SAN ĠORĠ PRECA (1880-1962)
FUNDATUR TAS-SOĊJETÀ TAL-MUSEUM U TERZJARJU KARMELITAN

Daħla
Nhar it-3 ta’ Ġunju 2007, il-Papa Benedittu XVI iddikjara lil Dun Ġorġ Preca Qaddis. Min hu dan il-Malti bħalna li f’inqas minn ħamsin sena mill-mewt tiegħu kien rikonoxxut mill-Knisja Universali għal qdusitu? L-Ordni Karmelitan, li tiegħu Dun Ġorġ kien membru, iħossu rikonoxxenti lejn Alla għal dan id-don ġdid. Dun Ġorġ ma kienx biss il-bniedem mogħti għal Alla u għall-poplu tiegħu, imma wkoll kien iben deNn tal-Familja Karmelitana! Għaldaqstant bir-raġun kollu nifirħu, l-aktar meta niftakru li Dun Ġorġ wasal fejn wasal għax għadda qabilna mill-istess triq li qbadna aħna!
Dun Ġorġ Preca miet fil-bidu tas-snin sittin (26 ta’ Lulju 1962), lejlet il-Konċilju Vatikan II, żmien li ġab miegħu arja ġdida fil-Knisja. Minn dan il-Konċilju l-lajċi ngħataw l-istat li tassew kien jixirqilhom. Dun Ġorġ kien il-pijunier tal-appostolat tal-lajċi aktar minn ħamsin sena qabel il-Konċilju! Fiż-żernieq tas-seklu għoxrin, Dun Ġorġ ta bidu, forsi bla ma qatt immaġina l-kobor tagħha, għal opra ta’ siwi bla qies, l-aktar fil-Knisja f’Malta. Kien iż-żmien li fih bdiet tissawwar is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, magħrufa bħala MUSEUM, li huma l-ewwel ittra tal-kelmiet: “Magister, Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus”, b’ilsienna: “Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju”.
Il-qagħda soċjo-reliġjuża
Is-Soċjetà tal-MUSEUM kienet imwaqqfa fi żmien kruċjali tal-ħajja soċjali u politika tal-gżejjer tagħna. Għal aktar minn 100 sena Malta kienet kolonja tal-imperu Brittaniku; il-qagħda tagħha f’nofs il-Mediterran kienet tagħtiha importanza strateġika mhux ftit. Fil-portijiet tagħha kienet għaddejja ħidma kbira, speċjalment fit-tarzna, bix-xogħol fuq il-vapuri. Madankollu l-livell tal-ħajja tal-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni kien tassew baxx; l-analfabetizmu kien xi ħaġa komuni u l-ftit skejjel li kien hawn kienu jilqgħu biss numru żgħir ta’ żgħażagħ.
Għalkemm il-popolazzjoni kważi kollha kienet taqdi d-doveri spiritwali tagħha u n-numru tal-vokazzjonijiet reliġjużi kien numeruż, il-ħajja reliġjuża tal-poplu Malti kienet limitata l-aktar għal atti esterjuri ta’ qima, u ħafna drabi dawn kienu jieħdu karattru superstizzjuż. Il-festa tal-belt jew raħal kienet il-qofol tal-ħajja reliġjuża kollha. L-għeruq tal-fidi u t-tagħlim tal-poplu ma kinux fondi, biex hekk ikunu jistgħu jilqgħu għal kull tfixkil li seta’ jinqala’. It-tagħlim tal-katekiżmu fil-parroċċi kien responsabbiltà tal-qassisin. Il-lajċi ftit li xejn kellhom x’jagħmlu jew x’jgħidu, u dan l-aktar minħabba li ħafna drabi ma kellhomx il-preparazzjoni meħtieġa. Minħabba f’hekk beda jinħass il-bżonn ta’ xi għaqda li taħdem b’mod sistematiku fil-qasam tal-formazzjoni nisranija. Dun Ġorġ, li kien il-bniedem t’Alla li jara fil-bogħod, mhux biss induna b’dan il-bżonn imma wkoll fittex li jagħmel xi ħaġa.
Fil-ħsieb profetiku tiegħu, li għadda f’diversi aspetti lill-Konċilju Vatikan II, huwa fehem tajjeb is-sehem importanti li l-lajċi jistgħu jagħtu fil-missjoni tal-Knisja. Dan il-prinċipju, hekk ġdid u oriġinali fil-bidu tas-seklu għoxrin, kellu jkun ikkonfermat solennement fil-Kostituzzjoni Dommatika dwar il-Knisja (n.33) u fid-Digriet dwar l-Appostolat tal-Lajċi tal-Konċilju Vatikan II.
Il-bidu tal-M.U.S.E.U.M.
Fil-bidu tal-1907, ftit xhur wara l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu (22 ta’ Diċembru 1906), iż-żagħżugħ Dun Ġorġ ta bidu għall-appostolat tiegħu billi ġabar madwaru grupp żgħir ta’ ġuvintur fl-aħjar tagħhom. Bil-mod il-mod huwa żera’ f’qalbhom prinċipji nsara sodi, nissel fihom il-biża’ t’Alla u l-imħabba bla qjies li għandu lejn il-bnedmin, u xettel fihom il-ħeġġa għall-evanġelizzazzjoni ta’ ħuthom il-Maltin. Hekk huma taw bidu tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija.
Bħal kull soċjetà oħra, il-bidu ma kienx faċli u d-diffikultajiet ma naqsux. Infatti kien hemm min għajnu għokritu minnhom u ma setax jifhem il-missjoni tagħhom, u dan mhux biss fost l-istess lajċi imma wkoll fil-qasam ekkleżjastiku. Għal dak iż-żmien il-proposta ta’ Dun Ġorġ kienet avvanzata wisq. Fil-fatt kellhom jgħaddu 25 sena għall-ewwel vera approvazzjoni min-naħa tal-Isqof.
Biex iwettqu l-ħidma sfieqa tagħhom, afdata lilhom mill-fundatur, iż-żgħażagħ magħżulin minn Dun Ġorġ kellhom ikunu nies ta’ sagrifiċċju, mimlijin imħabba lejn il-proxxmu u mħejjija b’għarfien tajjeb tat-tagħlim nisrani. Il-programm ta’ formazzjoni, adattat għall-ħajja sekulari tagħhom, fost l-oħrajn kien jitlob laqgħa ta’ siegħa kull filgħaxija biex fiha jinżlu fil-fond tat-tagħlim tal-Kelma t’Alla, tat-teoloġija u tal-istorja tal-Knisja.
Dun Ġorġ kien iħobb jgħid li “ħadd ma jagħti minn dak li m’għandux”. Ghalhekk, l-ewwel u qabel kollox, il-ħidma tas-Soċjetà kellha tkun mibnija fuq il-ħajja spiritwali tal-istess membri. Fid-daħla tar-Regola, approvata mill-Isqof ta’ Malta fl-1932, il-fundatur wera ċar u tond li kull membru tal-għaqda huwa fid-dmir li jfittex il-perfezzjoni nisranija, billi jifforma ħajtu fuq Kristu Msallab. Dun Ġorġ qatt ma kellu xi dubju fuq dan il-prinċipju ewlieni tal-ministeru pastorali tiegħu: “... il-frott tal-appostolat tal-lajċi jiddependi mill-għaqda vitali tagħhom ma’ Kristu” (Digriet dwar l-Apostolat tal-Lajċi, n.4). Biex iwettqu fil-milja tagħha din l-għaqda mal-Mulej u jaqdu aħjar il-ħidma tagħhom għas-Saltna t’Alla, il-membri tas-Soċjetà jridu jkunu ċelebi. Il-ħajja tagħhom ta’ għaqda ma’ Kristu fil-Knisja tissaħħaħ bis-sehem ħaj fis-sagramenti, bil-mortifikazzjoni, biċ-ċaħda personali, bid-direzzjoni spiritwali u bit-talb magħqud max-xogħol ta’ kuljum. Għal dan l-għan Dun Ġorġ fassal manwal ta’ talb għall-membri tas-Soċjetà tiegħu mibni fuq il-Liturgija tas-Sigħat. Fih jiġbor talb qasir ħafna, meditazzjonijiet u invokazzjonijiet, li l-membri tas-Soċjetà jistgħu jitgħallmu bl-amment u jgħiduhom, jekk jista’ jkun kull kwarta (15-il minuta) waqt li jkunu qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta’ kuljum.
Sa mill-bidu tat-twaqqif tagħha, is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija qieset bħala xi ħaġa fundamentali tal-kariżma tagħha, l-edukazzjoni reliġjuża tat-tfal subien u bniet, ġuvintur u tfajliet. Għal dan l-għan il-fundatur ħa ħsieb ukoll sabiex l-għalliema tiegħu jkunu mħarrġin fi prinċipji fundamentali tal-pedagogija. Fl-istess ħin is-Soċjetà ma kelliex tinsa l-membri inqas fortunati mħollijin f’idejhom. Fil-kitbiet tiegħu Dun Ġorġ ta’ spiss ifakkar lill-katekisti li l-għan prinċipali għandu jkun il-kura spiritwali tal-individwu bla ma jitraskuraw il-bżonnijiet fiżiċi u affettivi tiegħu.
L-ispiritwalità ta’ Dun Ġorġ
Dun Ġorġ kellu l-kariżma tal-fundatur. Kien kapaċi jixrob minn diversi għejjun ta’ spiritwalità biex wara li jagħmlu tiegħu, imbagħad jgħaddih f’għamla ġdida lill-membri tas-Soċjetà tiegħu. Kitbietu juru li kien jaf tajjeb il-ħajja u t-tagħlim ta’ San Vinċenz de Paola, San Filippu Neri, San Alfons Maria de Leguori, San Franġisk t’Assisi, Sant’Ignazju ta’ Loyola, Santa Tereża ta’ Ġesù u San Ġwann tas-Salib. Fil-kreattività tiegħu kien jassimila l-ispirtu tagħhom u jwasslu fi kliem sempliċi, ħaj u oriġinali. Kien spiss jgħid: “Il-ħobż tiegħi nagħmlu mid-dqiq li nieħu mill-ixkejjer tal-oħrajn. Fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jieħu mill-istess xkora: il-Vanġelu.” Dun Ġorġ kellu l-kariżma li jaqsam il-ħobż tal-Kelma t’Alla f’biċċiet żgħar hekk li kulħadd seta’ jogħmodhom bla tfixkil u jassimilahom għall-ġid ta’ ruħu.
Ħsieb ċentrali ta’ l-ispiritwalità tiegħu kienet l-Inkarnazzjoni, il-“Verbum Dei caro factum est” (Il-Verb ta’ Alla sar bniedem). Għamel minn dawn il-kliem il-motto ta’ ħajtu u tas-Soċjetà tiegħu. Fuq l-eżempju tal-Imgħallem, Dun Ġorġ inkarna ruħu fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi, u waqt li għażel iż-żgħar, il-foqra, il-morda, il-batuti, in-nies sempliċi, li ħafna drabi huma vittma ta’ dawk li għandhom is-seta’, fittex li jħobb ’l Alla b’ruħu, b’qalbu u l-qawwa tiegħu kollha.
Biex jaqdi l-missjoni tiegħu ħafna drabi kien imur fil-ħwienet tax-xorb u b’sinjal t’umiltà kbira kien ibus is-saqajn tan-nies. Ħafna minnhom kienu jkunu ħaddiema tat-tarzna, għadhom kemm spiċcaw mix-xogħol, li kienu jiltaqgħu hemm biex jixorbu tazza nbid qabel jinġabru d-dar mal-familja. In-nies min-naħa tagħha kienet tammirah u tiġri warajh biex tisma’ l-priedki tiegħu. Kien jikkonvinċi lil dak li jkun meta kien jitkellem fuq Alla, fuq Ġesù, fuq il-Madonna, fuq l-imħabba tal-proxxmu, fuq il-maħfra tal-għedewwa u fuq il-mewt. Ma naqsux dawk li ma setgħux jifhmuh u jarawh stramb. Imma l-biċċa l-kbira tan-nies kienet tafda fih minħabba li kien sempliċi, awtentiku u bla interessi.
Dun Ġorġ, l-Ordni Karmelitan u s-Soċjetà
a) Ir-rabta tiegħu mal-Karmelitani
Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li Dun Ġorġ trabba f’ambjent kollu kemm hu Karmelitan. Twieled fit-12 ta’ Frar 1880 minn ġenituri eżemplari u devoti. Il-familja Preca, ta’ disa’ aħwa, kienet tgħix il-Belt Valletta fi Triq il-Punent, f’dar numru 53, ftit passi bogħod mis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu. Għalhekk ma jistax jonqos li sa minn ċkunitu, it-tfajjel Ġorġ ma bediex jixrob mill-ispiritwalità Karmelitana.
F’dawk iż-żminijiet, aktar minn fi żminijietna, il-ġenituri kienu jħobbu jippreżentaw lit-trabi tagħhom lill-Madonna tal-Karmnu, biex hekk ipoġġuhom taħt il-ħarsien tagħha. Għalkemm m’għandna l-ebda xhieda, żgur li l-ġenituri ta’ Ġorġ mhux biss xtaqu li binhom ikollu l-protezzjoni u l-ħarsa ħelwa ta’ Marija, imma għamlu skond id-drawwa ta’ dak iż-żmien u lil binhom Ġorġ daħħluh fil-Familja Karmelitana bil-kitba fil-Labtu tal-Karmnu. Tant hu hekk li meta kiber, Dun Ġorġ spiss kien jirrakkonta l-interċessjoni tal-Madonna li ġrat fis-16 ta’ Lulju 1885, meta hu, ta’ ħames snin, kien salvat mill-għarqa waqt li missieru kien qiegħed jitlob fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt.
Fil-ħajja nisranija tiegħu Dun Ġorġ qatt ma kien kuntent bil-ftit jew b’dak li kien biżżejjed. Minn ċkunitu dejjem libes il-Labtu, imma meta kiber ried jingħata b’aktar dedikazzjoni fl-għotja tiegħu lill-Madonna. Dan għamlu fil-21 ta’ Lulju 1918 meta nkiteb Terzjarju Karmelitan minn Patri Ċirillu Ellul O.Carm., fil-knisja l-qadima ta’ Santa Venera. Is-sena ta’ wara, fis-26 ta’ Settembru, quddiem Patri Franku Ellul O.Carm., Dun Ġorġ għamel il-professjoni tiegħu fejn għażel l-isem ta’ Franku (għall-Beatu Franku ta’ Siena, Karmelitan, li qabel iddedika ħajtu għal Alla u għall-Madonna, għex ħajja mill-agħar). Dun Ġorġ għażel l-isem ta’ dan il-Beatu minħabba li kien iżomm lilu nnifsu bħala midneb kbir, karatteristika ta’ ħafna qaddisin. Kien jaf tajjeb il-ħajja tal-Beatu Franku u fittex li jimitah fil-virtù tiegħu.
Kien iħossu verament membru tal-Familja Karmelitana tant li, diversi drabi, fil-kitbiet tiegħu kien jiffirma bħala Karmelitan billi juża’ l-isem ta’ Franku flok dak ta’ Ġorġ. Eżempju ċar ta’ dan huwa “Is-Salm ta’ Patri Franku, Karmelitan”. F’okkażjoni oħra, meta ġie biex jikteb il-ktieb Il-Lapidarju, Dun Ġorġ jibda b’dawn il-kelmiet: “Jirrakkonta l-Awtur ta’ din l-opra msejħa Il-Lapidarju li fil-ħolm deherlu San Ġwann l-appostlu ta’ Kristu u qallu: ‘Inti reliġjuż Karmelitan u għalhekk inti wieħed minn l-aħwa ta’ Marija SS.ma dejjem verġni. …..’”
Dun Ġorġ spiss kien iżur kunventi u knejjes Karmelitani biex jitlob fis-skiet jew jagħmel xi konferenza. Frott l-imħabba tieghu lejn il-Madonna tal-Karmnu bosta diretturi lokali tat-Terz Ordni kienu jistidnuh biex jagħmel konferenzi fiċ-ċentri tagħhom. Fl-1951, fiċ-ċelebrazzjonijiet tas-Seba’ Mitt Sena tal-Labtu tal-Karmnu, Dun Ġorġ ħadem bla serħan u id f’id mal-Patrijiet Karmelitani. Bħala rikonoxximent għas-sehem kbir tiegħu fit-tixrid tad-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu, fl-1952 Dun Ġorġ kien affiljat mal-Ordni Karmelitan (daqs li kieku kien wieħed mill-Patrijiet) mill-Pirjol Ġenerali, Patri Kilian Lynch.
Dun Ġorġ għex l-aħħar ftit snin ta’ ħajtu fil-Parroċċa ta’ Santa Venera mmexxija mill-Patrijiet Karmelitani. Ir-relazzjoni tiegħu mal-Karmelitani baqgħet kordjali sa l-aħħar. Qabel ma miet fid-dar li tinsab fi Triq il-Parroċċa, Dun Ġorġ kien assistit bis-sagramenti mill-kappillan, Patri Kilian Azzopardi O.Carm.
b) Dun Ġorġ u l-figuri ispiratriċi tal-Karmelu
L-Ordni Karmelitan għandu bħala għan il-mixja tiegħu wara Ġesù Kristu permezz tal-kunsilli evanġeliċi u l-valuri fundamentali tal-kontemplazzjoni, il-farternità u l-qadi tal-poplu t’Alla, fuq l-eżempju tal-Profeta Elija u ta’ Marija.
Il-Profeta Elija
Elija huwa l-profeta solitarju b’għatx klubi għal Alla, u jgħix fil-preżenza tiegħu. Huwa l-mistiku li, wara vjaġġ twil u iebes, jitgħallem jaqra s-sinjali l-ġodda tal-preżenza t’Alla. Huwa l-bniedem kontemplattiv mimli b’ħeġġa taħraq għal Alla. Bħalu, il-Karmelitan huwa l-bniedem tad-deżert li jħaddan is-solitudni bħala mezz li twasslu biex jisma’ u jilqa’ l-Kelma t’Alla.
Elija huwa l-profeta li jieħu sehem fil-ħajja tal-poplu: jiġġieled kontra l-allat foloz, imexxieh għall-fedeltà lejn l-uniku u veru Alla. Huwa juri solidarjetà mal-fqir u mal-eżiljat u jiddefendi lil dawk li jbatu minħabba l-vjolenza u l-inġustizzja (1 Slaten 17-2 Slaten 2).
L-ispirtu tal-Profeta kien tassew ħaj f’Dun Ġorġ u dan kien jidher f’dak kollu li kien jagħmel. Huwa fittex li jkabbar fis-segwaċi tiegħu ħajja ta’ għaqda m’Alla u ta’ qadi lin-nies. It-talb kien il-punt ċentrali tal-ħidma tiegħu. Matul il-ġurnata kien spiss jitwarrab biex jitlob. Kien kburi b’kunjomu “Preca”, kelma li ġejja mill-kelma Latina “preces” li tfisser “talba”: “biex ma ninsiex li għandi nkun bniedem tat-talb”. Poġġa l-manwal tat-talb ta’ kuljum tas-segwaċi tiegħu taħt il-patroċinju tal-Profeta Elija u ried li minbarra t-tifkira tal-20 ta’ Lulju (jum il-festa tiegħu), jiddedikaw kull ħames Ħadd tax-xahar lill-Profeta Elija.
Bħall-Profeta Elija, il-qalb ta’ Dun Ġorġ kienet tħeġġeġ “għal Alla tal-eżerċti” (1 Slaten 19,10). Ġera ma’ Malta kollha biex jippriedka l-imħabba u l-ġustizzja t’Alla, u biex iħeġġeġ lil kulħadd għall-konverżjoni. Ried li Alla jkun magħruf u maħbub mill-poplu kollu. L-għan tas-Soċjetà u l-istess tifsira ta’ l-isem “M.U.S.E.U.M.”, jixbah u jfakkar fil-kliem tal-Profeta Elija “ħalli jkun jaf dan il-poplu li inti Mulej, Alla” (1 Slaten 18,37). Ma kien jgħejja qatt jgħin spiritwalment u materjalment lil dawk kollha li fittxewh fil-bżonnijiet tagħhom.
Marija, Omm il-Karmelu
Imkenna mill-Ispirtu tal-Mulej, Marija hija l-Verġni tal-qalb ġdida, il-“Verġni l-aktar safja” li tat wiċċ uman lill-Verb li sar bniedem. Hija l-Verġni kontemplattiva li tisma’, timmedita u żżomm f’qalbha l-ġrajjiet u l-Kelma tal-Mulej. Hija d-dixxiplu ta’ l-Għerf, li tfittex lil Ġesù – l-Għerf t’Alla – u tħallieh jedukaha u jiffurmaha biex ikun jista’ jgħammar f’qalb li tassew tixraqlu. Hekk Marija tagħraf il-“ħwejjeġ kbar” li Alla għamel magħha għall-fidwa tal-umli u l-foqra.
Fil-Verġni Marija, Omm Alla u mudell tal-Knisja, il-Karmelitani jsibu x-xbieha perfetta ta’ dak kollu li jixtiequ u jittamaw li jkunu. Huma jfittxu li jikbru fil-qdusija billi jimitaw lil Marija, mudell ta’ kull virtù u koperatriċi fl-istorja tal-fidwa. Wara li Kristu kien imnissel fiha, Marija welditu, ħadet ħsiebu u taħt is-salib ħadet sehem miegħu fil-missjoni afdata lilu mill-Missier. Hija kkoperat fl-opra tal-Feddej, bl-ubbidjenza, bil-fidi, bit-tama u l-imħabba, biex tikseb mill-ġdid il-ħajja sopranturali għall-bnedmin kollha.
Id-devozzjoni li Dun Ġorġ kellu lejn il-Vergni Mbierka ma kinitx ġejja minn sempliċi sentimentaliżmu jew twemmin bla bażi imma minn teoloġija soda, Kristoċentrika, li minnha wasal biex jagħraf il-kobor tagħha fil-pjan tal-fidwa. Imħeġġeġ minn din il-fidi qawwija ħadem kemm felaħ, bil-kelma u bil-kitba, biex ikabbar fil-poplu vera devozzjoni lejn Omm Alla. Kellu devozzjoni lejn il-Madonna taħt diversi titli, imma l-aktar lejn il-Madonna tar-Rużarju (ir-Rużarju), il-Verġni Immakulata (il-Medalja Mirakuluża) u l-Madonna tal-Karmnu (il-Labtu).
Il-Karmelu wera l-imħabba ta’ Marija lejn il-poplu permezz tad-devozzjoni tal-Labtu, sinjal ta’ konsagrazzjoni lejha u mezz tajjeb t’evanġelizzazzjoni. Fl-appostolat tiegħu Dun Ġorġ kien spiss isemmi dan is-sinjal bħala mezz li jqarreb il-bniedem lejn Alla permezz ta’ Marija. Fil-priedki tiegħu fuq il-Madonna, Dun Ġorġ kwazi dejjem jirrakkomanda l-Labtu filwaqt li jsemmi d-dehra lil San Xmun Stock u l-privileġġi li jġib miegħu dan is-sinjal ta’ dedikazzjoni lejn Omm Alla. F’waħda mill-kitbiet tiegħu tal-1947, Dun Ġorġ jgħid: “Wieħed irid jifhem tajjeb it-tifsir tal-kliem ta’ Marija Santissma: il-Labtu huwa sinjal ta’ fratellanza magħha. X’unur huwa dan li Omm Alla tistmak bħala wieħed mill-aħwa tagħha! B’liema ħeġġa wieħed għandu jilbes il-Labtu tal-Karmnu.” Dun Ġorġ ma kienx jieqaf biss fuq is-sbuħija tal-Labtu jew fuq il-fatt estern tad-devozzjoni. Huwa dejjem insista li min jilbsu irid ifittex li ma jabbużax mill-ħarsien matern ta’ Marija u jgħix fil-grazzja. Din ir-rakkomandazzjoni tfakkarna fil-kliem ta’ Pawlu VI: “Il-qima lejn Omm Alla issir għan-nisrani okkażjoni biex jikber fil-grazzja t’Alla: dan huwa l-għan aħħari ta’ kull ħidma pastorali. Għaliex huwa impossibbli li tqim lil dik li hija ‘mimlija bil-grazzja’ (Lq 1,28) mingħajr ma tqim fih innifsu l-istat tal-grazzja, jiġifieri l-ħbiberija m’Alla, l-għaqda miegħu, l-inabitazzjoni tal-Ispirtu. Din il-grazzja timla l-bniedem kollu u tagħmlu konformi max-xbieha tal-Iben t’Alla.” (Marialis cultus, 57)
Fl-1951, fl-okkażjoni tas-Seba’ Ċentinarju tal-Labtu, il-Papa Piju XII, fl-Ittra tiegħu lill-Karmelitani fisser din id-devozzjoni bħala sinjal ta’ konsagrazzjoni tal-individwu lill-Verġni Marija. Dun Ġorġ tkellem proprju minn din “il-konsagrazzjoni” ħafna snin qabel. Meta waqqaf il-M.U.S.E.U.M., ried li l-Ħadd fuq 16 ta’ Lulju, festa tal-Madonna tal-Karmnu, il-membri tas-Soċjetà jiltaqgħu biex jitkellmu fuq is-sitt virtujiet prinċipali ta’ Marija, biex hekk jimitawha u jiddedikaw lilhom infushom lilha. Għal Dun Ġorġ, aktar minn kull ħaġa oħra, il-Labtu tal-Karmnu jfisser libsa spiritwali, dik tal-virtujiet ta’ Marija, bħalma jgħid ir-rit il-ġdid tal-Labtu maħruġ mill-Ordni Karmelitan u mill-Ordni Karmelitan Skalz fl-1996. F’waħda mill-kitbiet tiegħu “Il-qaddisin ikellmuna”, meta jitkellem dwar id-dehra ta’ San Xmun Stock, Dun Ġorġ jmmaġina lill-qaddis jgħidilna: “Ilbsu lil Marija, intom li tħobbu lil Marija.”
Bħala nisrani, u aktar bħala Terzjarju Karmelitan, Dun Ġorġ fehem tajjeb ħafna li d-dmir tiegħu ma kienx jikkonsisti biss li huwa jimita lill-Imqaddsa Verġni Marija, imma wkoll li jwassal l-imħabba materna tagħha lill-bnedmin kollha, l-aktar fir-rigal tal-Labtu tal-Karmnu. Ippriedka din id-devozzjoni bla serħan; permezz tal-Labtu daħħal mijiet ta’ nsara membri tal-Familja Karmelitana. Obbliga wkoll lill-membri tas-Soċjetà tiegħu biex jilbsuh dejjem (Regola, para. 640) u ried li huma wkoll ikunu appostli tal-Labtu Mqaddes. Ħafna minnhom, fuq l-eżempju tal-fundatur, huma wkoll Terzjari Karmelitani. Fir-Regola (parag. 453) ħalla miktub li s-soċji responsabbli mis-sajdiet parrokkjali għandhom ifittxu li jxerrdu din id-devozzjoni bil-predikazzjoni u wkoll isieħbu fil-Familja Karmelitana permezz tal-Labtu lil dawk kollha li jieħdu sehem f’dawn is-sajdiet. Barra minn hekk ried li t-tfal kollha tal-M.U.S.E.U.M., wara l-Ewwel Tqarbina tagħhom, ikunu miktubin fil-Labtu tal-Karmnu, u mqegħdin taħt il-protezzjoni materna ta’ dik li Alla nnifsu afdalha ’l Ibnu.
Dun Ġorġ kien iben denn tal-Karmelu mhux l-aktar għax kien Terzjarju Karmelitan jew inkella għax kien jilbes il-Labtu u jippriedka fuq il-Madonna, imma l-aktar minħabba li għex ħajja t’intimità u għaqda mal-Missier u fil-qadi ta’ ħutu l-bnedmin skont l-ispirtu tal-Profeta Elija u fuq l-eżempju tal-Verġni Marija.
L-Appostolat u l-preżenza tas-Soċjetà
Illum m’għadux aktar iż-żmien ta’ suspetti jew inkella ta’ rifjut tas-Soċjetà li waqqaf Dun Ġorġ, bħalma ġara fil-bidu tagħha. Għall-kuntrarju! Huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd jekk ngħidu li ċ-ċentri tal-MUSEUM għall-bniet u għas-subien illum jinsabu kważi f’kull belt jew raħal ta’ Malta u Għawdex. Id-dedikazzjoni tal-membri hija sħiħa (anke jekk matul ħajjithom iridu jaħdmu għall-għajxien tagħhom u xi kultant biex iżommu lill-ġenituri jew qrabathom). Kull ċentru huwa tas-Soċjetà u għaldaqstant l-ispejjeż tax-xiri jew manteniment tagħhom jaqa’ wkoll fuq spallejhom.
Il-formazzjoni tal-membri għadha, sal-ġurnata tal-lum, skont ix-xewqa tal-fundatur, aġġornata skont iż-żmien. Il-Konċilju Vatikan II jitlob “li l-kjerċi kollha u l-ewwel is-saċerdoti u dawk kollha, bħad-djakni u l-katekisti, li jagħtu ruħhom leġittimament għax-xogħol tal-kelma, għandhom iżommu rwieħhom dejjem magħqudin mal-Iskrittura permezz tal-qari ta’ spiss u ta’ studju tajjeb” (Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni divina, n. 25). Diġà mill-bidu, Dun Ġorġ ried li l-Bibbja tkun it-test fundamentali tal-formazzjoni tas-segwaċi tiegħu, mnejn jieħdu l-qawwa għall-fidi u l-ħajja spiritwali tagħhom. Infatti huma jitgħallmu testi bibliċi bl-amment, kapitli sħaħ, l-aktar mit-Testment il-Ġdid, u minnhom jagħmlu l-pedament tal-fidi tagħhom, tat-tagħlim li jagħtu fiċ-ċentri fejn jiltaqgħu, fil-postijiet tax-xogħol, fil-knejjes, u fis-sajdiet organizzati ma’ Malta u Għawdex kollha.
Fil-bidu tas-seklu għoxrin, in-nuqqas ta’ kotba tal-katekiżmu bil-Malti wassal lil Dun Ġorġ biex ikun ukoll pijunier tal-istampa Kattolika, hekk li kiteb aktar minn mitt opra. Ta spinta kbira biex issir l-ewwel traduzzjoni tal-Bibbja bil-Malti. Huwa fehem tajjeb l-importanza tal-qari nisrani bl-ilsien tal-poplu fit-tixrid tat-tagħlim tal-katekiżmu. Illum, is-Soċjetà tal-MUSEUM għandha l-istamperija tagħha. Id-Dar Ċentrali tas-Soċjetà hija wkoll magħrufha għall-pubblikazzjonijiet ta’ testi reliġjużi. Il-Librerija Preca, bi sħab ma’ djar oħra barranin, toħroġ bosta kotba; fiha wieħed isib ukoll l-opri kattoliċi l-aktar magħrufa u moderni bl-Ingliż, bit-Taljan u bil-Malti.
Il-ħidma tas-Soċjetà m’hijiex limitata biss għat-tagħlim tal-katekiżmu fid-diversi ċentri ta’ Malta u Għawdex. Illum hija tinsab preżenti wkoll fl-Awstralja, fis-Sudan, fil-Kenja, fl-Albanija, fil-Perù u fl-Ingilterra. Kemm f’Malta kif ukoll fis-Sudan hija tmexxi skola sekondarja kattolika. Bil-ħidma ta’ dawn il-lajċi dedikati, is-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. tat numru kbir ta’ vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali, u familji tassew eżemplari li fuqhom hi mibnija s-soċjetà Maltija.
Għeluq
Dun Ġorġ miet fl-1962 fl-età ta’ 82 sena, imma l-preżenza tiegħu u s-sehem kbir tas-Soċjetà mwaqqfa minnu għadhom jinħassu kważi fil-familji kollha ta’ Malta u Għawdex. Dun Ġorġ huwa l-qaddis ta’ żminijietna, anke jekk għex aktar minn ħamsin sena ilu. Huwa jibqa’ mfakkar għall-viżjoni profetika tiegħu. Il-limiti ta’ Dun Ġorġ ma kinux ftit, imma wieħed jibqa’ skantat kif irnexxielu jibda jdaħħal fil-Knisja ideat ġodda li madwar 60 sena wara ġew mitluba mill-Konċilju Vatikan II: l-importanza tal-Bibbja, l-użu tal-ilsien Malti, is-sehem tal-lajċi fl-evanġelizzazzjoni u fil-Knisja, u l-metodu poplari fit-tagħlim tal-katekiżmu. Għal dan kollu u għall-imħabba tiegħu lejn il-Karmelu, żgur li Dun Ġorġ jibqa’ jkun mudell ħaj fil-qalb tal-membri kollha tal-Familja Karmelitana, aktar u aktar issa li l-qdusija tiegħu ġiet rikonoxxuta mill-Knisja Kattolika u ppreżentatha bħala mudell lil dawk kollha li jinsabu fil-mixja tagħhom wara Kristu.
kitba ta’ Anthony Cilia, O.Carm.
