Personaġġi

Karmelitani Maltin



FRA KARM AZZOPARDI, O.Carm.

Fra Karm Azzopardi, O.Carm.Fra Karm twieled il-Belt Valletta fl-14 ta’ Marzu 1927 minn Ruġġieru u Marija mwielda Bugeja. L-għada ġie mgħammed fil-Parroċċa tal-Portu Salvu u San Duminku u ngħata l-isem ta’ Ġużeppi. Huwa tilef lill-ġenituri tiegħu meta kien għadu żgħir u ġie milqugħ fil-kunvent tal-Belt bħala postulant meta kien għad kellu biss erbatax-il sena. Fl-Ordni għall-ewwel ingħata l-isem ta’ Ġeżwinu, imma mbagħad ħa l-isem ta’ Karmenu. Wara xi snin fil-kunvent tal-Belt tela’ jagħmel in-novizzjat fil-kunvent ta’ l-Imdina, fejn għamel il-Professjoni Sempliċi fil-5 ta’ Ottubru 1947. Imbagħad reġa’ ntbagħat fil-kunvent tal-Belt fejn fit-22 ta’ Ottubru 1950 għamel il-Professjoni Solenni. Fit-2 ta’ Lulju 1987 irċieva l-Ministeru ta’ l-Akkolitat.

Minbarra s-sena tan-novizzjat, Fra Karm għadda l-ħajja reliġjuża kollha tiegħu fil-kunvent tal-Belt. Ix-xogħol tiegħu kien dak ta’ sagristan, xogħol li qdieh b’dedikazzjoni kbira u li darbtejn kien se jiswielu ħajtu. Huwa kellu mħabba kbira lejn il-Madonna tal-Karmnu u s-santwarju tagħha. Kien bniedem ferrieħi u ċajtier.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu Fra Karm marad ħafna. Għalhekk kellu jiġi rikoverat fid-Dar tal-Kleru, Birkirkara, fejn għadda ftit iktar minn erba’ snin imdawwar b’kura u attenzjoni kbira. Miet fil-ħemda tal-lejl, fl-ewwel sigħat ta’ nhar l-Erbgħa, 5 ta’ Diċembru 2007.

Il-funeral tiegħu sar fis-Santwarju Bażilika tal-Karmnu tal-Belt Valletta nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Diċembru 2007, fl-10.00 a.m. Il-Quddiesa tmexxiet mill-Pirjol, P. Martin Schembri, li għamel ukoll l-omelija. Ikkonċelebraw miegħu l-Provinċjal, P. Alexander Vella, il-Provinċjal tat-Tereżjani, P. Victor Mallia, u għadd ta’ patrijiet Karmelitani u patrijiet mill-komunitajiet reliġjużi l-oħra tal-Belt. It-tislima ta’ l-aħħar ingħatat mill-Provinċjal. Il-ġisem ta’ Fra Karm indifen fl-oqbra tal-Provinċja fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, fil-qabar nru 9E.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage