Il-Verità Teħliskom

Patri Anastasju Cuschieri O.Carm.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Patri Anastasju Cuschieri O.Carm.

Missjoni1

 

Patri Anastasju M. Cuschieri twieled il-Belt, fil-parroċċa ta’ San Duminku, fis-27 ta’ Jannar, 1876, u tliet ijiem wara għammduh u tawh l-isem ta’ Pawlu. Għalkemm Oreste Tencajoli jgħid li jum twelidu kien il-21 ta’ Jannar, wisq naħsbu li jew ħa xi żball, jew, billi ried aktar jagħtina l-valur letterarju ta’ Cuschieri, ma tantx ħabbel rasu biex jikseb informazzjoni tajba fuq jum twelidu.

Meta temm l-iskola elementari u liċeali, Cuschieri ħaddan l-Ordni Karmelitan fil-25 ta’ April, 1891. Fit-28 ta’ Awissu tas-sena ta’ wara għamel il-Professjoni Sempliċi; imbagħad bagħtuh Ruma biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija fl-Università Gregorjana. Fl-1902 illawrja fil-Filosofija. F’dik l-istess sena, ta’ ħamsa u għoxrin sena, inħatar Professur tal-Filosofija fl-Università Rjali ta’ Malta u dam professur għal tmienja u tletin sena, jiġifieri sas-sena 1939. F’dan il-qasam, jiġifieri bħala professur li minn taħt idejh kellhom igħaddu ħafna żgħażagħ, Cuschieri kellu ċ-ċans juża d-doni kbar li tah Alla. Kif għidna aktar ’il fuq, għad hawn ħafna li jiftakru ’l Cuschieri waqt xi ‘lectures’ sbieħ tiegħu. Id-dehen ta’ dal-poeta Karmelitan, imħallat mal-mod ħlejju kif jgħallem, malajr mela l-qlub tal-istudenti tiegħu b’dik il-ġibda kbira li għadha miftakra sal-lum. Tagħlimu mhux talli ma baqax biss f’gżiritna, magħluq bejn l-erba’ ħitan tal-Università tagħna, iżda talli sab ruħu mitbugħ fir-Rivista di Filosofia Neo-Scolastica ta’ Milan.

Il-ħatra ta’ Cuschieri bħala Professur tal-Filosofija ma kinitx l-unika ħatra tiegħu: kien ukoll darbtejn Provinċjal tal-Ordni tiegħu, mis-26 ta’ Novembru, 1906 sa l-14 ta’ April, 1910, u mill-1 ta’ Settembru, 1913, sas-26 ta’ Gunju,1916. Minbarra dan intgħażel darbtejn bħala Senatur mal-Gvern Nazzjonalista biex jippreżenta l-gradwati Universitarji: darba fis-sena 1927 u darb’oħra fl-1932.

Fil-15 t’Awwissu, 1959, marda qalila ħakmitu u bil-mod il-mod ħallietu paralitiku. Nhar is-17 ta’ Lulju, 1962, tawh l-aħħar Sagramenti; għall-ħabta ta’ l-għaxra-u-nofs ta’ fil-għodu ta’ tmint ijiem wara – jiġifieri l-Erbgħa, il-25 ta’ l-istess xahar – miet imdawwar minn ħafna patrijiet sħabu.

B’hekk intemmet ħajjet wieħed mill-egħref iben Malta! Iżda mhux bħala filosfu għaref, teologu studjuż, oratur kbir, storiku jew senatur, li tibqa’ tiftakru Malta. Malta tibqa’ tiftakru u tiftaħar bih l-aktar bħala Poeta Malti dehen ta’ ismu; bħala poeta li qeda l-missjoni li Alla fdalu, bħala l-akbar poeta Malti tal-Madonna u tal-Ilsien Malti.

 

Silta bijografika mid-daħla ta’ A.Degabriele għall-ġabra ta’ poeżiji ta’ Patri Anastasju Cuschieri O.Carm.