Personaġġi

Karmelitani Maltin



PATRI STIEFNU BEZZINA, O.Carm.

P. Stiefnu Bezzina, O.Carm.Patri Stiefnu twieled Tas-Sliema fit-28 ta’ Marzu 1916 minn Pietru Pawlu Bezzina u Carmela mwielda Mifsud. Fil-magħmudija ngħata l-isem ta’ Ġużeppi. Wara li spiċċa l-iskola sekondarja fil-Kulleġġ Stella Maris daħal fl-Ordni Karmelitan. Fi tmiem is-sena tan-novizzjat, fis-26 ta’ Frar 1933, għamel il-professjoni sempliċi fil-knisja tagħna ta’ l-Imdina u għadda għall-komunità ta’ San Ġiljan. Hemmhekk kompla l-formazzjoni tiegħu u għamel il-professjoni solenni fl-4 ta’ April 1937. Fil-25 ta’ Marzu 1939 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mikiel Gonzi fil-kappella tal-palazz tiegħu.

Il-parti l-kbira ta’ ħajtu Patri Stiefnu għaddiha fil-kunvent tal-Balluta, fejn kien għal żmien twil sagristan maġġur u fejn ħadem ħafna għall-bini tal-knisja l-ġdida. Għal xi żmien kien ukoll surmast ta’ l-Istudenti. Minbarra l-Balluta, Patri Stiefnu kien ukoll fil-kunvent tal-Belt fejn kien sagristan maġġur u pirjol u fil-kunvent ta’ Catania, fi Sqallija, fejn għamel sena jagħti servizz fil-parroċċa mmexxija mill-patrijiet tagħna.

Fl-aħħar tliet snin u nofs ta’ ħajtu Patri Stiefnu kellu jiġi rikoverat fid-Dar tal-Kleru, Birkirkara, minħabba li saħħtu kienet iddgħajfet ħafna u kellu bżonn attenzjoni kontinwa. Fid-Dar tal-Kleru għex b’serenità kbira mingħajr qatt ma lmenta. Huwa miet fl-irqad bejn nofs il-lejl u s-2.00 ta' filgħodu tal-15 ta’ Novembru 2007. Kellu 91 sena.

Il-funeral tiegħu sar fil-knisja tal-Karmnu tal-Balluta nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru 2007 fis-2.00 ta' wara nofs inhar. Il-Quddiesa tmexxiet mill-Pirjol, P. Michael Farrugia, li għamel ukoll l-omelija. Ikkonċelebraw miegħu l-Provinċjal, P. Alexander Vella, il-Provinċjal tat-Tereżjani, P. Victor Mallia, u għadd sabiħ ta’ patrijiet tal-Provinċja tagħna. It-tislima ta’ l-aħħar ingħatat mill-Provinċjal. Il-ġisem ta’ Patri Striefnu ndifen fl-oqbra tal-Provinċja fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, Raħal Ġdid, fil-qabar nru 9A.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage