. Għaldaqstant tgħinna fl-għixien tad-dimensjoni profetika ta’ ħajjitna fit-talb, fil-ħajja ta’ l-aħwa u fil-qadi appostoliku.

25. Jalla dan iċ-ċentinarju ta’ Sant'Albert jgħinna biex ngħixu dejjem aktar il-valuri li jsawwru l-ħajja Karmelitana tagħna, liema valuri narawhom ukoll fil-ħajja taż-żewġ figuri li minnhom nispiraw iriweħna: Elija u Marija li Sant'Albert ħabb u għex fuq l-eżempju ta’ ħajjithom.

Joseph Chalmers, O.Carm.

14 ta’ Ġunju  2007
San Eliżew, Profeta


[1] Ir-riferimenti kollha dwar il-ħajja u l-leġġendi ta’ Sant'Albert, imniżżlin f’din l-ittra huma meħudin mill-kitba u l-biljografija mogħtija minn Ludovico Saggi f’Santi del Carmelo, Ruma 1972, pp. 154-156. Ara wkoll: id-“dossier” tar-rivista Rallegratevi, 19 (2006), b’mod specjali, il-kontribut ta’ Giovanni Grosso, Alberto di Trapani. Un santo di ieri per oggi, kif ukoll in-noti ta’ Emanuele Boagacon dwar l-ikonografija u l-qima liturġika lejn dan il-qaddis. (Ara)
[2]   Ftit tas-snin ilu, jiġifieri nhar l-20 ta’ Diċembru 2005, il-Kongre-gazzjoni tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti kkonfermat l-għażla tad-Djoċesi ta’ Trapani li jkollha bħala Patruna Ewlenija l-Madonna, meqjuma fis-santwarju ta’ dik il-belt, u warajha lil Sant'Albert bħala ko-patrun.
[3]   It-test kollu jinsab fl-Analecta OCarm., ta’ l-1965.
[4]   It-test kollu jinsab fl-Analecta OCarm., ta’ l-1983.
[5]   Regula Karmelitana, 2.
[6]   Regula Karmelitana, 10.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage