Patri Avertan Fenech O.Carm.

Xi ħjiel fuq ħajtu ...
Lwiġi Fenech twieled il-Mosta fl-10 ta’ Lulju 1871, l-uniku wild ta’ Duminku u martu Marija. Trabba fl-għożża u ngħata formazzjoni nisranija soda. Fit-12 ta’ Frar 1888 daħal novizz Karmelitan fil-kunvent tal-Belt u fis-17 ta’ Frar tas-sena ta’ wara għamel il-Professjoni Sempliċi u beda jissejjaħ Fra Avertan. Fis-27 ta’ Frar 1892 għamel il-Professjoni Solenni. Sadattant kien qiegħed jistudja t-Teoloġija fil-kunvent ta’ San Ġiljan. Fil-5 ta’ Lulju 1896 ġie ordnat saċerdot, filwaqt li baqa’ fil-kunvent ta’ San Ġiljan, fejn ingħata mall-ewwel għall-qrar u d- direzzjoni spiritwali. Wara xi snin intbagħat fil-kunvent tal-Belt. Fl-1906 ntbagħat fil-kunvent tal-Imdina bħala surmast tan-novizzi. Dam 26 sena jifforma ġenerazzjoni wara l-oħra ta’ żgħażagħ fl-ispirtu tal-Ordni Karmelitan. Fit-23 ta’ Mejju 1932 P. Avertan tah attakk ta’ puplesija li ħallieh b’nofs ġismu ma jiċċaqlaqx. Għadda ħdax-il sena u nofs f’din it-tbatija, dejjem bit-tbissima fuq wiċċu u b’ħarstu mwaħħla fuq il-Kurċifiss li kellu mdendel fuq soddtu. Miet fis-skiet tal-lejl, fl-ewwel sigħat tal-1 ta’ Novembru 1943. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu fil-kripta tal-Knisja tal-Karmnu tal-Imdina. F’ħajtu P. Avertan kien meqjus bħala qaddis u wara mewtu għadd ġmielu ta’ nies jingħad li qalgħu grazzji bl-interċessjoni tiegħu.
P. Avertan kien bniedem sempliċi u umli. Kien ifittex is-skiet biex ikun jista’ jitħaddet m’Alla bla ma jaqta’. It-tbissima tiegħu kienet tixhed il-paċi ta’ qalbu. F’ħajtu m’għamel xejn speċjali, imma fittex li jgħix dejjem fir-rieda t’Alla, magħqud miegħu fit-talb. Il-mod kif ġarrab għal ħdax-il sena l-marda tiegħu jixhed l-awtentiċità u l-profondità tal-ħajja spiritwali tiegħu.
Talba
Infaħħrek, O Alla, għall-grazzji li bihom fawwart lill-qaddej tiegħek Patri Avertan Fenech. Hu fittex lilek fuq kollox u qabel kollox u għex magħqud miegħek f’ħajja ta’ talb u ġabra. Int għaddejtu mill-prova tat-tbatija u hu waħħal ħarstu fuq Kristu Msallab u baqa’ fidil sal-aħħar. Għat-talb tiegħu agħtini li bħalu nsib fik l-hena veru ta’ qalbi u, jekk inhi r-rieda tiegħek, agħtini l-grazzja li qiegħed nitolbok bl-interċessjoni tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen.
Min jaqla’ xi grazzja bl-interċessjoni ta’ P. Avertan hu mitlub jgħarraf lill-Viċi Postulatur P. Amadeo Zammit O.Carm., Kunvent tal-Karmnu, Misraħ Santa Venera, Santa Venera SVR 1681, jew lill-Patrijiet Karmelitani, Kunvent tal-Karmnu, Triq Villegaignon, Mdina MDN 1190.
