Personaġġi

Qaddisin, Beati u Qaddejja t'Alla



NIĊĊELEBRAW ELIJA U ELIŻEW

Sean O’Leary, O.Carm.

Il-Profeti Elija u EliżewElija t-Tesbi, profeta mħeġġeġ għal Alla Ħaj u Eliżew id-dixxiplu tiegħu, dak li talab l-ispirtu doppju ta’ Elija, laqa’ l-mantell tiegħu b’sinjal ta’ wirt u filjazzjoni. Il-Knisja ta’ l-ewwel sekli kienet tqim lil dawn iż-żewġ profeti figuri kbar ta’ l-Għaqda l-Qadima għax kienu mogħnija b’eżempji sbiħ ta’ virtù, u bħala mudelli x’timita.

Imsaħħra b’mod partikulari bil-wiċċ ta’ Elija hekk prestiġjuż daqs ta’ Mose’, l-ewlenin insara kienu jqisuh bħala “il-Profeta” per eccellenza. Il-qawwa tar-rakkonti bibliċi tal-Ktieb tas-Slaten jgħaġbuk bl-immaġinazzjonijiet: il-profeziji tiegħu, il-mirakli tiegħu, il-fidi qawwija u qalbiena tiegħu, il-ħajja axxetika tiegħu, li ġie meħud is-sema b’mod misterjuż u l-aħħar u mhux l-inqas – l-aħbar tal-miġja tiegħu fl-aħħar taż-żminijiet – dawn kollha jqegħduh f’post għalih. Il-preżenza tiegħu fuq it-Tabor fit-Trasfigurazzjoni tikkonferma u ssaħħah l-importanza u l-kobor tal-missjoni tiegħu.

Santu Wistin jixhed għat-twemmin li Elija jerġa’ jiġi. Huwa jkun fil-paroussia ta’ Kristu dak li kien Ġwanni l-Għammied għall-ewwel ġrajja.

Il-festa ta’ San Elija nsibuha ċċelebrata f’dati differenti f’xi komunitajiet insara: fl-14 ta’ Novembru għal Ġerusalemm, fit-3 t’April għas-Sirjaċi, wara Għid il-Ħamsin għall-Armeni. Il-profeta Elija maħbub u ffestiġġjat b’solennità kbira fil-Knejjes tal-Lvant, jekk ma kienx minsi, imma kważi minsi fil-Liturġija tal-Knejjes tal-Punent, li ma kienux miġbuda lejn il-qaddisin kbar ta’ l-Għaqda l-Qadima.

Fi żmien il-persekuzzjonijiet ta’ l-ewwel sekli, il-Knisja Latina (tal-Punent) ħarset id-drawwa li tirriserva l-kult tal-qaddisin martri u isqfijiet biss, għall-istqarrija tal-fidi tagħhom. Ukoll mhux ta’ min jistgħaġeb li l-unika festa tal-qaddisin tal-Għaqda l-Qadima u li tinsab fil-liturġija tagħha kienet dik tal-martri Makkabej, fl-1 t’Awissu!

Fis-seklu XIII, il-Karmelitani ġew joqogħdu fil-Punent. Għalkemm kienu latini, kienu rħieb ta’ tip tal-Lvant. Kellhom tradizzjoni eremitika.

Kienu solitarji, axxeti, bnedmin tad-deżert li ġabu magħhom il-wirt eljan.

Huma għamlu ħilithom biex jimxu fuq l-eżempju t’Elija u t’Eliżew billi fittxew lil Alla fis-solitudni, fis-skiet, fis-sawm, b’danakollu l-kappella tagħhom fuq il-Għolja tal-Karmelu ma kinitx dedikata lil Elija iżda lill-Verġni Mbierka.

Iżda l-ewwel Kostituzjonijiet tal-Karmelitani fis-seklu XIII, jqegħdu l-oriġini ta’ l-Ordni fil- “Profeti Elija u Eliżew abitanti devoti ta’ l-Għaqda tal-Karmel.” Infatti l-Karmelitani jagħrfu lil Elija bħala l-ewwel Fundatur tagħhom u lil Eliżew bħala s-Superjur Kbir tagħhom.

U fis-seklu XV, Jean Soreth eżorta hekk lill-aħwa: “Aħna wlied il-profeti mhux skond id-demm iżda bl-imitazzjoni ta’ l-għemejjel tagħhom. Il-Feddej tagħna qal lil-Lhud, li kienu jiftaħru li jafu l-bidu tagħhom lil Abram: “Agħmlu l-għemejjel ta’ Abram.” L-istess ngħidu lill-Karmelitani: “Agħmlu l-għemejjel ta’ Elija.”

Il-qdusija tal-Profeta kienet bil-wisq magħrufa fil-Karmelu b’danakollu l-Festa ta’ San Elija ma dehritx ħlief tard u diffiċilment fl-Ordni. Fil-Kalendarju liturġiku Karmelitan il-festa ta’ San Eliżew tippreċiedi wkoll dik ta’ San Elija kważi żewġ sekli. Il-kawża hi minħabba diversi raġunijiet storiċi u liturġiċi.

L-insara tal-Knisja tal-qedem kienu konvinti li Elija ma mietx iżda ġie meħud “il-Ġenna”, post distint mis-Sema, fejn jinsab Henoch.

Huwa jerġa’ jiġi bi prekursur tal-Paroussia, jieħu l-martirju u tlett ijiem u nofs wara jqum biex fl-aħħar jiġi meħud fil-glorja tal-beati. Kif tista’ tagħmel festa liturġika lil xi ħadd li ma mietx? Aktar u aktar meta hi tradizzjoni fil-Knisja li ġeneralment tagħmel festa lill-qaddisin fil-jum tal-mewt tagħhom “Dies Natalis.”

It-twaqqif ta’ festa lil San Elija ħolqot għalhekk problema. Kien hemm oppożizzjonijiet qawwija fl-Ordni li fixklu t-twaqqif ta’ din il-festa.

Jekk il-Bibbja (2 Sl.2.11) tgħid li Elija “tela’ s-sema f’tempesta,” hija tiddiskrivi b’mod ċar il-mewt u d-difna tal-profeta Eliżew (2 Sl. 13,20). Għalhekk bil-maqlub ta’ Elija, Eliżew seta’ jiġi ffestiġġjat bla ma tqajmu kontroversji.

Il-Kapitlu Ġenerali ta’ Firenze fl-1399 ried li ssir iċ-ċelebrazzjoni ta’ San Eliżew u ffissa d-data għal 14 ta’ Ġunju. Fl-1462, il-festa ta’ San Eliżew ġiet imdaħħla fil-Brevjar ta’ l-Ordni, hekk li għamel il-kult tiegħu Universali fil-Karmelu.

Xi Provinċji (l-Ingliterra, il-Ġermanja ….) iċċelebraw lokalment “l-axxensjoni ta’ Elija fis-17 ta’ Ġunju. Iżda kien biss fl-1551 li l-quddiesa f’ġieħ San Elija dehret għall-ewwel darba fil-Missal ta’ l-Ordni, stampat f’ Venezja.

Din il-liturġija ma ġietx milqugħa unanimament mill-Karmelitani u l-Kapitlu Ġenerali ta’ 1546 issuspendiha, żammha.

Fl-1583 il-Martiroloġju Ruman qiegħed il-festa ta’ San Elija fl-20 ta’ Lulju. Sentejn wara, fl-1585, il-Karmelitani daħluha fil-brevjar tagħhom.

Li jiġu ffestiġġjati l-Profeti Elija u Eliżew hu profondmanet karmelitan għaliex huma jispiraw il-familja tagħna spiritwali. Elija u Eliżew iddawluna bil-qawwa tal-fidi tagħhom, jiggwidawna fid-deżert, juruna li s-solitudni mwaħħda mas-skiet u s-sawm huma t-toroq tas-smiegħ tal-Mulej.

Ħsibijiet miġbura waqt konferenza ta’ Fr. Sean O’Leary, O.Carm., bil-Franċiż, f’Bourges, Lulju 1994. Miġjuba għall-Malti minn Carmel S. Carbone.


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage