Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla


IL-QIMA U D-DEVOZZJONI LEJN
SAN ĠUŻEPP FIL-KARMELU

Waħda mil-leġgendi Karmelitani bikrija tgħid li l-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, kienet titla’ fuq l-Għolja tal-Karmelu, mir-raħal viċin ta’ Nażaret, biex jiltaqgħu ma’ l-eremiti, ulied il-Profeta Elija, li kienu jgħixu “qrib l-għajn tal-Profeta”. Din il-leġġenda ħelwa trid turi l-verità profonda tar-rabta spiritwali tal-Karmelitani mal-Familja Mqaddsa. Fil-fatt fil-Karmelu insibu mħabba speċjali lejn il-familjari u lejn dawk il-persunaġġi li huma marbutin ma’ Marija Verġni, Patruna ta’ l-Ordni: San Ġużepp, ir-raġel ta’ Marija, Santa Anna u San ġwakkin, il-ġenituri ta’ Marija u n-nanniet ta’ Ġesù. Il-Karmelitani jqimu lil San Ġużepp bħala l-Protettur Ewlieni ta’ l-Ordni, filwaqt li Santa Anna u San ġwakkin huma meqjuma bħala l-Protetturi Sekondarji. Devozzjoni u qima speċjali oħra tal-Karmelitani hija dik lejn San ġwann l-Evanġelista, id-Dixxiplu l-Maħbub li f’idejh, minn fuq is-salib, Ġesù ħalla lil Ommu Marija. Għal jum il-festa ta’ dan l-appostlu, ir-Ritwal Karmelitan kien jippreskrivi t-tberik ta’ l-inbid, sinjal tal-ferħ u l-kontemplazzjoni mistika, imsejħa wkoll is-“sakra spiritwali”.

Għalkemm wara l-Medjuevu, ma bqajniex nużaw leġġendi biex infissru r-realtà spiritwali tar-rabta tal-Karmelu mal-Familja Mqaddsa, ma nistgħux ngħidu li din ir-rabta naqset. Fil-Karmelu mal-qima u d-devozzjoni marjana, baqgħet ħajja dik lejn San Ġużepp, ir-raġel ġust li f’idejh Alla “afda l-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni sakemm kien għadu fil-bidu tiegħu”. Il-Karmelitani jqimu lil San Ġużepp bħala dak ir-raġel ġust li ddedika ħajtu għaż-żewġ imħabbiet kbar ta’ qalbu: Ġesù u Marija. Għalhekk il-Karmelitani jaraw fih mudell fl-għixien tal-vokazzjoni tagħhom, li hija proprju li jingħataw kollhom kemm huma għall-qadi ta’ Kristu u ta’ Marija. Bħalma San Ġużepp ħadem bl-għaraq ta’ xbinu u bata kemm felaħ biex jieħu ħsieb lil martu u jrabbi u jħares mill-perikli kollha, lil Ġesù afdat f’idejh. Hekk ukoll il-Karmelitan jiddedika ħajtu għal Ġesù u Marija, meqjuma mill-Karmelitani bħala s-Sidien tal-Karmelu, fl-Art Imqaddsa. Kull Karmelu, jinsab fejn jinsab, huwa meqjus bħala d-dar ta’ Marija u l-art ta’ Ġesù. San Ġużepp huwa meqjum ukoll fil-Karmelu bħala mudell ta’ kontemplazzjoni, għax f’ħajtu kellu x-xorti li jgħix f’familjarità umana u spiritwali ma’ Ġesù u Marija. Kien hu li kellu x-xorti li dejjem jgħix fil-preżenza ta’ Ġesù u Marija, kemm waqt il-mistrieħ u kemm waqt il-ħidma. Bħalu l-Karmelitan, il-ħin kollu, mhux biss waqt il-ħin tat-talb, imma wkoll fil-ħidma, moħħu jikkontempla u qalbu tħabbat bl-imħabba għal Ġesù u Marija.

Meta l-ewwel Karmelitani kellhom jaħarbu mill-Karmelu u jixterdu fl-Ewropa, ġabu magħhom id-devozzjoni lejn San Ġużepp. Għalkemm fil-Knisja tal-Lvant kienet tiġi ċċelebrata l-festa tiegħu, il-Knisja tal-Punet, ma kenitx tiċċelebra lil San Ġużepp fil-kalendarju liturġiku tagħha. Kif jixhdu l-magħruf Abbati Benedittin Johannes Trithemius (1462-1516) u l-Papa Benedittu XIV (1675-1758) “il-fehma ta’ l-istudjużi żżomm li kienu l-Patrijiet Karmelitani l-ewwel li ġabu magħhom mil-Lvant lejn il-Punent, id-drawwa ta’ min ifaħħarha, tal-kult sħiħ lejn San Ġużepp” (De Serv. Dei beatif., I/iv, 11; I/xx, 17). Bl-espressjoni “kult sħiħ”, il-Papa kien qed jifhem li l-qima lejn San Ġużepp fil-Karmelu ma kenitx biss qima devozzjonali, imma wkoll liturġika. Fil-fatt diġà fl-1480, il-Karmelitani kellhom il-liturġija proprja għall-festa ta’ San Ġużepp. It-testi liturġiċi mfassla mill-Poeta Rinaxximentali ta’ fama letterarja kbira, il-Karmelitan il-Beatu Battista Spagnoli ta’ Mantova (1447-1516), huma meqjusa bħala “l-ewwel monument tal-Knisja Latina f’ġieħ ta’ San Ġużepp”. Irridu ngħidu wkoll li d-devozzjoni lejn San Ġużepp, imsejjaħ Nutror Domini, kienet diġà tinsab f’xi postijiet. Flimkien mal-Karmelitani, Ordnijiet oħra, bħad-Dumnikani, il-Franġiskani u s-Servi ta’ Marija, għożżew u xerrdu l-qima lejn San Ġużepp. Kien il-Papa Sistu IV (1414-1484) li niżżel fil-Kalendarju Ruman id-19 ta’ Marzu bħala jum it-tifkira ta’ San Ġużepp.

Mal-medda tas-snin, fil-Karmelu, il-kult baqa’ jikber. Kien fil-Kapitlu ġenerali ta’ l-1680, li San Ġużepp ġie uffiċjalment magħżul bħala l-Protettur Ewlieni ta’ l-Ordni. Fl-istess sena, il-Karmelitani Skalzi wkoll daħħlu fil-Kalendarju liturġiku, fit-tielet ħadd ta’ l-Għid, il-festa tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp fuq il-Karmelu. Din il-festa kienet ukoll tiġi ċċelebrata mill-Karmelitani b’ottava, u l-Papa Piju IX fl-1847, imbagħad estendiha għall-Knisja kollha, b’xi tibdil fit-testi u fid-data. Ir-Riforma tal-Konċilju Vatikan II neħħiet il-festa tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp mill-Kalendarju Liturġiku Ruman waqt li l-Karmelitani ngħataw il-permess biex nhar id-19 ta’ Marzu jiċċelebrawha bit-titlu ta’ “San Ġużepp, Għarus tal-Verġni Marija u Protettur ta’ l-Ordni Tagħna”.

Kienu ħafna l-qaddisin Karmelitani li ħaddnu u xerrdu d-devozzjoni lejn San Ġużepp. Fosthom Santa Tereża ta’ Ġesù (1515-1582) li għażlet lil San Ġużepp bħala “avukat u patrun” li jħarisha u għalliem tal-ħajja tat-talb (ħajja VI, 6-8). Minn 17-il monasteru li waqqfet, 12 iddedikathom lil San Ġużepp. Qaddisin oħra bħal Santa Marija Maddalena de’ Pazzi (1566-1607) u Santa Tereża tal-Bambin Ġesù (1873-1897) kellhom qima speċjali lejn San Ġużepp. Awturi Karmelitani iktar reċenti, bħal Giovanni Brenninger (1890-1946), faħħru u xerrdu l-qima lejn San Ġużepp u l-familjarità spiritwali miegħu.

Il-qima lejn San Ġużepp fil-Karmelu kienet tidher ukoll f’xi devozzjonijiet partikulari marbutin mal-qaddis. F’kull kunvent Karmelitan, ġeneralment għandek issib ħdejn il-bieb malli tidħol xbieha ta’ San Ġużepp iħares id-dar u l-familja reliġjuża ta’ Marija. Ir-Ritwal Karmelitan imbagħad kien fih ir-rit tat-tberik tal-kuruna tar-rużarju ta’ San Ġużepp, u r-rit tat-tberik taċ-ċurkett ta’ San Ġużepp, li kien jintlibes mhux biss b’turija ta’ devozzjoni lejn san Ġużepp imma wkoll bħala sinjal tar-rabta ta’ min jilbsu ma’ Ġesù u Marija fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp.

Patri Charlo' Camilleri, O.Carm.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage