Predikazzjoni

Tridu



TIFKIRA SOLENNI TAL-MADONNA TAL-KARMNU (1)

Tridu ta' P. Alexander Vella, O.Carm., bi tħejjija għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-parroċċa taż-Żurrieq 1992.

L-EWWEL JUM

Jekk hemm titlu li l-Karmelitani jħobbu jagħtu lill-Madonna żgur li hu “Omm il-Karmelu”. Iħossu li hemm bejnhom u l-Madonna rabta speċjali bħal dik bejn omm u wliedha. Imma dan mhux xi privileġġ speċjali bħallikieku aħna l-Karmelitani wlied il-Madonna aktar milli huma uliedha nsara oħra. Eżempju ċar u sinjal ħaj ta’ kif il-Madonna tħaddem il-Maternità tagħha fuq il-Knisja. Omm il-Karmelu għax Omm il-Knisja.

Jgħallimna l-Konċilju Vatikan II li l-Madonna saret Omm l-Insara dak il-waqt li saret Omm Kristu. Omm ir-Ras, Omm il-membri. Maternità li ħarġet fil-beraħ tħat is-salib u li l-Madonna bdiet tħaddem mal-ewwel: PREŻENZA FIĊ-ĊENAKLU.

Il-Lumen Gentium issemmilna tliet funzjonijiet tal-Maternità spiritwali tal-Madonna:
• tidħol għalina flimkien ma’ Kristu quddiem Alla.
• tiġbidna biex nimitaw il-virtujiet tagħha,
• b’imħabba ta’ Omm tikkopera għat-twelid mill-ġdid u l-formazzjoni ta’ wliedha.

L-esperjenza li l-Karmelu għandu tal-maternità spiritwali ta’ Marija fl-istorja tiegħu turina kif tassew Marija tħaddem dawn it-tlett funzjonijiet għall-ġid ta’ uliedha. Dan li se nippruvaw naraw f’dan it-tridu.

MARIJA TIDĦOL GĦALINA QUDDIEM ALLA

Jgħallimna San Pawl: “Wieħed hu l-Medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd.” (Tim 2,5-6). Alla ried isalvana permezz ta’ Kristu biss u waħdu “m’hemmx isem ieħor li bih tinkiseb is-salvazzjoni.” (Atti). Is-salvazzjoni mhix xi ħaġa li ksibniha darba. Kristu jibqa’ jħaddimha fina sa ma jwassalna salvi fi ħdan il-Missier (Lhud 7, 25). Ġesù t-triq li minnha ALLA ġie għandna, it-Triq li minnha naslu għandu, il-Pont li jgħaqqadna. Għalhekk kull ma nitolbu f’ismu Alla jagħtihulna (Ġw).

Il-Konċ. Vat. II waqt li jistqarr li dan it-tagħlim hu s-sies tal-fidi tagħna, jgħallimna li l-Knisja temmen li waqt li l-post ta’ Kristu fl-istorja tas-salvazzjoni tagħna jibqa’ ċentrali u meħtieġ għall-aħħar, Alla ried li Omm Ġesù tissieħeb b’mod waħdieni f’din il-ħidma tas-Salvatur, u bl-ubbidjenza tagħha, bil-fidi, it-tama u l-ħeġġa ta’ l-imħabba tagħha, hi ikkoperat miegħu biex l-erwieħ jiksbu mill-ġdid il-ħajja sopranturali.” (LG. 61)

U kif Kristu ma temmx il-ħidma tiegħu meta kien fuq l-art, imma issa li qiegħed fil-lemin tal-Missier ikompli jidħol għalina, hekk ukoll Marija li kellha sehem speċjali f’dak li għamel fuq l-art, għad għandha sehem speċjali f’dak li Kristu qed jagħmel għalina fis-sema. “Fl-imħabba tagħha ta’ Omm hija taħseb il-ħin kollu f’dawk l-aħwa ta’ Binha, li fit-triq tagħhom lejn is-sema, għadhom jitħabtu fost il-perikli u diffikultajiet … u tidħol għalina b’kull mod biex Alla jagħtina l-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni ta’ dejjem.” (LG 62).

Il-Karmelitani jagħrfu din il-funzjoni tal-Maternità spiritwali ta’ Marija: li tidħol għalina quddiem Alla, l-aktar meta jqimuha bħala PATRUNA tagħhom. L-eqdem titlu tal-Madonna fl-Ordni.

Minn fejn ġej? Il-bini ta’ l-ewwel kappella ddedikata lil Marija kienet tfisser l-għażla tagħha bħala Patruna, Sidt il-post.

Tifsira Medjevali: li huma qegħdin għas-servizz tagħha, aħna tagħha. Min-naħa tagħha obbligata tagħtina dak kollu li neħtieġu, tħarisna. Applikat għall-Madonna dan l-obbligu jfisser l-interċessjoni tagħha għal din il-familja li hi tagħha b’mod partikulari.

Ħarsien, protezzjoni, interċessjoni li l-Madonna wriethom tul il-ħajja ta’ l-Ordni u l-aktar fil-bidu tiegħu sakemm sab postu fil-Knisja.

U tkompli tagħmlu llum ukoll ma’ dawk li għax huma membri tal-Konfraternità tagħha jew iġibu fuqhom bid-devozzjoni l-Labtu tal-Karmnu, jagħmlu parti mill-familja tagħha tal-Karmelu. Il-Labtu għalina hu sinjal ta’ konsagrazzjoni lill-Madonna. Nagħrfuha bħala l-Patruna tagħna u nintelqu f’idejha, konvinti li hi taħseb fina. Id-drawwa tal-offerta tagħna nfusna lil Marija wara t-Trinità Qaddisa (Mikiel ta’ S. Wistin).

Sinjal għaliha li “jfakkarna” li aħna tagħha u hi fid-dmir li tidħol għalina quddiem Alla.

Dan hu l-patt li sar bejn il-Karmelitani u l-Patruna tiegħu, patt li tiegħu l-LABTU HU S-SINJAL.


IT-TIENI JUM

MARIJA TIĠBIDNA BIEX NIMITAW IL-VIRTUJIET TAGĦHA

Il-Papa Pawlu VI “Signum Magnum”

L-omm ma tieqafx tkun omm meta twelled, imma tkompli tmantni u teduka lil uliedha. Hekk tagħmel ukoll il-Madonna. Wara li tat is-sehem tagħha fit-twelid ġdid tagħna, issa tkompli tieħu ħsiebna, bl-interċessjoni u wkoll bl-eżempju tagħha. “Il-kelma tqanqal, l-eżempju jkaxkar.”

Il-ħlewwa u s-seħer li joħorġu mill-virtujiet l-aktar għolja ta’ l-Immakulata Omm Alla jiġbdu b’mod l-aktar qawwi l-erwieħ biex jimitaw lill-mudell divin, Ġesù Kristu, li tiegħu hi kienet ix-xbieha l-aktar li tixbħu.” (SM 3)

Mela l-Madonna ssaħħarna bil-ġmiel spiritwali tagħha u dan għax fiha l-Knisja ġa laħqet il-perfezzjoni tiegħha. Fiha naraw id-dixxiplu ta’ Ġesù fil-perfezzjoni kollha tiegħu, fiha naraw bħal f’mera ġabra tal-virtujiet kollha. Marija tuża dan is-seħer li joħroġ minnha mhux biex tħallina mitlufin quddiem il-kobor tal-ġmiel spiritwali tagħha, imma biex tedukana, biex tħajjarna nsiru nixbħuha, għax jekk il-virtujiet li nammiraw fiha huma opra t’Alla li għamel magħha ħwejjeġ kbar, fl-istess ħin huma wkoll il-frott tal-kooperazzjoni tal-Madonna mal-grazzja ta’ Alla (SM 4). Wara kollox hi bħalna bint Adam u bħalna kienet teħtieg li Kristu jifdiha. Għalhekk nistgħu nimitawha jekk irridu, għax minkejja l-kobor kollu tagħha hi bniedma bħalna.

Dan l-aspett, dan it-tieni mod ta’ kif Marija tħaddem il-maternità spiritwali tagħha: billi tħajjarna nixbħu l-virtujiet tagħha, aħna l-Karmelitani nesperimentawh l-aktar meta nsejħu lil Marija “OĦTNA”. Isem għażiż ħafna fit-tradizzjoni ta’ l-Ordni Karmelitan li dejjem ftaħar bl-isem tiegħu “Aħwa ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija ta’ l-għolja tal-Karmelu.” Lill-Madonna nsejħulha oħtna għax fi ħsiebna hi l-ewwel u l-aqwa Karmelitana, il-Karmelitana Perfetta li fiha naraw bħal f’mera dak kollu li nixtiequ u nittamaw li nkunu fil-Knisja.” M’għandniex fundatur biex infasslu ħajjitna fuq tiegħu, imma għandna idejal li tiegħu Marija hija bħal inkarnazzjoni: fiha naraw mgħix l-ideal tagħna fil-perfezzjoni kollha tiegħu.

L-idejal tal-Karmelu espress fir-Regula li tana l-Patrijarka ta’ Ġerusalemm San Albert, fil-bidu tas-seklu 13, hu l-ħajja kontemplattiva, il-ħajja ta’ talb. “Lejl u nhar jaħseb fuq il-liġi t’Alla u jishar fit-talb”. Ix-xogħol ta’ kuljum tal-Karmelitan. X’jigifieri “taħseb fuq il-liġi ta’ Alla.” Inħarsu lejn il-Madonna fil-Vanġelu ta’ Luqa. Darbtejn jgħidilna li Marija kienet iżżomm kollox f’qalbha u toqgħod tixtarru bejnha u bejn ruħha. Hu ċertu mod kif taqra l-Kelma ta’ Alla fil-Kotba Mqaddsa u f’ħajtek. Hi l-attenzjoni tal-qalb li tagħraf l-id ta’ Alla moħbija fil-ġrajjiet ta’ ħajtek u tas-soċjetà. Din il-ħajja ta’ talb għandha bħala skop l-għaqda m’Alla, personali u sħiħa b’mod li l-bniedem jibda jixtieq dak li jixtieq Alla u jinbidel fih. Bħall-għaqda taż-żwieġ, Don ta’ Alla, imma l-bniedem jista’ jiddisponi ruħu għalih l-aktar bis-safa tal-qalb: li tgħix u tagħmel kollox għal Alla waħdu, li titbattal minn kollox biex timtela bih biss.

Marija oħtna li għexet fil-milja tiegħu l-idejal tagħna ta’ għaqda ma’ Alla li meqjuma fil-Karmelu bħala l-Virgo Purissima li sa mill-ewwel waqt tat-tnissil tagħha kienet immexxiija dejjem, f’kollox, u biss mill-Ispirtu s-Santu (S. Ġwann tas-Salib).

Mhux biss naraw fiha l-idejal tagħna u għalhekk issaħħarna imma wkoll dawk il-virtujiet li wasluha hemm, l-aktar is-safa tal-qalb, il-ħajja ta’ talb, ir-rabta mar-rieda t’Alla.

Kull min jilbes il-Labtu hu veru Karmelitan li hu msejjaħ għall-istess idejal. Il-libsa – sinjal tal-virtujiet tal-Madonna li rridu nilbsu għax dak hu l-valur veru tal-Labtu. Il-Madonna mhux libsa tad-drapp trid tlibbisna, imma l-virtujiet tagħha, lilha nfisha. Inkunu Karmelitani daqskemm ikunu jidhru fina l-virtujiet tal-Madonna, daqskemm kull wieħed u waħda minna jinbidel f’Marija u jsir Marija oħra għax hi l-vera Karmelitana, l-ewwel u l-aqwa Karmelitana, “FIHA NARAW BĦAL F’MERA DAK KOLLU LI NIXTIEQU U NITTAMAW LI NKUNU FIL-KNISJA.”


IT-TIELET JUM

MARIJA TIKKOPERA FIL-FORMAZZJONI TA’ WLIEDHA

Fil-ħajja naturali nikbru taħt il-ħarsa kollha mħabba t’ommna li b’ħafna modi tgħinna nikbru – eżempju, parir, fuq kollox il-preżenza tagħha.

Il-ħajja spiritwali opra ta’ l-Ispirtu s-Santu li jkabbar fina l-grazzja li nżeregħet fina fil-Magħmudija u jagħmilna dejjem aktar nixbħu lil Kristu sa ma nieħdu s-sura tiegħu u l-Missier ikun jista’ jsib l-għaxqa tiegħu fina.

F’din il-ħajja Marija hija preżenti bħala Omm. Hi, bis-sehem speċjali tagħha fil-ħidma ta’ Kristu li salvana, ikkoperat miegħu biex aħna nsiru wlied adottivi ta’ Alla (LG 61). Issa, fil-ħajja spiritwali ta’ kull wieħed u waħda minna, tikkopera b’imħabba ta’ omm sa ma Kristu jitwieled u jikber tassew fina (LG 64,65).

Marija kienet l-istrument li l-Ispirtu s-Santu nqeda bih biex l-Iben t’Alla seta’ jsir bniedem.

Hu jnissel mill-ġdid lil Kristu fina – għax din hi l-qdusija vera li ninbidlu fi Kristu – l-Ispirtu s-Santu jerġa’ jinqeda b’Marija. Il-Beatu Titu Brandsma: aħna bħala Karmelitani msejħin biex inkunu bħal Marija “Omm Alla” li nġorru lil Kristu fina kif ġarrietu hi.

Mhux la kemm ngħidu kif taħdem Marija fil-ħajja spiritwali tagħna. Nafu li titlob għalina, li tedukana bl-eżempju tagħha. Imma barra minn hekk hi tingħaqad ma’ l-Ispirtu s-Santu biex tifforma lil Kristu fina.

Għalina l-Karmelitani dan l-aspett ta’ Maternità Spiritwali ta’ Marija għandu simbolu sabiħ fid-devozzjoni tal-Labtu. Il-libsa li minnha nfisha sinjal tal-kura u l-imħabba ta’ l-omm lejn uliedha. Fil-Bibbja Alla nnifsu hu dak li ta l-ewwel ilbies lill-bniedem: “Il-Mulej Alla għamel lil Adam u ‘l martu Eva ħwejjeġ tal-ġild u libbishomlom” (Gen 3,21) simbolu tal-kura u l-imħabba t’Alla wara d-dnub.

Il-Karmelu juża l-istess simbolu biex ifisser dak li tagħmel il-Madonna fil-ħajja spiritwali tagħna: Marija tlibbisna l-virtujiet tagħha u fuq kollox tlibbisna lil Ġesù. Il-Madonna bil-labtu tal-Karmnu f’idha qisha qed tgħidilna bi kliem San Pawl: “Ilbsu lil Kristu” li jfisser ilbsu s-sentimenti tiegħu ta’ ubbidjenza lejn Alla, ta’ mħabba lejn kulħadd, ta’ faqar, ta’ ħlewwa u sabar … Fi kliem il-Beata Eliżabetta tat-Trinità “Qed noffrilek il-labtu bħala rahan tal-barka tieghi u ta’ l-imħabba tiegħi. U fl-istess ħin sinjal tal-misteru li se jseħħ fik. Ġejja biex “Inlibbsek lil Kristu” (Gal 3,27) sabiex inti “Timxi fih” (Kol 2,6), Triq regali u mogħdija mdawla sabiex inti “Tniżżel l-egħruq tiegħek fih” (Kol 2,7) sa fil-qiegħ nett flimkien mal-Missier u ma’ l-Ispirtu ta’ l-Imħabba” (Biljett lil Madre Germana 24.09.1906)

Dan il-Madonna għamlitu ma’ ħafna Karmelitani u lil ħafna minnhom wasslithom ‘il fuq ħafna fit-telgħa tal-qdusija u għamlithom ukoll mgħallmin fit-triq tal-perfezzjoni. Ħafna minn dawn ħassewha ħafna l-preżenza ta’ Marija fil-ħajja spiritwali tagħhom. Santa Tereża tal-Bambin Ġesù gawdiet il-preżenza ta’ Marija għal gimgħa sħiħa. Santa Tereża ta’ Ġesù u Marija Maddalena de Pazzi: preżenza ta’ Marija fil-laqgħat intimi u kollha mħabba tagħhom ma’ Alla. Imma l-aktar it-Terzjarja Marija Petyt li Alla għoġbu itiha d-don ta’ l-għaqda sħiħa miegħu u mal-Madonna.

Dak li għamlet ma’ ta’ qabilna Marija trid tagħmlu magħna wkoll hi u tnewlilna l-Labtu u tistedinna nilbsu lil Binha Ġesù.

It-tliet funzjonijiet tal-maternità spiritwali ta’ Marija jidhru f’dan il-kliem li kien qal il-Papa Pawlu VI lill-Kapitlu Ġenerali ta’ l-Ordni: “Il-Verġni Mbierka twettaqkom fis-sejħa Karmelitana tagħkom; tkun Hi li tagħtikom li ttegħmu l-ħlewwa tal-ħwejjeġ spiritwali; tkun Hi li taqlgħalkom il-grazzji li bihom titilgħu t-telgħa qaddisa u iebsa biex tifhmu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn tgħaddu mill-iljieli mudlama u mill-jiem mimlija dawl, esperjenza li ħadd ma jista’ jfisser; tkun Hi li tagħtikom ix-xewqa għall-qdusija …tkun Hi li tagħmilkom xempju u aħwa fil-Knisja; tkun Hi, fl-aħħarnett, li għad ġurnata ddaħħalkom biex tgawdu lil Kristu u l-glorja tiegħu.”


© Provinċja Karmelitana Sant'Elija, Malta.
Webmaster | Homepage