Il-Venerabbli Angelo Paoli, Karmelitan

Il-Venerabbli Angelo Paoli twieled f’Argigliano, fit-Toskana fl-Italja, f’familja ta’ seba’ wlied, nhar l-1 ta’ Settembru 1642, u fil-magħmudija ġie mogħti l-isem Francesco. Finanzjarjament, il-familja tiegħu kienet mhux ħażin, imma wara ftit, ma damitx m’għamlet esperjenza tal-faqar. L-ulied ħadu mingħand il-ġenituri tagħhom edukazzjoni nisranija soda.
Sa minn tfulitu, f’Angelo kienet diġà tidher l-imħabba għat-talb u għas-solitudni, l-aktar qalb il-kampanja mimlija għoljiet li jinsab fiha Argigliano. Kien ifittex ukoll postijiet xi ftit maqtugħin biex hemmhekk jitlob. Kien ukoll jgħaddi ħafna ljieli fil-kappella tas-Sagrament. Barra minn hekk, Angelo kien iħobb jaqsam ma’ sħabu l-lezzjonijiet tal-katekiżmu.
Id-devozzjoni li kellu lejn il-Madonna ħeġġitu biex isir reliġjuż Karmelitan. Fil-fatt, huwa daħal fil-kunvent ta’ Fivizzano, fejn sab ambjent li kien jaqbel max-xewqat spiritwali tiegħu. Wara ftit, ħuh Tommaso, ma damx ma mexa fuq l-istess passi ta’ Angelo, u huwa wkoll sar Karmelitan. Wara s-sena tan-novizzjat, ta’ 21 sena, Angelo għamel il-Professjoni Reliġjuża tiegħu fi Siena, nhar it-18 ta’ Diċembru 1661. Wara, huwa studja l-Filosofija u t-Teoloġija f’Pisa u f’Firenze. Nhar is-7 ta’ Jannar 1667, huwa qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fuq l-altar ta’ San Andrija Corsini, Karmelitan, fil-knisja Karmelitana ta’ Firenze.
L-ewwel parti tal-ħajja Karmelitana tiegħu, Angelo qattagħha fit-Toskana stess, fejn dar bosta kunventi u kellu l-uffiċċji ta’ surmast tan-novizzi, kappillan, sagristan u organista. Huwa qeda l uffiċċji kollha li kellu bl-imħabba, u l-istess uffiċċji kienu mmarkati bl-imħabba għat-talb u l-għaqda m’Alla, u bl-imħabba għall-foqra u għall-morda. Lin-novizzi tiegħu kien jgħallimhom dwar il-ħajja tat-talb, id-dixxiplina personali u l-osservanza regolari, u dan kien jagħmlu l-ewwel bl-eżempju, imbagħad bil-lezzjonijiet tiegħu. Bħala organista kien jemmen li x-xogħol ewlieni tiegħu kien it-talb, u sħabu r-reliġjużi qatt ma setgħu jifhmu kif kien idoqq l-orgni waqt li kien ikun għarkobbtejh jitlob! Mhux l-ewwel darba li ta dak li kellu, bħas-sodda u l-ikel, lil dawk li kellhom bżonnhom aktar minnu, u dak li kien jittallab kien jaqsmu mal-foqra, b’tama kbira fil-Providenza t’Alla.
Fl-1687, il-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Karmelitan, Pawlu ta’ Sant’Inzjazju, sejjaħlu Ruma, minħabba li beda jagħżel numru ta’ reliġjużi li jgħixu l-ħajja Karmelitana bis-serjetà, u ried jiġborhom flimkien biex ikun jista’ jibda l-osservanza reliġjuża fil-kunvent ta’ San Martino ai Monti f’Ruma. Minn hawn ’il quddiem, Angelo sar il-Karmelitan l-aktar magħruf ta’ Ruma. Bħala ekonomu tal-komunità, malajr ġie f’kuntatt ta’ mijiet ta’ foqra u mġewħin. B’fidi kbira, kien jirnexxilu jitmagħhom ilkoll, li kienu jlaħħqu mat-300 kuljum! L-appostolat tiegħu ma kienx jieqaf biss s’hawn, imma darbtejn kuljum kien iżur il-morda fl-isptar San Giovanni, u jeħdilhom l-ikel hu stess. Waqqaf ukoll sptar bħala konvalaxxenza għal dawk li kienu jkunu għadhom kif joħorġu mill-isptar, sakemm ifiequ totalment. Ma damx ma ġie msejjaħ Missier il-foqra, u dan mhux biss minn dawk li kienu jiddependu mill-karità tiegħu. Flimkien m’Angelo Paoli, ingħaqdu numru ta’ persunaġġi influwenti ta’ Ruma, bħall-kardinali, ambaxxaturi, u oħrajn, hekk li l-Papa wkoll spiċċa biex sar benefattur tiegħu. Matul ħajtu, mhux l-ewwel darba li, b’fiduċja kbira fil-Providenza t’Alla, kien jirnexxilu jitma’ mijiet ta’ nies, ukoll jekk ma kienx ikun hemm biżżejjed għal kulħadd. Minbarra l-ħidma tiegħu mal-foqra, Angelo Paoli kien ukoll konfessur u direttur spiritwali ta’ bosta.
L-appostolat tiegħu kien frott tat-talb kontemplattiv tiegħu. Mhux l-ewwel darba li kien jimmedita l-Passjoni ta’ Kristu, u l-ġibda tiegħu lejn l-istess passjoni, wasslitu biex waqqaf diversi slaleb f’diversi postijiet. Fost dawn, insemmu wieħed li għadu wieqaf sal-lum, dak fil-Kolossew. Il-pilastri tad-devozzjoni tiegħu kienu l-Ewkaristija u l-Verġni Marija. Kien isib ukoll ħin liberu biex jaħdem il-labtijiet tal-Madonna tal-Karmnu, li kien jieħu gost iqassam b’xejn.
Kien nhar is-Sibt 20 ta’ Jannar 1720, meta Angelo Paoli, imdawwar minn ħutu r-reliġjużi Karmelitani, u wara li pprepara ruħu permezz tal-aħħar sagramenti, mar jingħaqad għal dejjem ma’ dak li kien jiltaqa’ miegħu ta’ kuljum fil-foqra. Huwa jinsab midfun fil-bażilka parrokkjali tal-Qaddisin Silvestro u Martino ai Monti f’Ruma.
Fis-sena 1781, il-Papa Piju VI għaraf l-erojċità tal-virtù tal-Venerabbli Angelo Paoli. Nhar is-26 ta’ Mejju 2009, il-Kongregazzjoni Ordinarji tal-Kardinali u l-Isqfijiet, tat parir pożittiv dwar il-miraklu li seħħ bl-interċessjoni tal-Venerabbli Angelo Paoli. Il-beatifikazzjoni tiegħu se ssir nhar il-Ħadd 18 t’April 2010 fil-Bażilka ta’ San Ġwann Lateran, f’Ruma.
